Language of document : ECLI:EU:C:2021:800

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Kumpens għad-dannu kkawżat minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE – Determinazzjoni tal-entitajiet responsabbli għall-ħlas tal-kumpens – Azzjoni għad-danni diretta kontra s-sussidjarja ta’ kumpannija omm u mressqa wara deċiżjoni li tikkonstata l‑parteċipazzjoni ta’ din l-unika kumpannija omm f’akkordju – Kunċett ta’ impriża – Kunċett ta’ ‘unità ekonomika’”

Fil-Kawża C‑882/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura

Sumal SL

vs

Mercedes Benz Trucks España SL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, D. Šváby (Relatur), L. S. Rossi, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Mercedes Benz Trucks España SL, inizjalment minn C. von Köckritz u H. Weiß, Rechtsanwälte, kif ukoll minn P. Hitchings u M. Pérez Carrillo, abogados, sussegwentement minn C. von Köckritz u H. Weiß, Rechtsanwälte, A. Ward, abogado, kif ukoll minn M. López Ridruejo, abogada,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta kif ukoll minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Baches Opi, F. Jimeno Fernández u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Sumal SL u Mercedes Benz Trucks España SL dwar ir-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar għall-parteċipazzjoni tal-kumpannija omm tagħha, Daimler AG, fi ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

3        Taħt it-titolu “[l]-applikazzjoni uniformi tal-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-[Unjoni]”, l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprovdi:

“1.      Meta il-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni [Ewropea], huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id‑deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. Huma jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat. Għal dak l-effet, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu stima jekk huwiex neċessarju li jpoġġu dawn il-proċeduri. Dan l-obligu hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obligazzjonijiet taħt l-Artikolu 234 tat-Trattat.

2.      Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi li jaqgħu fl-ambitu ta’ l-Artikolu [101] jew [102 TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.”

4        Taħt it-titolu “Multi”, l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament jipprevedi fil-paragrafu 2(a) tiegħu:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a) jiksru l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE] [...]

5        Intitolat “Seduta tal-partijiet, l-ilmenti u oħrajn”, l-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Qabel ma jiġu meħuda d-deċiżjonijiet kif previsti mil-Artikoli 7, 8, 23 u l‑Artikolu 24(2), il-Kummissjoni ħa tagħti l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li huma suġġetti għal proċeduri kondotti mil-Kummissjoni l-opportunità li jiġu msemma’ fuq matterji li l-Kummissjoni kellha oġġezzjoni fuqhom. Il‑Kummissjoni ħa tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati kienu kapaċi jikkummentaw fuqhom. L-ilmenti ħa jkunu assoċjati mil‑viċin mal-proċeduri.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2012

6        L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), jistabbilixxi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

[...]

(2)      fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil‑qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[...]”

 Id-dritt Spanjol

7        Intitolat “Fuq il-kumpens għad-dannu kkawżat mill-prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni”, l-Artikolu 71 tal-Ley 15/2007 de Defensa de la competencia (il-Liġi 15/2007 tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni), tat‑3 ta’ Lulju 2007 (BOE Nru 159, tal‑4 ta’ Lulju 2007, p. 28848), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni”), jipprevedi:

“1.      L-awturi tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni huma responsabbli għall-ħsarat u għad-danni kkawżati.

2.      Għall-iskop ta’ dan it-titolu:

a)      Ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jfisser kull ksur tal-Artikoli 101 jew 102 [TFUE] jew tal-Artikoli 1 jew 2 ta’ din il-liġi.

b)      L-aġir ta’ impriża jista’ wkoll jiġi imputat lill-impriżi jew lill-persuni li jikkontrollawha, ħlief meta l-aġir ekonomiku tagħha ma jkun iddeterminat minn ebda waħda minnhom.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Mercedes Benz Trucks España hija kumpannija sussidjarja tal-grupp Daimler, li l-kumpannija omm tagħha hija Daimler. Bejn is-sena 1997 u s-sena 1999, Sumal akkwistat żewġ trakkijiet mingħand Mercedes Benz Trucks España, permezz ta’ Stern Motor SL, entità konċessjonarja tal-grupp Daimler.

9        Fid‑19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2016) 4673 finali li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39824 – Trakkijiet), li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ April 2017 (ĠU 2017, C 108, p. 6, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016”).

10      Skont din id-deċiżjoni, ħmistax-il produttur Ewropew tat-trakkijiet, fosthom Daimler, ipparteċipaw f’akkordju fil-forma ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), li jikkonsisti fil-konklużjoni ta’ arranġamenti kollużivi dwar l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda fil-prezzijiet grossi tat-trakkijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kif ukoll fuq il-kalendarju u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni tat-teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal dawn it-trakkijiet imposti mir-regoli fis-seħħ. Għal tliet kumpanniji parteċipanti, dan il-ksur seħħ bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u l‑20 ta’ Settembru 2010 u, għat-tnax-il kumpannija parteċipanti l-oħra, fosthom Daimler, bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u t‑18 ta’ Jannar 2011.

11      Wara din id-deċiżjoni, Sumal adixxiet lill-Juzgado de lo Mercantil n 07 de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali Nru 07 ta’ Barcelona, Spanja) b’azzjoni għad-danni intiża li Mercedes Benz Trucks España tikseb il-ħlas ta’ somma ta’ EUR 22 204.35, li tikkorrispondi għall-ispiża tal-akkwist li hija kienet sostniet minħabba l-akkordju li Daimler, kumpannija omm ta’ Mercedes Benz Trucks España, kienet ħadet sehem fih.

12      Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, din il-qorti ċaħdet din l-azzjoni minħabba li Mercedes Benz Trucks España ma setgħetx tiġi mħarrka fil-kuntest tal-imsemmija azzjoni sa fejn Daimler, li hija l-unika destinatarja tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, kellha titqies li kienet l-unika responsabbli għall-ksur ikkonċernat.

13      Sumal appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, li qiegħda tistaqsi jekk azzjonijiet għad-danni wara deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li jikkonstataw prattiki antikompetittivi jistgħux jitressqu kontra kumpanniji sussidjarji li ma jkunux koperti minn dawn id-deċiżjonijiet iżda li jkunu 100 % proprjetà ta’ kumpanniji direttament koperti mill-imsemmija deċiżjonijiet.

14      F’dan ir-rigward, hija ssemmi diverġenzi dwar il-pożizzjonijiet adottati mill-qrati Spanjoli. Filwaqt li wħud minnhom jammettu li tali azzjonijiet jistgħu jitressqu kontra kumpanniji sussidjarji, billi jsostnu t-“teorija tal-unità ekonomika”, oħrajn jeskluduha għar-raġuni li din it-teorija tippermetti li r-responsabbiltà ċivili tal-aġir ta’ kumpannija sussidjarja tiġi imputata lil kumpannija omm iżda ma tippermettix li tiġi segwita kumpannija sussidjarja minħabba l-aġir tal-kumpannija omm tagħha.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[1])      It-teorija tal-unità ekonomika li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-[Qorti tal‑Ġustizzja] stess, tiġġustifika l-estensjoni tar-responsabbiltà tal‑kumpannija omm lis-sussidjarja jew tali teorija tapplika biss sabiex testendi r-responsabbiltà tas-sussidjarji lill-kumpannija omm?

[2])      Għall-estensjoni tal-kunċett ta’ unità ekonomika fil-qasam tar-relazzjonijiet intragrupp għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni esklużivament fatturi ta’ kontroll jew huwa wkoll possibbli li din l-estensjoni tkun ibbażata fuq kriterji oħra, b’mod partikolari l-fatt li s-sussidjarja setgħet tibbenefika mill‑atti li jikkostitwixxu l-ksur?

[3])      Fl-ipoteżi fejn ikun possibbli li tiġi estiża r-responsabbiltà tal-kumpannija omm lis-sussidjarja, għal liema kundizzjonijiet hija suġġetta din il‑possibbiltà?

4)      Fl-ipoteżi fejn ir-risposta għad-domandi preċedenti tkun favorevoli għar‑rikonoxximent tal-estensjoni tar-responsabbiltà lis-sussidjarji għal atti mwettqa mill-kumpanniji omm, leġiżlazzjoni nazzjonali bħall‑Artikolu 71(2) tal-Ley de Defensa de la Competencia (Il-Liġi ta’ Protezzjoni tal-Kompetizzjoni) li tipprevedi biss il-possibbiltà ta’ estensjoni tar-responsabbiltà tas-sussidjarja lill-kumpannija omm u dan dejjem sakemm tkun teżisti sitwazzjoni ta’ kontroll tal-kumpannija omm fuq is-sussidjarja, hija kompatibbli ma’ din il-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja]?”

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ April 2021, Mercedes Benz Trucks España talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

17      Insostenn tat-talba tagħha, hija tallega li r-raġunament żviluppat mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu mogħtija fil‑15 ta’ April 2021 f’din il-kawża huwa bbażat fuq elementi fattwali ġodda jew ipoteżijiet li ma tqajmux mill-qorti tar-rinviju u li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali jew il-partijiet ikkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

18      Mercedes Benz Trucks España tikkontesta għalhekk, fl-ewwel lok, l-affermazzjoni li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li tgħid li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-ammont tad-dannu li Sumal tallega li ġarrbet jidher li diġà ġie evalwat mill-qorti tar-rinviju.

19      Fit-tieni lok, Mercedes Benz Trucks España tqis li kien b’mod żbaljat li l-Avukat Ġenerali rrileva, fil-punt 75 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, fid-deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li l-kuntatti kollużivi, inizjalment li seħħew fil-livell tal-impjegati tal-kumpanniji omm involuti fl-akkordju, ġew iktar tard ikkonstatati wkoll fil-livell tas-sussidjarji ta’ dawn il-kumpanniji, b’mod iktar preċiż tas-sussidjarji Ġermaniżi ta’ Daimler biss.

20      Ċertament, bis-saħħa tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma jkollhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

21      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-kontenut tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistax jikkostitwixxi bħala tali fatt ġdid, li mingħajru jkun possibbli għall-partijiet, permezz tal-invokazzjoni ta’ tali fatt, li jirrispondu għall-imsemmija konklużjonijiet. Issa, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistgħux jiġu diskussi mill-partijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk kellha l-okkażjoni tenfasizza li, skont l-Artikolu 252 TFUE, ir-rwol tal-Avukat Ġenerali huwa li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu, sabiex jassistiha fit-twettiq tal-missjoni tagħha li hija li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema - Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 63 u 64). Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 20 ta’ dan l-Istatut u l-Artikolu 82(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali għandhom itemmu l-fażi orali tal-proċedura. Barra mid-dibattitu bejn il-partijiet, il-konklużjonijiet jiftħu l-fażi tad-deliberazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk din ma hijiex opinjoni intiża għall-imħallfin jew għall-partijiet li tirriżulta minn awtorità esterna għall-Qorti tal-Ġustizzja, iżda opinjoni individwali, motivata u espressa pubblikament, ta’ membru tal-istituzzjoni stess (digriet tal‑4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C‑17/98, EU:C:2000:69, punti 13 u 14).

22      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-elementi mressqa minn Mercedes Benz Trucks España ma jiżvelaw ebda fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li hija mitluba tagħti f’din il-kawża u li din tal-aħħar ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet jew il-partijiet ikkonċernati. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fi tmiem il-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura, l-elementi kollha neċessarji u għalhekk għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tiddeċiedi. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

23      Mercedes Benz Trucks España għandha dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għal żewġ motivi.

24      Fl-ewwel lok, din it-talba ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, peress li naqset milli tindika l-fatti rilevanti u pprovati li abbażi tagħhom id-domandi preliminari saru jew anki l-kontenut tal-Artikolu 71(2) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija talba tipprovdi espożizzjoni impreċiża, parzjali u ineżatta tal-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti.

25      F’dan il-każ, minn qari flimkien tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ddefinixxiet b’mod suffiċjenti l-kuntest fattwali u ġuridiku li taqa’ fih it-talba tagħha għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tippermetti kemm lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domanda.

26      Fit-tieni lok, Mercedes Benz Trucks España ssostni li l-erba’ domandi magħmula huma purament ipotetiċi. Għalhekk, l-ewwel tliet domandi ma għandhom ebda rabta mal-fatti tal-kawża prinċipali sa fejn Sumal la invokat u lanqas ma pproduċiet prova ta’ ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-estensjoni għal Mercedes Benz Trucks España tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Daimler, iżda tibbaża l-azzjoni tagħha esklużivament fuq id-deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016. Bl-istess mod, sa fejn l-Artikolu 71(2) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni ma huwiex applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni ma għandha l-ebda rilevanza għall-finijiet tar-riżoluzzjoni ta’ din it-tilwima.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Santen, C‑673/18, EU:C:2020:531, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Santen, EU:C:2020:531, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Ir-risposta li ser tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja għall-erba’ domandi magħmula ser tikkundizzjona l-eżitu tat-tilwima sa fejn din ser tippermetti lill-qorti tar-rinviju, minn naħa, tiddetermina jekk Mercedes Benz Trucks España tistax tiġi mħarrka u, min-naħa l-oħra, tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 71(2) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni mad-dritt tal-Unjoni.

30      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

31      Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-vittma ta’ prattika antikompetittiva ta’ impriża tista’ tressaq azzjoni għad-danni mingħajr distinzjoni kontra kumpannija omm li tkun ġiet issanzjonata mill-Kummissjoni abbażi ta’ din il-prattika f’deċiżjoni jew kontra sussidjarja ta’ din il-kumpannija li ma tkunx koperta minn din id-deċiżjoni peress li flimkien jikkostitwixxu unità ekonomika.

32      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 101(1) TFUE jipproduċi effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħloq drittijiet għall-individwi li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu (sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 1974, BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs, 127/73, EU:C:1974:6, punt 16, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      L-effikaċja sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE u, b’mod partikolari, l-effett utli tal‑projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiegħu jitqiegħdu fid-dubju jekk ma jkunx possibbli, għal kull persuna, li titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minn kuntratt jew minn imġiba li tista’ toħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 26, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 25).

34      Għalhekk, kull persuna għandha d-dritt li titlob kumpens għad-dannu mġarrab meta tkun teżisti rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u akkordju jew prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE (sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 61, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li huwa mifhum li d-determinazzjoni tal-entità li jkollha tikkumpensa d-dannu kkawżat minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE hija direttament irregolata mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 28).

35      Dan id-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għal tali dannu jsaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi l-ftehimiet jew il-prattiki, ħafna drabi moħbija, li jistgħu jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 27, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fil-fatt, lil hinn mill-kumpens stess tad-dannu allegat, il-ftuħ ta’ tali dritt jikkontribwixxi għall-għan ta’ dissważjoni li huwa fil-qalba tal-azzjoni tal-Kummissjoni, li għandha d-dmir li ssegwi politika ġenerali intiża li tapplika fil-qasam tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat FUE u li tiggwida f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 105). Dan il-ftuħ huwa għalhekk ta’ natura mhux biss li jirrimedja għad-dannu dirett li l-persuna inkwistjoni tallega li tkun ġarrbet, iżda wkoll għad-danni indiretti marbuta mal-istruttura u mal-funzjonament tas-suq, li ma jkunx seta’ jkollu l-effettività ekonomika sħiħa tiegħu, b’mod partikolari għall-benefiċċju tal-konsumaturi kkonċernati.

37      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, l-istess bħall-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mill-awtoritajiet pubbliċi (public enforcement), l-azzjonijiet għad-danni għall-ksur ta’ dawn ir-regoli (private enforcement) jifformaw parti integrali mis-sistema ta’ implimentazzjoni tal-imsemmija regoli, li hija intiża li twaqqaf l-aġir antikompetittiv tal-impriżi u sabiex tiskoraġġihom milli jwettqu tali aġir (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 45).

38      Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, li jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax ikollu portata differenti fil-kuntest tal-impożizzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ multi skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u f’dak tal-azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 47).

39      Issa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE jirriżulta li l-għażla tal-awturi tat-Trattati kienet li jintuża dan il-kunċett ta’ “impriża” sabiex jindika l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jista’ jiġi ssanzjonat skont dan l-artikolu, u mhux kunċetti oħra bħal dawk ta’ “kumpannija” jew ta’ “persuna ġuridika”. Il-leġiżlatur tal-Unjoni uża wkoll il-kunċett ta’ “impriża” fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 sabiex jiddefinixxi l-entità li fuqha l-Kummissjoni tista’ timponi multa sabiex tissanzjona ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenzi tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punti 123 u 124, kif ukoll tal‑25 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs GEA Group, C‑823/18 P, EU:C:2020:955, punti 62 u 63).

40      Bl-istess mod, mid-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L. 349, p. 1), u b’mod partikolari mill-punt 2 tal-Artikolu 2 tagħha, jirriżulta li dan l-istess leġiżlatur iddefinixxa l-“kontraventur [awtur tal-ksur]”, li għandu l-obbligu, skont din l-istess direttiva, għall-kumpens għad-dannu kkawżat mill-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni imputabbli lil dan il-awtur tal-ksur, bħala “l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li wettqet il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni”.

41      B’dan il-mod, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, billi jirreferi għall-attivitajiet tal-impriżi, jistabbilixxi bħala kriterju deċiżiv l-eżistenza ta’ unità ta’ aġir fis-suq, mingħajr ma s-separazzjoni formali bejn diversi kumpanniji li tirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom ma tkun tista’ tipprekludi tali unità għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, 48/69, EU:C:1972:70, punt 140, kif ukoll tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, EU:C:2006:784, punt 41). Il-kunċett ta’ “impriża” jinkludi għalhekk kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha, u b’hekk jindika unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika tkun komposta minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punti 54 u 55, kif ukoll tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punti 47 u 48). Din l-unità ekonomika tikkonsisti f’organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, materjali u immaterjali li jsegwu fit-tul għan ekonomiku partikolari, organizzazzjoni li tkun tista’ tipparteċipa fit-twettiq tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punti 84 u 86).

42      Meta tali unità ekonomika tikser l-Artikolu 101(1) TFUE, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur. F’dan ir-rigward, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ kwalunkwe entità ġuridika li taqa’ taħt unità ekonomika, huwa neċessarju li tiġi prodotta l-prova li entità ġuridika tal-inqas, bħala parti minn din l-unità ekonomika, tkun kisret l-Artikolu 101(1) TFUE, b’tali mod li l-impriża kkostitwita mill-imsemmija unità ekonomika titqies li tkun wettqet ksur ta’ din id-dispożizzjoni u li din iċ-ċirkustanza tiġi rrilevata f’deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkun saret definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punti 49 u 60) jew tiġi stabbilita b’mod awtonomu quddiem il-qorti nazzjonali kkonċernata meta ebda deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur ma tkun ġiet adottata mill-Kummissjoni.

43      B’hekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija omm b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din il-kumpannija sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu, fil-mument tat-twettiq tal-ksur, l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija omm, fid-dawl b’mod partikolari tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi, b’tali mod li, f’tali sitwazzjoni, dawn jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw l-istess impriża awtur tal-aġir tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punti 58 u 59, kif ukoll tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑516/15 P, EU:C:2017:314, punti 52 u 53, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Meta jiġi stabbilit li l-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, hija għalhekk l-eżistenza stess ta’ din l-unità ekonomika li tkun wettqet il-ksur li tiddetermina, b’mod deċiżiv, ir-responsabbiltà ta’ kumpannija waħda jew l-oħra li tifforma l-impriża għall-aġir antikompetittiv ta’ din tal-aħħar.

44      F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “impriża” u, permezz tiegħu, dak ta’ “unità ekonomika”, iwasslu ipso iure għal responsabbiltà in solidum bejn l-entitajiet li jikkostitwixxu l-unità ekonomika fil-mument tat-twettiq tal-ksur (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tar-responsabbiltà in solidum fil-qasam tal-multi, is-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il‑Kummissjoni, C‑625/13 P, EU:C:2017:52, punt 150, kif ukoll tal‑25 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs GEA Group, C‑823/18 P, EU:C:2020:955, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-organizzazzjoni tal-gruppi ta’ kumpanniji li jistgħu jikkostitwixxu unità ekonomika tista’ tkun differenti ħafna minn grupp għall-ieħor. Jeżistu, b’mod partikolari, gruppi ta’ kumpanniji tat-tip “konglomerat” li huma attivi f’diversi oqsma ekonomiċi u li ma jippreżentaw ebda rabta bejniethom.

46      Għaldaqstant, il-possibbiltà mogħtija lill-vittma ta’ prattika antikompetittiva li tinvoka, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni, ir-responsabbiltà ta’ kumpannija sussidjarja iktar milli dik tal-kumpannija omm ma tistax awtomatikament tinfetaħ kontra kwalunkwe kumpannija sussidjarja tal-kumpannija omm imsemmija f’deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona aġir li jikkostitwixxi ksur. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 58 tal‑konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “impriża” użat fl-Artikolu 101 TFUE huwa kunċett funzjonali, peress li l-unità ekonomika li tikkostitwixxi tali kunċett għandha tiġi identifikata mill-perspettiva tas-suġġett tal-ftehim inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, EU:C:1984:271, punt 11, u tas‑26 ta’ Settembru 2013, The Dow Chemical Company vs Il‑Kummissjoni, C‑179/12 P, EU:C:2013:605, punt 57).

47      Għaldaqstant, l-istess kumpannija omm tista’ tagħmel parti minn diversi unitajiet ekonomiċi kkostitwiti, skont l-attività ekonomika inkwistjoni, għaliha nfisha u għall-bqija ta’ kombinazzjonijiet differenti tal-kumpanniji sussidjarji tagħha li jappartjenu kollha għall-istess grupp ta’ kumpanniji. Jekk dan ma kienx il-każ, kumpannija sussidjarja li taqa’ taħt tali grupp tirriskja li tinżamm responsabbli għal ksur imwettaq fil-kuntest ta’ attivitajiet ekonomiċi li ma jippreżentaw ebda rabta mal-attività proprja tagħha u li fihom hija bl-ebda mod ma kienet involuta, lanqas indirettament.

48      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni, li hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE kkonstatat mill-Kummissjoni f’deċiżjoni, entità ġuridika li ma tissemmiex f’din id-deċiżjoni bħala li wettqet il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tista’ madankollu tinżamm responsabbli fuq din il-bażi minħabba l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ entità ġuridika oħra, peress li dawn il-persuni t-tnejn li huma jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u b’hekk jifformaw impriża, li hija l-awtur tal-ksur fis-sens tal-imsemmi Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 45, kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il‑Kummissjoni, C‑625/13 P, EU:C:2017:52, punt 145).

49      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-relazzjoni ta’ solidarjetà li tgħaqqad lill-membri ta’ unità ekonomika tiġġustifika b’mod partikolari li tiġi kkunsidrata ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva fir-rigward tal-kumpannija omm minkejja li din tal-aħħar ma kinitx is-suġġett ta’ proċeduri preċedenti, li jkunu taw lok għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għal deċiżjoni. F’tali sitwazzjoni, tidher determinanti l-konstatazzjoni preċedenti tal-ewwel ksur li tirriżulta mill-aġir ta’ kumpannija sussidjarja li magħha din il-kumpannija omm involuta fit-tieni ksur kienet tifforma, diġà fil-mument tal-ewwel ksur, impriża waħda biss fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni et vs Versalis et, C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 91).

50      Għaldaqstant, xejn ma jipprekludi, bħala prinċipju, li l-vittma ta’ prattika antikompetittiva tressaq azzjoni għad-danni kontra waħda mill-entitajiet ġuridiċi li jikkostitwixxu l-unità ekonomika u, għaldaqstant, l-impriża li, billi wettqet ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, tkun ikkawżat id-dannu mġarrab minn din il-vittma.

51      Għalhekk, f’ċirkustanzi fejn l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE tkun ġiet stabbilita fir-rigward ta’ kumpannija omm, il-vittma ta’ dan il-ksur tista’ tfittex li tinvoka r-responsabbiltà ċivili ta’ kumpannija sussidjarja ta’ din il-kumpannija omm iktar milli dik tal-kumpannija omm, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 ta’ din is-sentenza. Madankollu, ir-responsabbiltà ta’ din il-kumpannija sussidjarja tista’ tiġi invokata biss jekk il-vittma tipprova, jew billi tibbaża ruħha fuq deċiżjoni adottata minn qabel mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 101 TFUE, jew permezz ta’ kull mezz ieħor, b’mod partikolari meta l-Kummissjoni tkun baqgħet siekta fuq dan il-punt fl-imsemmija deċiżjoni jew ma tkunx għadha ntalbet tadotta deċiżjoni, li, fid-dawl, minn naħa, tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali msemmija fil-punti 43 u 47 ta’ din is-sentenza u, min-naħa l-oħra, tal-eżistenza ta’ rabta konkreta bejn l-attività ekonomika ta’ din il-kumpannija sussidjarja u s-suġġett tal-ksur li tiegħu l-kumpannija omm tinżamm responsabbli, l-imsemmija kumpannija sussidjarja kienet tikkostitwixxi mal-kumpannija omm tagħha unità ekonomika.

52      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li tali azzjoni għad-danni mressqa kontra kumpannija sussidjarja tippreżupponi li r-rikorrenti tipprova, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn kumpannija omm u l-kumpannija sussidjarja fis-sens tal-punti 41 u 46 ta’ din is-sentenza, ir-rabtiet li jgħaqqdu lil dawn il-kumpanniji msemmija fil-punt preċedenti tagħha, kif ukoll ir-rabta konkreta, imsemmija fl-istess punt, bejn l-attività ekonomika ta’ din il-kumpannija sussidjarja u l-għan tal-ksur li l-kumpannija omm tkun inżammet responsabbli għalih. Għalhekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-vittma għandha tistabbilixxi, bħala prinċipju, li l-ftehim antikompetittiv konkluż mill-kumpannija omm li għalih hija tkun ġiet ikkundannata jikkonċerna l-istess prodotti bħal dawk li tikkummerċjalizza l-kumpannija sussidjarja. B’dan il-mod, il-vittma turi li hija preċiżament l-unità ekonomika li tifforma parti minnha l-kumpannija sussidjarja, flimkien mal-kumpannija omm tagħha, li tikkostitwixxi l-impriża li effettivament wettqet il-ksur ikkonstatat minn qabel mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 101(1) TFUE, konformement mad-disinn funzjonali tal-kunċett ta’ “impriża” adottat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza.

53      Għandu jingħad ukoll li r-rekwiżiti tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea, għandhom jibbenefikaw lill-konvenut fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni, li tista’ twassal għall-kundanna ta’ din il-parti sabiex tikkumpensa lill-vittma ta’ prattika antikompetittiva. Huwa wkoll indispensabbli li l-kumpannija sussidjarja kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha, skont il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni et vs Versalis et, C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 94, kif ukoll tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 57). Għaldaqstant, din il-kumpannija sussidjarja għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha quddiem il-qorti nazzjonali kkonċernata l-mezzi kollha neċessarji għall-eżerċizzju utli tad-drittijiet tad-difiża tagħha, b’mod partikolari sabiex tkun tista’ tikkontesta l-appartenenza tagħha għall-istess impriża bħall-kumpannija omm tagħha.

54      F’dan ir-rigward, din il-kumpannija sussidjarja għandha tkun tista’ tikkonfuta r-responsabbiltà tagħha għad-dannu allegat, b’mod partikolari billi tinvoka kull motiv li hija setgħet tqajjem li kieku kienet involuta fil-proċedura miftuħa mill-Kummissjoni kontra l-kumpannija omm tagħha, li tkun wasslet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE (public enforcement).

55      Madankollu, fir-rigward tas-sitwazzjoni li fiha azzjoni għad-danni tkun ibbażata fuq il-konstatazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE f’deċiżjoni indirizzata lill-kumpannija omm tal-kumpannija sussidjarja konvenuta, din tal-aħħar ma tistax tikkontesta, quddiem il-qorti nazzjonali, l-eżistenza tal-ksur hekk ikkonstatat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi, b’mod partikolari, li meta l-qrati nazzjonali jiddeċiedu fuq ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki li jaqgħu taħt l-Artikolu 101 TFUE, li jkunu diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

56      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, ċertament, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li l-Kummissjoni, qabel ma tieħu deċiżjoni li tikkonstata ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni u timponi multa, għandha tagħti lill-persuni li għalihom tapplika l-proċedura l-opportunità li jesprimu l-perspettiva tagħhom dwar l-ilmenti li hija tkun semgħet u tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq l-ilmenti li fuqhom il-partijiet ikkonċernati jkunu setgħu jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom. F’dan il-kuntest, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija intiża li tippermetti l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża minn kull persuna ġuridika kkonċernata mill-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni ma jkollhiex l-intenzjoni li tikkonstata, fir-rigward ta’ kumpannija, ksur, id-drittijiet tad-difiża ma jirrikjedux li tintbagħat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet lil din il-kumpannija. Fil-fatt, it-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil kumpannija speċifika tfittex li tiżgura li d-drittijiet tad-difiża ta’ din l-istess kumpannija u mhux ta’ terz jiġu rrispettati, meta din l-aħħar persuna tkun ikkonċernata mill-istess proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, LG Electronics u Koninklijke Philips Electronics vs Il‑Kummissjoni, C‑588/15 P u C‑622/15 P, EU:C:2017:679, punti 44 sa 46).

57      L-imsemmija prinċipji huma, madankollu, partikolari għall-proċeduri li jikkostitwixxu ksur imwettqa mill-Kummissjoni, li għandhom, fil-fatt, il-partikolarità li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multa fuq l-entitajiet ġuridiċi speċifikament ikkonċernati minn tali proċeduri.

58      Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali ma jipprekludix, fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, in-natura definittiva, fir-rigward ta’ kumpannija sussidjarja, tal-konstatazzjoni ta’ tali ksur peress li, kif tfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, hija l-unità ekonomika li tikkostitwixxi l-impriża li wettqet il-ksur li jkollha twieġeb għalih.

59      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti li tikkostitwixxi r-reċidiva fir-rigward ta’ kumpannija omm, ta’ ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja ta’ din il-kumpannija omm, li ma huwiex meħtieġ li din tal-aħħar tkun suġġetta għal proċeduri preċedenti li jkunu taw lok għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għal deċiżjoni, bil-kundizzjoni li l-kumpannija sussidjarja li l-aġir tagħha jkun ta lok għall-ksur li twettaq mal-kumpannija omm inkwistjoni kienet, diġà fil-mument tal-ewwel ksur, impriża waħda biss fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. B’hekk, sakemm deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn impriża tkun ġiet indirizzata lil waħda mill-kumpanniji li kienu diġà jikkostitwixxu din l-impriża fil-mument fejn il-ksur ikun twettaq, b’tali mod li din il-kumpannija u, permezz tagħha, din l-impriża kellhom l-opportunità li jikkontestaw ir-realtà ta’ dan il-ksur, id-drittijiet tad-difiża tal-kumpanniji l-oħra li kienu jikkostitwixxu l-istess impriża ma jkunux jistgħux jinkisru minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ dan il-ksur fil-kuntest ta’ proċedura sussegwenti għal kumpens imressqa minn persuna li tkun ġarrbet dannu minħabba l-aġir ta’ ksur inkwistjoni, peress li tali azzjoni ma tkunx tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni bħal multa fuq dawn il-kumpanniji l-oħra.

60      Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn l-aġir li jikkostitwixxi ksur ma jkunx ġie kkonstatat mill-Kummissjoni f’deċiżjoni mogħtija skont l-Artikolu 101 TFUE, il-kumpannija sussidjarja ta’ kumpannija omm li tkun akkużata bi ksur għandha naturalment id-dritt li tikkontesta mhux biss l-appartenenza tagħha għall-istess impriża bħall-kumpannija omm iżda wkoll l-eżistenza tal-ksur allegat.

61      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll, b’estensjoni ta’ dak li ġie enfasizzat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li, kif indikat il-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja u hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-possibbiltà, għall-qorti nazzjonali kkonċernata, li tikkonstata responsabbiltà eventwali tal-kumpannija sussidjarja għad-danni kkawżati ma hijiex eskluża mis-sempliċi fatt li, jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni ma tkun adottat ebda sanzjoni jew li d-deċiżjoni li permezz tagħha hija tkun ikkonstatat dan il-ksur ma tkunx imponiet fuq din il-kumpannija sanzjoni amministrattiva.

62      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 51 tas-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314), la l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-ġurisprudenza ma jiddeterminaw il-persuna ġuridika jew fiżika li l-Kummissjoni jkollha żżomm responsabbli għall-ksur u tissanzjona bl-impożizzjoni ta’ multa.

63      Għalhekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tista’ liberament iżżomm responsabbli għal ksur u tissanzjona bl-impożizzjoni ta’ multa kwalunkwe entità ġuridika ta’ impriża li tkun ħadet sehem fi ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Minn dan isegwi li ma jistax jiġi dedott mill-identifikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kumpannija omm bħala persuna ġuridika li tista’ tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq minn impriża l-konstatazzjoni li waħda jew oħra mill-kumpanniji sussidjarji tagħha ma tkunx taqa’ taħt l-istess impriża li jkollha tirrispondi għall-istess ksur.

64      Għandu jingħad ukoll, għal kull bon fini, li, bħala prinċipju, xejn ma kien jipprekludi, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, allegata vittma tal-ksur inkwistjoni, tippreżenta r-rikors għad-danni tagħha quddiem il-qrati Spanjoli kontra l-kumpannija omm, Daimler AG, jew saħansitra kontra din tal-aħħar u Mercedes Benz Trucks España flimkien, peress li r-responsabbiltà eventwali ta’ din tal-aħħar għall-ksur hija suġġetta għall-kundizzjonijiet esposti fil-punt 52 ta’ din is-sentenza.

65      Fil-fatt, għandu jitfakkar li azzjoni intiża li jinkiseb il-kumpens għad-dannu li jirriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, bħalma hija l-kawża prinċipali, taqa’ taħt il-“materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, u tidħol, konsegwentement, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt 2 tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, jirriżulta li l-kunċett ta’ “post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jirreferi kemm għall-post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu kif ukoll għal dak tal-avveniment kawżali li jkun ta lok għal dan id-dannu, b’tali mod li l-konvenut jista’ jiġi mħarrek, fuq għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punti 24 u 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li dannu li jikkonsisti fi spejjeż addizzjonali imposti minn produttur ta’ trakkijiet fuq il-konċessjonarji u mgħoddija minn dawn tal-aħħar fuq l-utenti finali jikkostitwixxi dannu dirett li jippermetti li tiġi bbażata, bħala prinċipju, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun immaterjalizza ruħu, peress li l-ispejjeż addizzjonali mħallsa minħabba prezzijiet artifiċjalment għolja kienu jidhru bħala l-konsegwenza immedjata tal-ksur imwettaq skont l-Artikolu 101 TFUE. Issa, meta s-suq affettwat mill-aġir antikompetittiv ikun jinsab fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu allegatament ikun seħħ id-dannu allegat, hemm lok li jitqies li l-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, ikun jinsab f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punti 30, 31 u 33).

67      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vittma ta’ prattika antikompetittiva ta’ impriża tista’ tressaq azzjoni għad-danni indipendentement kontra kumpannija omm li tkun ġiet issanzjonata mill-Kummissjoni abbażi ta’ din il-prattika f’deċiżjoni jew kontra sussidjarja ta’ din il-kumpannija li ma tkunx koperta minn din id-deċiżjoni peress li flimkien jikkostitwixxu unità ekonomika. Il-kumpannija sussidjarja kkonċernata għandha tkun tista’ tinvoka b’mod utli d-drittijiet tad-difiża tagħha sabiex turi li hija ma hijiex parti mill-imsemmija impriża u, meta ebda deċiżjoni ma tkun ġiet adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 101 TFUE, hija għandha wkoll id-dritt li tikkontesta r-realtà nnifisha tal-allegat aġir li jikkostitwixxi ksur.

 Fuq ir-raba’ domanda

68      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà li r-responsabbiltà ta’ aġir ta’ kumpannija tiġi imputata lil kumpannija oħra biss fil-każ fejn it-tieni jkollha kontroll tal-ewwel waħda.

69      Peress li mir-risposta mogħtija għall-ewwel sat-tielet domandi jirriżulta li l‑Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li vittma ta’ prattika antikompetittiva ta’ impriża tista’ tressaq azzjoni għad-danni kontra kumpannija sussidjarja minħabba l-parteċipazzjoni tal-kumpannija omm f’din il-prattika, peress li dawn jikkostitwixxu unità ekonomika u jikkostitwixxu għalhekk l-imsemmija impriża flimkien, hemm lok li jitqies li din id-dispożizzjoni tipprekludi, konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fit-tali każ, il-possibbiltà li lill-kumpannija tiġi imputata r-responsabbiltà tal-aġir ta’ kumpannija lill-kumpannija oħra biss fil-każ fejn it-tieni waħda tkun tikkontrolla l-ewwel waħda.

70      Madankollu, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi, b’mod partikolari, fuq il-qrati nazzjonali li jinterpretaw, sa fejn huwa possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 57, u tal‑4 ta’ Marzu 2020, Bank BGŻ BNP Paribas, C‑183/18, EU:C:2020:153, punt 60).

71      Meta japplikaw id-dritt nazzjonali, dawn il-qrati huma għalhekk obbligati jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-dispożizzjoni tad-dritt primarju inkwistjoni, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa ta’ din id-dispożizzjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 73 u 77, kif ukoll tal‑4 ta’ Marzu 2020, Bank BGŻ BNP Paribas, C‑183/18, EU:C:2020:153, punt 66).

72      L-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu madankollu ċerti limiti u ma jistax b’mod partikolari jservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 110, kif ukoll tal‑4 ta’ Marzu 2020, Bank BGŻ BNP Paribas, C‑183/18, EU:C:2020:153, punt 67).

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-qorti tar-rinviju ma kinitx tqis ruħha f’pożizzjoni li tadotta interpretazzjoni tal-Artikolu 71(2) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni b’mod konformi mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE mogħtija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, hija għandha twarrab din id-dispożizzjoni nazzjonali u tapplika direttament l-Artikolu 101(1) TFUE għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

74      F’dan ir-rigward, ma jidhirx li huwa eskluż, prima facie, li jitqies, hekk kif sostna l-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni, ir-responsabbiltà ta’ kumpannija sussidjarja tkun tista’ tiġi stabbilita abbażi tal-Artikolu 71(2)(a) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jinftiehem bħala kull ksur tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE jew tal-Artikoli 1 jew 2 ta’ din il-liġi. Issa, dan il-gvern isostni li huwa possibbli li jiġi imputat il-fatt dannuż lill-kumpannija sussidjarja skont l-Artikolu 71(2)(a) tal-imsemmija liġi, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà li r-responsabbiltà tal-aġir ta’ kumpannija tiġi imputata lil kumpannija oħra biss fil-każ fejn it-tieni kumpannija tkun tikkontrolla l-ewwel kumpannija.

 Dwar l-ispejjeż

76      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vittma ta’ prattika antikompetittiva ta’ impriża tista’ tressaq azzjoni għad-danni mingħajr distinzjoni kontra kumpannija omm li tkun ġiet issanzjonata mill-Kummissjoni Ewropea abbażi ta’ din il-prattika f’deċiżjoni jew kontra sussidjarja ta’ din il-kumpannija li ma tkunx koperta minn din id-deċiżjoni peress li flimkien jikkostitwixxu unità ekonomika. Il-kumpannija sussidjarja kkonċernata għandha tkun tista’ tinvoka b’mod utli d-drittijiet tad-difiża tagħha sabiex turi li hija ma hijiex parti mill-imsemmija impriża u, meta ebda deċiżjoni ma tkun ġiet adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 101 TFUE, hija għandha wkoll id-dritt li tikkontesta r-realtà nnifisha tal-allegat aġir li jikkostitwixxi ksur.

2)      L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà li r-responsabbiltà tal-aġir ta’ kumpannija tiġi imputata lil kumpannija oħra biss fil-każ fejn it-tieni kumpannija tkun tikkontrolla l-ewwel kumpannija.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.