Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd v Prešove (is-Slovakkja) fis-6 ta’ Ġunju 2023 – GR REAL s. r. o. vs PO u RT

(Kawża C-351/23, GR REAL)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Krajský súd v Prešove

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: GR REAL s. r. o.

Konvenuti: PO, RT

Domandi preliminari

A.    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 japplikaw għal proċedura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tressqet minn persuna (l-offerent rebbieħ) li kisbet l-aġġudikazzjoni fir-rigward ta’ proprjetà immobbli, li fiha, fl-istess ħin, ġiet introdotta wkoll kontrotalba ta’ konsumatur intiża għar-restituzzjoni tas-sitwazzjoni li tippreċedi l-aġġudikazzjoni b’irkant, meta, qabel il-bejgħ b’irkant ekstraġudizzjarju, il-konsumatur uża miżuri legali bil-għan li jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ garanzija billi talab miżuri provviżorji lill-qorti u fl-istess waqt, qabel il-bejgħ b’irkant informa lill-parteċipanti fil-bejgħ b’irkant dwar il-proċedura ġudizzjarja fis-seħħ intiża li tipprekludi l-eżekuzzjoni tal-garanzija permezz ta’ bejgħ b’irkant volontarju, iżda li minkejja l-proċedura ġudizzjarja l-bejgħ b’irkant seħħ xorta waħda?

B.    Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13//KEE għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, minn impriża li tieħu ħsieb irkant privat (iktar ’il quddiem l-“organizzatur tal-bejgħ b’irkant”), ta’ dritt ta’ garanzija fuq proprjetà immobbli ta’ konsumatur bil-għan li jiġu ssodisfatti l-pretensjonijiet tal-bank fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi

1.    ma tippermettix lill-konsumatur iqajjem b’mod effettiv, kontra l-organizzatur tal-irkant, bil-għan li jipposponi l-bejgħ b’irkant, motivi dwar in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li fuq il-bażi tagħhom qed issir il-pretensjoni tal-bank, anki jekk din il-pretensjoni tibbaża ruħha fuq il-klawżoli kuntrattwali inġusti, b’mod partikolari fuq il-klawżola kuntrattwali dwar eżiġibbiltà antiċipata,

2.    ma tippermettix lill-konsumatur jiddeżisti mill-bejgħ b’irkant tal-proprjetà immobbli tiegħu, li fiha jirrisjedi, anki jekk il-konsumatur informa lill-organizzatur tal-bejgħ b’irkant kif ukoll lill-persuni preżenti fil-bejgħ b’irkant li kienet għaddejja proċedura ġudizzjarja biex jiġu adottati miżuri provviżorji għall-kisba tal-obbligu li l-iżvolġiment tal-bejgħ b’irkant jiġi sospiż, iżda l-qorti tkun għadha ma tatx deċiżjoni definittiva dwar it-talba meta fl-istess waqt l-applikazzjoni ta’ miżura proviżorja tkun l-unika mezz sabiex il-konsumatur jikseb protezzjoni ġudizzjarja provviżorja kontra l-iżvolġiment tal-bejgħ b’irkant tal-proprjetà immobbli b’riżultat tal-klawżoli kuntrattwali inġusti,

3.    ma tippermettix lill-konsumatur, fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti preċedenti, jeżerċita b’mod sħiħ id-dritt li jirriżulta mit-traspożizzjoni tad-Direttiva 93/13/KEE u għall-kisba tal-għanijiet ta’ din id-direttiva, peress li r-regolamentazzjoni inkwistjoni tillimita l-possibbiltà li jitqajjem il-motiv ta’ invalidità tal-bejgħ b’irkant esklużivament għal tliet raġunijiet:

a.    in-nullità tal-kuntratt ta’ kostituzzjoni ta’ garanzija,

b.    ksur taż-zákon č. 527/2002 Z.z. o dobrovoľných dražbách (il-Liġi Nru 527/2002 dwar il-bejgħ b’irkant volontarju),

c.    it-twettiq ta’ reat kriminali?

C.    Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) 1 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-eżekuzzjoni ta’ garanzija fuq il-bażi ta’ klawżola kuntrattwali inġusta dwar eżiġibbiltà antiċipata ta’ dejn li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, u għaldaqstant żball fir-rigward tal-ammont tad-dejn li għandu jitħallas, tista’ tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari prattika kummerċjali aggressiva fis-sens tal-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva, u li r-responsabbiltà kemm tal-bank u tal-għanijiet tad-Direttiva 2005/29/KE japplikaw, minbarra għall-bank, ukoll għall-kumpannija li torganizza l-irkant li teżegwixxi l-garanzija?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.

1     ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86.