Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Awwissu 2007 - Lumenis vs L-UASI (FACES)

(Kawża T-301/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Lumenis Ltd (Yokneam, l-Iżrael) (rappreżentanti: S. Malynicz, Barrister, B. Gerber, Solicitor)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-1 ta' Ġunju 2007 fil-kawża R 1532/2006-2;

tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja kkonċernata : It-trade mark verbali internazzjonali "FACES" għal prodotti fil-klassi 10 - Nru ta' reġistrazzjoni internazzjonali W0874799

Deċiżjoni ta' l-eżaminatur: Ir-reġistrazzjoni ġiet irrifjutata

Deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell: L-appell ġie miċħud

Motivi invokati: In sostenn ta' l-allegazzjonijet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin:

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell naqset milli tevalwa d-distintività tal-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni;

It-tieni nett, skond ir-rikorrenti, il-konstatazzjoni mill-Bord ta' l-Appell li l-promozzjoni u r-reklamar f'dan it-tip ta' kummerċ normalment isir permezz ta' ritratti ta' wċuħ tan-nies ma kinitx sostnuta u, f'kull każ, tikkonċerna l-Artikolu 7(1)(b) jew l-Artikolu 7(1)(ċ);

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell naqas milli jwettaq eżami wiesgħa tal-kelma FACES bħala indikazzjoni deskrittiva relatata mal-prodotti kkonċernati;

Ir-raba' nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell wettaq żball fid-dritt billi impona rekwiżit li t-trade mark għandha tkun waħda li tolqot, imaġinattiva jew kreattiva sabiex ma taqax taħt l-oġġezzjonijiet taħt l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.

____________