Language of document :

Appell ippreżentat fis-7 ta’ Ġunju 2023 minn Nouryon Performance Formulations BV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fid-29 ta’ Marzu 2023 fil-Kawża T-868/19, Nouryon Industrial Chemicals et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-353/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Nouryon Performance Formulations BV, li kienet Nouryon Industrial Chemicals BV (rappreżentanti: R. Cana, R. Spangenberg, avocats u Z. Romata, solicitor)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tad-Danimarka, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Ir-Renju tal-Isvezja u L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-868/19 fl-intier tagħha;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi fuq ir-rikors tal-appellant għall-annullament;

tikkundanna lill-intimat għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri, inklużi l-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, u dawk tal-intervenjenti.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tibbaża ruħha fuq tmien aggravji:

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-liġi billi interpretat ħażin it-Taqsimiet 8.7, 8.7.2 u 8.7.3 tal-Anness X għal REACH billi kkonkludiet li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda dover li tevalwa r-rilevanza tat-testijiet mitluba lejn il-fatti fil-każ speċifiku u naqqset milli tevalwa l-applikabbiltà tal-Artikolu 1(1), l-Artikolu 10(a), Artikolu 12(1), Artikolu 13(4) u Artikolu 41 ta’ REACH għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti fit-Taqsimiet 8.7.2 u 8.7.3 tal-Anness X għal REACH;

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-liġi billi interpretat ħażin u applikat ħażin l-istandard ta’ stħarriġ meta evalwat jekk l-informazzjoni mitluba setgħet tirriżulta f’informazzjoni rilevanti fuq is-Sustanza, li ċċaħħad lill-Appellanti mid-dritt tagħha għal rimedju ġudizzjarju effettiv;

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-liġi billi naqset li tevalwa jekk l-argumenti fuq il-fattibilità teknika tat-testijiet mitluba huma mwaqqfa;

Il-Qorti Ġenerali għawġet l-evidenza quddiemha meta evalwat jekk l-informazzjoni mitluba setgħet tirriżulta f’informazzjoni rilevanti fuq is-Sustanza;

Il-Qorti Ġenerali naqqset milli tagħti r-raġunijiet meta kkonkludiet li l-informazzjoni mitluba setgħet tirriżulta f’informazzjoni rilevanti fuq is-Sustanza;

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-liġi billi kkonkludiet li ntwera “tħassib partikolari” mill-Kummissjoni li titlob l-inklużjoni tal-koorti addizzjonali 2A u 2B għal EOGRTS;

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-liġi billi interpretat ħażin u applikat ħażin il-Kolonna 1 tat-Taqsima 8.7.3 tal-Anness X għal REACH sabiex tikkonkludi li studju DRF jista’ jintalab skont dik id-dispożizzjoni; u

Il-Qorti Ġenerali għawġet evidenza meta kkonkludiet li inqas annimali setgħu jiġu ssagrifikati jekk il-koorti 2A u 2B ma jkunux mitluba bbażat fuq ir-riżultati mill-istudju DRF u għalhekk l-oġġettivi tal-Artikolu 25(1) ta’ REACH ma jkunux injorati.

____________