Language of document : ECLI:EU:T:2010:16

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

19 ta’ Jannar 2010

Kawża T-355/08 P

Chantal De Fays

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Appell inċidentali — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Leave — Leave tal-mard — Assenza irregolari kkonstatata wara eżami mediku — Imputazzjoni fuq it-tul tal-leave annwali — Telf tal-benefiċċju tar-remunerazzjoni”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tas-17 ta’ Ġunju 2008, De Fays vs Il‑Kummissjoni (F-97/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑191 u II‑A‑1‑1011), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza. Appell inċidentali mill-Kummissjoni Ewropea intiż ukoll għall-annullament tal-imsemmija sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell prinċipali u l-appell inċidentali huma miċħuda. Chantal de Fays għandha tbati l-ispejjeż tal-appell prinċipali. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l‑ispejjeż tal-appell inċidentali.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Tqegħid inkwistjoni tal-evalwazzjonijiet magħmula għall-ewwel darba mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Artikolu 225A KE ; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 139(2))

2.      Appell — Aggravji — Motiv ippreżentat għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell — Inammissibbiltà — Motiv indirizzat kontra d-deċiżjoni li hija s-suġġett tas-sentenza appellata — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 48(2) u 144)

3.      Uffiċjali — Leave tal-mard — Eżami mediku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 59(1))

4.      Appell — Aggravji — Motiv imressaq kontra kunsiderazzjoni tas-sentenza li ma hijiex neċessarja sabiex ikun iġġustifikat id-dispożittiv ta’ sentenza — Aggravju ineffettiv

(Artikolu 225A KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 9)

1.      Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal Qorti Ġenerali hija limitata għal evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat lill-motivi matul it‑trattazzjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali hija biss kompetenti, fil-kuntest ta’ proċedura bħal din, li teżamina jekk l-argumenti li jinsabu fl-appell jidentifikawx l-iżball ta’ liġi li bih is-sentenza appellata tkun ivvizzjata. F’dan ir-rigward, il-fatt, għal appellant, li jqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjonijiet imwettqa għall-ewwel darba, mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fis-sentenza appellata, sabiex jirrispondi għal aggravji ttrattati quddiemu, ma jbiddilx is-suġġett tal-kawża.

(ara l-punti 28, 30 - 31)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja, 7 ta’ Novembru 2002, Glencore u Compagnie Continentale vs Il-Kummissjoni, C‑24/01 P u C‑25/01 P, Ġabra p. I‑10119, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal‑Ġustizzja, 21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, Ġabra p. I‑833, punti 49 u 50, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali, 11 ta’ Novembru 2008, Speiser vs Il-Parlament, T‑390/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑63 u II‑B‑1‑427, punt 35

2.      Aggravji li ma jkunux tqajmu fl-appell, imma li jkunu ssemmew, għall-ewwel darba, f’ittra ppreżentata fir-reġistru u rripetuti mill‑appellant fis-seduta għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, b’applikazzjoni tal-Artikolu 48(2) u tal-Artikolu 144 tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Lanqas ma jista’ jkun il-bażi ta’ appell aggravju li ma jkunx indirizzat kontra s-sentenza appellata, imma kontra d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tkun is-suġġett ta’ dik is-sentenza. Fil-fatt, dawn l-aggravji jikkostitwixxu motivi ġodda.

(ara l-punti 34 u 40)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 11 ta’ Novembru 2004, Ramondín et vs Il-Kummissjoni, C‑186/02 P u C‑118/02 P, Ġabra p. I‑10653, punt 50

3.      Mill-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l‑konklużjonijiet ta’ tabib eżaminatur ma jistgħux jitqiegħdu inkwistjoni mill-konklużjonijiet kuntrarji ta’ tabib eżaminatur indipendenti li jintalab, fuq talba tal-uffiċjal interessat fi żmien jumejn, jagħti deċiżjoni fuq il-konklużjonijiet tal-eżami mediku. Din is-soluzzjoni ma tinbidilx mill-fatt li n-nota li fiha l-opinjoni tat-tabib eżaminatur ikollha żball li bih, jekk l-interessat xtaq jikkontesta l-imsemmija opinjoni għall-istess kundizzjoni, huwa kellu jippreżenta ċertifikat mediku ġdid, filwaqt li l‑imsemmi uffiċjal kien jaf bl-eżistenza tal-proċedura ta’ artitrat mediku li kien diġà għamel użu minnu.

(ara l-punt 43)

4.      L-aggravju mqajjem fil-kuntest ta’ appell li huwa indirizzat kontra motivi ta’ sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ma jikkostitwixxux is-sostenn neċessarju tad-deċiżjoni appellata huwa ineffettiv u għandu jiġi miċħud.

(ara l-punt 56)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Frar 2003, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑399/02 P(R), Ġabra p. I‑1417, punt 16, u l‑ġurisprudenza ċċitata