Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 taʼ April 2013 - Transworld Oil Computer Centrum et vs Eurojust

(Kawża T-192/13)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Transworld Oil Computer Centrum BV (Berg en Dal, il-Pajjiżi l-Baxxi); Transworld Payment Solutions Ltd (Bermuda); Transworld ICT Solutions Ltd (Bangalore, l-Indja); Transworld Oil USA, Inc. (Houston, l-Istati Uniti tal-Amerka); Bermuda First Curaçao Ltd (Bermuda), u Johannes Christiaan Martinus Augustinus Maria Deuss (Bermuda) (rappreżentant: T. Barkhuysen, avukat)

Konvenut: Eurojust

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni konfermatorja tal-Eurojust tat-2 ta' Frar 2013;

tordna lill-Eurojust jiddeċiedi mill-ġdid, fuq il-bażi tat-talba konfermatorja tal-31 ta' Diċembru 2012, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Eurojust għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura ta' rikors u għall-ispejjeż marbuta mat-talba konfermatorja.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-argument li l-Eurojust ma eżaminax ir-raġunijiet legali kollha invokati mir-rikorrenti.

It-talba għal informazzjoni tal-4 ta' Ottubru 2012 u t-talba konfermatorja għal informazzjoni tal-31 ta' Diċembru 2013 huma bbażati fuq diversi bażijiet, fosthom fuq l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fuq l-Artikoli 8(2), 41(2) u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389). Minkejja dan, fid-deċiżjoni kkontestata, l-Eurojust ibbaża ruħu biss fuq ir-regoli dwar l-aċċess għal dokumenti stabbiliti minnu stess. Il-Eurojust, b'mod żbaljat, naqas milli jevalwa r-raġunijiet l-oħra invokati mir-rikorrenti.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-argument li l-adozzjoni tad-deċiżjoni konfermatorja hija vvizzjata b'nuqqas u li l-motivazzjoni tagħha hija wkoll ivvizzjata.

Il-Eurojust jirrifjuta li jagħti l-informazzjoni mitluba billi jirreferi għall-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tar-regoli dwar l-aċċess għal dokumenti tiegħu stess. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata l-Eurojust ma jispjegax, jew jispjega b'mod insuffiċjenti, għalfejn u sa fejn dawn l-eċċezzjonijiet japplikaw għall-każ ineżami.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-argument li l-eċċezzjonijiet "sakemm tkun pendenti l-investigazzjoni nazzjonali" u "ġlieda kontra l-kriminalità serja", li jinsabu fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tar-regoli dwar l-aċċess għal dokumenti tal-Eurojust, ġew applikati b'mod żbaljat.

Ir-rikorrenti jsostnu li għandhom suspett raġonevoli u ġustifikat li awtorità inkwirenti aġixxiet b'mod illegali fil-kuntest ta' investigazzjoni (preliminari) kriminali. Sabiex jipprovaw aħjar dan is-suspett huma kienu, fost oħrajn, ressqu talba għal informazzjoni quddiem il-Eurojust. Dan tal-aħħar isostni li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata sa fejn għadha pendenti investigazzjoni (preliminari) ġudizzjarja. Skont ir-rikorrenti, Eurojust qiegħed jinvoka dawn l-eċċezzjonijiet b'mod żbaljat u mingħajr motivazzjoni suffiċjenti.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq l-argument li l-eċċezzjoni "privatezza u integrità tal-persuni", li tinsab fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tar-regoli dwar l-aċċess għal dokumenti tal-Eurojust, ġiet applikata b'mod żbaljat.

Eurojust la sostna u lanqas argumenta li d-dokumenti mitluba fihom informazzjoni personali dwar terzi. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li dokument ikun fih data personali ma jimplikax neċessarjament preġudizzju għall-ħajja personali jew għall-integrità tal-persuna. Id-dikjarazzjonijiet eventwali ta' uffiċjali, li ma jsirux f'kapaċità personali, ma jistgħu f'ebda każ jikkostitwixxu raġuni sabiex ma tiġix żvelata l-informazzjoni mitluba.

Sa fejn huma implikati l-integrità u l-privatezza ta' persuna, il-Eurojust kien imissu eżamina jekk u sa fejn id-dokumenti mitluba - jekk meħtieġ f'verżjoni kunfidenzjali tagħhom jew parzjalment - setgħux xorta waħda jiġu kkomunikati. Il-Eurojust lanqas ma wettaq dan l-eżerċizzju u dan l-aġir ma huwiex ġustifikat.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-argument li l-eċċezzjoni "effetti tar-regoli applikabbli fil-każ ta' ksur tas-sigriet professjonali", li tinsab fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tar-regoli dwar l-aċċċess għal dokumenti tal-Eurojust, ġiet applikata b'mod illegali.

Ir-riferiment għal din l-eċċezzjoni ma huwiex motivat. Ir-rikorrenti jsostnu li ma ġewx informati dwar liema regoli dwar il-kunfidenzjalità huma applikabbli u jikkontestaw il-fatt li japplikaw regoli dwar l-aċċess li jipprekludu l-komunikazzjoni tad-dokumenti mitluba.

____________