Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Lulju 2009 - Associazione 'Giùlemanidallajuve vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-273/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Associazione 'Giùlemanidallajuve (Cerignola, l-Italja) (rappreżentanti: L. Misson, G. Ernes u A. Pel, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 2009, annessa ma' dan ir-rikors;

tordna lill-Kummissjoni Ewropea twettaq investigazzjoni sabiex tikkonstata l-ksur tal-FIGC, tal-CONI, tal-UEFA u tal-FIFA għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE bil-għan li:

tannulla r-regoli li jiksru l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE u s-sanzjonijiet imposti mill-FIGC, mill-CONI u mill-UEFA fuq Juventus FC S.P.A. ta' Turin ;

tordna lill-FIGC, lill-CONI, lill-UEFA u lill-FIFA jħallsu kumpens ekwivalenti għall-ħsara li sofriet realment l-Assoċjazzjoni minħabba l-ksur tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat minn dawn l-impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi;

tordna kull sanzjoni xierqa.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3916 tat-12 ta' Mejju 2009 li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet, minħabba nuqqas ta' interess leġittimu u nuqqas ta' interess Komunitarju, l-ilment tar-rikorrenti dwar allegat ksur tal-Artikoli 81 u 82 KE mwettaq mill-Federazione Italiana Giuoco Calcio (FIGC), mill-Comitato Olimpico Nazionale Italiano (CONI), mill-Union of European Football Associations (UEFA) u mill-Fédération Internationale de Football Association (FIFA) fir-rigward ta' miżuri dixxiplinari imposti fuq il-Juventus Football Club S.p.A. ta' Turin (iktar 'il quddiem "Juventus").

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka numru ta' motivi bbażati:

fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-obbligu ta' motivazzjoni tagħha u tal-funzjoni tagħha ta' implementazzjoni u ta' orjentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi fattwali u ta' liġi esposti fl-ilment imressaq mir-rikorrenti li jgħid li d-deċiżjonijiet adottati mill-FIGC, mill-CONI, mill-UEFA u mill-FIFA li Juventus titqiegħed fis-serje B tal-kampjonat tal-futbol Taljan u li din tiġi prekluża milli tipparteċipa fiċ-Champions League jiksru l-Artikoli 81 u 82 KE;

fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, peress li d-deċiżjonijiet adottati mill-FIGC, mill-CONI, mill-UEFA u mill-FIFA għandhom jitqiesu bħala deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi peress li mhumiex deċiżjonijiet purament sportivi, u peress li għandhom l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq komuni kollu, sa fejn dawn jaffettwaw ħażin kemm l-interessi tal-konsumaturi ta' oġġetti u ta' servizzi fis-suq tal-futbol, u kif ukoll l-istruttura kompetittiva tas-suq komuni permezz tal-impatt tagħhom fuq Juventus.

fuq abbuż ta' pożizzjoni dominanti mill-FIGC, mill-CONI, mill-UEFA u mill-FIFA bi ksur tal-Artikolu 82 KE peress li dawn adottaw deċiżjonijiet diskriminatorji, sproporzjonati u li jiksru d-drittijiet tad-difiża ta' Juventus.

____________