Language of document : ECLI:EU:T:2021:194

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

14 ta’ April 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Suq Daniż tat-trasport bl-ajru – Għajnuna mogħtija mid-Danimarka lil kumpannija tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 – Garanzija – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Impenji li jikkundizzjonaw il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirrimedja għad-danni kkawżati minn avveniment straordinarju – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ugwaljanza fit-trattament – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑378/20,

Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (l-Irlanda), irrappreżentata minn E. Vahida, F.-C. Laprévote, S. Rating, I.-G. Metaxas-Maranghidis u V. Blanc, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Tomat, L. Flynn u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Nymann‑Lindegren u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti, assistiti minn R. Holdgaard, avukat,

minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. de Moustier u P. Dodeller, bħala aġenti,

u minn

SAS AB, stabbilita fi Stokkolma (l-Isvezja), irrappreżentata minn F. Sjövall, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2416 final tal‑15 ta’ April 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56795 (2020/N) – Id-Danimarka – Kumpens għad-dannu kkawżat lil SAS mill-pandemija tal-COVID‑19,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, A. Kornezov, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk (Relatriċi) u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑27 ta’ Novembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl‑10 ta’ April 2020, ir-Renju tad-Danimarka kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, miżura ta’ għajnuna (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”) fil-forma ta’ garanzija għal kreditu kontinwu ta’ ammont massimu ta’ 1.5 biljun krona Svediża (SEK) lil SAS AB. Din il-miżura hija intiża li tikkumpensa parzjalment lil SAS għad-dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19.

2        Fil‑15 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2020) 2416 final, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56795 (2020/N) – Id-Danimarka – Kumpens għad-danni kkawżati lil SAS mill-pandemija tal-COVID‑19 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha hija qieset li l-miżura inkwistjoni, minn naħa, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, kienet kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

3        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti, Ryanair DAC, ippreżentat dan ir-rikors.

4        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti talbet li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, konformement mal-Artikoli 151 u 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2020, il-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) laqgħet it-talba għal proċedura mħaffa.

5        Fuq proposta tal-Għaxar Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

6        Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Lulju 2020.

7        Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fit‑12 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrenti ressqet talba motivata għal seduta għas-sottomissjonijiet orali.

8        Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fil‑31 ta’ Awwissu, fl‑4 u fil‑21 ta’ Settembru 2020, ir-Renju tad-Danimarka, SAS u r-Repubblika Franċiża talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fit‑8, fil‑15 u fit‑30 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti talbet, konformement mal-Artikolu 144(7) tar-Regoli tal-Proċedura, li ċerta data, li tinsab fir-rikors u fil-verżjoni mqassra tiegħu, ma tiġix ikkomunikata lir-Renju tad-Danimarka, lil SAS u lir-Repubblika Franċiża.

9        Permezz ta’ digrieti, rispettivament, tas‑17 ta’ Settembru u tas‑7 ta’ Ottubru 2020, il-President tal-Għaxar Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent tar-Renju tad-Danimarka, tar-Repubblika Franċiża u ta’ SAS u llimita provviżorjament il-komunikazzjoni tar-rikors u tal-verżjoni mqassra tiegħu għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali prodotti mir-rikorrenti, fl-istennija tal-eventwali osservazzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali.

10      Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikati fis‑7 ta’ Ottubru 2020, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża u SAS ġew awtorizzati, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 154(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jippreżentaw nota ta’ intervent.

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni u SAS jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13      Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tad-Danimarka jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Fid-dritt

14      Għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha d-dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52, u tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il‑Kummissjoni, T‑57/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:470, punt 84). Għaldaqstant, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-proċedura mħaffa u tal-importanza li tingħata tweġiba rapida fil-mertu kemm għar-rikorrenti kif ukoll għall-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka, għandha tiġi eżaminata qabel kollox il-fondatezza tar-rikors, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

15      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tar-rekwiżit li l-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma hijiex intiża li tirrimedja għad-danni mġarrba minn vittma waħda, it-tieni, fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-miżura inkwistjoni kienet proporzjonata fir-rigward tad-danni kkawżati lil SAS mill-pandemija tal-COVID‑19, it-tielet, fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ diversi dispożizzjonijiet relatati mal-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni, ir-raba’, fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tad-drittijiet proċedurali tagħha billi rrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja diffikultajiet serji u, l-ħames, fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tar-rekwiżit li l-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma hijiex intiża li tirrimedja għad-danni mġarrba minn vittma waħda

16      Ir-rikorrenti ssostni li l-avvenimenti straordinarji fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE jaffettwaw, bħala prinċipju, reġjuni jew setturi sħaħ, jew saħansitra ekonomija sħiħa. B’hekk, din id-dispożizzjoni hija intiża li tirrimedja għad-danni mġarrba mill-vittmi kollha ta’ dawn l-avvenimenti, u mhux xi wħud minnhom biss.

17      Il-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża u SAS jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti.

18      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, hija kompatibbli mas-suq intern kull għajnuna intiża li tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji.

19      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, adottata fid-deċiżjoni kkontestata, li l-pandemija tal-COVID‑19 kellha titqies bħala “avveniment straordinarju” fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-pandemija tal-COVID‑19 wasslet għall-interruzzjoni tal-parti l-kbira tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għeluq tal-fruntieri ta’ diversi Stati Membri tal-Unjoni, fosthom id-Danimarka.

20      Minn dan isegwi li r-rikorrenti tirrileva, ġustament, li SAS ma hijiex l-unika impriża, lanqas l-unika kumpannija tal-ajru, li ġiet affettwata mill-avveniment straordinarju inkwistjoni.

21      Madankollu, kif sostniet, ġustament, il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, ma jeżisti l-ebda obbligu, għall-Istati Membri, li jagħtu għajnuna intiża li tirrimedja għad-danni kkawżati minn avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

22      B’mod partikolari, minn naħa, għalkemm l-Artikolu 108(3) TFUE jobbliga lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-proġetti tagħhom fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat qabel ma jimplimentawhom, dan ma jobbligahomx, għall-kuntrarju, jagħtu għajnuna (digriet tat‑30 ta’ Mejju 2018, Yanchev, C‑481/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:352, punt 22).

23      Min-naħa l-oħra, għajnuna tista’ tkun intiża li tirrimedja għad-danni kkawżati minn avveniment straordinarju, konformement mal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, indipendentement mill-fatt li din ma tirrimedjax dawn id-danni kollha.

24      Konsegwentement, la mill-Artikolu 108(3) TFUE u lanqas mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jirrimedjaw id-danni kollha kkawżati minn avveniment straordinarju b’tali mod li lanqas ma jistgħu jiġu obbligati jagħtu għajnuna lill-vittmi kollha ta’ dawn id-danni.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi għas-sempliċi fatt li l-miżura inkwistjoni ma kinux jibbenefikaw minnha l-vittmi kollha tad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19.

26      Għalhekk, l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-miżura inkwistjoni kienet proporzjonata fir-rigward tad-danni kkawżati lil SAS mill-pandemija tal-COVID19

27      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(2)(b) TFUE sa fejn hija awtorizzat kumpens żejjed possibbli tad-dannu mġarrab minn SAS.

28      Il-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża u SAS jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti.

29      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, peress li din hija deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, kif stabbilit fl-Artikolu 107(1) TFUE, l-Artikolu 107(2)(b) TFUE għandu jiġi interpretat b’mod strett. Għaldaqstant, jistgħu jiġu kkumpensati biss, skont din id-dispożizzjoni, l-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati direttament minn diżastri naturali jew minn avvenimenti oħra straordinarji (sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C‑346/03 u C‑529/03, EU:C:2006:130, punt 79).

30      Minn dan isegwi li l-għajnuna li tista’ tkun ikbar mit-telf sostnut mill-benefiċjarji tagħha ma taqax taħt l-Artikolu 107(2)(b) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑73/03, mhux ippubblikata, EU:C:2004:711, punti 40 u 41).

31      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura kienet intiża li tikkumpensa parzjalment lil SAS għad-dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19. Għalkemm hija indikat li l-portata tad-dannu mġarrab minn SAS kien għadu mhux magħruf matul l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, hija madankollu ppreċiżat li dan kien it-“telf ta’ valur miżjud”, li jikkonsisti fid-differenza bejn id-dħul tal-perijodu minn Marzu 2019 sa Frar 2020 u dak tal-perijodu minn Marzu 2020 sa Frar 2021, li minnha tnaqqsu, minn naħa, l-ispejjeż varjabbli evitati, li ġew ikkalkolati fuq il-bażi tal-ispejjeż imġarrba bejn Marzu 2019 u Frar 2020, u, min-naħa l-oħra, il-marġni benifiċjarju relatat mat-telf mid-dħul. L-ammont tad-dannu ġie stmat provviżorjament billi ttieħed inkunsiderazzjoni tnaqqis fit-traffiku tal-ajru ta’ bejn 50 u 60 % għall-perijodu minn Marzu 2020 sa Frar 2021 meta mqabbel mal-perijodu minn Marzu 2019 sa Frar 2020 u kien jikkorrispondi għal ammont ta’ bejn SEK 5 u 15‑il biljun.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kkunsidrat li, anki fl-ipoteżi fejn l-ammont tal-għajnuna li tirriżulta mill-miżura inkwistjoni jikkorrispondi għall-ammont garantit, jiġifieri SEK 1.5 biljun, dan l-ammont jibqa’ inqas mid-dannu mġarrab minn SAS. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li r-Renju tad-Danimarka kien obbliga ruħu li jwettaq evalwazzjoni ex post tad-dannu effettivament imġarrab minn SAS sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2021 u li jitlob ir-rimbors tal-għajnuna mogħtija sa fejn din teċċedi l-imsemmi dannu, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-għajnuniet kollha li tista’ tingħata SAS minħabba l-pandemija tal-COVID‑19, inkluż minn awtoritajiet barranin, fosthom l-awtoritajiet Norveġiżi.

33      Fl-ewwel lok, l-ewwel, ir-rikorrenti ssostni li l-metodu ta’ kalkolu intiż għall-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minn SAS, ippreżentat fid-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex preċiż biżżejjed u ma jippermettix evalwazzjoni korretta tad-dannu mġarrab minn din l-impriża. Hija ssostni li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi kif ukoll żball ta’ evalwazzjoni.

34      It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni danni mġarrba mill-kumpanniji l-oħra tal-ajru fid-Danimarka.

35      Fir-rigward, l-ewwel, tal-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minn SAS, mill-punt 31 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni identifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkwantifikat id-dannu, jiġifieri t-telf mid-dħul, l-ispejjeż varjabbli evitati u l-aġġustament tal-marġni benifiċjarju, kif ukoll il-perijodu li matulu dan id-dannu seta’ jimmaterjalizza ruħu. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li t-telf mid-dħul kellu jiġi ddeterminat bit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul kollu ta’ SAS, u mhux biss dak idderivat mit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, u ppreżentat lista mhux eżawrjenti tal-ispejjeż imġarrba minn SAS. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-paragrafi 34 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat l-impenn tal-awtoritajiet Daniżi, minn naħa, li jikkwantifikaw ex post b’mod iddettaljat u konkret id-dannu mġarrab minn SAS u l-ammont tal-għajnuna li finalment kellha tibbenefika minnha u, min-naħa l-oħra, tiżgura li SAS tirrimborsa kumpens żejjed possibbli tal-imsemmi dannu.

36      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni kkaratterizzati mill-avveniment straordinarju, fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li tikkostitwixxi l-pandemija tal-COVID‑19, in-natura evoluttiva tiegħu u n-natura neċessarjament prospettiva tal-kwantifikazzjoni tad-dannu kkawżat u tal-ammont tal-għajnuna finalment mogħtija, il-Kummissjoni ppreżentat b’dettalji suffiċjenti, fid-deċiżjoni kkontestata, metodu ta’ kalkolu intiż għall-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minn SAS.

37      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li l-metodu ta’ kalkolu, kif iddefinit fid-deċiżjoni kkontestata, jippermetti l-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat ikbar mid-dannu realment imġarrab minn SAS. F’dan ir-rigward, il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni, fid-dokument intitolat “Għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali (l-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE) Lista ta’ kontroll għall-Istati Membri”, tistieden lill-Istati Membri jipprovdu “programm dettaljat li jistabbilixxi metodu għall-kalkolu tal-ħsara” fl-ipoteżi fejn tali metodu jkun jeżisti diġà fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi li l-metodu ta’ kalkolu ddefinit fid-deċiżjoni kkontestata ma huwiex preċiż biżżejjed għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-elementi preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi u lanqas żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minn SAS.

39      It-tieni, fir-rigward tad-dannu mġarrab mill-kumpanniji l-oħra tal-ajru fid-Danimarka, ir-rikorrenti ssostni, billi tibbaża l-argument tagħha żviluppat fil-kuntest tal-ewwel motiv, li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-vittmi kollha tal-avveniment straordinarju inkwistjoni indikat fl-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Madankollu, hemm lok li jitfakkar li, kif issemma fil-punt 24 iktar ’il fuq, l-Istati Membri ma humiex obbligati jagħtu għajnuna lill-vittmi kollha ta’ danni kkawżati minn tali avveniment straordinarju. Konsegwentement, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, l-għoti ta’ għajnuna li tibbenefika minnha SAS biss, ma kienx jiddependi mill-wiri, mill-Kummissjoni, li d-dannu kkawżat minn dan l-avveniment kien jaffettwa biss lil din l-impriża.

40      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li ma huwiex possibbli li l-Kummissjoni tistħarreġ il-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni qabel ix-xahar ta’ Marzu 2021. Hija ssostni li SAS tibbenefika mill-għajnuna kollha kważi immedjatament wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata filwaqt li d-dannu mġarrab minn SAS jimmaterjalizza ruħu biss b’mod progressiv sax-xahar ta’ Marzu 2021 u li l-ammont ta’ dan id-dannu jibqa’ ipotetiku, bit-teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ metodu biex jiġi kkalkolat.

41      F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li l-miżura inkwistjoni hija garanzija għal kreditu kontinwu. Minn dan isegwi li l-ammont massimu tal-għajnuna, jiġifieri l-ammont garantit ta’ SEK 1.5 biljun, ser jitħallas biss fl-ipoteżi fejn SAS ma tkunx kapaċi tirrimborsa l-ammonti kollha li jkunu ġew mislufa lilha. Issa, ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li, meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, il-Kummissjoni kellha tkun taf li SAS kienet ser issib ruħha neċessarjament f’tali inkapaċità.

42      Minn dan isegwi li, kif jirriżulta inċidentalment mill-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10), l-ammont ta’ għajnuna lil SAS kien jikkorrispondi, fir-realtà, għad-differenza fir-rata mogħtija lil din tal-aħħar bil-miżura inkwistjoni, jew fl-assenza tagħha, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

43      Il-Kummissjoni evalwat ir-rata massima ta’ interessi, fl-assenza tal-miżura inkwistjoni, għal 10.26 %, mingħajr ma din ġiet ikkontestata mir-rikorrenti. Konsegwentement, l-ammont tal-għajnuna mħallsa lil SAS ma jistax jeċċedi SEK 153.9 miljun fl-ewwel sena, li minnhom, barra minn hekk, għandhom jitnaqqsu l-prezz ta’ din il-miżura ffatturata lil SAS, li jitla’, skont id-deċiżjoni kkontestata, għal mill-inqas SEK 15‑il miljun fis-sena, kif ukoll ir-rata ta’ interessi nnegozjata minn SAS, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-adozzjoni tal-imsemmija miżura.

44      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li SAS tista’ tirċievi l-għajnuna kollha sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

45      It-tieni, il-Kummissjoni kkunsidrat, fi kwalunkwe każ, li d-dannu mġarrab minn SAS, evalwat għal mill-inqas SEK 5 biljun, ikun ikbar mill-ammont garantit mill-miżura inkwistjoni, jiġifieri SEK 1.5 biljun. Issa, għalkemm l-evalwazzjoni tad-dannu tiddependi mit-tbassir relatat mat-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru, ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element ta’ natura li jqajjem dubju dwar din l-evalwazzjoni. B’mod iktar partikolari, hija ma tikkontestax l-ipoteżi, adottata mill-Kummissjoni, ta’ tnaqqis fit-traffiku tal-ajru ta’ bejn 50 u 60 % għall-perijodu minn Marzu 2020 sa Frar 2021 meta mqabbel mal-perijodu minn Marzu 2019 sa Frar 2020. Hija lanqas ma tikkontesta l-fatt li d-dannu mġarrab minn SAS minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 jitla’ għal mill-inqas SEK 5 biljun.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun tikkontesta l-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni.

47      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għajnuna mogħtija mir-Renju tan-Norveġja u mir-Renju tal-Isvezja, u lanqas dik li tista’ tingħata qabel ix-xahar ta’ Marzu 2021.

48      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, minn naħa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li d-dannu mġarrab minn SAS, evalwat għal mill-inqas SEK 5 biljun, ikun ikbar mill-ammonti garantiti akkumulati li jirriżultaw mill-miżura inkwistjoni u minn skema ta’ għajnuna adottata preċedentement mir-Renju tal-Isvezja li għaliha SAS kienet eliġibbli, jiġifieri SEK 3 biljun. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rreferiet b’mod espliċitu għall-għajnuna kollha li tista’ tingħata lil SAS minħabba d-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19 qabel l-ewwel trimestru tal‑2021. B’mod partikolari, hija rreferiet b’mod speċifiku, minbarra għall-imsemmija skema Svediża, għal skema ta’ għajnuna adottata mir-Renju tan-Norveġja u li għaliha SAS hija eliġibbli. Għalhekk, ir-Renju tad-Danimarka obbliga ruħu li jitlob ir-rimbors tal-għajnuna li tirriżulta mill-miżura inkwistjoni, sakemm din, akkumulata ma’ oħrajn, inkluża dik mogħtija minn awtoritajiet barranin, teċċedi d-dannu effettivament imġarrab minn SAS.

49      Konsegwentement, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għajnuna mogħtija mir-Renju tan-Norveġja u mir-Renju tal-Isvezja, u lanqas dik li tista’ tingħata qabel ix-xahar ta’ Marzu 2021.

50      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta min-natura diskriminatorja tal-miżura inkwistjoni.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern, il-vantaġġ mogħti minn din l-għajnuna lill-benefiċjarju tagħha ma jinkludix l-eventwali benefiċċju ekonomiku li twettaq minnha mill-operat ta’ dan il-vantaġġ. Tali benefiċċju jista’ ma jkunx identiku għall-vantaġġ li jikkostitwixxi l-imsemmija għajnuna, jew saħansitra jista’ jkun ineżistenti, mingħajr ma dan il-fatt jista’ jiġġustifika evalwazzjoni differenti tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity, C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 92).

52      Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, ġustament, ħadet inkunsiderazzjoni l-vantaġġ mogħti lil SAS, kif dan jirriżulta mill-miżura inkwistjoni, kif joħroġ mill-punti 40 sa 46 iktar ’il fuq. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ddeterminatx l-eżistenza ta’ eventwali benefiċċju ekonomiku li jirriżulta minn dan il-vantaġġ.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun tikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni vantaġġ kompetittiv possibbli li jirriżulta min-natura diskriminatorja li hija tallega.

54      Konsegwentement, it-tieni motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ diversi dispożizzjonijiet relatati mal-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni

55      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment, minħabba li l-miżura inkwistjoni toffri kundizzjonijiet iktar favorevoli rriżervati għall-impriżi stabbiliti fid-Danimarka.

56      Il-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża u SAS jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti.

57      Għandu jitfakkar li għajnuna mill-Istat li tikser dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 44; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 50 u 51).

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

58      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 66; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 49).

59      L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għaldaqstant in-natura komparabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jifforma parti minnu l-att inkwistjoni (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26).

60      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, EU:C:1984:183, punt 25), premess li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi applikata dik li hija l-inqas oneruża, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 55).

61      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tawtorizza trattament diskriminatorju li ma huwiex neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri li jiġu rrimedjati d-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19. Hija tikkunsidra li l-għan li jinżammu l-konnettività tad-Danimarka kif ukoll il-konnettività intra‑Skandinava msemmija wkoll f’din id-deċiżjoni jikser l-Artikolu 107(2)(b) TFUE u jeżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni kumpanniji oħra tal-ajru sa fejn dawn jirrappreżentaw 68 % tat-traffiku tal-ajru kollu tal-passiġġieri intern u internazzjonali tad-Danimarka. Barra minn hekk, l-għan li tinżamm il-konnettività intra‑Skandinava jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità. Bl-istess mod, il-kriterju tal-Istat Membru li ħareġ lil SAS il-liċenzja operattiva tagħha, użat fid-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

62      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-miżura inkwistjoni ma għandhiex l-għan, minbarra dak li tikkumpensa parzjalment lil SAS tad-dannu li jirriżulta mill-pandemija tal-COVID‑19, li żżomm il-konnettività tad-Danimarka kif ukoll l-“aċċessibbiltà intra‑Skandinava”.

63      Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-paragrafi 21 sa 26 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, dawn il-paragrafi jinsabu fil-punt intitolat “Benefiċjarju”, li sempliċement jiddeskrivi l-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri SAS. Min-naħa l-oħra, mill-punt intitolat “Għan tal-miżura” ta’ din id-deċiżjoni, u b’mod iktar partikolari mill-paragrafu 5 tagħha, jirriżulta li l-miżura hija intiża biss li tikkumpensa parzjalment lil SAS għad-dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni u mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19.

64      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li l-miżura inkwistjoni ingħatat lil SAS minħabba li din tal-aħħar kienet detentur ta’ liċenzja operattiva fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3), maħruġa mir-Renju tad-Danimarka. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat, ċertament, fil-punt intitolat “Benefiċjarju” tad-deċiżjoni kkontestata, li SAS kienet l-unika kumpannija tal-ajru li kienet detentur ta’ liċenzja maħruġa mir-Renju tad-Danimarka, li hija “essenzjali għall-aċċessibbiltà lejn, minn u fi ħdan [dan l-Istat Membru]”. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-għan tal-miżura inkwistjoni ma huwiex li tiżgura l-aċċessibbiltà tad-Danimarka, din il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li għandha l-għan li tiġġustifika l-fatt li l-miżura inkwistjoni kellha tibbenefika minnha biss SAS.

65      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li għajnuna individwali, bħal dik inkwistjoni, tibbenefika minnha, mid-definizzjoni tagħha, impriża waħda biss, bl-esklużjoni tal-impriżi l-oħra kollha, inklużi dawk li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna. B’hekk, min-natura tagħha, tali għajnuna individwali tistabbilixxi differenza fit-trattament, saħansitra diskriminazzjoni, li madankollu hija inerenti għan-natura individwali tal-imsemmija miżura. Issa, il-fatt li jiġi sostnut, kif tagħmel ir-rikorrenti, li l-għajnuna individwali inkwistjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, essenzjalment, iqajjem dubju b’mod sistematiku dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ kull għajnuna individwali minħabba s-sempliċi fatt tan-natura intrinsikament esklużiva u b’hekk diskriminatorja tagħha, filwaqt li d-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri jagħtu għajnuna individwali, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 107 TFUE.

66      F’dan ir-rigward, inċidentalment fil-punt 24 iktar ’il fuq ġie rrilevat li, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, l-Istati Membri ma humiex obbligati jirrimedjaw id-danni kollha kkawżati minn avveniment straordinarju u, konsegwentement, jagħtu għajnuna lill-vittmi kollha ta’ dawn id-danni.

67      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 59 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni, ġustament, li l-kumpanniji kollha tal-ajru li joperaw fid-Danimarka ġew affettwati mir-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija tal-COVID‑19 u li dawn, konsegwentement, kollha ġarrbu, bħal SAS, dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħhom wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19.

68      Madankollu, kieku kellu jitqies, kif issostni r-rikorrenti, li d-differenza fit-trattament stabbilita mill-miżura inkwistjoni, sa fejn din tibbenefika minnha biss SAS, tista’ tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk din hijiex iġġustifikata minn għan leġittimu u jekk hijiex neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex dan jintlaħaq (ara l-punti 58 u 60 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, għandu jiġi enfasizzat li, skont din id-dispożizzjoni, kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati “u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm” hija pprojbita. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi vverifikat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex permessa fir-rigward tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-eżami jimplika, minn naħa, li l-għan tal-miżura inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-modalitajiet tal-għoti tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, il-fatt li din tibbenefika minnha biss SAS, ikunu ta’ natura li jippermettu li jintlaħaq dan l-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

69      Fir-rigward tal-għan tal-miżura inkwistjoni, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li l-kumpens għal dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet ta’ kumpannija tal-ajru wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 jippermetti li jirrimedja d-danni kkawżati minn din il-pandemija. Kif ġie rrilevat fil-punt 19 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-fatt li l-pandemija tal-COVID‑19 tikkostitwixxi avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

70      Fir-rigward tal-modalitajiet tal-għoti tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni tirrileva, fid-deċiżjoni kkontestata, li SAS, li l-operat tagħha kien ikkonċentrat fid-Danimarka, fl-Isvezja u fin-Norveġja, kienet tirrappreżenta żewġ terzi tat-traffiku tal-ajru intra‑Skandinavu, 33 % tat-traffiku fl-ajruport ta’ Kopenħagen (id-Danimarka), 32 % tat-traffiku totali domestiku u internazzjonali fid-Danimarka u 40 % tal-konnettività domestika tad-Danimarka. Issa, ir-rikorrenti tirrikonoxxi hija stess li “[l]-parti mis-suq tikkostitwixxi indikatur aċċettabbli tad-danni mġarrba mill-kumpanniji tal-ajru”.

71      Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li tali fatt ma jippermettix li tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-miżura inkwistjoni. Fil-fatt, hija tikkunsidra li din id-differenza fit-trattament ma hijiex proporzjonata sa fejn din il-miżura tagħti lil SAS l-għajnuna kollha intiża li tirrimedja d-dannu kkawżat mill-pandemija tal-COVID‑19 filwaqt li SAS iġġarrab inqas minn 35 % ta’ dan id-dannu.

72      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li SAS, minħabba l-partijiet tagħha mis-suq li huma ikbar, ġiet affettwata iktar mir-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija tal-COVID‑19 mill-kumpanniji l-oħra tal-ajru preżenti fid-Danimarka. Inċidentalment dan huwa kkonfermat mid-data li tinsab fl-Anness A.3.2 tar-rikors, li minnha jirriżulta li SAS kellha l-ikbar parti mis-suq fid-Danimarka, ta’ 34 % u li din il-parti mis-suq kienet ogħla b’mod sinjifikattiv minn dawk tal-eqreb kompetitur tagħha u tar-rikorrenti, li kellhom biss parti mis-suq, rispettivament, ta’ 18 % u ta’ 9 %.

73      Barra minn hekk mid-data msemmija fil-punt 70 iktar ’il fuq jirriżulta b’mod partikolari li SAS hija, b’mod proporzjonali, affettwata b’mod iktar sinjifikattiv minn dawn ir-restrizzjonijiet milli hija r-rikorrenti, li kienet twettaq biss, kif jirriżulta mill-Anness A.3.2 tar-rikors, parti minima mill-attività tagħha lejn id-Danimarka u minn dan l-Istat, b’differenza minn SAS li għaliha din il-parti kienet ferm ikbar.

74      Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament favur SAS hija xierqa sabiex jiġu rrimedjati d-danni li jirriżultaw minn dawn ir-restrizzjonijiet u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, konformement mal-motivi diġà rrilevati fil-punti 40 sa 49 iktar ’il fuq.

75      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix li, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont żgħir tal-miżura inkwistjoni, imfakkar fil-punt 43 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minn SAS, imfakkar fil-punt 31 iktar ’il fuq, it-tqassim tal-imsemmi ammont bejn il-kumpanniji kollha tal-ajru preżenti fid-Danimarka kien iċaħħad l-imsemmija miżura minn effett utli.

76      Minn dan isegwi li kien iġġustifikat li l-benefiċċju tal-miżura inkwistjoni jingħata biss lil SAS u li l-miżura inkwistjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

 Fuq il-ksur tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

77      Għandu jitfakkar li, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi sabiex jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Finanzamt Linz, C‑66/14, EU:C:2015:661, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Min-naħa l-oħra, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tipprekludi l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li trendi l-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interna għal Stat Membru, indipendentement mill-eżistenza ta’ diskriminazzjoni skont in-nazzjonalità jew ir-residenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, Stylianakis, C‑92/01, EU:C:2003:72, punt 25). Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fil-qasam tat-trasport, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-titolu dwar it-trasport, jiġifieri t-Titolu VI tat-Trattat FUE. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport hija għaldaqstant suġġetta, fi ħdan id-dritt primarju, għal sistema ġuridika speċifika (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 36). Konsegwentement, l-Artikolu 56 TFUE, li jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma japplikax bħala tali għall-qasam tat-traffiku bl-ajru (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger, C‑382/08, EU:C:2011:27, punt 22).

79      Għaldaqstant huwa biss abbażi tal-Artikolu 100(2) TFUE li miżuri ta’ liberalizzazzjoni tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru jistgħu jiġu adottati (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 38). Issa, kif irrilevat, ġustament, ir-rikorrenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament Nru 1008/2008 fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha preċiżament l-għan li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni, fis-settur tat-trasport bl-ajru, tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, Stylianakis, C‑92/01, EU:C:2003:72, punti 23 u 24).

80      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minħabba n-natura diskriminatorja tagħha.

81      Issa, għalkemm huwa veru li l-miżura inkwistjoni tirrigwarda għajnuna individwali li tibbenefika minnha biss SAS, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix kif din in-natura esklużiva hija ta’ natura li tiskoraġġixxiha milli tistabbilixxi ruħha fid-Danimarka jew milli tipprovdi servizzi minn u lejn dan il-pajjiż. Ir-rikorrenti b’mod partikolari baqgħet ma identifikatx il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jwasslu biex din il-miżura tipproduċi effetti restrittivi li jmorru lil hinn minn dawk li jagħtu lok għall-projbizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, iżda li, kif ġie deċiż fil-punti 58 sa 76 iktar ’il fuq, huma madankollu neċessarji u proporzjonati sabiex jirrimedjaw id-danni kkawżati lil SAS mill-avveniment straordinarju li huwa l-pandemija tal-COVID‑19, konformement mar-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

82      Konsegwentement, il-miżura inkwistjoni ma tistax tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma għandhiex raġun tikkritika lill-Kummissjoni li ma eżaminatx il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud it-tielet motiv tar-rikorrenti.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti billi rrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja diffikultajiet serji

84      Ir-rikorrenti ssostni li l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni ma kienx suffiċjenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni kif ukoll tal-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u dawk relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mal-libertà ta’ stabbiliment. Issa, in-natura insuffiċjenti ta’ dan l-eżami tixhed l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u tippermetti lir-rikorrenti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha u, għalhekk, tinfluwenza l-imsemmija investigazzjoni.

85      Il-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża u SAS jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti.

86      Għandu jiġi rrilevat, kif issostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, li r-raba’ motiv tar-rikorrenti jippreżenta, fir-realtà, natura sussidjarja, fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tkunx eżaminat il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tali motiv huwa intiż li jippermetti li parti interessata tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli, f’din il-kwalità, li tippreżenta rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, li inkella kien ikun irrifjutat lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 48, u tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher‑Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 44). Issa, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel tliet motivi tar-rikors, relatati mal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, b’tali mod li tali motiv huwa mċaħħad mill-għan indikat tiegħu.

87      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa nieqes minn kontenut awtonomu. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ tali motiv, ir-rikorrenti tista’ tinvoka biss, għall-finijiet taż-żamma tad-drittijiet proċedurali li hija tibbenefika minnhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, motivi ta’ natura li juru li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ jkollha, matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-miżura kkomunikata, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 81; tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 35, u tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59), bħan-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew l-eżistenza ta’ lmenti minn partijiet terzi. Issa, għandu jiġi rrilevat li r-raba’ motiv jirriproduċi b’mod konċiż l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel sat-tielet motiv mingħajr ma jenfasizza elementi speċifiċi dwar diffikultajiet serji eventwali.

88      Għal dawn il-motivi, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-mertu tal-imsemmija motivi, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE

89      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE sa fejn hija ma evalwatx il-vantaġġ kompetittiv mogħti lil SAS, ma spjegatx il-mod kif hija kienet iddeterminat l-ammont tal-miżura inkwistjoni, ma evalwatx id-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19 u ma vverifikatx li din il-miżura kienet konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll ma’ dawk relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mal-libertà ta’ stabbiliment. Ir-raġunament tal-Kummissjoni huwa ineżistenti, tawtoloġiku, jew kontradittorju.

90      Matul is-seduta, ir-rikorrenti żiedet li l-avveniment straordinarju, fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, inkwistjoni f’dan il-każ, ma kienx identifikat b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata. Hija sostniet li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirreferi għar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, li kienu tneħħew bejn nofs Ġunju u l-bidu tax-xahar ta’ Lulju 2020, filwaqt li d-dannu stmat b’mod provviżorju mir-Renju tad-Danimarka kien jikkorrispondi għat-“telf tal-valur miżjud” bejn is-snin 2019 u 2020 u s-snin 2020 u 2021.

91      Il-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża u SAS jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti.

92      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat dan l-att b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha. B’hekk, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom fil-kisba ta’ spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tal-att, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63; tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑42/01, EU:C:2004:379, punt 66, u tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 79).

93      F’dan il-każ, fir-rigward tan-natura tal-att inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fi tmiem il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-għajnuna stabbilita permezz tal-Artikolu 108(3) TFUE, li għandu biss l-għan li jippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata, mingħajr ma tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, li hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni jkollha għarfien komplet dwar l-informazzjoni kollha marbuta ma’ din l-għajnuna.

94      Issa, tali deċiżjoni, li tittieħed fi żmien qasir, għandha tinkludi biss ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tikkunsidra li ma jeżistux diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 65).

95      F’dan ir-rigward, l-ewwel, fir-rigward tal-valur tal-vantaġġ kompetittiv u tal-ammont tal-għajnuna, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni spjegat, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-Renju tad-Danimarka ma setax jiddetermina l-ammont tal-miżura inkwistjoni sa fejn SAS kienet għadha ma nnegozjatx il-kreditu kontinwu waqt li kienet qiegħda tibbenefika minn din il-miżura fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Hija madankollu stmat ir-rata li kellha tiġi imposta fuqha fl-assenza tal-imsemmija miżura, kif issemma fil-punt 43 iktar ’il fuq. Barra minn hekk hija evalwat il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern billi ħadet inkunsiderazzjoni l-valur nominali tagħha.

96      Iktar minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta min-natura diskriminatorja tal-miżura inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-punt 52 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni tali vantaġġ sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, b’tali mod li hija lanqas ma kellha ssemmih fid-deċiżjoni kkontestata.

97      Finalment, il-Kummissjoni, minn naħa, evalwat id-dannu mġarrab minn SAS għal bejn SEK 5 u 15‑il biljun u, min-naħa l-oħra, indikat l-elementi, imfakkra fil-punt 35 iktar ’il fuq, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu, mir-Renju tad-Danimarka, ta’ dan id-dannu.

98      It-tieni, fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ dawk relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mal-libertà ta’ stabbiliment, ċertament għandu jitfakkar li, meta l-benefiċjarji tal-att, minn naħa, u operaturi oħra esklużi, min-naħa l-oħra, ikunu f’sitwazzjoni komparabbli, l-istituzzjoni tal-Unjoni li tkun adottat l-att, għandha tispjega, fil-kuntest ta’ motivazzjoni speċifika, kif id-differenza fit-trattament hekk stabbilita hija oġġettivament iġġustifikata (sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 82). Madankollu, f’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata fiha l-elementi, imfakkra fil-punt 70 iktar ’il fuq, li jippermettu li tinftiehem ir-raġuni għalfejn il-Kummissjoni qieset li kien iġġustifikat li SAS tkun l-unika waħda li tkun tista’ tibbenefika mill-miżura inkwistjoni.

99      It-tielet, fir-rigward tal-avveniment straordinarju inkwistjoni f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, kif issemma fil-punt 19 iktar ’il fuq u kif jirriżulta mill-paragrafi 51 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-pandemija tal-COVID‑19 kienet tikkostitwixxi tali avveniment.

100    Barra minn hekk, għalkemm il-paragrafu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jsemmi, ċertament, b’mod speċifiku r-restrizzjonijiet u r-rakkomandazzjoni fuq l-ivvjaġġar adottati mir-Renju tad-Danimarka, mir-Renju tal-Isvezja u mir-Renju tan-Norveġja matul ix-xhur ta’ April u Mejju 2020, minn naħa, hemm lok li jiġi rrilevat li l-għan tal-miżura inkwistjoni, imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ din id-deċiżjoni, huwa li tikkumpensa parzjalment lil SAS għad-dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19, mingħajr ma dawn ir-restrizzjonijiet ġew identifikati b’mod preċiż. Konsegwentement, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li d-dannu mġarrab minn SAS kien limitat għal dak li jirriżulta mir-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ din id-deċiżjoni u mhux għal restrizzjonijiet eventwali li setgħu jiġu adottati wkoll fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 wara l-imsemmija deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma teskludix li r-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ din id-deċiżjoni jista’ jkollhom effett fuq it-traffiku tal-ajru anki wara t-tneħħija tagħhom, konformement mat-tbassir tal-Kummissjoni mfakkar fil-punt 31 iktar ’il fuq. Konsegwentement, għandu jiġi rrilevat li ma kienx hemm kontradizzjonijiet meta ġie kkunsidrat li d-dannu mġarrab minn SAS kien jirriżulta minn restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 u li dan id-dannu seta’ jimmaterjalizza ruħu sal‑2021.

101    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata biżżejjed u li, konsegwentement, il-ħames motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

102    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

103    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar, inklużi l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tat-talba għal trattament kunfidenzjali.

104    Ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

105    SAS għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ryanair DAC hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tat-talba għal trattament kunfidenzjali.

3)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża u SAS AB għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Van der Woude

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

 

      Hesse

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ April 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.