Language of document : ECLI:EU:C:2021:293

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fil‑15 ta’ April 2021 (1)

Kawża C882/19

Sumal, S.L.

vs

Mercedes Benz Trucks España, S.L.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Impriża – Kunċett– Unità ekonomika – Azzjoni għad-danni intiża kontra s-sussidjarja tal-kumpannija ssanzjonata mill-Kummissjoni għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet”






1.        Fit-talba għal deċiżjoni preliminari suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiċċara jekk ir-responsabbiltà ċivili għad-dannu riżultanti minn prattika antikompetittiva tistax tiġi invokata, mill-persuna li ssostni li sostnietu, fil-konfront tas-sussidjarja tal-kumpannija li pparteċipat fil-prattika msemmija u ġiet, għal din ir-raġuni, issanzjonata mill-Kummissjoni b’deċiżjoni li ma tikkonċernax lis-sussidjarja, skont il-premessa li dawn il-kumpanniji jikkostitwixxu “entità ekonomika”.

2.        Kif inhu magħruf, it-teorija tal-unità ekonomika hija kkonsolidata tajjeb fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, fejn ġiet użata sabiex tiġi ssanzjonata l-kumpannija omm għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarji tagħha, permezz ta’ forma ta’ proċess “axxendenti” li minn dawk sekondarji jasal sal-ewwel waħda. Fil-kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju l-kwistjoni, pjuttost, hija d-determinazzjoni ta’ jekk l-istess kunċett ta’ “unità ekonomika” jistax jiġġustifika proċess “dixxendenti” ta’ imputazzjoni ta’ responsabbiltà, li fit-tmiem tiegħu s-sussidjarja twieġeb għad-danni kkaġunati mill-aġir antikompetittiv tal-kumpannija omm.

3.        It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kontroversja bejn Sumal SL (iktar ’il quddiem “Sumal”) u Mercedes Benz Trucks España SL (iktar ’il quddiem “MBTE”) bl-għan tal-kumpens għad-danni allegatament sostnuti preċedentement minħabba l-parteċipazzjoni ta’ Daimler AG (iktar ’il quddiem “Daimler”), il-kumpannija omm ta’ MBTE, f’akkordju bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

I.      Il-fatti, il-proċedura prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

4.        Bejn l‑1997 u l‑1999 Sumal, appellanti fil-proċedura prinċipali, akkwistat, permezz ta’ kuntratt ta’ kiri, żewġ trakkijiet tal-grupp Daimler minn MBTE, appellata fil-proċedura prinċipali, permezz ta’ Stern Motor S. L., il-konċessjonarja.

5.        Fid‑19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-deċiżjoni finali C(2016)4673 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (2) (iktar ’il quddiem: id-“deċiżjoni tal‑2016”), li fiha kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE li inkluda, fost affarjiet oħra, ftehimiet kollużivi bejn il-produtturi prinċipali ta’ trakkijiet, fosthom Daimler, dwar l-istabbiliment tal-prezzijiet u dwar iż-żidiet tal-prezzijiet grossi tal-karrijiet fiż-ŻEE, li seħħew, fir-rigward ta’ Daimler, bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u t‑18 ta’ Jannar 2011.

6.        Sumal ippreżentat azzjoni għad-danni fil-konfront ta’ MBTE quddiem il-Juzgado de lo Mercantil n. 7 de Barcelona (il-Qorti tal-Kummerċ Nru 7 ta’ Barcelona, Spanja), fejn talbet il-ħlas tas-somma ta’ EUR 22 204.35 għad-danni riżultanti mill-ksur tar-regoli tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni kkonstatat permezz tad-deċiżjoni tal‑2016, li tagħhom iżżommha responsabbli fil-kwalità tagħha bħala kumpannija sussidjara ta’ Daimler. MBTE opponiet għad-domanda billi eċċepixxiet, inter alia, l-assenza ta’ kwalità ta’ konvenuta peress li l-unika responsabbli għall-ksur kellha tkun Dailmer, li għandha personalità ġuridika distinta minn tagħha.

7.        Permezz tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, il-Juzgado de lo Mercantil n. 7 de Barcelona (il-Qorti tal-Kummerċ Nru 7 ta’ Barcelona) ċaħdet ir-rikors, billi ċaħdet il-kwalità ta’ konvenuta tal-konvenuta minħabba l-fatt li Daimler kienet l-unika persuna ġuridika kkonċernata bil-proċediment amministrattiv sanzjonatorju miftuħ mill-Kummissjoni li kellu bħala suġġett l-akkordju li fuqu kienu bbażati l-pretensjonijiet ta’ kumpens ta’ Sumal.

8.        Din ippreżentat appell mis-sentenza tal-Juzgado de lo Mercantil n. 7 de Barcelona (il-Qorti tal-Kummerċ Nru 7 ta’ Barcelona) quddiem l-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja), il-qorti tar-rinviju. Din il-qorti tindika li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ppronunzjatx ruħha dwar il-kwistjoni jekk azzjoni għad-danni li tressqet fuq il-bażi ta’ deċiżjoni li permezz tagħha ġie kkonstatat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, adottata mill-Kummissjoni jew minn awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni, tistax tkun intiża kontra kumpannija mhux ikkonċernata minn din id-deċiżjoni iżda kompletament miżmuma mill-kumpannija li, f’din id-deċiżjoni, ġiet indikata bħala l-awtriċi tal-ksur. Hija tenfasizza li l-ġurisprudenza nazzjonali hija diverġenti dwar dan il-punt. Ċerti qrati Spanjoli jammettu possibbiltà bħal din fl-applikazzjoni tat-“teorija tal-unità ekonomika”, filwaqt li oħrajn jiċħduha fuq il-bażi tal-kunsiderazzjoni li din it-teorija, jekk tippermetti l-imputazzjoni tar-responsabbiltà ċivili għall-aġir antikompetittiv ta’ sussidjarja lill-kumpannija omm, ma tippermettix l-operazzjoni bil-maqlub fin-nuqqas ta’ kontroll mill-ewwel waħda tat-tieni waħda.

9.        F’dan il-kuntest l-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona) issospendiet il-proċedura u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“It-teorija tal-unità ekonomika li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stess, tiġġustifika l-estensjoni tar-responsabbiltà tal-kumpannija omm lis-sussidjarja jew tali teorija tapplika biss sabiex testendi r-responsabbiltà tas-sussidjarji lill-kumpannija omm?

Għall-estensjoni tal-kunċett ta’ unità ekonomika fil-qasam tar-relazzjonijiet intragrupp għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni esklużivament fatturi ta’ kontroll jew huwa wkoll possibbli li din l-estensjoni tkun ibbażata fuq kriterji oħra, b’mod partikolari l-fatt li s-sussidjarja setgħet tibbenefika mill-atti li jikkostitwixxu l-ksur?

Fl-ipoteżi fejn ikun possibbli li tiġi estiża r-responsabbiltà tal-kumpannija omm lis-sussidjarja, għal liema kundizzjonijiet hija suġġetta din il-possibbiltà?

Fl-ipoteżi fejn ir-risposta għad-domandi preċedenti tkun favorevoli għar-rikonoxximent tal-estensjoni tar-responsabbiltà lis-sussidjarji għal atti mwettqa mill-kumpanniji omm, leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 71(2) tal-Ley de Defensa de la Competencia (Il-Liġi ta’ Protezzjoni tal-Kompetizzjoni [iktar ’il quddiem il-“LDC” (3)]) li tipprevedi biss il-possibbiltà ta’ estensjoni tar-responsabbiltà tas-sussidjarja lill-kumpannija omm u dan dejjem sakemm tkun teżisti sitwazzjoni ta’ kontroll tal-kumpannija omm fuq is-sussidjarja, hija kompatibbli ma’ din il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea?”

10.      MBTE, il-Gvern Taljan u dak Spanjol u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-proċedura skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din stiednet lill-partijiet fil-proċedura prinċipali u l-partijiet ikkonċernati skont l-Artikolu 23 tal-Istatut sabiex iwieġbu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet. Sumal, MBTE, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni kkonformaw ma’ din il-miżura. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li tirrinunzja għas-seduta inizjalment stabbilita għall‑1 ta’ Diċembru 2020 u li tagħmel lill-partijiet u lill-partijiet ikkonċernati mistoqsijiet ulterjuri għal tweġiba bil-miktub. Sumal, MBTE, il-Gvern Spanjol u dak Taljan u l-Kummissjoni wieġbu dawn il-mistoqsijiet.

II.    Analiżi

A.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

11.      MBTE teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għal żewġ raġunijiet.

12.      Minn naħa, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tikkonformax mal-ħtiġijiet previsiti mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li ma tinkludi la espożizzjoni tal-fatti rilevanti, li ġew iddeterminati mill-qorti tar-rinviju, lanqas espożizzjoni taċ-ċirkustanzi li fuqhom huma bbażati d-domandi preliminari, iżda hija limitata għal riproduzzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-partijiet fil-proċedura prinċipali. Id-deċiżjoni tar-rinviju finalment tagħti stampa impreċiża, parzjali u mhux eżatta tal-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti (4).

13.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi kumplessi (5). F’din il-kawża, kuntrarjament għal dak li ssostni MBTE, il-preżentazzjoni, fid-deċiżjoni tar-rinviju, tal-fatti fil-bidu tal-kontroversja prinċipali huwa suffiċjenti sabiex jesponi r-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tifformula l-ewwel tliet domandi preliminari u sabiex tifhem il-portata. Din il-preżentazzjoni ppermettiet ukoll lill-partijiet u lill-partijiet ikkonċernati fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar dawn id-domandi.

14.      Huwa madankollu differenti d-diskors dwar ir-raba’ domanda preliminari. Fil-fatt, minn naħa, kif sostnut minn MBTE fil-kuntest tal-ewwel motiv tal-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-kontenut tal-Artikolu 71(2) tal-LDC – estrapolat ukoll mill-kuntest sistematiku li fih jinsab – huwa riprodott fil-qosor biss fl-att tal-formulazzjoni tar-raba’ domanda preliminari (6). Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda indikazzjoni la dwar l-interpretazzjoni li l-qorti tar-rinviju tagħti lil din id-dispożizzjoni lanqas dwar ir-raġunijiet li għalihom din tqis li d-dispożizzjoni msemmija hija inkompatibbli ma’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jikkonsisti fl-eżerċizzju fil-konfront tas-sussidjarja ta’ azzjoni għad-danni riżultanti mill-aġir antikompetttiv tal-kumpannija omm (7).

15.      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-eċċezzjoni tal-inammissibiltà mqajma minn MBTE u bbażata fuq in-nuqqas ta’ osservazzjoni tar-regoli previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda fir-rigward tal-ewwel tliet domandi preliminari u milqugħa fir-rigward tar-raba’ domanda preliminari.

16.      MBTE ssostni, min-naħa l-oħra, li d-domandi preliminari magħmula mill-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona) huma purament ipotetiċi. L-ewwel tliet domandi ma għandhom l-ebda rabta mal-fatti tal-proċedura prinċipali, peress li Sumal ma invokatx u ma ppruvatx ċirkustanzi idonei sabiex jiġġustifikaw l-estensjoni lil MBTE tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Daimler, iżda tibbaża l-azzjoni tagħha esklużivament fuq id-deċiżjoni tal‑2016.

17.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima fil-kawża prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex disponibbli l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (8).

18.      F’din il-kawża, jeħtieġ li jiġi osservat li l-ewwel tliet domandi preliminari jirrigwardaw l-ammissibbiltà, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ azzjoni għall-kumpens bħal dik ippreżentata minn Sumal kontra MBTE u intiża mhux fil-konfront tal-kumpannija ssanzjonata mill-Kummissjoni għall-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni, iżda fil-konfront tas-sussidjarja, li ma kinitx is-suġġett tad-deċiżjoni tal-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur. Il-fatt li, kif issostni MBTE, sabiex tinvoka r-responsabbiltà tagħha għad-danni riżultanti mill-aġir antikompetittiv tal-kumpannija omm tagħha, Sumal illimitat ruħha li tinvoka d-deċiżjoni tal‑2016 ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tal-imsemmija domandi preliminari, peress li dawn jimmiraw preċiżament li jiksbu mill-Qorti tal-Ġustizzja ċċarar dwar il-possibbiltà li tiġi kkonfigurata responsabbiltà bħal din u b’liema kundizzjonijiet (9). L-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà tal-ewwel tliet domandi preliminari bbażata fuq in-natura pjuttost ipotetika tagħhom, għalhekk għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda.

B.      Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda preliminari

19.      Permezz tal-ewwel tliet domandi preliminari, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk sussidjarja tistax titqies responsabbli għal ksur tar-regoli antitrust tal-Unjoni mwettqa mis-sussidjarja tagħha fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “unità eknomika” u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, x’inhuma l-kundizzjonijiet sabiex responsabbiltà bħal din tkun tista’ tiġi rrikonoxxuta.

20.      Dawn id-domandi saru, kif intwera, fil-kuntest ta’ azzjoni għall-kumpens tat-tip “follow-on”, jiġifieri azzjoni intiża li tikseb kumpens għad-danni kkawżati minn ksur tar-regoli antitrust preċedentement ikkonstatat minn awtorità tal-kompetizzjoni, nazzjonali jew Ewropea. F’din il-kawża, tali valutazzjoni tinsab fid-deċiżjoni tal‑2016. Ir-rikorrenti fil-proċedura prinċipali ppreżentat azzjoni fil-konfront ta’ MBTE, il-prinċipal tal-kontroparti kuntrattwali tagħha fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ karrijiet li seħħ fil-perijodu ta’ operazzjoni tal-akkordju ssanzjonat minn din id-deċiżjoni, billi kkunsidrat lilha nnifisha ppreġudikata miż-żieda fil-prezzijiet indotta minnu, li wasslet għall-applikazzjoni minn MBTE ta’ primjum ta’ 20 % fil-kuntest ta’ dan il-bejgħ (10). L-azzjoni li tressqet minn Sumal jidher li hija bbażata fuq il-kundizzjoni unika tal-parteċipazzjoni fl-akkordju mill-kumpannija omm ta’ MBTE, li ġiet ikkonstatata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal‑2016.

21.      MBTE tinvoka, b’mod prinċipali, li, meħuda inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-azzjoni li tressqet fil-konfront tagħha minn Sumal, l-interpretazzjoni tat-teorija tal-unità ekonomika b’mod li testendi għaliha r-responsabbiltà ta’ Daimler hija kuntrarja għall-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 (11). Fuq bażi subordinata, hija ssostni li t-teorija tal-unità ekonomika ma tippermettix estensjoni tar-responsabbiltà b’mod dixxendenti kif sostnuta mill-qorti tar-rinviju. Sumal u l-Gvern Taljan u dak Spanjol jissuġġerixxu minflok lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta interpretazzjoni estensiva tat-teorija tal-unità ekonomika li tippermetti r-rikonoxximent, f’kundizzjonijiet iddeterminati, tar-responsabbiltà tas-sussidjarja għad-dannu riżultanti mill-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mwettqa mill-kumpannija omm. Il-Kummissjoni inizjalment sostniet li, fil-kuntest tal-applikazzjoni pubblika tar-regoli antitrust, ma huwiex possibbli skont il-prinċipju, fl-istat attwali tal-ġurisprudenza, li tiġi estiża għas-sussidjarja r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-kumpannija omm, peress li l-ewwel waħda ma teżerċita l-ebda influwenza determinati fuq l-aġir tat-tieni waħda fis-suq, minkejja li ma huwiex eskluż li l-vittma ta’ prattiki antikompetittivi mwettqa mill-kumpannija omm tista’ teżerċita azzjoni għal kumpens fil-konfront ta’ waħda mis-sussidjarji, fil-każ ta’ suċċessjoni bejn l-impriżi jew ristrutturazzjoni, fejn teżisti kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ persuni, jiġifieri, skont il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli, meta l-kumpannija omm responsabbli ma jkollhiex beni li kapaċi jissodisfaw il-pretensjonijiet ta’ kumpens tar-rikorrenti. Fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni biddlet parzjalment il-pożizzjoni tagħha, billi ssuġġerixxiet risposta għall-ewwel tliet domandi preliminari fis-sens li l-Artikolu 101 TFUE ma huwiex oppost għall-imputazzjoni tal-aġir illegali tal-omm lis-sussidjarja meta ż-żewġ kumpanniji jagħmlu parti mill-istess impriża u l-qorti nazzjonali tikkonstata li l-aġir tas-sussidjarja huwa marbut ma’ element kostituttiv tal-ksur jew, fi kwalunkwe każ, meta ż-żewġ kumpanniji jagħmlu parti mill-istess impriża u jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli għall-persuni ppreġudikati sabiex jiksbu direttament mill-kumpannija omm il-kumpens integrali għad-dannu sostnut.

22.      Minkejja n-natura ġdida tad-domandi preliminari magħmula mill-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona), inqis li dawn jistgħu jiġu solvuti fuq il-bażi ta’ indikazzjonijiet meħuda mill-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “entità ekonomika”. Għalhekk huwa mill-eżami ta’ din il-ġurisprudenza li għandna nieħdu l-indikazzjonijiet.

1.      Dwar kunċett ta’ impriża fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u dwar it-“teorija tal-unità ekonomika”

23.      Fid-dritt tal-Unjoni l-kunċett ta’ “impriża” jassumi sinjifikat u portata inerenti għal-leġiżlazzjoni li fiha tinsab u għall-għanijiet li tfittex din il-leġiżlazzjoni. Fid-dritt tal-kompetizzjoni, in-natura funzjonali tal-kunċett ta’ “impriża” għandha tinftiehem minn żewġ aspetti.

24.      Minn naħa, kif enfasizzat mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda AOK Bundesverband et, dan il-kunċett “[j]ibbaża fuq it-tip ta’ attività mwettqa, u mhux fuq il-karatteristiċi tal-atturi ta’ dik l-attività” (12). Il-kompetizzjoni hija kkostitwita u influwenzata minn attivitajiet ekonomiċi u, għalhekk, id-dritt li jimmira li jipproteġiha jista’ jkun kompletament effiċjenti biss jekk ir-regoli u l-projbizzjonijiet tiegħu japplikaw għal entitajiet ekonomiċi. Għal din ir-raġuni l-Artikoli 101 u 102 TFUE jagħmlu riferiment f’termini ġeneriċi għall-“impriżi”, u jeskludu kwalunkwe riferiment għall-istruttura ġuridika tagħhom. Jekk attività għandha natura ekonomika, dawk li jwettquha huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-artikoli, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħhom jew mil-leġiżlazzjoni u mill-modalitajiet ta’ finanzjament li tagħhom kienu suġġetti fi Stat Membru partikolari (13).

25.      Min-naħa l-oħra, il-kwalifikazzjoni ta’ attività bħala waħda ekonomika – u għalhekk ta’ organu bħala impriża – għall-għan tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, tiddependi mill-kuntest eżaminat (14). Bl-istess mod, l-identifikazzjoni tal-entitajiet li jaqgħu ġewwa l-konfini tal-impriża tiddependi mill-kuntest tal-ksur ikkontestat (15).

26.      Minħabba n-natura funzjonali tal-kunċett ta’ “impriża” aċċettata fil-ġurisprudenza u l-irrilevanza tal-forma ġuridika tal-organu li jwettaq l-attività ekonomika, diversi entitajiet ġuridikament indipendenti jistgħu jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu impriża unika, fejn jaġixxu fis-suq bħala “unità ekonomika” unika.

27.      It-teorija tal-“unità ekonomika” ġiet elaborata fis-snin 70 u intużat mill-Qorti tal-Ġustizzja kemm sabiex teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-attwali Artikolu 101 TFUE l-akkordji intragrupp (16), kif ukoll sabiex jiġi imputat lill-kumpannija omm, fl-intern ta’ grupp ta’ kumpanniji, l-aġir antikompetittiv ta’ kumpannija sussidjarja tagħha, inizjalment f’sitwazzjonijiet fejn kienet tiġi eċċepita l-inkompetenza tal-Kummissjoni sabiex tissanzjona lil din tal-aħħar, billi ma tkunx aġixxiet direttament fl-intern tal-Komunità.

28.      Fis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni (17) (iktar ’il quddiem is-sentenza “ICI”), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet issanzjonat il-kumpannija omm tal-grupp ICI stabbilita ’il barra mill-Komunità li, bl-invokazzjoni tas-setgħa direttiva tagħha fil-konfront tas-sussidjarji tagħha bis-sede tagħhom fil-Komunità, kien irnexxielha tapplika ż-żiediet fil-prezz deċiżi fil-kuntest ta’ prattika miftiehma li hi biss kienet ipparteċipat fiha (18). Għall-oġġezzjoni ta’ din il-kumpannija li skontha l-ksur kellu jiġi imputat lis-sussidjarji biss, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet li ċ-ċirkustanza fejn is-sussidjarja “għandha personalità ġuridika distinta minn dik tal-kumpannija omm ma hijiex biżżejjed sabiex teskludi l-possibbiltà li din tal-aħħar tinsab responsabbli għall-aġir tal-ewwel waħda, fejn is-sussidjarja, minkejja li għandha personalità ġuridika distinta, ma tiddeċidix b’mod awtonomu x’għandu jkun l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment id-direttivi mogħtija lilha mill-kumpannija omm” (19). F’dawn il-kawżi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imputazzjoni tal-attività tas-sussidjarja lill-kumpannija omm kienet possibbli fid-dawl tal-unità tat-totalità iffurmata minn dawn l-entitajiet distinti (20).

29.      Mill-ewwel formulazzjonijiet tagħha, it-teorija tal-unità ekonomika ġiet sostnuta mill-ġdid b’mod kostanti mill-Qorti tal-Ġustizzja li progressivament spjegat u ppreċiżat kemm il-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din it-teorija – anki lil hinn mill-kuntest ta’ gruppi ta’ kumpanniji (21) – kif ukoll il-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ entità ekonomika, billi ċċarat b’mod partikolari li din id-determinazzjoni ssir fid-dawl tal-konnessjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi interkonnessi bejn l-entitajiet ikkonċernati (22), varjabbli minn każ għal ieħor u mhux elenkabbli b’mod eżawrjenti (23). Applikata b’mod regolari mill-Kummissjoni, it-teorija tal-unità ekonomika saret element kardinali tal-attività tad-determinazzjoni u ripressjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

30.      Fil-preżenza ta’ unità ekonomika bejn entitajiet li jappartjenu għall-istess grupp, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet, kif intwera, mis-sentenza ICI, l-imputabbiltà għall-kumpannija omm tal-aġir antikompetittiv tas-sussidjarja, u r-responsabbiltà solidali tagħhom għall-ħlas tal-multa relattiva, kemm fil-każ ta’ kontroll dirett, u fil-każ fejn, fl-intern tal-grupp, il-kontroll tal-kumpannija omm jitwettaq permezz ta’ kumpannija intermedjarja li żżomm min-naħa tagħha l-kumpannija li wettqet il-ksur (24).

31.      Iktar minn hekk, fil-każ fejn il-kumpannija omm iżżomm, direttament jew indirettament, il-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat, minn naħa, li din tal-ewwel tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tat-tieni waħda, li tista’ ċċaħħad lil din tal-aħħar minn awtonomija reali ta’ aġir fis-suq (25), u, min-naħa l-oħra, li teżisti preżunzjoni sempliċi li skontha l-kumpannija omm effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq (26) (iktar ’il quddiem: il-“preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti”). F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi deċiż li ż-żewġ kumpanniji huma responsabbli solidalment għall-multa imposta huwa għalhekk suffiċjenti li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija omm, sakemm din tal-aħħar, li għandha l-obbligu li taqleb din il-preżunzjoni, ma tipproduċix elementi suffiċjenti ta’ prova idonei sabiex juru li s-sussidjarja tagħha ġġib ruħha b’mod awtonomu fis-suq (27). Il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija applikata sistematikament mill-Kummissjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ġie estiż mill-Qorti tal-Ġustizzja anki għall-każijiet ta’ kontroll indirett, almenu fejn dan tal-aħħar jiġi eżerċitat permezz ta’ katina mhux interrotta ta’ proprjetà tal-kapital kollu (jew kważi kollu) (28), u reċentement, għal każijiet fejn il-kumpannija omm, anki jekk ma hijiex proprjetarja tal-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja, għandha d-drittijiet kollha tal-vot assoċjati mal-ishma ta’ din tal-aħħar (29), billi ċċarat, f’dan is-sens, li mhux biss il-konnessjonijiet kapitalistiċi li fuqhom bħala tali hija bbażata din il-preżunzjoni, iżda l-livell ta’ kontroll tal-kumpannija omm fuq is-sussidjarja tagħha (30). Minkejja li huwa diffiċli twarrabha, il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma għandhiex natura assoluta bl-għan li tiżgura bilanċ bejn l-għan li jikkonsisti fit-trażżin ta’ aġir kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni u sabiex dan l-aġir ma jerġax iseħħ u l-eżiġenzi ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħal, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, ta’ individwalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali (31).

2.      Fuq il-bażi tar-responsabbiltà “axxendenti” tal-kumpannija omm għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarja

32.      Fil-kuntest deskritt iktar ’il fuq jeħtieġ li nistaqsu liema hija eżattament il-bażi ġuridika tar-responsabbiltà tal-kumpannija omm għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarja tagħha, li magħha, għall-għan tad-dritt tal-kompetizzjoni, hija tifforma entità ekonomika unika.

33.      Fuq eżami preliminari tal-ġurisprudenza, żewġ risposti jidher li huma, fil-prinċipju, possibbli.

34.      Minn naħa, jinsabu fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja diversi passaġġi li minnhom jidher ippruvat li l-fattur deċiżiv għall-għan tal-imputazzjoni lill-kumpannija omm tar-responsabbiltà għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarja huwa l-eżerċizzju min-naħa tal-ewwel waħda ta’ influwenza determinanti fuq it-tieni waħda, li jikkorrispondi għal nuqqas ta’ awtonomija fl-aġir fis-suq ta’ din tal-aħħar, li tillimita ruħha essenzjalment li ssegwi d-direttiva mogħtija lilha mill-għoli. Skont l-espressjoni użata b’mod essenzjalment invarjat f’diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, sa mis-sentenza AEG “l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm din ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent” (32). F’dan is-sens, il-kumpannija omm li lilha jiġi imputat l-aġir ta’ ksur tas-sussidjarja tagħha hija personalment ikkundannata għal ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni li titqies li wettqet hija stess, minħabba l-influwenza determinanti li hija eżerċitat fuq is-sussidjarja u li tippermettilha li tiddetermina l-aġir ta’ din tal-aħħar fis-suq (33).

35.      Min-naħa l-oħra, fil-ġurisprudenza jinsabu diversi elementi oħra li jimmilitaw fis-sens li hija l-eżistenza stess ta’ unità ekonomika li tiddetermina r-responsabbiltà tal-kumpannija omm għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi enfasizzat li s-separazzjoni formali bejn iż-żewġ entitajiet, li tirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom, ma teskludix l-unità fl-aġir tagħhom fis-suq (34) u, għalhekk, li dawn jikkostitwixxu unità ekonomika, jiġifieri impriża unika, bl-għan li japplikaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni. Anki jekk il-kunċett funzjonali ta’ impriża ma jeħtieġx li l-unità ekonomika jkollha hi stess personalità ġuridika (35), il-ġurisprudenza tirrikonoxxilha madankollu tip ta’ suġġettività distinta u awtonoma fir-rigward ta’ dik tal-entitajiet li jikkostitwixxuha, li hija sovrapposta għall-personalità ġuridika li jista’ jkollhom dawn l-entitajiet. Għalhekk, sa mis-sentenza Akzo, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżitatx tiddefinixxi l-unità ekonomika bħala “entità” kapaċi li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni u li “twieġeb għal dan il-ksur” (36). Minn din il-perspettiva, il-fattur deċiżiv għall-għan tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-kumpannija omm għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarja għalhekk huwa l-aġir unitarju tagħhom fis-suq (37), li jgħaqqad flimkien f’unità ekonomika waħda diversi entitajiet indipendenti.

36.      Nosserva, sa minn issa, li l-adozzjoni ta’ waħda mid-diversi perspettivi indikati fil-punti preċedenti tikkundizzjona s-soluzzjoni tal-kwistjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

37.      Fil-fatt, jekk il-bażi tar-responsabbiltà tal-kumpannija omm għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarja hija l-influwenza determinanti li tal-ewwel eżerċitat fuq it-tieni waħda, huwa impliċitament irrikonoxxut li dan l-aġir huwa b’xi mod rikonduċibbli għall-kumpannija omm, mhux tant fis-sens li din ipparteċipat direttament, xi ħaġa li hija stabbilita li ma seħħitx (38), iżda fis-sens li għamlet dan l-aġir possibbli, jew permezz ta’ influwenza attiva fuq dan jew permezz tal-ommissjoni tal-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ diskrezzjoni u ta’ kontroll. Jekk tintagħżel din il-perspettiva, ma għandux ikun hemm spazju sabiex tiġi kkonfigurata responsabbiltà tas-sussidjarja għall-aġir antikompetittiv tal-kumpannija omm, jekk l-ewwel waħda ma teżerċita, bħala definizzjoni, l-ebda influwenza determinanti fuq it-tieni waħda.

38.      Bil-maqlub, jekk il-bażi tar-responsabbiltà konġunta tal-kumpannija omm u tas-sussidjarja hija l-unità ekonomika li taġixxi bħala impriża unika fis-suq, mela ma hemmx raġunijiet loġiċi għalfejn għandu jiġi eskluż li l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà tista’ sseħħ mhux biss billi wieħed isegwi proċess axxendenti, kif seħħ fil-każijiet deċiżi sa issa mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda anki billi ssegwi proċess dixxendenti. Jekk ir-responsabbiltà konġunta hija bbażata fuq l-unità tal-azzjoni fis-suq, il-partijiet kollha li jagħmlu parti minn din l-unità jistgħu, fil-preżenza ta’ kundizzjonijiet iddeterminati, jintalbu jirrispondu għall-aġir antikompetittiv materjalment imwettaq minn waħda minnhom.

39.      L-għażla bejn iż-żewġ perspettivi hija kkumplikata minħabba li, fil-public enforcement tad-dritt tal-kompetizzjoni, minħabba n-natura kważi-penali tas-sanzjonijiet imposti, jidħlu inkwistjoni ċerti prinċipji fundamentali, l-ewwel fosthom, il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, u t-tieni korollarju tiegħu li l-ħtija hija preżunta mill-impożizzjoni ta’ sanzjoni u l-identifikazzjoni tar-responsabbiltà (“nulla poena sine culpa”) (39). L-identifikazzjoni tal-bażi ġuridika tar-responsabbiltà konġunta tal-kumpannija omm u tas-sussidjarja għall-aġir antikompetittiv ta’ din tal-aħħar għandha għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġi rrispettat dan il-prinċipju.

40.      Għar-raġunijiet li sejjer nesponi sussegwentement, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssegwi t-tieni waħda mill-perspettivi indikati iktar ’il fuq, li, kif intwera u kif sejjer nuri aħjar sussegwentement, diġà ġiet milqugħa fil-parti l-kbira fil-ġurisprudenza.

41.      F’dan ir-rigward, huwa utli li nirriflettu dwar is-sinjifikat tal-kunċett ta’ “influwenza determinanti” u dwar ir-rwol li ġie attribwit lilha fl-ekonomija tar-raġunament li wassal il-ġurisprudenza sabiex tirrikonoxxi l-imputabbiltà tal-kumpannija omm għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarja.

42.      Hija, kif intwera, il-Kummissjoni, fejn tixtieq issostni r-responsabbiltà tal-kumpannija omm, li għandha tikkonstata li din hija kapaċi teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja u li din l-influwenza ġiet effettivament eżerċitata (40), bla preġudizzju għall-invokazzjoni tal-preżunzjoni sempliċi msemmija fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

43.      Għal dan l-għan, ma hijiex meħtieġa l-prova ta’ relazzjoni ta’ “influwenza speċifika” li, direttament jew indirettament, tirrigwarda l-aġir illegali. Ir-responsabbiltà tal-kumpannija omm, mhux biss ma tiddependix mill-konstatazzjoni tal-implikazzjoni tagħha fil-ksur (41), iżda lanqas mill-wiri tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja kkwalifikat bħala kuntrarju għad-dritt tal-kompetizzjoni. Lanqas ma jirriżulta li ġew adottati istruzzjonijiet partikolari b’riferiment għall-aġir inkriminat (42) jew li l-kumpannija omm astjeniet milli teżerċita b’mod adegwat is-setgħat tagħha ta’ direzzjoni u kontroll sabiex tevita dan l-aġir (43). L-analiżi dwar l-eżistenza ta’ influwenza determinanti ma għandhiex ukoll tiġi evalwata fuq il-bażi tal-uniċi elementi relatati mal-politika kummerċjali stricto sensu tas-sussidjarja fis-suq (44), b’mod li ma huwiex neċessarju li jiġi kkonstatat l-involviment tal-kumpannija omm fil-ġestjoni kummerċjali tas-sussidjarja (45). Kif sostnut mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża li rriżultat fis-sentenza Akzo (46), politika kummerċjali unika tista’ tirriżulta indirettament mit-totalità tar-rabtiet ekonomiċi u legali bejn kumpannija parent u kumpannija sussidjarji tagħha – xi ħaġa li l-Qorti tal-Ġustizzja tatha dejjem iktar rilevanza fl-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza –, billi l-influwenza tal-kumpannija omm fuq is-sussidjarji tagħha fir-rigward, pereżempju, tal-istrateġija tal-impriża, tal-politika kummerċjali, tal-pjanijiet operattivi, tal-investiment, tal-kapaċità, tal-għoti finanzjarju jista’ jkollha riperkussjonijiet indiretti fuq l-aġir tas-sussidjarji stess u tal-grupp tal-kumpanniji kollu fis-suq (47). Dan jassumi rilevanza kbira fis-sitwazzjonijiet ta’ kontroll kollu jew kważi kollu fejn, kif intwera, tapplika l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti (48). Jekk huwa minnu li l-kumpannija omm tista’ tirbaħ din il-preżunzjoni billi tipprovdi elementi ta’ prova idonei li juru li hija ma tiddeterminax il-politika kummerċjali tas-sussidjarja inkwistjoni fis-suq, din il-prova hija konkretament estremament diffiċli li ssir (49) – anki jekk il-preżunzjoni tibqa’ fi ħdan limiti aċċettabbli (50) – b’mod li, fil-preżenza ta’ proprjetà tal-ishma kollha jew kważi kollha, fil-fatt, il-kumpannija omm hija kważi ċertament mitluba twieġeb għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarja.

44.      Minn dak li jippreċedi jirrżulta li, għall-għan tal-imputazzjoni lill-kumpannija omm tar-responsabbiltà għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarja suġġetta għall-influwenza determinanti tagħha, dak li jgħodd huwa r-“relazzjoni ġenerali” li hemm bejniethom bħala persuni ġuridiċi li jikkomponu impriża unitarja skont id-dritt tal-kompetizzjoni (51). Bħala sommarju, kif osservat l-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża li rriżultat fis-sentenza Akzo, il-kwistjoni deċiżiva hija “jekk il-kumpannija parent, minħabba l-intensità tal-influwenza tagħha, tistax tidderieġi l-aġir tas-sussidjarja tagħha b’mod li t-tnejn ikollhom jitqiesu li huma unità ekonomika waħda” (52). Din il-konklużjoni ssib konferma espressa fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li diversi drabi ppreċiżat kif, fil-preżenza ta’ entità ekonomika unitarja bħal din, il-fatt li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi ma huwiex neċessarjament relazzjoni ta’ instigazzjoni bejn il-kumpannija omm u s-sussidjarja, fejn il-kumpannija omm tinstiga l-ksur, u lanqas, a fortiori, l-involviment tal-kumpannija omm fl-imsemmi ksur, iżda pjuttost l-fatt li l-kumpanniji kkonċernati jikkostitwixxu impriża unika (53).

45.      Isegwi li l-bażi tar-responsabbiltà tal-kumpannija omm għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarja tinsab fin-natura unika tal-azzjoni ekonomika, ta’ tali suġġetti, jiġifieri fl-eżistenza ta’ unità ekonomika unika.

46.      Peress li din il-bażi hija kompletament indipendenti minn kwalunkwe tort tal-kumpannija omm (54), l-uniku mod sabiex din tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju tar-responsabbiltà personali huwa li jiġi kkunsidrat li dan il-prinċipju jopera fil-livell tal-impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, jiġifieri fil-livell tal-entità ekonomika li minħabba nuqqas tagħha wettqet il-ksur (55). Din l-entità, bħala persuna ekonomika li taġixxi unitarjament fis-suq, hija responsabbli minħabba li waħda mill-komponenti tagħha aġixxiet b’mod li kisret ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni (56). Madankollu, billi din l-entità ma għandhiex personalità ġuridika, il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu jiġi imputat lil entità waħda jew iktar, b’mod konġunt, li fil-konfront tagħhom jkunu jistgħu jiġu imposti multi (57). Fil-fatt, għalkemm ir-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni huma intiżi għall-impriżi u huma immedjatament applikabbli għalihom, irrispettivament mill-organizzazzjoni jew forma ġuridika tagħhom, madankollu min-neċessità tal-effettività tal-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni intiża sabiex tipprevjeni u tissanzjona l-ksur għandha tkun indirizzata lil suġġetti persuni konkreti li huwa possibbli li teżegwixxi fil-konfront tagħhom sabiex tikseb il-ħlas tal-multa relattiva (58).

47.      Għandu għal darba oħra jiġi osservat li jekk, kif interpretata iktar ’il fuq, it-teorija tal-unità ekonomika tippermetti li r-responsabbiltà għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tiġi attribwita għall-impriża bħala persuna unitarja, dan jipprevali viżjoni ekonomika tar-relazzjonijiet bejn il-komponenti ta’ grupp ta’ kumpanniji fuq viżjoni purament ġuridika – li fuq il-bażi tagħha kull kumpannija tikkostitwixxi persuna distinta li twieġeb biss għall-azzjonijiet jew ommissjonijiet tagħha –, hija żżomm madankollu ekwilibriju bejn it-tneħħija tal-velu tal-personalità ġuridika li viżjoni bħal din neċessarjament tinvolvi u l-osservanza tad-drittijiet tal-persuni li jikkomponu l-impriża (59). Huwa minn din il-perspettiva li, billi enfasizzat il-kunċett funzjonali ta’ impriża fid-dritt tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala manifestament infondati l-kritiċiżmi tat-teorija tal-unità ekonomika bbażati fuq il-kunflitt ikkonstatat mal-prinċipju tal-awtonomija tal-persuni ġuridiċi u mar-responsabbiltà limitata tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju (60). Inżid ukoll, minn naħa, li l-prinċipju tal-awtonomija tal-persuni ġuridiċi ma huwiex inderogabbli u jikkoeżisti, fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati membri u f’kuntest internazzjonali (61), mal-idea ta’ unità ekonomika tal-grupp u, min-naħa l-oħra, li hemm diversi teoriji li huma bbażati fuq it-tneħħija tal-velu tal-personalità ġuridika bl-għan li jinvokaw ir-“responsabbiltà tal-impriża” fir-rigward tal-komponenti ta’ grupp ta’ kumpanniji, kif ukoll il-gwidi duttrinali li jimmilitaw favur iċ-ċaħda tar-responsabbiltà limitata fl-intern tal-gruppi ta’ kumpanniji (62).

3.      Mit-teorija tal-unità ekonomika għar-responsabbiltà “dixxendenti” tas-sussidjarja għall-aġir antikompetittiv tal-kumpannija omm

48.      In-natura unika tal-azzjoni fis-suq ta’ diversi impriżi u l-influwenza determinanti tal-kumpannija omm isiru, fir-rikostruzzjoni ssuġġerita iktar ’il fuq tat-teorija tal-unità ekonomika, mhux tant żewġ bażijiet alternattivi tar-responsabbiltà tal-kumpannija omm iżda żewġ passaġġi loġikament neċessarji fil-proċess tal-attribuzzjoni tar-responsabbiltà ta’ aġir antikompettiv.

49.      L-ewwel pass huwa l-konstatazzjoni tal-influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq is-sussidjarji. It-tieni passaġġ konsegwenzjali huwa d-determinazzjoni ta’ unità ekonomika unika. L-influwenza determinanti hija kundizzjoni neċessarja sabiex ikun hemm unità ekonomika, jiġifieri impriża unika fis-sens funzjonali.

50.      Wara dawn iż-żewġ passaġġi jsegwi terz: l-attribuzzjoni tal-obbligi relattivi fir-rigward tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u tar-responsabbiltà talli ġew miksura minħabba nuqqas tal-impriża unitarja hekk identifikata, riżultanti minn diversi persuni ġuridiċi distinti.

51.      L-aħħar passaġġ jinkludi l-allokazzjoni konkreta tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-impriża għall-entitajiet uniċi li jikkomponuha, li, billi għandhom personalità ġuridika, jistgħu jkunu fiċ-ċentru ta’ imputazzjoni ta’ din ir-responsabbiltà u jsostnu l-konsegwenzi relattivi f’termini finanzjarji.

52.      F’dan il-mudell rikostruttiv tal-unità ekonomika ma hemmx raġunijiet loġiċi għalfejn għandu jiġi eskluż li l-allokazzjoni tar-responsabbiltà tista’ topera mhux biss f’sens “axxendenti” (mis-sussidjarja għall-kumpannija omm), iżda anki f’sens “dixxendenti” (mill-kumpannija omm għas-sussidjarja).

53.      Jekk il-ġurisprudenza għadha sal-lum ma rrikonoxxietx din il-possibbiltà, madankollu wieħed jista’ jsib xi sinjal f’dan is-sens. Hekk, ċerti sentenzi tal-Qorti Ġenerali, fosthom is-sentenza reċenti Biogaran vs Il‑Kummissjoni, li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għaliha, jidher li kkunsidraw l-ammissibbiltà ta’ attribuzzjoni ta’ responsabbiltà f’sens dixxendenti fid-dawl tal-kunċett ta’ “unità ekonomika” (63). B’mod partikolari, fis-sentenza Biogaran, li kontriha attwalment hemm pendenti appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (64), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra sussidjarja u kumpannija omm bħala responsabbli in solidum għall-ksur ikkontestat, riżultat parzjalment mill-aġir tal-ewwel waħda u parzjalment mill-aġir tat-tieni waħda, minkejja li s-sussidjarja tallega n-nuqqas ta’ għarfien tagħha dwar l-atti tal-kumpannija omm (65). Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-responsabbiltà in solidum hija ġġustifikata minħabba li l-aġir rispettiv flimkien wassal għat-twettiq tal-ksur (66) u li, fejn hija l-Kummissjoni li għandha turi l-konoxxenza, tas-sussidjarja, tal-aġir tal-kumpannija omm għall-imputazzjoni tal-ksur lill-grupp, il-kunċett ta’ unità ekonomika jirriżulta kompromess (67). Il-kundizzjoni għall-imputazzjoni lill-komponenti kollha tal-impriża tad-diversi għamliet ta’ aġir li jikkostitwixxu ksur u li flimkien jikkostitwixxu akkordju tiġi ssodisfatta, skont il-Qorti Ġenerali, meta kull komponent tal-impriża jkun ikkontribwixxa għall-implimentazzjoni tiegħu, anki jekk b’mod issubordinat, aċċessorju jew passiv (68). Huwa interessanti wkoll li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, f’dawn il-kundizzjoniijet, il-Kummissjoni ma pproċedietx għal imputazzjoni tar-responsabbiltà lis-sussidjarja għall-aġir antikompetittiv tal-kumpannija omm, iżda għall-imputazzjoni tal-aġir kollu ta’ dawn il-persuni kollha lill-unità ekonomika li minnha jagħmlu parti (69).

4.      Il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tar-responsabbiltà solidali tas-sussidjarja għall-aġir antikompetittiv tal-kumpannija omm

54.      Liema kundizzjonijiet għandhom jiġu rrispettati sabiex ikun possibbli li jiġi imputat solidalment lill-kumpannija omm u lis-sussidjarja l-aġir antikompetittiv tal-ewwel waħda?

55.      Sabiex nirrispondi għal din id-domanda jeħtieġ għal darba oħra li jsir riferiment għall-kunċett funzjonali ta’ impriża li jinkludi persuni ġuridikament distinti, li joperaw b’mod unitarju fis-suq fejn iġibu ruħhom bħala persuna ekonomika unika.

56.      Fejn hija kwistjoni ta’ konstatazzjoni ta’ din in-natura unika ta’ aġir fis-suq għall-għan tal-imputazzjoni lill-kumpannija omm tal-aġir antikompetittiv tas-sussidjarji, l-uniku element li huwa rilevanti huwa l-eżerċizzju mill-ewwel waħda ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tat-tieni waħda. Pjuttost, fejn hija inkwistjoni l-imputazzjoni lis-sussidjarji tal-aġir antikompetittiv tal-kumpannija omm (rectius l-imputazzjoni ta’ dan l-aġir lill-unità ekonomika li minnha jagħmlu parti u d-dikjarazzjoni tar-responsabbiltà konġunta tagħhom għal dan l-aġir) huwa, iktar minn hekk, neċessarju li dawn is-sussidjarji jkunu ħadu sehem fl-attività ekonomika tal-impriża diretta mill-kumpannija omm li materjalment wettqet il-ksur.

57.      Fi kliem ieħor, fil-każ ta’ responsabbiltà axxendenti, li fih is-sussidjarji jadottaw aġir antikompetittiv fil-kuntest ġenerali tas-setgħa ta’ influwenza tal-kumpannija omm, tali setgħa hija suffiċjenti kemm sabiex tiġi identifikata unità ekonomika kif ukoll sabiex tiġi bbażata r-responsabbiltà konġunta tal-kumpannija omm. Fil-każ oppost, ta’ responsabbiltà dixxendenti, fejn hija l-kumpannija omm li wettqet il-ksur, in-natura unika tal-attività ekonomika tirriżulta – apparti mill-influwenza determinanti eżerċitata mill-ewwel waħda – mill-fatt li l-attività tas-sussidjarja hija, b’xi mod, neċessarja għat-twettiq tal-aġir antikompetittiv (pereżempju minħabba li s-sussidjarja tbigħ il-prodotti suġġett tal-akkordju) (70). Peress li l-kunċett funzjonali ta’ impriża bħala entità ekonomika jeħtieġ b’mod konkret l-aġir ta’ diversi entitajiet ġuridiċi fis-suq, il-konfini eżatti tiegħu huma indikati preċiżament b’riferiment għall-attivitajiet ekonomiċi li dawn l-entitajiet iwettqu u għar-rwol li huma għandhom fl-intern tal-grupp ta’ kumpanniji: minn naħa, l-influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija omm, min-naħa l-oħra, l-attività tal-kumpannija jew kumpanniji omm oġġettivament neċessarja sabiex tikkonkretizza l-prattika antikompetittiva.

58.      Għalhekk jekk sussidjarja, anki f’każ li tkun proprjetarja tal-ishma kollha jew kważi kollha, twettaq attività lil hinn mill-kuntest ekonomiku li fih il-kumpannija li żżommha tkun adottat l-aġir antikompetittiv inkunu ninsabu ’l barra mill-kunċett “funzjonali” ta’ impriża, bil-konsegwenza li ma jistax ikun hemm responsabbiltà konġunta tal-ewwel waħda għall-aġir antikompetittiv tat-tieni waħda.

59.      Il-kriterji li jippermettu l-konstatazzjoni ta’ responsabbiltà bħal din huma għalhekk differenti minn dawk li jippermettu l-imputazzjoni lill-kumpannija omm tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji. Dak li ma huwiex essenzjali għall-għan tal-ewwel operazzjoni jista’ jkun għall-għan tat-tieni waħda. Għalhekk, pereżempju, jekk, sabiex tiġi rrikonoxxuta responsabbiltà axxendenti, il-ġurisprudenza ma tikkunsidrax neċessarja l-prova li l-kumpannija omm tinfluwenza l-politika tas-sussidjarja fil-qasam speċifiku suġġett tal-ksur, bil-maqlub, għall-għan tar-rikonoxximent ta’ responsabbiltà dixxendenti huwa determinanti li s-sussidjarja topera fl-istess qasam li fih il-kumpannija omm wettqet l-aġir antikompetittiv u li, permezz tal-aġir tagħha fis-suq, għamlet possibbli l-konkretizzazzjoni tal-effetti tal-ksur (71).

5.      Estensjoni tal-interpretazzjoni ssuġġerita għall-kuntest tal-“private enforcement”

60.      L-azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huma parti integrali mis-sistema tal-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli (72).

61.      Fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt irrikonoxxut għal min jitlob kumpens għad-dannu kkawżat minn akkordju jew minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE jiżgura l-effikaċja sħiħa ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari l-effettività tal-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiegħu (73). Dan id-dritt isaħħaħ, fil-fatt, in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa tali li jiskoraġġixxi l-ftehimiet jew il-prattiki, ħafna drabi moħbija, li jistgħu joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (74).

62.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, fin-nuqqas ta’ regola tal-Unjoni dwar il-kwistjoni, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu li jirriżulta minn akkordju jew minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, hija madankollu ppreċiżat li l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-entità li għandha tikkumpensa d-dannu kkawżat minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE hija direttament irregolata mid-dritt tal-Unjoni (75).

63.      Fis-sentenza Skanska, b’riferiment għas-sentenza Akzo, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-kunċett funzjonali ta’ impriża huwa l-istess kemm fil-“public” u fil-“private enforcement” u jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (76).

64.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, billi ċaħdet l-argumenti kuntrarji sostnuti mill-Kummissjoni, li, peress li r-responsabbiltà għal dannu li jirriżulta minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija ta’ natura ratione personae, hija l-impriża li tikser dawn ir-regoli li għandha tagħmel tajjeb għal dan u li, għalhekk, “l-entitajiet li għandhom jikkumpensaw id-dannu kkawżat minn akkordju jew minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE huma l-impriżi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li pparteċipaw f’dan l-akkordju jew f’din il-prattika” (77).

65.      Minħabba dan il-parallelliżmu, fl-istess sentenza Skanska, il-Qorti tal-Ġustizzja estendiet anki f’kuntest ċivili, għall-azzjonijiet għad-danni ta’ dannu riżultanti mill-ksur tal-projbizzjoni ta’ akkordji antikompetittivi, l-hekk imsejħa teorija tal-“kontinwità ekonomika”, diġà rrikonoxxuta mill-ġurisprudenza fil-kuntest tal-“public enforecement”, li fuq il-bażi tagħha meta entità li tkun wettqet ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tkun is-suġġett ta’ tibdil legali jew organizzattiv, dan it-tibdil ma għandux neċessarjament bħala effett li joħloq impriża ġdida ħielsa mir-responsabbiltà tal-aġir li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tal-entità preċedenti jekk, mil-lat ekonomiku, hemm identiċità bejnha u bejn l-entità l-ġdida (78).

66.      Minħabba l-istess parallelliżmu, inqis li l-portata tal-kunċett ta’ unità ekonomika li wasalt għaliha f’dawn il-konklużjonijiet tapplika mhux biss meta l-Kummissjoni tindividwa l-konfini tal-impriża responsabbli għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-persuni ġuridiċi li, fl-intern ta’ dawn il-konfini, iwieġbu konġuntament u solidalment għas-sanzjonijiet imposti, iżda anki meta l-partijiet ippreġudikati minn aġir antikompetittiv imwettaq minn impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni jeżerċitaw l-azzjoni ċivili għad-danni. Meta jiġu identifikati l-konfini tal-unità ekonomika li, fuq il-bażi tad-dritt tal-kompetizzjoni, tikkostitwixxi l-impriża responsabbli għall-ksur, il-partijiet interessati jistgħu għalhekk jagħżlu lil liema entità ġuridika li minnha hija komposta din l-unità għandhom jindirizzaw l-azzjoni tagħhom għad-danni.

67.      Kif irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-“private’ u l-“public enforcement” huma t-tnejn strumenti indispensabbli sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tal-politika ta’ repressjoni tal-prattiki antikompetittivi. Minn din il-perspettiva, l-ewwel parti ma tinvolvix biss funzjoni reintegrattiva maħsuba sabiex tissodisfa l-interessi privati, iżda anki funzjoni deterrenti li tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet ta’ interess pubbliku li jinsabu fil-protezzjoni tal-kompetizzjoni. Maż-żieda tal-persuni li jistgħu jinvokaw ir-responsabbiltà għad-dannu antikompetittiv jiżdied l-effett deterrenti fil-konfront tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li huwa ta’ rilevanza estrema sabiex id-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni jkun jista’ jikseb l-għanijiet tiegħu (79). Bl-istess mod iktar ma jiġu esklużi l-ostakoli prattiċi għall-eżerċizzju tal-azzjonijiet għad-danni mill-persuni ppreġudikati mill-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, iktar tissaħħaħ din il-funzjoni deterrenti.

68.      Issa, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-proċedura prinċipali, il-fatt li parti tiġi permessa tħarrek lis-sussidjarja li magħha kellha relazzjoni kummerċjali direttament jew indirettament sabiex tikseb kumpens għad-danni sostnuti riżultat tal-effetti fuq din ir-relazzjoni tal-aġir antikompetittiv tal-kumpannija omm jikkontribwixxi għal din il-funzjoni doppja peress li jaġevola l-eżerċizzju tal-azzjoni għall-kumpens fil-każijiet fejn il-kumpannija omm, kuntrarjament għas-sussidjarja, ikollha sede f’pajjiż differenti minn dak tal-persuna ppreġudikata. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu, kif ġustament tenfasizza MBTE, li, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-vittma ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandha madankollu l-possibbiltà li tħarrek lill-awtur ta’ dan il-ksur quddiem il-qorti tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż, jiġifieri, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-post fejn il-prezzijiet tas-suq ġew distorti u li fil-kuntest tiegħu l-vittma tallega li ġarrbet id-dannu (80), l-għoti lilha tal-fakultà li taġixxi fil-konfront tas-sussidjarja ddomiċiljata fl-Istat Membru tagħha, jevita l-kumplessitajiet prattiċi marbuta man-notifikazzjoni barra mill-pajjiż tar-rikors u mal-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ kundanna eventwali. Minn perspettiva sostanzjali u mhux sempliċement proċedurali, imbagħad, il-fatt li l-persuna ppreġudikata tingħata l-għażla tal-kumpanniji li kontrihom tista’ taġixxi jżid il-possibbiltajiet li tissodisfa b’mod sħiħ il-pretensjonijiet tagħha għall-kumpens.

69.      Jeħtieġ għal darba oħra tittieħed pożizzjoni dwar l-argument sostnut, b’mod prinċipali minn MBTE fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li skontu, f’ċirkustanzi bħal dawn fil-proċedura prinċipali, fejn l-azzjoni għad-danni hija purament follow-on, il-qorti nazzjonali ma tistax titbiegħed mid-definizzjoni tal-impriża awtriċi tal-ksur li ġie kkonstatat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni mingħajr ma tikser l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li fuq il-bażi tiegħu “[m]eta il-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101 TFUE jew l-Artikolu 102 TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni.”

6.      Fuq l-osservazzjoni tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 fil-kuntest tal-azzjonijiet għad-danni tat-tip follow on

70.      MBTE ssostni li peress li l-azzjoni għad-danni ppreżentata minn Sumal hija bbażata unikament fuq id-deċiżjoni tal‑2016 u peress li din ikkunsidrat biss lil Daimler bħala responsabbli għall-ksur, deċiżjoni ġudizzjarja li tirrikonoxxi r-responsabbiltà ta’ KBTE għall-istess ksur tkun ibbażata neċessarjament fuq kunċett ta’ impriża differenti minn dak adottat mill-Kummissjoni u tikkonfliġġi wkoll mad-deċiżjoni tal‑2016.

71.      Ngħid mill-ewwel li l-ġurisprudenza li tagħmel riferiment dwar dan il-punt għall-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-applikazzjoni parallella tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni (81), ma jidhirx li hija rilevanti f’din il-kawża, peress li tittratta, fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima prinċipali, mhux l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, iżda l-identifikazzjoni ta’ persuni responsabbli għall-kumpens tad-danni riżultanti minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE, operazzjoni li, kif intwera iktar ’il fuq (82), hija direttament irregolata mid-dritt tal-Unjoni.

72.      Dan premess, diġà ġie mfakkar li, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-kwistjoni tal-kompetizzjoni li għalih twieġeb l-unità ekonomika, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, għandu jiġi imputat b’mod inekwivokabbli lill-persuna ġuridika li fuqha jistgħu jiġu imposti multi u li lilha għandha tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonjiet (83). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li la l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-ġurisprudenza ma jiddeterminaw liema persuna ġuridika jew fiżika l-Kummissjoni hija fl-obbligu li żżomm bħala responsabbli tal-ksur u li tissanzjona permezz tal-impożizzjoni ta’ multa (84).

73.      Isegwi li l-Kummissjoni tgawdi f’ dan ir-rigward minn marġni vast ta’ diskrezzjoni (85) u li hija tagħha l-għażla – operata essenzjalment għal raġunijiet ta’ opportunità marbuta ma’ ħtiġijiet ta’ ekonomija tal-proċedura jew fuq il-bażi probatorja fid-dispożizzjoni tal-Kummissjoni – tal-persuna jew tal-persuni ġuridiċi, fost dawk li jikkomponu l-impriża, li lilhom għandha tiġi indirizzata d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni li timponi sanzjoni. Issa, din l-għażla ma timplikax fiha nnifisha, la espliċitament u lanqas impliċitament, konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi li ma ġewx issanzjonati, iżda li madankollu jagħmlu parti mill-unità ekonomika li wettqet il-ksur.

74.      Jirriżulta minn dak li jippreċedi li, kuntrarjament għal dak sostnut minn MBTE, il-qorti nazzjonali tista’, mingħajr ma taqa’ fil-projbizzjoni skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, tidentifika bħala responsabbli għad-danni kkawżati minn ksur tar-regoli tal-Unjoni fil-kwistjoni tal-kompetizzjoni lil persuna ġuridika mhux direttament ikkonċernata bid-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat u ssanzjonat dan il-ksur, bil-kundizzjoni madankollu li jiġu ssodisfatti l-kriterij sabiex jiġi deċiż li din il-persuna ġuridika konġuntament u solidalment hija responsabbli flimkien mal-persuna jew persuni destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

75.      Ma huwiex oppost għal din il-konklużjoni l-fatt li, fid-deċiżjoni tal‑2016, il‑Kummissjoni nnominat bħala “impriża” responsabbli tal-ksur biss lil Daimler. Din id-nominazzjoni hija koerenti mal-għażla operata mill-Kummissjoni li tfittex u tissanzjona lill-kumpannija omm biss għall-aġir antikompetittiv imwettaq direttament minnha, iżda, kif intwera, ma teskludix li, għall-għan tar-responsabbiltà għad-danni kkawżati mill-ksur, jistgħu jiġu assoċjati mal-proċedura anki l-persuni l-oħra li jappartjenu lill-istess grupp, fejn jikkostitwixxu, flimkien mal-kumpannija ssanzjonata, unità ekonomika unika. Min-naħa l-oħra, il-fatt li d-nominazzjoni ta’ Daimler bħala “impriża” responsabbli għall-ksur tikkorrispondi għal għażla ta’ opportunità u mhux għar-rieda li jiġi eskluż il-koinvolġiment jew ir-responsabbiltà konġunta ta’ persuni komponenti oħra, ma’ Daimler, l-istess unità ekonomika, jirriżulta b’mod ċar mill-konstatazzjoni, inkluża fil-punt 54 tad-deċiżjoni tal‑2016, li skontha l-kuntatti ta’ kollużjoni, inizjalment f’livell ta’ uffiċjali tal-kumpanniji omm involuti flimkien fl-akkordju, iktar tard irriżultaw ukoll fil-livell tas-sussidjarji (86).

76.      U finalment għandu jiġi miċħud l-argument ta’ MBTE, li skontu r-rikonoxximent bħala responsabbli għad-danni kkawżati minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ta’ persuna ġuridika differenti minn dik li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li fuqha hija bbażata l-azzjoni għad-danni huwa kuntrarju għall-premessa 47 tas-sentenza Skanska, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE “ma jistax ikollu portata differenti fil-kuntest tal-impożizzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ multi skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u fil-kuntest ta’ azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni”. F’dan ir-rigward huwa suffiċjenti li jiġi osservat li, f’dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tagħmel riferiment b’mod ġenerali għall-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ impriża, li ma tistax tkun differenti fil-“public” u fil-“private enforcement”, u mhux għall-applikazzjoni li l-Kummissjoni tagħti lil dan il-kunċett f’każ konkret. Għalhekk, kif l-istess Kummissjoni ammettiet ukoll fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-possibbiltà għall-qorti nazzjonali sabiex tikkonstata reponsabbiltà eventwali għad-danni tal-kumpannija sussidjarja ma hijiex prekluża minħabba l-fatt biss li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat il-ksur ma imponietx fuq din il-kumpannija sanzjoni amministrattiva.

7.      Konklużjoni dwar l-ewwel tliet domandi preliminari

77.      Għar-raġunijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel tliet domandi preliminari billi tiddikjara li, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni bħal dik inkwistjoni fil-proċedura prinċipali, kumpannija tista’ tinżamm responsabbli għad-dannu kkawżat minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE li għalih hija biss il-kumpannija li tikkontrollaha li ġiet issanzjonata mill-Kummissjoni, meta jiġi stabbilit, minn naħa, li, fid-dawl tal-konnessjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi bejn dawn il-kumpanniji, huma kienu jiffurmaw unità ekonomika fil-mument meta twettaq il-ksur u, min-naħa l-oħra, li l-aġir tal-kumpannija sussidjarja fis-suq ikkonċernat bl-aġir illegali tal-kumpannija omm ikkontribwixxa b’mod sostanzjali għat-twettiq tal-għan imfittex b’dan l-aġir u għall-materjalizzazzjoni tal-effetti tal-ksur.

III. Konklużjoni

78.      Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara inammissibbli r-raba’ domanda preliminari magħmula mill-Audiencia provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja) u tirrispondi għall-ewwel tliet domandi preliminari kif ġej:

“L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni bħal dik inkwistjoni fil-proċedura prinċipali, kumpannija tista’ tinżamm responsabbli għad-dannu kkawżat minn ksur ta’ dan l-artikolu li għalih hija biss il-kumpannija li tikkontrollaha li ġiet issanzjonata mill-Kummissjoni, meta jiġi stabbilit, minn naħa, li, fid-dawl tal-konnessjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi bejn dawn il-kumpanniji, huma kienu jiffurmaw unità ekonomika fil-mument meta twettaq il-ksur u, min-naħa l-oħra, li l-aġir tal-kumpannija sussidjarja fis-suq ikkonċernat bl-aġir illegali tal-kumpannija omm ikkontribwixxa b’mod sostanzjali għat-twettiq tal-għan imfittex b’dan l-aġir u għall-materjalizzazzjoni tal-effetti tal-ksur”.



1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2      Kawża AT.39824 – Karrijiet. Sommarju ta’ din id-deċiżjoni ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, C 108, p. 6).


3      Il-liġi tat‑3 ta’ Lulju 2007 (BOE Nru 159, tal‑4 ta’ Lulju 2007, p. 28848).


4      Skont MBTE, kuntrarjament għal dak indikat fit-talba għal deċiżjoni preliminari, minn naħa, ma teżisti l-ebda ġurisprudenza diverġenti fi Spanja dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tas-sussidjarja għall-ksur antikompetittiv imwettaq mill-kumpannija omm tagħha u, min-naħa l-oħra, il-kwalità ta’ konvenuta ta’ sussidjarja ta’ Daimler mhux imsemmija fid-deċiżjoni tal‑2016 fil-kuntest ta’ azzjoni għall-kumpens ibbażata fuq din id-deċiżjoni, ġiet irrikonoxxuta biss mill-Juzgado de lo Mercantil n. 3 de Valencia (il-Qorti tal-Kummerċ Nru 3 ta’ Valencia, Spanja), bid-deċiżjonijiet annullati wkoll f’appell.


5      Ara, inter alia, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 49).


6      It-test tal-Artikolu 71(1) u (2) tal-LDC, introdott f’din il-liġi sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1), huwa riprodott fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol. Il punt 1 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li “Min jikser il-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni huwa responsabbli għad-danni u għat-telf ikkawżat”. Il-punt 2(a) jippreċiża li “bi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jinftiehem kwalunkwe ksur tal-Artikoli 101 jew 102 [TFUE] jew tal-Artikoli 1 jew 2 tal-liġi attwali”, filwaqt li l-ittra (b) tipprevedi li “l-azzjonijiet ta’ kumpannija jistgħu jiġu attribwiti anki għall-kumpanniji jew persuni li jikkontrollawha, ħlief meta l-aġir ekonomiku tagħha ma huwiex iddeterminat minn xi ħadd minnhom”.


7      Il-qorti tar-rinviju tonqos ukoll milli tindika li, fil-verżjoni attwali tiegħu, l-Artikolu 71(2) tal-LDC huwa r-riżultat ta’ emenda introdotta permezz tar-Real Decreto-ley 9/2017, tas‑26 ta’ Mejju 2017 (BOE Nru 126 tas‑27 ta’ Mejju 2017, p. 42820). Issa, sa fejn din id-dispożizzjoni għandha natura li hija b’mod ċar sostantiva u mhux sempliċement proċedurali huwa leġittimu li wieħed jistaqsi jekk, kif issostni MBTE fil-kuntest tat-tieni motiv tal-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104, li fuq il-bażi tiegħu il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-direttiva ma japplikawx retroattivament, din hija applikabbli għal azzjoni bħal dik pendenti fil-proċedura prinċipali, li, minkejja li ġiet proposta wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, jirreferi madankollu għall-fatti li jmorru lura għall-perijodu li jippreċedi l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tagħha. F’dan ir-rigward nindika li domanda preliminari li tirrigwarda, fost affarjiet oħra, l-interpretazzjoni tat-terminu “retroattivament” li jinsab fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104 b’riferiment għad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt Spanjol tinsab attwalment taħt l-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża pendenti C‑267/20. Dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis, tad-Direttiva 2014/104, ara b’mod ġenerali, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:263, punti minn 24 sa 34) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:32, punti minn 60 sa 64).


8      Ara, inter alia, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vivendi (C‑719/18, EU:C:2020:627, punti 32 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


9      Il-kundizzjonijiet kollha l-oħra tal-azzjoni ta’ Sumal iċċitati minn MBTE, relatati, b’mod partikolari, mal-eżistenza tal-ħsara invokata u mal-entità tagħha għandhom jiġu ddeterminati mill-qorti nazzjonali.


10      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-entità ta’ dan id-dannu jidher li diġà kienet is-suġġett ta’ konstatazzjoni mill-qorti tar-rinviju.


11      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


12      C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, EU:C:2003:304, punt 25 tal-konklużjonijiet.


13      Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (C‑41/90, EU:C:1991:161, punt 21), tas‑17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre (C‑159/91 u C‑160/91, EU:C:1993:63, punt 17), tat‑22 ta’ Jannar 2002, Cisal (C‑218/00, EU:C:2002:36, punt 22) tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 21).


14      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 25).


15      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs IlKummissjoni (6/73 u 7/73, EU:C:1974:18, punt 41), fejn il-kunċett ta’ impriża, għall-għan tal-applikazzjoni tal-attwali Artikolu 102 TFUE, ġie applikat għall-unika azzjoni li ż-żewġ kumpanniji inkriminati kienu wettqu fil-konfront ta’ kumpannija terza li kienet tiġi fornuta mingħandhom; ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau (170/83, EU:C:1984:271, punt 11, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni l-kunċett ta’ impriża “għandha tinftiehem fis-sens li tagħmel riferiment għal unità ekonomika mill-perspettiva tas-suġġett tal-ftehim” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


16      Fis-sentenza tal‑31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper (15/74, EU:C:1974:114, punt 41), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma jaqgħux taħt din il-projbizzjoni l-ftehimiet jew il-prattiki miftiehma “bejn impriżi li jappartjenu għall-istess grupp bħala kumpannija omm u sussidjarja, meta dawn jikkostitwixxu unità ekonomika li fil-kuntest tagħha s-sussidjarja ma għandhiex awtonomija reali fid-determinazzjoni tal-aġir tagħha fis-suq”; ara wkoll is-sentenzi tal‑11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro (66/86, EU:C:1989:140, punt 35); tal‑4 ta’ Mejju 1988, Bodson (30/87, EU:C:1988:225, punt 19), is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Viho vs IlKummissjoni (C‑73/95 P, EU:C:1996:405, punti 15 sa 17). Fl-istess sens, anki mingħajr ma jsir riferiment għall-kunċett ta’ “unità ekonomika”, ippronunzjaw ruħhom kemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 1971, Béguelin Import (22/71, EU:C:1971:113, punti minn 7 sa 9), b’enfasi fuq in-nuqqas ta’ awtonomija ekonomika tas-sussidjarja, u l-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni 69/195/KEE, tat‑18 ta’ Ġunju 1969, rigward talba ta’ dikjarazzjoni negattiva (Kawża IV/22548 – Christian & Nielsen), fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ kompetizzjoni bejn entitajiet intragrupp. Ara wkoll, fir-rigward tar-rapporti bejn il-prinċipal u l-intermedjarju, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs IlKummissjoni (minn 40/73 sa 48/73, 50/73, minn 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174, punt 480) u, għall-għan tal-applikazzjoni ta’ eżenzjoni skont il-kategorija minn ftehim fejn waħda mill-partijiet kontraenti hija ffurmata minn iktar impriżi ġuridikament awtonomi, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1984 Hydrotherm Gerätebau (170/83, EU:C:1984:271, punt 11).


17      48/69, EU:C:1972:70.


18      Ara s-sentenza ICI, punti minn 129 sa 141. Ara fl-istess sens is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs IlKummissjoni (52/69, EU:C:1972:73, punti minn 42 sa 45) u Sandoz vs IlKummissjoni (53/69, EU:C:1972:74, punti minn 42 sa 45), tal‑25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs IlKummissjoni (107/82, EU:C:1983:293, punt 49) u, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 86 TCE (l-attwali Artikolu 102 TFUE), is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs IlKummissjoni (6/73 u 7/73, EU:C:1974:18, punti minn 36 sa 41).


19      Ara s-sentenza ICI, punti 132 u 133.


20      Ara s-sentenza ICI, punt 135.


21      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs IlKummissjoni (C‑294/98 P, EU:C:2000:632).


22      Ara, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs IlKummissjoni (C‑294/98 P, EU:C:2000:632, punt 27), tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs IlKummissjoni (C‑196/99 P, EU:C:2003:529, punt 96), tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs IlKummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, minn C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 117) u tal‑11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C‑280/06, EU:C:2007:775, punt 49); reċentement ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, The Goldman Sachs Group vs IlKummissjoni (C‑595/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:69, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, iktar ’il quddiem is-“sentenza Goldman Sachs”). F’dan il-kuntest, jekk il-preżenza ta’ rabtiet kapitalistiċi bejn l-entitajiet ikkonċernati tikkostitwixxi indiċi tal-eżistenza ta’ setgħa ta’ kontroll fuq is-sussidjarja, b’mod partikolari, kif sejjer jintwera, fil-każ fejn kumpannija tkun proprjetarja tal-kapital kollu jew kważi kollu, dawn ma humiex madankollu kundizzjoni neċessarja sabiex jiġi konkluż favur l-eżistenza ta’ unità ekonomika, ara s-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs IlKummissjoni (C‑294/98 P, EU:C:2000:632, punt 36).


23      Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2016, Ori Martin u SLM vs Il‑Kummissjoni (C490/15 P u C505/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:678, punt 60 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata), tad‑9 ta’ Settembru 2015, Philips vs Il‑Kummissjoni (T92/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:605, punt 41 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata) u tat‑12 ta’ Lulju 2018, The Goldman Sachs Group vs IlKummissjoni (T‑419/14, EU:T:2018:445, punt 82).


24      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs IlKummissjoni (C‑90/09 P, EU:C:2011:21, punt 88, iktar ’il quddiem is-“sentenza General Química”).


25      F’dan is-sens, ara s-sentenza ICI, punti 136 u 137; ara wkoll, inter alia, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs IlKummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 60, iktar ’il quddiem is-“sentenza Akzo”) u, reċentement, is-sentenza Goldman Sachs, punt 32.


26      F’dan is-sens, fil-preżenza ta’ sehem dirett ta’ 100 % tal-kumpannija omm fil-kapital tas-sussidjarja, ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 1983 AEG-Telefunken vs IlKummissjoni (107/82, EU:C:1983:293, punt 50), suċċessivament ikkonfermata mis-sentenza Akzo, punt 60. Fl-istess sens, ara reċentement, is-sentenza Goldman Sachs, punt 32. Sa mis-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs IlKummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 63), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-applikabbiltà tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti anki f’ishma ftit inferjuri għall-100 % (f’dik il-kawża sehem ta’ 98 %).


27      Ara, reċentement, is-sentenza Goldman Sachs, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.


28      Ara s-sentenza General Química, punt 88.


29      Ara s-sentenza Goldman Sachs, punt 35, li kkonfermat dwar dan il-punt is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, The Goldman Sachs Group vs IlKummissjoni (T‑419/14, EU:T:2018:445).


30      Ara s-sentenza Goldman Sachs, punt 35.


31      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs IlKummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 59) u, reċentement, is-sentenza Goldman Sachs, punt 38. Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma tiksirx id-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza, sa fejn minn naħa ma twassalx għal preżunzjoni ta’ ħtija ta’ waħda jew l-oħra minn dawn il-kumpanniji (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il‑Kummissjoni, C625/13 P, EU:C:2017:52, punt 149 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata) u min-naħa l-oħra l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti ma għandhiex natura assoluta (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, FLS Plast vs Il‑Kummissjoni, C243/12 P, EU:C:2014:2006, punt 27 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll li l-fatt li huwa diffiċli li tiġi prodotta l-prova kuntrarja neċessarja sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma jimplikax, fih innifsu, li din hija fil-fatt assoluta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il‑Kummissjoni, C155/14 P, EU:C:2016:446, punt 44 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).


32      Ara inter alia, is-sentenzi Akzo, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, tad‑19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs IlKummissjoni (C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 43), tal‑11 ta’ Lulju 2013, IlKummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje (C‑440/11 P, EU:C:2013:514, punt 38), is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, IlKummissjoni vs Eni u Versalis u Eni vs IlKummissjoni (C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 40).


33      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs IlKummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara s-sentenza ICI, punt 140. Fl-istess sens, ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (C‑217/05, EU:C:2006:784, punt 41).


35      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs IlKummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, minn C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 113).


36      Ara s-sentenza Akzo, punt 56. Fl-istess sens, iktar reċentement, ara, inter alia, Akzo Nobel et vs IlKummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 49).


37      F’dan is-sens, ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (C‑217/05, EU:C:2006:784, punt 41).


38      Ara, inter alia, is-sentenza Akzo, punt 59.


39      Għal analiżi tar-relazzjonijiet bejn il-kunċett ta’ impriża bħala unità ekonomika u l-prinċipju tar-responsabbiltà personali, ara, inter alia, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda IlKummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs IlKummissjoni (minn C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2013:578, punti minn 74 sa 82 u r-riferimenti inklużi fihom).


40      Ara, inter alia, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2013, EI du Pont de Nemours vs Il‑Kummissjoni (C172/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:601, punt 44 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata), tas‑26 ta’ Settembru 2013, The Dow Chemical Company vs Il‑Kummissjoni (C179/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:605, punt 55 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata), u tad‑9 ta’ Settembru 2015, Toshiba vs Il‑Kummissjoni (T104/13, EU:T:2015:610, punt 95 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).


41      Ara s-sentenza Akzo, punt 59.


42      Diġà fis-sentenza ICI, fejn semmiet id-direttivi mogħtija mill-kumpannija omm lis-sussidjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet iktar riferiment għall-eżistenza ta’ setgħa ġenerali ta’ kontroll tal-ewwel waħda, li kienet tikkorrispondi għal nuqqas ta’ awtonomija fis-suq tat-tieni waħda, milli għall-eżistenza ta’ direttivi speċifiċi li għandhom bħala suġġett l-aġir antikompetittiv. Ara, inter alia, anki s-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2016, Ori Martin u SLM vs Il‑Kummissjoni (C490/15 P u C505/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:678, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑12 ta’ Lulju 2018, The Goldman Sachs Group vs IlKummissjoni (T‑419/14, EU:T:2018:445, punt 83).


43      Kif enfasizzat mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Akzo Nobel et vs IlKummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:262, punt 91), l-eżistenza ta’ influwenza determinanti tista’ tiġi kkonstatata anki fejn il-kumpannija omm “ma tagħmilx użu minn drittijiet attwali ta’ kodeterminazzjoni u ma tagħtix struzzjonijiet speċifiċi jew linji gwida fuq elementi individwali ta’ politika kummerċjali”.


44      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2015, HIT Groep vs Il‑Kummissjoni, T436/10 (EU:T:2015:514, punt 127 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata) u tat‑12 ta’ Lulju 2018, The Goldman Sachs Group vs IlKummissjoni (T‑419/14, EU:T:2018:445, punt 152); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Akzo Nobel et vs IlKummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:262, punt 87).


45      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, The Goldman Sachs Group vs IlKummissjoni (T‑419/14, EU:T:2018:445, punt 152).


46      C‑97/08 P, EU:C:2009:262, punt 91.


47      Ara, għal applikazzjoni f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2013, Eni vs IlKummissjoni (C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punt 64).


48      Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      Sal-lum, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ġiet iċċensurata mill-qrati tal-Unjoni biss għal motivi inerenti f’difett ta’ motivazzjoni fil-konfutazzjoni tal-elementi ta’ prova kuntrarja miġjuba mill-kumpanniji kkonċernati, ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs IlKummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punti minn 144 sa 171) tas‑16 ta’ Ġunju 2011, L’Air liquide vs IlKummissjoni (T‑185/06, EU:T:2011:275) jew għal inosservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2010, Alliance One International et vs IlKummissjoni (T‑24/05, EU:T:2010:453).


50      Ara n-nota 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Akzo Nobel et vs IlKummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:262, punt 94).


52      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Akzo Nobel et vs IlKummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:262, punt 93), ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Frar 2012, EI du Pont de Nemours et vs IlKummissjoni (T‑76/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:46, punt 62) u tat‑12 ta’ Lulju 2018, Fujikura vs IlKummissjoni (T‑451/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:452, punt 48).


53      Ara, inter alia, is-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs IlKummissjoni (C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 88), tal‑14 ta’ Settembru 2016, Ori Martin u SLM vs IlKummissjoni (C‑490/15 P u C‑505/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:678, punt 60), u tas-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2009, Arkema vs IlKummissjoni (T‑168/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:367, punt 77).


54      Fl-aħħar mill-aħħar, kif korrettament sostnut mill-Gvern Taljan, jekk il-bażi tkun kompetizzjoni ta’ ħtija bejn il-kumpannija omm u s-sussidjarja ma jkunx hemm bżonn li jsir riferiment għall-kunċett ta’ unità ekonomika għall-għan tal-imputazzjoni lill-ewwel waħda tal-aġir antikompetittiv tat-tieni waħda.


55      F’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2014, IlKummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs IlKummissjoni (minn C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 56). Fil-konklużjonijiet tagħha fis-sentenza Akzo, l-Avukat Ġenerali Kokott esprimiet din l-idea f’termini partikolarment ċari: “[i]l-fatt li kumpannija parent ta’ grupp li teżerċita influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarji tagħha tista’ tkun responsabbli in solidum għall-aġir antikompetittiv tagħhom bl-ebda mod ma jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ responsabbiltà personali , imma huwa l-espressjoni ta’ dak il-prinċipju stess.” “Dan għaliex il-kumpannija parent u s-sussidjarji tagħha taħt l-influwenza deċiżiva tagħha huma kollettivament impriża waħda għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni u huma responsabbli għal dik l-impriża”, ara l-punt 97. Iktar minn hekk, skont l-Avukat Ġenerali Kokott, ir-responsabbiltà tal-kumpannija omm ma għandha xejn x’taqsam mar-responsabbiltà oġġettiva, peress li l-kumpannija omm hija waħda mill-persuni ġuridiċi li jikkostitwixxu l-impriża li minħabba nuqqas tagħha wettqet il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni: “Fi kliem sempliċi, jista’ jingħad li (flimkien mas-sussidjarji kollha taħt l-influwenza deċiżiva tagħha) hija l-personifikazzjoni legali tal-impriża”, ara l-punt 98.


56      F’dan is-sens, ara s-sentenza Akzo, punt 56, ara wkoll, inter alia, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs IlKummissjoni u IlKummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190, punt 95), tal‑5 ta’ Marzu 2015, IlKummissjoni vs Eni u Versalis u Eni vs IlKummissjoni (C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150) u tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs IlKummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 49). Nindika madankollu li, fil-punt 77, tas-sentenza Akzo, minkejja li kkonfermat li d-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni huwa msejjes fuq il-prinċipju tar-responsabbiltà personali tal-entità ekonomika li wettqet il-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi ċaħdet l-argument tar-rikorrenti li skontu hemm responsabbiltà oġġettiva fil-konfront tal-kumpannija omm, ippreċiżat illi “għalkemm il-kumpannija parent ma tipparteċipax direttament għall-ksur, hija teżerċita, f’dan il-każ, influwenza determinanti fuq is-sussidjarji li pparteċipaw fil-ksur”.


57      Ara s-sentenza Akzo, punt 57 u, inter alia, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, IlKummissjoni vs Eni u Versalis u Eni vs IlKummissjoni (C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 89).


58      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda IlKummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs IlKummissjoni (minn C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2013:578, punt 78 u r-riferimenti inklużi fihom), ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs IlKummissjoni (T‑112/05, EU:T:2007:381, punt 59).


59      Fil-proċeduri ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-awtonomija tal-persuni ġuridiċi li jikkomponu l-unità ekonomika hija osservata kemm fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom għal difiża (li jikkomunikaw l-ilmenti, il-possibbiltà li jibagħtu d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, is-smigħ, id-dritt għal rikors ġurisdizzjonali), kif ukoll fir-rigward tal-istabbiliment tal-multa.


60      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2013, Eni vs IlKummissjoni (C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punti 81 u 82).


61      Ara d-diskussjonijiet relatati ma’ proġett għal trattat tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-responsabbiltà tal-gruppi ta’ kumpanniji għall-ksur tad-drittijiet umani, aċċessibbli fuq https://www.littler.com/publication-press/publication/united-nations-further-deliberates-treaty-seeking-impose-corporate.


62      Ara, għal analiżi ta’ dawn il-gwidi Petrin M. u Choudhury B., “Group Company Liability”, European Business Organization Law Review, 2018, p. 771 et seq.


63      Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018 T‑677/14, EU:T:2018:910 (iktar ’il quddiem: is-“sentenza Biogaran”). Ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 1999, Unimétal vs IlKummissjoni (T‑145/94, EU:T:1999:49, punti  minn 601 sa 606), li fiha l-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala leġittima ż-żieda tal-multa imposta fuq kumpannija sussidjarja inkunsiderazzjoni tal-aġir tal-kumpannija omm (f’dik il-kawża madankollu s-sussidjarja kienet ikkonstatata bħala l-awtriċi u benefiċjarja prinċipali tal-ksur imwettaq). Fl-istess sens jimmilitaw ċerti deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ ritorn, fejn ġiet aċċettata l-possibbiltà li jiġu attribwiti lil sussidjarja l-konsegwenzi ta’ aġir passat antikompetittiv ta’ sussidjarja differenti li tappartjeni għall-istess grupp u li għaliha, f’applikazzjoni tal-kunċett ta’ unità ekonomika, kellha tkun kapaċi tiġi rrikonoxxuta bħala responsabbli solidalment il-kumpannija omm; ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs IlKummissjoni (T‑203/01, EU:T:2003:250, punt 290) u tal‑5 ta’ Marzu 2015, IlKummissjoni vs Eni u Versalis u Eni vs IlKummissjoni (C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 92).


64      Kawża C‑207/19 P.


65      Ara s-sentenza Biogaran, punt 217. Fil-punt 218, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li għalkemm huwa possibbli li kumpannija omm tiġi attribwita bir-responsabbiltà għal ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha u, konsegwentement, li dawk iż-żewġ kumpanniji jinżammu responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq mill-impriża li huma jikkostitwixxu, u dan kollu mingħajr ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, dan jgħodd ukoll a fortiori meta l-ksur imwettaq mill-entità ekonomika li tikkostitwixxi kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jirriżulta minn assjem ta’ għamliet ta’ aġir ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji.


66      Ara s-sentenza Biogoran, punt 220. Dik il-kawża kienet tittratta, minn naħa, ftehim tranżattiv illegali konkluż bejn il-kumpannija omm, kumpannija holding ta’ grupp farmaċewtiku, u kumpannija produttriċi ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, li kellu bħala għan l-imblokk tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott mediċinali ġeneriku li l-ewwel waħda kienet tikkunsidra bħala ksur ta’ privattiva tagħha u, min-naħa l-oħra, ftehim konkluż bejn is-sussidjarja u l-istess kumpannija terza bl-għan tat-trasferiment minn din tal-aħħar tal-proġett relatat għal tliet prodotti u awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ speċjalità farmaċewtika inkambju għall-għoti ta’ somma flus. Il-Kummissjoni essenzjalment iddeċidiet li dan il-ftehim tal-aħħar jikkostitwixxi inċentiv ulterjuri għall-kumpannija terza sabiex tirrinunzja għall-produzzjoni tal-prodott mediċinali ikkunsidrat li jikser il-privattiva. Nindika, ukoll, li s-sussidjarja ma kinitx attiva fis-suq tal-prodott mediċinali kkummerċjalizzat mill-grupp farmaċewtiku mill-bidu tal-privattiva.


67      Ara s-sentenza Biogaran, punt 225.


68      Ara s-sentenza Biogaran, punt 225.


69      Ara s-sentenza Biogaran, punti 209, 222 u 227.


70      Waslu għal soluzzjoni analoga ċerti qrati Britanniċi, ara, inter alia, Roche Products Ltd. & Ors vs Provimi Ltd [2003] EWHC 961 (Kumm) (2 ta’ Mejju 2003) (http://www.bailii.org/ew/cases/EWHC/Comm/2003/961.html, punti minn 25 sa 35) ; Cooper Tire & Rubber Co & Ors vs Shell Chemicals UK Ltd & Ors [2009] EWHC 2609 (Kumm) (tas-27 ta’ Ottubru 2009) (http://www.bailii.org/ew/cases/EWHC/Comm/2009/2609.html, punti minn 48 sa 65); Vattenfall AB et vs Prysmian SpA [2018] EWHC 1694 (Ch D) ; Media-Saturn Holding GmbH & Ors vs Toshiba Information Systems (UK) Ltd & Ors [2019] EWHC 1095 (Ch) (2 ta’ Mejju 2019) (http://www.bailii.org/ew/cases/EWHC/Ch/2019/1095.html, punti minn 129 sa 155). Dwar dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ġibdet ukoll l-attenzjoni tal-partijiet u tal-partijiet ikkonċernati fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Istatut li kellhom opportunità jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


71      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2011, Eni vs IlKummissjoni (T‑39/07, EU:T:2011:356, punt 97).


72      Sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 45, iktar ’il quddiem is-“sentenza Skanska”).


73      Sentenza Skanska, punti 25, 26 u 43; ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punti 21 e 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


74      Sentenza Skanska, punt 44; ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


75      Ara s-sentenza Skanska, punti 27 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata.


76      Ara s-sentenza Skanska, punti 29, 30, 36,  37 u 47.


77      Ara s-sentenza Skanska, punti 31 u 32.


78      Ara s-sentenza Skanska, punti minn 38 sa 40, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment għas-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C‑280/06, EU:C:2007:775, punt 42), tal‑5 ta’ Diċembru 2013 (SNIA vs Il‑Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punt 22), kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 40).


79      Dwar l-importanza tal-effett deterrenti tal-azzjonijiet għad-danni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:100, punti minn 46 sa 50).


80      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans (C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 37). Din is-sentenza jidher li semmiet il-kriterju tal-forum actoris preċedentement ikkonsagrat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 56).


81      Il-Gvern Spanjol jiċċita s-sentenza tat‑3 ta’ April 2019, Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie (C‑617/17, EU:C:2019:283, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


82      Ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


83      Ara s-sentenza Akzo, punt 57.


84      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs IlKummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


85      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni (C444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punti 159 u 160). Il-Kummissjoni tista’ għalhekk tiddeċiedi li testendi r-responsabbiltà ta’ ksur għal kumpannija omm, apparti mill-kumpannija direttament implikata fl-aġir antikompetittiv, mingħajr madankollu ma tkun obbligata, ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Team Relocations vs IlKummissjoni (T‑204/08 u T‑212/08, EU:T:2011:286, punt 156), ikkonfermata mis-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni (C444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 161).


86      Din id-dikjarazzjoni tirrigwarda madankollu biss is-sussidjarji Ġermaniżi ta’ Daimler.