Language of document : ECLI:EU:C:2022:194

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fis‑17 ta’ Marzu 2022 (1)

Kawża C624/20

E.K.

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil – Residenza eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109/KE – Residenza għal raġunijiet ta’ natura temporanja – Residenza bis-saħħa ta’ dritt idderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE”






I.      Daħla

1.        Jista’ ġenitur ta’ wild minuri li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz u residenti fi Stat Membru bis-saħħa tad-dritt tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea jinvoka din ir-residenza sabiex jingħata status ta’ resident għal żmien twil mill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru?

2.        Fil-ġurisprudenza tagħha li tirriżulta mis-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (2), u tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (3), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-ġenituri ta’ wild, li huwa ċittadin tal-Unjoni u li huwa dipendenti fuqhom, igawdu dritt ta’ residenza dderivat mid-drittijiet taċ-ċittadinanza ta’ dak il-wild. Għaldaqstant dawk il-ġenituri jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru fejn jirrisjedi l-wild sakemm tibqa’ teżisti din id-dipendenza. Meta din ir-rabta ta’ dipendenza tintemm, id-dritt ta’ residenza dderivat jintemm ukoll b’konsegwenza ta’ dan.

3.        Id-domanda magħmula lill-qorti tar-rinviju hija dwar jekk din ir-residenza tistax tippermetti lil dawn il-ġenituri jinvokaw residenza twila biżżejjed sabiex japplikaw għal status ta’ resident għal żmien twil. Tressqet applikazzjoni bħal din minn E.K., ċittadina tal-Gana li ilha residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi għal ħafna snin ma’ binha, li llum huwa ta’ età, quddiem l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi). Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda u qiegħda tiġi kkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju.

4.        Din il-qorti tistaqsi jekk in-natura partikolari tal-imsemmija residenza ma tippermettix li tiġi kklassifikata bħala residenza temporanja fis-sens tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (4). Jekk dan huwa l-każ, ir-residenza ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser ikolli nqis li l-kunċett ta’ residenza temporanja, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(e) tal-imsemmija direttiva, huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni u li d-dritt ta’ residenza dderivat, ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE, jaqa’ f’dik il-kategorija.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva 2003/109

6.        Il-premessi 4, 6 u 17 tad-Direttiva 2003/109 jgħidu li:

“(4)      L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali [tal-Unjoni] dikjarata fit-Trattat.

[…]

(6)      Il-kriterju prinċipali għall-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul għandu ikun it-tul ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru. Ir-residenza għandha tkun kemm legali u kontinwa sabiex turi li persuna tkun stabbilixxit l-għeruq tagħha f’dak il-pajjiż. Għandha ssir disposizzjoni għall-grad ta’ flssibilità sabiex jingħata kont taċ-ċirkostanzi li fihom persuna setgħa kellha titlaq mit-territorju fuq bażi temporanju.

[…]

(17)      L-armonizzazzjoni tat-termini għall-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul jippromwovi kunfidenza komuni bejn l-Istati Membri. Ċerti Stati Membri joħorġu permessi b’validità permanenti jew illimitata fuq kondizzjonijiet li huma iktar favorevoli minn dawk li hemm provdut dwarhom minn din id-Direttiva. Il-possibbiltà ta’ l-applikazzjoni ta’ disposizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli ma hix eskluża fit-Trattat. Iżda, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandu ikun provdut li permessi maħruġa fuq termini iktar favorevoli ma jagħtux id-dritt tar-residenza fi Stati Membri oħra.”

7.        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jistabbilixxi li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)      it-termini għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul mogħti minn Stat membru f’relazzjoni ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li legalment jirrisjedu fit-territorju tiegħu, u d-drittijiet marbuta miegħu; u

(b)      it-termini ta’ residenza fi Stati Membri oħra minbarra dak li kien ikkonferixxa l-istatus għat-tul fuqhom għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu dak l-istatus.”

8.        L-Artikolu 3(2)(e) tal-imsemmija Direttiva jipprevedi li:

“Din id-Direttiva ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

[…]

(e)      jirrisjedu unikament fuq bażi temporanju bħal ħaddiema au pair jew staġjonali, jew bħala ħaddiema ppustjati minn provditur ta’ servizzi għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi bejn il-fruntieri, jew bħala provdituri ta’ servizzi bejn il-fruntieri jew fil-każi fejn il-permess tar-residenza tagħhom ikun ġir [ġie] formalment limitat;”

9.        L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu joħorġu permessi ta’ residenza b’validità permanenti jew illimitata li jkunu iktar favorevoli minn dawk preskritti f’din id-Direttiva. Dawk il-permessi ta’ residenza ma għandhomx jikkonferixxu d-dritt ta’ residenza fl-Istati Membri l-oħra kif hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva.”

B.      Id-dritt Olandiż

1.      Il-Vw 2000

10.      L-Artikolu 8(e) tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi tal-2000 dwar il-Barranin) (5), tat‑23 ta’ Novembru 2000, jistabbilixxi li:

“Persuna barranija għandha d-dritt li tirrisjedi b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi biss:

[…]

e.      bħala ċittadin [tal-Unjoni], sa fejn jirrisjedi bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni adottata skont it-Trattat [FUE] li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat‑2 ta’ Mejju 1992 (6)].”

11.      L-Artikolu 21(1) u (6) tal-Vw 2000 jipprevedi li:

“1.      Applikazzjoni għall-għoti ta’ permess ta’ residenza b’validità illimitata msemmi fl-Artikolu 20, imressqa minn persuna barranija li, immedjatament qabel ma ressqet l-applikazzjoni, kellha residenza legali għal ħames snin konsekuttivi jew fis-sens tal-Artikolu 8(a), (c), (e) [jew] (l), jew fuq il-bażi ta’ permess ta’ residenza għal residenti għal żmien twil – UE, tista’ tiġi miċħuda biss jekk il-persuna barranija:

a.      ma għandhiex, b’mod indipendenti u għal perijodu twil, flimkien ma’ jew mingħajr il-membru tal-familja li toqgħod magħha, mezzi suffiċjenti għall-għajxien;

b.      ipprovdiet informazzjoni mhux eżatta jew ma pprovdietx informazzjoni meta dik l-informazzjoni kienet twassal għar-rifjut tal-applikazzjoni għall-ksib, bdil jew estensjoni tal-permess;

c.      ġiet ikkundannata b’sentenza li saret definittiva għal ksur punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin jew iktar, jew ġiet imposta fuqha l-miżura msemmija fl-Artikolu 37(a) tal-Wetboek van Strafrecht [il-Kodiċi Kriminali];

d.      tirrappreżenta perikolu għas-sigurtà nazzjonali;

e.      stabbilixxiet ir-residenza prinċipali tagħha barra mill-Pajjiżi l-Baxxi;

f.      ma jkollhiex, dakinhar li tasal l-applikazzjoni, dritt ta’ residenza ta’ natura temporanja; jew

g.      ma għaddietx mill-eżami msemmi fl-Artikolu 7(1)(a) tal-Wet inburgering [il-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika, tat‑30 ta’ Novembru 2006 (7)] jew ma kisbitx diploma, ċertifikat jew dokument ieħor imsemmi fl-Artikolu 5(1)(c) ta’ din il-Liġi.

[…]

6.      Jistgħu jiġu stabbiliti regoli li jikkonċernaw ir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1 permezz jew bis-saħħa ta’ miżura amministrattiva ġenerali. F’dan il-kuntest, każijiet oħra għajr dawk previsti fil-paragrafi 1 sa 4 jistgħu jiġu indikati fejn jista’ jingħata l-permess ta’ residenza b’validità illimitata msemmi fl-Artikolu 20.”

12.      L-Artikolu 45(b) tal-Vw 2000 huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-applikazzjoni għall-għoti ta’ permess ta’ residenza għal residenti għal żmien twil – UE għandha tiġi miċħuda jekk, immedjatament qabel ma ressqet l-applikazzjoni, il-persuna barranija:

a.      kellha dritt ta’ residenza ta’ natura temporanja skont permess ta’ residenza għal żmien determinat imsemmi fl-Artikolu 14;

b.      kellha dritt ta’ residenza formalment limitat;

c.      kienet residenti skont status speċjali privileġġjat;

d.      kienet residenti, skont permess ta’ residenza għal żmien determinat imsemmi fl-Artikolu 28 li ma jkunx ingħata skont l-Artikolu 29(1)(a) jew (b);

e.      kienet residenti, skont permess ta’ residenza għal żmien determinat imsemmi fl-Artikolu 28 li jkun ingħata skont l-Artikolu 29(2), ma’ persuna barranija li għandha permess ta’ residenza msemmi fl-Artikolu 28 li ma jkunx ingħata skont l-Artikolu 29(1)(a) jew (b).

2.      Bla ħsara għall-paragrafu 1, applikazzjoni għall-għoti ta’ permess ta’ residenza għal residenti għal żmien twil – UE tista’ tiġi miċħuda biss jekk il-persuna barranija:

a.      ma kinitx residenti legalment, għal ħames snin mingħajr interruzzjoni u immedjatament qabel ma ressqet l-applikazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 8, b’kont meħud tal-paragrafu 3;

b.      fil-perijodu msemmi f’(a), kienet residenti barra l-Pajjiżi l-Baxxi għal sitt xhur konsekuttivi jew iktar, jew għal total ta’ għaxar xhur jew iktar;

c.      ma għandhiex, b’mod indipendenti u għal perijodu twil, flimkien ma’ jew mingħajr il-membru tal-familja li toqgħod magħha, mezzi suffiċjenti għall-għajxien;

d.      ġiet ikkundannata b’sentenza li saret definittiva għal ksur punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin jew iktar, jew ġiet imposta fuqha l-miżura msemmija fl-Artikolu 37(a) tal-[Kodiċi Kriminali];

e.      tirrappreżenta perikolu għas-sigurtà nazzjonali;

f.      ma għandhiex assigurazzjoni għall-mard suffiċjenti għaliha nnifisha u għall-membri tal-familja li hija responsabbli għalihom; jew

g.      ma għaddietx mill-eżami msemmi fl-Artikolu 7(1)(a) tal-[Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika] jew ma kisbitx diploma, ċertifikat jew dokument ieħor imsemmi fl-Artikolu 5(1)(c) ta’ din il-Liġi.

3.      Għall-kalkolu tal-perijodu msemmi fil-paragrafu 2(a), ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni r-residenza fis-sens tal-paragrafu 1 u r-residenza fis-sens tal-paragrafu 2(b), bl-eċċezzjoni tar-residenza għall-finijiet ta’ studju jew taħriġ professjonali, li għandha tingħadd nofsha.

4.      Jistgħu jiġu stabbiliti regoli li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 minn jew bis-saħħa ta’ miżura amministrattiva ġenerali.”

2.      Il-Vreemdelingenbesluit 2000

13.      L-Artikolu 3.51 tal-Vreemdelingenbesluit 2000 (id-Digriet tal‑2000 dwar il-Barranin) (8), tat‑23 ta’ Novembru 2000, jiddikjara li:

“1.      Id-dritt ta’ residenza skont permess ta’ residenza ordinarju għal żmien determinat ikun jew temporanju jew mhux temporanju.

2.      Ikun temporanju d-dritt ta’ residenza skont permess ta’ residenza mogħti suġġett għal restrizzjoni relatata:

a.      mar-residenza bħala membru tal-familja, meta l-persuna ta’ referenza:

1°      ikollha dritt ta’ residenza temporanja, jew

2°      ikollha permess ta’ residenza temporanja fis-sens ta’ ażil;

b.      max-xogħol staġjonali;

c.      mat-trasferiment intraazjendali;

d.      mal-provvista transkonfinali ta’ servizzi;

e.      mal-apprendistat;

f.      mal-istudju;

g.      mat-tiftix u t-twettiq ta’ xogħol, kemm jekk bil-ħlas kif ukoll jekk le;

h.      mal-iskambju, kemm jekk fil-kuntest ta’ trattat kif ukoll jekk le;

i.      mal-kura medika;

j.      ma’ raġunijiet umanitarji temporanji;

k.      mal-istennija sakemm issir applikazzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Rijkswet op het Nederlanderschap [l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Olandiża tad‑19 ta’ Diċembru 1984 (9)].

3.      Regolament Ministerjali jista’ jiddetermina, b’implimentazzjoni ta’ obbligi li jirriżultaw minn trattati jew deċiżjonijiet vinkolanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, każijiet fejn, b’deroga mill-paragrafu 2, id-dritt ta’ residenza huwa ta’ natura mhux temporanja.

4.      Jekk jingħata suġġett għal limitazzjoni oħra għajr dawk elenkati fil-paragrafu 2, il-permess ta’ residenza ma jkunx temporanju, sakemm ma jkunx previst mod ieħor meta jingħata.”

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, E.K., li twieldet fit‑30 ta’ Novembru 1960, hija ċittadina tal-Gana. Għandha tifel wieħed, li twieled fl‑10 ta’ Frar 2002, ta’ ċittadinanza Olandiża. Fid‑9 ta’ Settembru 2013, ingħatat, skont l-Artikolu 20 TFUE, permess ta’ residenza tal-UE bl-indikazzjoni “membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni”.

15.      Fit‑18 ta’ Frar 2019, E.K. ressqet applikazzjoni sabiex tikseb “permess ta’ residenza għal residenti għal żmien twil – UE”. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda fit‑30 ta’ Awwissu 2019 mis-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, li qies li d-dritt ta’ residenza ta’ E.K., peress li huwa ta’ natura temporanja, ma jikkwalifikax għall-permess li għalih saret l-applikazzjoni.

16.      L-ilment ta’ E.K. ġie ddikjarat bla bażi b’deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2019. E.K. ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

17.      Din il-qorti tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk in-natura temporanja jew le tar-residenza, meta ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu dritt ta’ residenza dderivat fuq il-bażi tal-Artikolu 20 TFUE, taqax taħt il-kompetenza tal-Istati Membri jew jekk hijiex kunċett li jrid jiġi interpretat b’mod uniformi ġewwa l-Unjoni.

18.      Fit-tieni lok, jekk il-kunċett ta’ “residenza temporanja” huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar jekk ir-residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz taħt dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE (iktar ’il quddiem id-“dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE”) hijiex temporanja jew le. Fil-fatt, hija tinnota li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħti l-ebda dritt awtonomu lil ċittadin ta’ pajjiż terz bħal dan. Kull dritt li jista’ jingħata lilhom, skont it-Trattat jew id-dritt sekondarju, huma drittijiet li jirriżultaw biss mill-eżerċizzju tad-dritt ta’ ċittadin tal-Unjoni għal moviment u residenza fit-territorju tal-Unjoni.

19.      L-istess qorti tinnota li, filwaqt li d-Direttiva 2004/38/KE (10) tippermetti lid-detentur ta’ dritt ta’ residenza dderivat jikseb dritt ta’ residenza permanenti, din il-leġiżlazzjoni ġiet aċċettata mill-Istati Membri, għall-kuntrarju tad-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE, li jirriżulta mill-ġurisprudenza.

20.      Il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-ewwel parti tal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu unikament għal raġunijiet ta’ natura temporanja. Din il-qorti tiddikjara li dawn ir-raġunijiet ikopru sitwazzjonijiet fejn iċ-ċittadin ma jkollux l-intenzjoni li joqgħod fit-tul fil-pajjiż ikkonċernat. Hija tikkonkludi li l-kriterju tal-intenzjoni li wieħed joqgħod fit-tul irid jintuża sabiex tiġi evalwata n-natura temporanja jew le ta’ residenza bbażata fuq l-Artikolu 20 TFUE. L-imsemmija qorti żżid li l-konvenut fil-kawża prinċipali jaċċetta li permess mogħti lill-ġenitur ta’ wild minuri abbażi tar-rispett għall-ħajja tal-familja skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (11) ma huwiex ta’ natura temporanja.

21.      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-implimentazzjoni mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109, jekk in-natura temporanja tar-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz abbażi ta’ dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE kellha tiġi aċċettata. Fil-fatt, l-Artikolu 45(b) tal-Vw 2000 jipprevedi li huma biss il-permessi nazzjonali li jintitolaw lid-detentur għal residenza temporanja li jikkostitwixxu raġunijiet għal ċaħda ta’ permess ta’ residenza għal residenti għal żmien twil – UE. Min-naħa l-oħra, id-drittijiet ta’ residenza ta’ natura temporanja, iżda li huma bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, jippermettu li jinkiseb permess ta’ residenza għal residenti għal żmien twil.

22.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu jekk id-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE huwiex minnu nnifsu ta’ natura temporanja jew mhux temporanja, jew din il-kwistjoni għandha tiġi ddefinita fil-livell tad-dritt tal-Unjoni?

2)      Jekk hija interpretazzjoni fil-livell tad-dritt tal-Unjoni li għandha tapplika, teżisti, fl-applikazzjoni tad-Direttiva [2003/109], distinzjoni bejn id-drittijiet ta’ residenza anċillari differenti li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jibbenefikaw minnhom skont id-dritt tal-Unjoni, fosthom id-dritt ta’ residenza anċillari mogħti lil membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni skont id-Direttiva 2004/38 u d-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE?

3)      Id-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE, li, min-natura tiegħu, huwa anċillari mal-eżistenza [ta’] relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni u huwa għalhekk limitat, huwa ta’ natura temporanja?

4)      Jekk id-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE huwa ta’ natura temporanja, l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi biss permessi ta’ residenza maħruġa taħt id-dritt nazzjonali milli jiksbu status ta’ residenza għal żmien twil skont id-Direttiva 2003/109?”

23.      E.K., il-Gvern Olandiż, Daniż u Ġermaniż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Daniż, il-partijiet kollha ppreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta tas‑7 ta’ Diċembru 2021.

IV.    Analiżi

24.      Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex li tivverifika jekk ir-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fis-sentenza Ruiz Zambrano u fis-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017 Chavez-Vilchez et (12), hijiex, għal ġenitur ta’ wild minuri ċittadin tal-Unjoni, ta’ natura temporanja jew le, sabiex tiddetermina, b’mod partikolari, jekk is-sitwazzjoni ta’ dik il-persuna taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109 jew le.

A.      Fuq l-ewwel domanda preliminari, li tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk in-natura temporanja jew le tar-residenza, fis-sens tad-Direttiva 2003/109, meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE, għandhiex tiġi interpretata b’mod uniformi u awtonomu ġewwa l-Unjoni

25.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “residenza temporanja” fl-ewwel parti tal-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 huwiex kunċett tad-dritt tal-Unjoni jew jekk jaqax taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

26.      Jien inqis, bħalma jagħmlu l-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Daniż, li dan il-kunċett huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni li jrid jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi ġewwa l-Unjoni.

27.      Fil-fatt, il-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li jiġu stabbiliti żewġ regoli.

28.      Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/109, indikat li, fir-rigward tas-suġġett tagħha, kif stabbilit fl-Artikolu 1(a), id-determinazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza legali” u tal-kundizzjonijiet jew tad-drittijiet relatati mal-imsemmija residenza jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (13). Madankollu, hija ddeċidiet ukoll li l-kliem “fil-każi fejn il-permess tar-residenza tagħhom ikun ġir [ġie] formalment limitat”, li jidher fl-Artikolu 3(2)(e) ta’ din id-Direttiva, irid jitqies li jirreferi għal kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u jiġi interpretat b’mod uniformi, fin-nuqqas ta’ riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri, sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju tal-ugwaljanza (14).

29.      Issa, id-Direttiva 2003/109 ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiġi ddefinita t-tifsira tal-espressjoni inkwistjoni fil-kuntest ta’ din id-domanda preliminari, jiġifieri “[residenza] unikament fuq bażi temporanju”.

30.      Min-naħa l-oħra, l-osservanza tal-applikazzjoni uniformi u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza għandu jipprevali speċjalment fir-rigward tal-portata u tan-natura tad-drittijiet li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-Unjoni (15), li huwa l-każ hawnhekk, peress li d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jirriżulta mid-drittijiet ta’ ċittadin tal-Unjoni.

31.      Għalhekk, nipproponi li nirrispondi għal din l-ewwel domanda billi ngħid li l-kunċett ta’ “residenza temporanja”, fis-sens, b’mod partikolari, tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109, huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi.

B.      Fuq it-tieni u t-tielet domanda preliminari, dwar in-natura temporanja jew le, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109, tad-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE

32.      Permezz tat-tieni u t-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tivverifika, minn naħa, jekk hemmx distinzjoni bejn id-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE u d-dritt ta’ residenza anċillari mogħti lil membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, previst fid-Direttiva 2004/38, u, min-naħa l-oħra, jekk il-fatt li d-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE huwa r-riżultat ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika minnu u dak iċ-ċittadin tal-Unjoni huwiex biżżejjed sabiex jikkaratterizza n-natura temporanja tar-residenza. Dawn id-domandi jistgħu jiġu ttrattati flimkien, peress li, essenzjalment, jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ir-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE hijiex temporanja fis-sens tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109.

33.      Ir-risposta għal dawn id-domandi hija neċessarja għall-qorti tar-rinviju sabiex tiddetermina jekk E.K. tistax tikseb l-istatus ta’ resident għal żmien twil skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jagħtu dan l-istatus liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom matul il-ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni rilevanti, filwaqt li huwa mfakkar li l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li “[l]-perjodi ta’ residenza għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2)(e) […] ma għandux jingħata kont tagħhom gaħll-finijiet tal-kalkolazzjoni tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1”.

34.      Għalhekk, jekk ir-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE tiġi kkwalifikata bħala temporanja, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109, it-tul ta’ din ir-residenza ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-perijodu meħtieġ ta’ ħames snin ta’ residenza skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva sabiex jinkiseb status ta’ resident għal żmien twil.

35.      F’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat li E.K. kellha dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE matul il-ħames snin qabel ma ressqet l-applikazzjoni għall-istatus ta’ resident għal żmien twil.

36.      Din id-domanda hija distinta minn dik dwar jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħetx tibqa’ tgawdi dritt ta’ residenza dderivat marbut mad-dipendenza ta’ binha fuqha wara li binha, ċittadin tal-Unjoni, laħaq l-età maġġuri, li ma jidhirx li toħloq diffikultà bħala prinċipju fir-rigward tal-ġurisprudenza, bil-kundizzjoni li l-qorti nazzjonali tistabbilixxi dan l-istat ta’ dipendenza, li għandu jiġi evalwat b’mod iktar strett milli fil-każ ta’ wild minuri (16).

37.      F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li E.K. attwalment tgawdi, kif ġie rrimarkat waqt is-seduta, minn dritt ta’ residenza abbażi tal-“ħajja privata u tal-familja”, ibbażat fuq l-Artikolu 8 tal-KEDB, li jagħtiha d-dritt għal status ta’ resident għal żmien twil wara perijodu ta’ ħames snin.

38.      L-argumenti inkwistjoni jikkonfliġġu, fir-realtà, fuq il-punt dwar jekk is-soluzzjoni tiddependix biss fuq il-filosofija li fuqha hija bbażata d-Direttiva 2003/109 jew jekk għandhiex titqies l-ispeċifiċità ta’ dan id-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE sabiex jingħata effetti li huma strettament limitati għall-għan prevalenti meta ġie rrikonoxxut fil-ġurisprudenza, jiġifieri li tiġi żgurata t-tgawdija effettiva, miċ-ċittadin tal-Unjoni, tad-drittijiet essenzjali mogħtija mill-istatus tiegħu. L-għan imfittex mill-Qorti tal-Ġustizzja ma kienx li tagħti drittijiet proprji liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jakkumpanja u jieħu ħsieb lil dan iċ-ċittadin tal-Unjoni li huwa dipendenti fuqu, u lanqas li toħloq sitwazzjoni li tagħti drittijiet proprji lil dak iċ-ċittadin, lil hinn minn dik ir-relazzjoni ta’ dipendenza.

39.      Jien nipproponi li, l-ewwel, isir użu mill-metodi klassiċi tal-interpretazzjoni, it-tieni, li tiġi evalwata l-ispeċifiċità tad-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE u, it-tielet, li jitqabbel mad-drittijiet ta’ residenza anċillari li jippermettu aċċess għal permess ta’ residenza għal żmien twil.

1.      In-natura temporanja tar-residenza fis-sens tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 abbażi tal-metodi ta’ interpretazzjoni

40.      Fl-ewwel lok, il-metodu letterali jidher li jwassal għal interpretazzjoni tat-termini “fuq bażi temporanju” għar-residenza li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109 id-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE.

41.      Fil-fatt, in-natura temporanja tikkwalifika dak li jdum biss għal żmien limitat għall-kuntrarju, għaldaqstant, tan-natura permanenti jew definittiva ta’ residenza. Dan ifisser li r-residenza hija prevista, mill-bidu nett, li tkun għal żmien qasir. F’dan is-sens, ma jistax jiġi miċħud li r-residenza li tirriżulta mill-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE la hija permanenti u lanqas definittiva, peress li t-tul tagħha huwa marbut mal-eżistenza ta’ stat ta’ dipendenza bejn il-ġenitur li jibbenefika minn dan id-dritt u l-wild tiegħu. Din ir-residenza għalhekk hija “temporanja” fis-sens letterali tat-terminu.

42.      Fit-tieni lok, għall-kuntrarju, mill-perspettiva teleoloġika, l-evalwazzjoni tirriżulta pjuttost fl-oppost. Fil-fatt, mill-għanijiet tad-Direttiva 2003/109, iddikjarati fil-premessi 4 u 6, jirriżulta li l-fatt li persuna toqgħod fit-tul u t-tul ta’ residenza legali kontinwa fit-territorju kkonċernat huma elementi essenzjali għall-kisba tal-istatus ta’ resident għal żmien twil u għall-koeżjoni ekonomika u soċjali.

43.      Ma hemm l-ebda dubju li t-trobbija ta’ wild minuri f’pajjiż jista’ jissarraf, għalkemm mhux dejjem, fil-fatt li persuna toqgħod fit-tul u f’perijodu relattivament twil, jew saħansitra twil ħafna, ta’ residenza, li jista’ jkun itwal mill-ħames snin meħtieġa mid-Direttiva 2003/109 għall-kisba ta’ status ta’ residenti għal żmien twil.

44.      Għandu jsir riferiment wkoll għall-eżempji mogħtija f’din id-direttiva ta’ raġunijiet ta’ natura temporanja għal residenza msemmija fl-Artikolu 3(2)(e) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri ħaddiema au pair, ħaddiema staġjonali u ħaddiema kkollokati minn fornitur ta’ servizzi għall-finijiet tal-provvista transkonfinali ta’ servizzi. Dawn l-eżempji juru li r-residenza hija prevista li tkun qasira mill-bidu. Minn dan jista’ jiġi dedott li, minn naħa, it-trobbija ta’ wild f’pajjiż ma hijiex komparabbli ma’ residenza għal xogħol ta’ au pair jew staġjonali u, min-naħa l-oħra, li n-natura temporanja tal-imsemmija residenza ma hijiex l-istess bħan-natura ta’ dawk l-eżempji mogħtija mill-istess direttiva. Għalhekk, fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2003/109, jidher li n-natura temporanja tar-residenza tista’ tiġi interpretata li ma timplikax, mill-bidu nett tar-residenza, il-fatt li l-persuna toqgħod fit-tul.

45.      Hemm diversi elementi li jappoġġjaw dan is-sens. Minn naħa, il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal direttiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2003/109 issemmi speċifikament, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, li “[l]-uniċi kategoriji esklużi huma dawk li ma għandhomx l-intenzjoni li joqogħdu fit-tul, b’mod partikolari persuni li jirrisjedu għall-finijiet ta’ studju jew ta’ impjieg staġjonali u dawk li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (17). Min-naħa l-oħra, ħafna iktar reċentement, il-Kummissjoni, fir-“Rapport dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil”, ippreżentat fid‑29 ta’ Settembru 2021, ħabbret li ser tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar residenti għal żmien twil sabiex jittejbu d-drittijiet u l-mobilità intra-UE ta’ dawk il-migranti li diġà huma integrati sew fl-Istati Membri (18). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ntalbet tinterpreta l-kategorija l-oħra ta’ drittijiet ta’ residenza esklużi mid-Direttiva permezz tal-Artikolu 3(2)(e), jiġifieri permessi “formalment limitat[i]”, iddeċidiet fuq “ir-raġunijiet ta’ natura temporanja” u indikat li tali bażi “ma tirriflettix a priori l-intenzjoni […] li jirrisjedu għat-tul fit-territorju tal-Istati Membri” (19).

46.      Barra minn hekk, l-implikazzjonijiet soċjali u ekonomiċi tat-trobbija ta’ wild jistgħu jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tal-ġenitur, meta wieħed iżomm f’moħħu li l-Istati Membri jidderivaw mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/109 il-possibbiltà, f’konformità mad-dritt nazzjonali tagħhom, li jivverifikaw il-kundizzjonijiet tal-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Madankollu, ma huwiex fl-istadju tal-eżami tal-kundizzjoni tat-tul u tan-natura tar-residenza li l-Istati Membri jiddeċiedu dwar l-integrazzjoni tal-persuna, anki jekk l-għan tal-integrazzjoni huwa mfittex b’mod ċar mid-Direttiva 2003/109.

47.      Jidher, għalhekk, li hija l-intenzjoni li wieħed joqgħod fit-tul li għandha tippermetti li jiġi ċċarat il-kunċett ta’ “raġunijiet ta’ natura temporanja” li jinsab fl-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109. Għaldaqstant, huwa fil-mument li jingħata d-dritt ta’ residenza temporanja li għandu jiġi analizzat jekk ir-residenza hijiex ser iddum u jekk il-ġenitur li jakkumpanja liċ-ċittadin tal-Unjoni għandux l-intenzjoni li joqgħod fit-tul. Dan ikun ifisser it-tneħħija tal-kunċett suġġettiv ta’ intenzjoni li wieħed joqgħod fit-tul, li jista’ jkun jeżisti għal ċerti drittijiet ta’ residenza temporanji esklużi b’mod espliċitu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, bħal fil-każ ta’ ħaddiema au pair li eventwalment jista’ jkollhom l-intenzjoni li joqogħdu fit-tul. Min-naħa l-oħra, jidher ċar li persuna li jkollha permess ta’ residenza sabiex taħdem bħala au pair ma’ familja ma jkollhiex l-intenzjoni li toqgħod fit-tul minħabba dan il-fatt. Bl-istess mod, l-integrazzjoni ma għandhiex tiġi kkunsidrata peress li, kif spjegajt fil-punt preċedenti, din hija kundizzjoni oħra għall-kisba ta’ status ta’ resident għal żmien twil li tqis il-mod kif żviluppat ir-residenza u mhux għaliex ġiet awtorizzata.

48.      Fit-tielet lok, l-użu ta’ interpretazzjoni suġġettiva ma jippermettix analiżi ċara favur l-inklużjoni tad-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109.

49.      Fil-fatt, għalkemm, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal direttiva jirreferi għall-intenzjoni tal-familji ta’ ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fit-tul (20), għandu madankollu jittieħed kont tal-fatt li din l-affermazzjoni ġiet spjegata biss bil-preżenza inizjali f’din il-proposta tal-Artikolu 3(3) speċifiku għall-familji ta’ dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni li kienu eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom (21). Dan il-paragrafu tħassar tul il-kors tal-proċedura leġiżlattiva, peress li tqies li ma jinftehimx u li l-kwistjoni għandha tiġi ttrattata fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-libertà ta’ moviment (22). Għalhekk huwa biss fil-każ ta’ eżerċizzju preċedenti ta’ din il-libertà taċ-ċittadin li s-sitwazzjoni tal-familji ssemmiet, u mbagħad ġiet imwarrba, fil-kuntest tan-negozjar tal-imsemmija dispożizzjoni.

50.      Lanqas ma jista’ jiġi argumentat, fil-fehma tiegħi, li t-test tad-Direttiva ma ġiex emendat bħala riżultat tas-sentenza Ruiz Zambrano. Tabilħaqq, din id-deċiżjoni intervjeniet fl-aħħar stadju tan-negozjati tar-reviżjoni tad-Direttiva 2003/109 permezz tad-Direttiva 2011/51/UE (23) u ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni (b’xi mod jew ieħor) f’dik l-okkażjoni.

51.      Fir-raba’ lok, l-użu ta’ interpretazzjoni sistematika fil-fatt jistedinna nikkunsidraw in-natura speċifika ħafna tad-dritt ta’ residenza dderivat inkwistjoni.

2.      L-ispeċifiċità tad-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE

52.      Għandu jitfakkar li, fis-sentenza Ruiz Zambrano, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-prinċipju li “l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġu interpretat bħala li jipprekludi li Stat Membru, minn naħa, jirrifjuta lil ċittadin ta’ Stat terz, li huwa responsabbli għal uliedu ta’ età żgħira, ċittadini tal-Unjoni, ir-residenza fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dawn tal-aħħar li tiegħu għandhom iċ-ċittadinanza u, min-naħa l-oħra, jirrifjuta lill-imsemmi ċittadin ta’ Stat terz permess ta’ xogħol, sa fejn tali deċiżjonijiet iċaħħdu lill-imsemmija wlied mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni” (24).

53.      Sentenzi sussegwenti ċċaraw li “mill-banda l-oħra, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħtu l-ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ Stati terzi” u li d-“drittijiet li jistgħu jingħataw [lil dawn iċ-ċittadini] mid-dispożizzjonijiet tat-trattat li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma humiex drittijiet ta’ dawn iċ-ċittadini stess, iżda drittijiet idderivati minn dawk li minnhom jibbenefika iċ-ċittadin tal-Unjoni” (25). Il-Qorti speċifikat li dan jikkonċerna sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna fejn l-effett utli ta’ din iċ-ċittadinanza tal-Unjoni jiġi ppreġudikat “jekk, bħala konsegwenza tar-rifjut ta’ tali dritt [ta’ residenza għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz], dan iċ-ċittadin jiġi obbligat, fil-fatt, li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat kollu kemm hu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali mogħtija b’dan l-istatus” (26).

54.      Din il-pożizzjoni ġurisprudenzjali għalhekk ħolqot dritt ta’ residenza dderivat sabiex ikopri sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna fil-qasam tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Peress li dan id-dritt ta’ residenza dderivat jingħata biss għall-benefiċċju taċ-ċittadin tal-Unjoni, il-korrispettiv għal dan l-indħil huwa li ma jipprevedi l-ebda dritt proprju għal dan iċ-ċittadin, iżda biss dritt ta’ residenza b’kunsiderazzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tal-wild minuri tiegħu fi stat ta’ dipendenza u għal kemm idum dan l-istat ta’ dipendenza.

55.      Issa, ma jistax jiġi miċħud li d-Direttiva 2003/109 tipprevedi, permezz tal-ħolqien ta’ status ta’ resident għal żmien twil, l-implimentazzjoni ta’ dritt proprju għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitoli I u II ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, hija ssemmi r-residenza għal “raġunijiet ta’ natura temporanja” eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva biss permezz ta’ eżempji fejn iċ-ċittadini jkollhom dritt personali ta’ residenza (pereżempju ħaddiema au pair). Għalhekk, lanqas il-fatt li wieħed ikollu dritt ta’ residenza proprju (27) ma huwa biżżejjed sabiex din ir-residenza taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva u, konsegwentement, sabiex il-persuna tkun tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tikseb l-istatus ta’ resident għal żmien twil.

56.      Għalhekk, jidhirli li E.K., li, bis-saħħa tas-sentenza Ruiz Zambrano, tibbenefika biss minn dritt ta’ residenza dderivat marbut mal-eżistenza tal-istat ta’ dipendenza ta’ binha, ma għandhiex dritt ta’ residenza proprju tagħha. Huwa dan in-nuqqas ta’ intenzjoni li tibbenefika minn drittijiet proprji tagħha li jrid jitqies fir-rigward tal-intenzjoni li toqgħod fit-tul li fuqha hija bbażata d-Direttiva 2003/109.

57.      Fi kwalunkwe każ, inqis li l-kunsiderazzjoni tal-intenzjoni ta’ E.K. li toqgħod fit-tul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat sabiex tibbenefika mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/109 wara ħames snin ta’ residenza skont id-dritt ta’ residenza dderivat imur lil hinn mill-konsegwenzi li l-Qorti tal-Ġustizzja xtaqet tislet mill-Artikolu 20 TFUE f’dan ir-rigward. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, l-intenzjoni li wieħed joqgħod fit-tul hija parti mid-drittijiet proprji taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jistax jinvoka minħabba n-natura dderivata tad-dritt ta’ residenza tiegħu. Barra minn hekk, jekk din id-direttiva tiġi interpretata fis-sens mitlub minn E.K. dan ikun ifisser, kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, li din tkun tista’ tikseb mhux biss l-istatus ta’ resident għal żmien twil, iżda wkoll, permezz ta’ dan, id-dritt ta’ residenza fl-Istati Membri l-oħra (28).

58.      Fil-fatt, sakemm tibqa’ teżisti r-rabta ta’ dipendenza mal-wild ċittadin tal-Unjoni, li hija r-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali li tivverifika, il-ġenitur jista’ jibqa’ fit-territorju sabiex jiżgura t-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali tal-wild tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni.

59.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[s]-sempliċi fatt li jista’ jidher desiderabbli għal ċittadin ta’ Stat Membru, […] sabiex iżomm il-familja tiegħu flimkien fit-territorju tal-Unjoni, li membri tal-familja tiegħu, li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, ikunu jistgħu jgħixu miegħu fit-territorju tal-Unjoni, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk tali dritt ma jingħatax” (29). Għalhekk, mill-Artikolu 20 TFUE ma jirriżultax dritt ta’ residenza għaż-żamma tal-unità tal-familja meta t-tluq taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx jimplika t-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni nnifsu. Għalhekk, ma huwiex id-dritt għall-unità tal-familja bħala tali li huwa protett, iżda l-possibbiltà li l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jibqa’ fit-territorju.

60.      Bħala konklużjoni intermedja, nirrimarka li, jekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tad-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE, billi l-persuna li tibbenefika minnu ma għandhiex l-intenzjoni li toqgħod fit-tul, din ir-residenza jidhirli li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109, peress li l-imsemmija residenza hija bbażata fuq raġuni ta’ natura temporanja.

61.      Jista’ anki jiġi mistoqsi jekk l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tar-residenza li tirriżulta mid-dritt ta’ residenza dderivat mill-Artikolu 20 TFUE ma hijiex fil-verità dovuta intrinsikament għan-natura tagħha, li ma toħloq l-ebda dritt proprju.

3.      L-ispeċifiċità tad-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE billi jiġi applikat ir-raġunament b’analoġija

62.      L-argument prinċipali ta’ E.K. u tal-Kummissjoni sabiex id-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE jingħata effetti bil-għan li jinkiseb status ta’ resident għal żmien twil jirriżulta mill-eżistenza, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ eżempji ta’ drittijiet ta’ residenza dderivati li jagħtu aċċess għal dritt ta’ residenza permanenti, li huwa dritt proprju. Għalhekk ikun xieraq li jsir raġunament b’analoġija.

63.      Din il-premessa hija l-bażi għat-tieni domanda preliminari, li tirreferi għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, li l-Artikolu 16(2) tagħha jipprevedi li, wara perijodu ta’ ħames snin, dritt ta’ residenza dderivat jagħti aċċess għal dritt ta’ residenza permanenti (30). Fl-osservazzjonijiet tagħha, E.K. tagħmel riferiment wkoll għall-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/86/KE (31), li jipprevedi permess ta’ residenza awtonomu għall-membri tal-familja tal-isponsor (32).

64.      Fir-rigward tad-Direttiva 2004/38, l-analoġija mal-mekkaniżmu implimentat minn din id-direttiva tista’ tidher attraenti mal-ewwel daqqa ta’ għajn peress li ċ-ċirkustanzi fattwali huma l-istess meta jitqiesu mill-perspettiva tal-ġenitur: il-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat marbut mal-istatus tal-wild tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni, għal perijodu ta’ iktar minn ħames snin. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ drittijiet ta’ residenza dderivati japplikaw fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni, peress li d-dritt tal-Unjoni jipproteġi, b’dan il-mod, din il-libertà ta’ dan iċ-ċittadin (33). Fil-każijiet koperti mill-imsemmija direttiva u mill-Artikolu 21 TFUE (34), dan jippermetti lill-ġenitur jikseb, wara ħames snin, dritt ta’ residenza permanenti.

65.      Madankollu, hemm diversi differenzi notevoli bejn dawn iż-żewġ drittijiet ta’ residenza dderivati.

66.      Minn naħa, id-dritt ta’ residenza dderivat u d-dritt ta’ residenza permanenti li jirriżulta skont id-Direttiva 2004/38 ġew mogħtija b’mod espliċitu lill-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-Istati Membri, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet il-perspettiva taċ-ċittadin tal-Unjoni, li jista’ jiġi prekluż milli jeżerċita d-drittijiet relatati mal-istatus tiegħu, sabiex tat dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li fuqu jiddependi dak iċ-ċittadin tal-Unjoni.

67.      Min-naħa l-oħra, fir-realtà, is-sitwazzjonijiet fattwali kkunsidrati mill-perspettiva tal-imsemmi ċittadin tal-Unjoni huma differenti. Fil-fatt, id-Direttiva 2004/38 ma tapplikax meta l-istess ċittadin tal-Unjoni qatt ma jkun għamel użu mid-dritt tiegħu għall-moviment liberu u dejjem ikun irrisjeda fl-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu (35), li hija s-sitwazzjoni tat-tifel ta’ E.K.. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE li ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa ġġustifikat biss sa fejn l-istat ta’ dipendenza bejn il-wild, ċittadin tal-Unjoni, u l-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, ikun għadu jeżisti. B’konsegwenza ta’ dan, sabiex tiġi mħarsa t-tgawdija effettiva miċ-ċittadin tal-Unjoni tad-drittijiet essenzjali li jirriżultaw mill-istatus tiegħu, ma huwiex meħtieġ li jiġi estiż id-dritt ta’ residenza dderivat mill-Artikolu 20 TFUE permezz ta’ dritt ta’ residenza permanenti favur il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz jekk l-istat ta’ dipendenza jippersisti.

68.      Barra minn hekk, huwa ċar li, bħal fid-Direttiva 2004/38, li ssegwi l-għanijiet tal-protezzjoni tal-ħajja tal-familja u tal-unità tal-familja fl-Istat Membru ospitanti, dawn huma meqjusa mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala sekondarji fil-konfront tal-għan primarju, li huwa li jiġi ffavorit il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (36). Madankollu, id-drittijiet tat-tifel ta’ E.K. għall-moviment liberu u għar-residenza ma humiex mxekkla sakemm jibqa’ l-istat ta’ dipendenza tat-tifel fuq il-ġenitur tiegħu u, konsegwentement, fuq id-dritt ta’ residenza dderivat tal-ġenitur. Meta jintemm dan l-istat ta’ dipendenza, it-tluq possibbli tal-ġenitur ma jinvolvix awtomatikament it-tluq tat-tifel ċittadin tal-Unjoni.

69.      Ċertament, teżisti analoġija li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja bejn ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika, minn naħa, previsti fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 u, min-naħa l-oħra, dawk li dejjem jistgħu jiġu invokati mill-Istati Membri fil-kuntest taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, kif stabbilit mill-Artikolu 20 TFUE (37).

70.      Dan ir-raġunament b’analoġija lanqas ma huwa biżżejjed sabiex jikkonvinċini, peress li din ir-referenza għat-theddida għall-ordni pubbliku tirrigwarda l-possibbiltà jew in-nuqqas tagħha li jiġi llimitat id-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE, filwaqt li, f’din il-kawża, E.K. qiegħda titlob li tingħata dritt ta’ residenza proprju għall-benefiċjarju ta’ dan id-dritt ta’ residenza dderivat. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti, li tista’ sservi wkoll sabiex tillimita d-dritt ta’ residenza dderivat, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tirraġuna b’analoġija bejn is-sistema li tirriżulta mid-Direttiva 2004/38 u dik li tirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE, u ddikjarat li “meta tkun teżisti relazzjoni ta’ dipendenza […] bejn ċittadin tal-Unjoni u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja tiegħu, l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi li Stat Membru jipprevedi eċċezzjoni għad-dritt ta’ residenza dderivat li dan l-artikolu jirrikonoxxi lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, għas-sempliċi raġuni li l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni ma jkollux riżorsi suffiċjenti” (38). Għalhekk, anki fl-evalwazzjoni tal-limiti tad-dritt ta’ residenza dderivat (li ma huwiex ikkontestat f’din il-kawża), il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tipproċedi awtomatikament permezz ta’ raġunament b’analoġija.

71.      Fir-rigward tad-Direttiva 2003/86 invokata minn E.K., l-analoġija saħansitra trid tiġi kkunsidrata b’iktar delikatezza. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement fakkret li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni u dawk li jisfaw vittmi ta’ vjolenza domestika mill-konjuġi tagħhom ma humiex f’sitwazzjoni komparabbli, fir-rigward taż-żamma tad-dritt ta’ residenza tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, skont jekk is-sitwazzjoni tagħhom hijiex koperta mid-Direttiva 2004/38 jew mid-Direttiva 2003/86 (39). Barra minn hekk, il-membri tal-familja ta’ dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni huma esklużi b’mod espliċitu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (40). Fl-aħħar nett, filwaqt li s-sitwazzjoni ta’ dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni li ma eżerċitawx il-libertà ta’ moviment tagħhom kienet inkluża fil-proposta inizjali għal direttiva dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, din ma nżammitx fil-verżjoni adottata (41).

72.      Għalhekk, ir-raġunament b’analoġija ma’ dispożizzjonijiet ta’ dritt idderivat ma jippermettix li jitqies li jeżisti dritt proprju taċ-ċittadin li jikkonsolida d-dritt ta’ residenza tiegħu dderivat mill-Artikolu 20 TFUE.

73.      Madankollu, għandu jiġi speċifikat li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/109 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu joħorġu permessi ta’ residenza b’validità permanenti jew illimitata li jkunu iktar favorevoli minn dawk preskritti f’din id-direttiva. Fuq dan il-punt, mill-proċess jirriżulta li l-amministrazzjoni Olandiża setgħet toħroġ permess ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 8 tal-KEDB u ammettiet, waqt is-seduta, li dan il-permess seta’ jagħti d-dritt għall-istatus ta’ resident għal żmien twil wara ħames snin. Għandu jiġi nnotat li dan il-permess ma jagħtix aċċess għal dritt ta’ residenza fl-Istati Membri l-oħra.

74.      B’kont meħud tal-ispeċifiċità tad-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE u tal-fatt li din ir-residenza ma turix intenzjoni li wieħed joqgħod fit-tul, u għalhekk tista’ tiġi kkwalifikata bħala residenza għal raġunijiet ta’ natura temporanja li tiġġustifika l-esklużjoni tagħha mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, inqis li dan id-dritt ta’ residenza dderivat, minħabba n-natura temporanja tiegħu, ma jippermettix li jingħata l-istatus ta’ resident għal żmien twil previst fl-Artikolu 4 tal-istess direttiva.

75.      Għalhekk, l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE tikkostitwixxi residenza unikament għal raġunijiet ta’ natura temporanja.

C.      Fuq ir-raba’ domanda preliminari dwar il-konformità mad-Direttiva 2003/109 tad-dritt nazzjonali li jeskludi biss il-permessi nazzjonali għal żmien qasir mill-kisba tal-istatus ta’ resident għal żmien twil – UE

76.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-Direttiva 2003/109, sa fejn id-dritt nazzjonali huwa iktar favorevoli minn din id-direttiva, peress li jeskludi, fir-rigward tal-permessi ta’ residenza għal żmien twil – UE, biss il-permessi nazzjonali għal żmien qasir.

77.      Fid-dawl tar-risposti proposti għad-domandi l-oħra, li minnhom jirriżulta li d-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għal din id-domanda.

V.      Konklużjoni

78.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), kif ġej:

1)      Il-kunċett ta’ “residenza temporanja”, fis-sens, b’mod partikolari, tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi.

2)      L-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE tikkostitwixxi residenza unikament għal raġunijiet ta’ natura temporanja.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      C‑34/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ruiz Zambrano”, EU:C:2011:124.


3      C‑133/15, EU:C:2017:354. Fil-Pajjiżi l-Baxxi, dan id-dritt ta’ residenza jissejjaħ “id-dritt ta’ residenza Chavez-Vilchez et” għaliex jagħmel riferiment għal din il-kawża li kienet tikkonċerna sitwazzjoni Olandiża.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272.


5      Stb. 2000, Nru 495, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”.


6      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3.


7      Stb. 2006, Nru 625.


8      Stb. 2000, Nru 497.


9      Stb. 1984, Nru 628.


10      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


11      Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.


12      C‑133/15, EU:C:2017:354.


13      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Singh (C‑502/10, EU:C:2012:636, punt 39).


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Singh (C‑502/10, EU:C:2012:636, punti 42 u 43).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31) u tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 43).


16      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 65).


17      Memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil (COM(2001) 127 final, punt 5.3).


18      Ara, f’dan is-sens, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-Rapport dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (COM(2021) 590 final, p. 17).


19      Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Singh (C‑502/10, EU:C:2012:636, punt 47).


20      Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil (COM(2001) 127 final, punt 5.3 (ĠU 2001, C 240 E, p. 79)).


21      Skont l-Artikolu 3(3) ta’ din il-proposta, “[i]ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu tal-persuni jistgħu jiksbu l-istatus ta’ residenti għal żmien twil fl-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadin tal-Unjoni biss wara li jiksbu, fis-sens tal-leġiżlazzjoni dwar il-moviment liberu tal-persuni, id-dritt ta’ residenza permanenti f’dak l-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 2001, C 240 E, p. 81).


22      Ara, f’dan is-sens, ir-Rapport dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil ((COM(2001) 127 – C5‑0250/2001 – 2001/0074(CNS), p. 36), ippreżentat mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet u għad-Drittijiet taċ-Ċittadini, għall-Ġustizzja u għall-Affarijiet Interni, fit‑30 ta’ Novembru 2001, disponibbli mis-sit internet li ġej: https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/A-5-2001-0436_FR.pdf.


23      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2011 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE (ĠU 2011, L 132, p. 1).


24      Sentenza Ruiz Zambrano (punt 45 u d-dispożittiv).


25      Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 72 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 74 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 51).


27      Ara wkoll l-eċċezzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/109.


28      Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/109.


29      Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 68).


30      Skont din id-dispożizzjoni, “[i]l-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li ma għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.”


31      Direttiva tal-Kunsill tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).


32      Skont l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, “[m]hux iktar tard minn wara ħames snin ta’ residenza, u sakemm il-membru tal-familja ma ngħatax permess ta’ residenza għal raġunijiet oħra barra dik ta’ riunifikazzjoni tal-familja, il-konjugi jew partner mhux miżżewweġ/miżżewġa u wild li jkun laħaq età maġġorenni għandhom ikunu intitolati, wara applikazzjoni, jekk rikjest, għal permess ta’ residenza awtonomu, indipendenti minn dak ta’ l-isponsor”.


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika) (C‑930/19, EU:C:2021:657, punt 74).


34      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 52).


35      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 57).


36      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika) (C‑930/19, EU:C:2021:657, punt 82).


37      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 81).


38      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni) (C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 49).


39      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika) (C‑930/19, EU:C:2021:657, punt 90).


40      Ara l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva.


41      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 49).