Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Mestský súd Bratislava IV (ir-Repubblika Slovakka) fit-12 ta’ Marzu 2024 – AK vs RU

(Kawża C-197/24, Šiľarský 1 )

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Mestský súd Bratislava IV

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: AK

Konvenut: RU

Domandi preliminari

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali 1 kif emendata, moqri flimkien mal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 2 u mal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li (i) il-persuna fiżika li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tuża s-servizzi legali ta’ avukat bl-għan li titwaqqaf kumpannija li tagħha hija għandha ssir l-amministratriċi u waħda miż-żewġ fundaturi u soċji għandha titqies bħala “intrapriża”, u (ii) it-tranżazzjoni li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, twassal għall-provvista ta’ servizzi ta’ avukat lil tali persuna fiżika bl-għan li titwaqqaf kumpannija għandha titqies bħala “tranżazzjoni kummerċjali”?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 , kif emendata, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jinkludi wkoll il-persuna fiżika li kontriha titressaq talba għall-irkupru ta’ dejn li jirriżulta minn kuntratt għall-provvista ta’ servizzi legali, fejn is-suġġett tal-imsemmi kuntratt kien il-provvista ta’ servizzi legali bl-għan li titwaqqaf kumpannija u li l-imsemmija persuna fiżika kellha ssir l-amministratriċi u waħda miż-żewġ fundaturi u soċji tagħha?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2011, L 48, p. 1.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.