Language of document : ECLI:EU:T:2021:665

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

6 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Investigazzjoni tal‑OLAF – Rimbors ta’ spejjeż mediċi – Sanzjoni dixxiplinari – Xoljiment tal‑kuntratt mingħajr preavviż – Artikolu 10(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal‑Persunal – Reċidiva – Artikolu 27 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal‑Persunal – Deċiżjoni li tilqa’ talba intiża sabiex ma jitħalla ebda riferiment għal sanzjoni preċedenti fil-fajl personali – Artikolu 26 tar-Regolamenti tal‑Persunal – Natura mhux infurzabbli fir-rigward tal-uffiċjal, u mhux invokabbli kontra dan tal‑aħħar, ta’ sanzjoni li ma għad fadal ebda riferiment għaliha fil-fajl personali”

Fil-Kawża T‑121/20,

IP, irrappreżentat minn L. Levi, S. Rodrigues u J. Martins, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Brauhoff u A.‑C. Simon, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Awwissu 2019 li timponi fuq ir-rikorrent is-sanzjoni dixxiplinari ta’ xoljiment mingħajr preavviż tal-kuntratt tal-impjieg tiegħu,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos, President, I. Reine u L. Truchot (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-10 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, IP, daħal fis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea fil-21 ta’ Lulju 2008, l-ewwel bħala membru tal-persunal fuq bażi interim, imbagħad, mis-16 ta’ Settembru 2008, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt. Fl-2013, huwa kien jaqa’ taħt il-grupp ta’ funzjonijiet I, grad 1, skala 3. Huwa ilu fi stat ta’ invalidità mill-1 ta’ Awwissu 2018.

2        Permezz ta’ nota tat-13 ta’ Diċembru 2013, il-Parlament Ewropew informa lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li, fil-kuntest tal-verifika interna, huwa kien identifika indizji li jippermettu, fil-fehma tiegħu, li jiġi preżunt li ċertu numru ta’ talbiet għar-rimbors ta’ spejjeż mediċi relatati ma’ kura rċevuta fi stabbilimenti li jinsabu fil-Portugall kienu irregolari. Dawn it-talbiet kienu tressqu bejn Jannar u Awwissu 2013 minn A u minn B, oħt dan tal-aħħar, it-tnejn li huma uffiċjali fil-Parlament. F’din in-nota, il-Parlament kien jissuġġerixxi li jiġi vverifikat jekk ir-rikorrent, li kien indikat minn A bħala l-persuna ta’ kuntatt tiegħu fuq bażi ta’ data ddedikata għall-ġestjoni tal-persunal tal-Parlament, setax ukoll wettaq irregolaritajiet simili.

3        Fit-8 ta’ Settembru 2014, l-OLAF iddeċieda li jiftaħ investigazzjoni fir-rigward tar-rikorrent dwar talbiet allegatament irregolari għar-rimbors ta’ spejjeż mediċi. B’mod parallel, l-OLAF iddeċieda li jiftaħ żewġ investigazzjonijiet oħra fir-rigward ta’ A u ta’ B, ukoll dwar talbiet għal rimbors ta’ spejjeż mediċi.

4        Fil-21 ta’ Diċembru 2015, l-OLAF ikkonkluda l-investigazzjoni permezz ta’ rapport finali. Fir-rapport tiegħu huwa kkonstata li, matul il-perijodu li kien is-suġġett tal-investigazzjoni, ir-rikorrent kien ressaq quddiem l-uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni talbiet għal rimbors ibbażati fuq erba’ dokumenti ta’ ġustifikazzjoni li ma jikkorrispondux għar-realtà tal-ispejjeż sostnuti. Huwa qies li l-ammont totali tas-somom indebitament irċevuti kien ta’ EUR 5 418.

5        L-OLAF bagħat ir-rapport tiegħu lill-Kummissjoni filwaqt li rrakkomandalha tiftaħ proċedura dixxiplinari fir-rigward tar-rikorrent u tirkupra s-somma ta’ EUR 5 418. Huwa informa wkoll lill-Kummissjoni li r-rapport kien intbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Portugiżi għal segwitu ġudizzjarju eventwali.

6        Permezz ta’ nota tal-24 ta’ Ġunju 2016, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“AHCC”) tat mandat lill-Uffiċċju tal-Investigazzjoni u d-Dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC) sabiex jisma’ lir-rikorrent.

7        Fil-25 ta’ Lulju 2017, l-AHCC iddeċidiet li tiftaħ proċedura dixxiplinari quddiem il-Bord Dixxiplinari fil-konfront tar-rikorrent.

8        Permezz ta’ opinjoni tas-16 ta’ April 2018, il-Bord Dixxiplinari rrakkomanda s-sanzjoni ta’ xoljiment mingħajr avviż minn qabel tal-kuntratt tal-impjieg tar-rikorrent.

9        Wara l-komunikazzjoni tar-rapport tal-OLAF lill-awtoritajiet ġudizzjarji Portugiżi, infetħu proċeduri kriminali fil-Portugall fir-rigward tar-rikorrent.

10      Fit-22 ta’ Novembru 2018, l-AHCC iddeċidiet li tissospendi l-proċedura dixxiplinari miftuħa fil-konfront tar-rikorrent.

11      Fil-21 ta’ Mejju 2019, wara l-għeluq tal-proċeduri kriminali miftuħa fil-Portugall, ir-rikorrent ġie msejjaħ għal smigħ quddiem l-AHCC kompost mid-Direttriċi Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Riżorsi Umani u Sigurtà”, tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji” u tal-Assistent Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Agrikoltura u Żvilupp Rurali” tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“AHCC trilaterali”).

12      Fil-21 ta’ Awwissu 2019, l-AHCC trilaterali adottat fir-rigward tar-rikorrent, skont l-Artikoli 49 u 119 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), is-sanzjoni dixxiplinari ta’ xoljiment mingħajr avviż minn qabel tal-kuntratt tal-impjieg tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

13      Fid-deċiżjoni kkontestata, l-AHCC trilaterali indikat li r-rikorrent kien akkużat li ssottometta lill-PMO żewġ talbiet għar-rimbors ta’ spejjeż mediċi li ma jikkorrispondux għar-realtà tas-somom imħallsa jew tal-kura rċevuta (punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kklassifikat dawn il-fatti bħala “tentattiv ta’ frodi fil-baġit tal-Unjoni Ewropea”, li kien jikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, kondotta ħażina partikolarment gravi (punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, hija ffissat is-sanzjoni li għandha tiġi adottata fid-dawl tal-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) (punti 37 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata). B’applikazzjoni tal-Artikolu 10(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, l-AHCC trilaterali bbażat ruħha, għar-reċidiva, fuq l-eżistenza ta’ ċanfira li r-rikorrent kien irċieva fid-19 ta’ Novembru 2010.

14      Fis-7 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrent ressaq, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”), il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Frar 2020, ir-rikorrent ippreżenta din l-azzjoni.

17      Permezz ta’ att separat iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrent talab, b’applikazzjoni tal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-benefiċċju tal-anonimat. Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2020, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) laqgħet din it-talba.

18      Fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi, il-Qorti Ġenerali (is-Seba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet filwaqt li stednithom iwieġbu għal uħud minnhom bil-miktub u għal oħrajn matul is-seduta.

19      Il-partijiet wieġbu fiż-żmien stabbilit.

20      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑10 ta’ Mejju 2021. Barra minn hekk, ir-rikorrent iddepożita dokument u l-Kummissjoni pproponiet li tipproduċi żewġ dokumenti.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-President tas-Seba’ Awla ddikjara li l-fażi orali tal-proċedura kienet ser tingħalaq iktar tard, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tipproduċi d-dokumenti msemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq u kull waħda mill-partijiet tkun tista’ tippreżenta osservazzjonijiet.

22      Il-Kummissjoni ppreżentat id-dokumenti mħabbra u kull waħda mill-partijiet ippreżentat osservazzjonijiet.

23      Il-proċedura orali ingħalqet fit-2 ta’ Ġunju 2021.

24      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, jekk ikun hemm bżonn, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

26      Qabel ma jiġu eżaminati l-motivi invokati mir-rikorrent, għandu jiġi ddeterminat is-suġġett tar-rikors.

A.      Fuq is-suġġett tar-rikors

27      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-ilment amministrattiv u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, jagħmlu parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss kundizzjoni preliminari sabiex titressaq kawża. Konsegwentement, it-talbiet għal annullament imressqa formalment kontra ċ-ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li jressqu quddiem il-Qorti Ġenerali l-att inizjali li kontrih ikun tressaq l-ilment, meta dawn ikunu, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu (sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8, u tal-25 ta’ Ottubru 2018, KF vs SATCEN, T‑286/15, EU:T:2018:718, punt 115).

28      It-talbiet għal annullament formalment imressqa kontra ċ-ċaħda ta’ lment għandhom kontenut awtonomu meta ċ-ċaħda tal-ilment ikollha portata differenti minn dik tal-att inizjali li kontrih ikun tressaq dan l-ilment. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ikun fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent, skont punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta din id-deċiżjoni ta’ ċaħda timmodifika jew tissupplimenta d-dispożittiv tad-deċiżjoni inizjali. F’dawn l-ipoteżijiet, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi, bħala tali, att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li tqisu bħala att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi, tal-inqas parzjalment, l-att inizjali (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il‑Kummissjoni, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punt 34).

29      Minbarra l-każijiet li fihom iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att awtonomu li jista’ jkun is-suġġett, bħala tali, ta’ rikors għal annullament, il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, meta din tikkompleta jew tissostitwixxi l-motivazzjoni li tkun tinsab fl-att inizjali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami tal-legalità ta’ dan tal-aħħar. Din il-motivazzjoni hija meqjusa li tikkoinċidi ma’ dik tal-att inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-legalità tal-att inizjali hija għalhekk, jekk ikun il-każ, eżaminata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

30      F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma għandhiex portata differenti mid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikors għandu jitqies li huwa indirizzat biss kontra din tal-aħħar.

B.      Fuq l-eżami tal-motivi

31      Ir-rikorrent iqajjem sitt motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ diliġenza u tad-dmir ta’ premura, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed, fuq l-irregolarità tar-rapport tal-OLAF, ir-raba’ wieħed, fuq l-irregolarità tal-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, il-ħames wieħed, fuq in-nuqqas ta’ eżami taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju li “il-proċeduri dixxiplinari għandhom jistennew l-eżitu tal-proċeduri kriminali” u, is-sitt wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

32      Għandu jiġi eżaminat is-sitt motiv u, b’mod partikolari, il-kontestazzjoni mir-rikorrent tal-applikazzjoni, mill-AHCC trilaterali, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal dwar ir-reċidiva (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).

33      Skont l-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Kemm ikunu ħorox il-pieni dixxiplinarji imposti jiddependu kemm hija serja l-kondotta ħażina. Biex tkun stabbilita l-serjetà tal-kondotta ħażina u biex tkun deċiża l-piena dixxiplinarja li għandha tkun imposta, għandu jkun ikkunsidrat partikolarment:

[…]

[h])      jekk il-kondotta ħażina tinvolvix azzjoni jew imġiba ripetuta;

[…]”

34      F’dan ir-rigward, fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata introdott bit-titolu “Ir-reċidività tal-att jew tal-aġir li jikkostitwixxi kondotta ħażina”, l-AHCC trilaterali fakkret li r-rikorrent kien is-suġġett ta’ ċanfira fid-19 ta’ Novembru 2010 (iktar ’il quddiem l-“ewwel sanzjoni”) għal fatti li, fil-fehma tagħha, kienu paragunabbli ma’ dawk li llum huwa akkużat bihom. Hija fakkret li dawn il-fatti kienu jikkonsistu f’“talba lil tabib sabiex [jiffattura lir-rikorrent] ammont ta’ EUR 4.98 għal analiżi tad-demm imwettqa fuq kuġin […] li jsofri minn patoloġija kardijaka [u f’li,] sussegwentement, ipprova jikseb ir-rimbors tagħhom darbtejn [mingħand is-]servizzi li jawtorizzaw l-ispejjeż mediċi tal-Kummissjoni”. L-AHCC trilaterali żiedet, fil-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[a]nki jekk dak iż-żmien kienet somma modesta, [ir-rikorrent] kien ġie ssanzjonat minħabba n-natura manifestament frawdolenti tal-aġir tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

35      Wara li rrilevat, fil-punti 47 u 48 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tal-assenza ta’ terminu previst fl-Artikolu 10(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, hija kienet “libera” li tieħu inkunsiderazzjoni l-ewwel sanzjoni, l-AHCC trilaterali ppreċiżat dan li ġej, fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata:

“[…] l-AHCC [trilaterali] tikkonstata li [r-rikorrent] wettaq fatti simili għal dawk li kienu ġġustifikaw is-sanzjoni tiegħu ta’ ċanfira, u dan madwar erba’ snin wara. L-AHCC [trilaterali] tqis li [r-rikorrent] b’hekk wera li ma kienx silet it-tagħlim mis-sanzjoni dixxiplinari imposta fl-2010 u li huwa kien kompla jiffavorixxi l-interessi personali tiegħu fuq dawk tal-istituzzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

36      Ir-rikorrent isostni li l-AHCC trilaterali ma messhiex ħadet inkunsiderazzjoni l-ewwel sanzjoni minħabba r-reċidiva, ħaġa li hija għamlet bi ksur tal-Artikolu 10(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

37      F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa jsostni li l-AHCC trilaterali kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ terminu raġonevoli. Huwa jenfasizza, l-ewwel nett, in-natura modesta tas-somma li tagħha huwa kien ipprova jikseb ir-rimbors, issanzjonata permezz tal-ewwel proċedura dixxiplinari fil-konfront tiegħu u, sussegwentement, iż-żmien li għadda bejn iż-żewġ sanzjonijiet. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jikkontesta x-xebh bejn il-fatti inkwistjoni fiż-żewġ proċeduri dixxiplinari.

38      Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrent, ir-riferiment għall-ewwel sanzjoni ma setax jibqa’ fil-fajl individwali tiegħu, peress li huwa kien ressaq talba skont l-Artikolu 27 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal intiża sabiex ma jitħalla ebda riferiment għal din is-sanzjoni fl-imsemmi fajl.

39      Għalkemm ingħata segwitu favorevoli għat-talba tar-rikorrent, il-Kummissjoni tqis li tali ċirkustanza ma tistax tostakola t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din is-sanzjoni bħala reċidiva. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, minn naħa, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma hija limitata minn ebda terminu u, min-naħa l-oħra, is-segwitu favorevoli li kien ingħata lit-talba tar-rikorrent ma kellux l-effett li jneħħi l-ewwel sanzjoni mill-fajl dixxiplinari tiegħu, peress li d-deċiżjonijiet ta’ sanzjoni jinżammu fil-fajl dixxiplinari tal-uffiċjali għal perijodu ta’ 20 sena.

40      Fit-tweġiba tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), ir-rikorrent jesponi dan li ġej:

“[…] il-kriterju tar-reċidiva jimplika l-eżistenza ta’ sanzjoni preċedenti. Issa, peress li abbażi tal-Artikolu 27 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal talab u kiseb li ma jitħalla ebda riferiment għall-[ewwel sanzjoni] fil-fajl personali tiegħu, ir-rikorrent għandu d-dritt li jqis li tali sanzjoni ma għadhiex teżisti […] u li, fi kwalunkwe każ, hija ma tistax tibqa’ tiġi invokata mill-amministrazzjoni fil-konfront tiegħu, f’dan il-każ fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinari ġdida bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti, a fortiori sabiex jiġi applikat il-kriterju tar-reċidiva fl-iffissar tas-sanzjoni proporzjonali għall-gravità tal-kondotta ħażina mwettqa, fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.”

41      Fit-tweġiba tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni tippreċiża dan li ġej:

“4.      Fir-rigward tal-effett li l-irtirar tar-riferiment għall-[ewwel sanzjoni] fil-fajl personali tar-rikorrent seta’ kellu fuq id-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta’ din il-kawża, jekk ir-rikorrent b’dan il-mod għandu l-intenzjoni li jsostni li dan l-element messu ttieħed inkunsiderazzjoni sabiex titnaqqas is-sanzjoni kkontestata, tali argument huwa ammissibbli, iżda infondat […]. Fil-fatt, il-Kummissjoni wriet li dan l-irtirar ma għandux l-effett li jħassar l-[ewwel sanzjoni] b’mod assolut. Peress li l-fajl dixxiplinari relatat ma’ din is-sanzjoni jinżamm għal 20 sena, huwa seta’ leġittimament jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

[…]

25. Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, jista’ jinfetaħ biss fajl personali wieħed għal kull uffiċjal.

26. Il-fajl dixxiplinari huwa differenti mill-fajl personali. Fil-fatt, dan tal-ewwel jinkludi d-dokumenti kollha marbuta ma’ proċedura dixxiplinari partikolari. Dawn id-dokumenti għandhom jinżammu skont il-limiti ta’ żmien ta’ konservazzjoni msemmija [iktar ’il fuq]. Huma disponibbli biss għall-membri tal-persunal [tal-IDOC] u ma humiex inklużi fil-fajl personali.

27. Hija biss id-deċiżjoni ta’ sanzjoni dixxiplinari li tiġi inkluża fil-fajl personali, u dan huwa konformi mas-sitt paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija għalhekk aċċessibbli fis-sistema elettronika sigura użata mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tar-riżorsi umani tagħha […] biss għall-membri tal-persunal li għandhom drittijiet ta’ aċċess. Hija tinżamm hemmhekk għal [tliet] snin (fir-rigward tat-twissija bil-miktub u taċ-ċanfira) jew [sitt] snin fir-rigward tas-sanzjonijiet l-oħra kollha elenkati fl-Artikolu 9(c) sa (h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.”

42      Għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrent ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi li allegatament wettqet l-AHCC trilaterali meta hija bbażat ruħha, għar-reċidiva, fuq l-ewwel sanzjoni, minkejja li kienet intlaqgħet it-talba tiegħu, imressqa skont l-Artikolu 27 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, intiża sabiex ma jitħalla ebda riferiment għal din is-sanzjoni fil-fajl personali tiegħu.

43      Skont l-Artikolu 27 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Uffiċjal li kontrih kienet ordnata piena dixxiplinarja minbarra t-tneħħija mill-posizzjoni, wara tliet snin fil-każ ta’ twissija bil-miktub jew ċanfira jew sitt snin fil-każ ta’ xi piena oħra, jista’ jagħmel talba biex titħassar kull riferenza tat-tali miżura mill-file personali tiegħu. L-Awtorità tal-Ħatra għandha tiddeċieda jekk tilqax it-talba tiegħu.”

44      F’dan il-każ, ir-rikorrent ippreżenta, fl-20 ta’ Jannar 2014, talba bbażata fuq l-Artikolu 27 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u intiża sabiex ma jitħalla ebda riferiment għall-ewwel sanzjoni fil-fajl personali tiegħu. Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni laqgħet it-talba tar-rikorrent. B’hekk hija neħħiet mill-fajl personali tar-rikorrent kull riferiment għall-ewwel sanzjoni. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, l-AHCC trilaterali bbażat ruħha fuqha, għar-reċidiva, sabiex tistabbilixxi s-sanzjoni li kienet tidhrilha adattata għall-fatti li huwa akkużat bihom ir-rikorrent (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).

45      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat sa fejn, sabiex tikkonkludi li teżisti reċidiva, l-amministrazzjoni tista’ tinforza fir-rigward ta’ uffiċjal jew tinvoka kontrih deċiżjoni ta’ sanzjoni li ma għad fadal ebda riferiment għaliha fil-fajl personali.

46      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-fajl personali tal-uffiċjal huwa applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikoli 11 u 81 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

47      Skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-fajl personali tal-uffiċjal għandu jinkludi “d-dokumenti kollha dwar l-istat amministrattiv tiegħu u r-rapporti kollha relatati ma’ l-abilita, l-effiċjenza u l-kondotta tiegħu”.

48      Għalhekk ġie deċiż li deċiżjoni ta’ sanzjoni adottata fir-rigward ta’ uffiċjal, peress li tinteressa s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ dan l-uffiċjal, għandha tiġi annessa mal-fajl personali tiegħu (sentenza tat-2 ta’ April 1998, Apostolidis vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑86/97, EU:T:1998:71, punt 36).

49      Għandu jiġi enfasizzat li tali deċiżjoni għandha effett determinanti fuq is-sitwazzjoni amministrattiva ta’ uffiċjal meta l-awtorità dixxiplinari tiddeċiedi li tibbaża ruħha fuq din id-deċiżjoni, għar-reċidiva, sabiex timponi fuq l-uffiċjal, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, sanzjoni dixxiplinari ġdida iktar severa. Minn dan jirriżulta li hija għandha tiġi inkluża fil-fajl personali tal-imsemmi uffiċjal.

50      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li “d-dokumenti għandhom ikunu reġistrati, numerati u merfugħa f’serje [fil-fajl personali]” u li “d-[dokumenti kollha dwar l-istat amministrattiv tiegħu] ma jistgħux jintużaw jew ikunu kkwotati mill-istituzzjoni kontra uffiċjal sakemm ma kienux kkomunikati lilu qabel ma kienu iffajljati”.

51      Din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi protezzjoni għall-benefiċċju tal-uffiċjal fir-rigward tal-azzjonijiet li l-amministrazzjoni tista’ tieħu fil-konfront tiegħu, għandha kamp ta’ applikazzjoni wiesa’, peress li tapplika għal “kull” dokument “dwar is-sitwazzjoni amministrattiva” tal-uffiċjal.

52      L-istess japplika għas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprevedi li “uffiċjal” għandu d-dritt li jsir jaf bid-“dokumenti kollha” li jinsabu fil-fajl tiegħu u li jagħmel kopja tagħhom, u dan “anke wara li jħalli s-servizz”.

53      Fl-aħħar nett, fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa ppreċiżat li jista’ jinfetaħ “fajl personali wieħed biss għal kull uffiċjal”, regola li, bħar-reġistrazzjoni, l-enumerazzjoni u l-irfigħ f’serje (ara l-punt 50 iktar ’il fuq), tiffaċilita l-aċċess tal-uffiċjal għad-dokumenti li jistgħu jiġu infurzati fil-konfront tiegħu filwaqt li jiġi evitat li dawn id-dokumenti jinfirxu f’diversi fajls.

54      Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 47 sa 53 iktar ’il fuq, l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi numru ta’ garanziji intiżi sabiex jipproteġu lill-uffiċjal billi jiġi evitat li deċiżjonijiet adottati mill-amministrazzjoni u li jaffettwaw is-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu ma jkunux ibbażati fuq fatti li l-eżistenza tagħhom tirriżulta minn dokumenti mhux inklużi fil-fajl personali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 1972, Brasseur vs Il-Parlament, 88/71, EU:C:1972:58, punti 10 u 11, u tat-2 ta’ April 1998, Apostolidis vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑86/97, EU:T:1998:71, punt 33).

55      Fid-dawl tar-rwol essenzjali tal-fajl personali fil-protezzjoni u fl-informazzjoni tal-uffiċjal, għandu jiġi konkluż li deċiżjoni ta’ sanzjoni, minkejja li tkun iddaħħlet preċedentement fil-fajl personali ta’ uffiċjal, ma tistax tiġi infurzata fil-konfront tiegħu jew tiġi invokata kontrih meta ma jkun fadal ebda riferiment għal din id-deċiżjoni fl-imsemmi fajl.

56      Għandu jingħad ukoll li deċiżjoni bbażata fuq fatti li ma humiex imsemmija fil-fajl personali tmur kontra l-garanziji tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 1994, Lacruz Bassols vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑109/92, EU:T:1994:16, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Barra minn hekk, id-dritt mogħti lill-amministrazzjoni li tibbaża ruħha fuq deċiżjoni ta’ sanzjoni li tkun ġiet irtirata mill-fajl personali ta’ uffiċjal sabiex tikkonkludi li teżisti reċidiva fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal iwassal sabiex l-Artikolu 27 ta’ dan l-anness jitlef l-effett utli tiegħu fuq dan il-punt. Fil-fatt, l-Artikolu 27 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti lill-uffiċjal jitlob l-irtirar ta’ deċiżjoni ta’ sanzjoni mill-fajl personali tiegħu u jħalli lill-amministrazzjoni l-kompitu li tiddeċiedi jekk hemmx lok li tilqa’ tali talba. Billi tibbaża ruħha fuq tali deċiżjoni ta’ sanzjoni li hija madankollu ddeċidiet, bl-użu tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, li tirtira mill-fajl personali tal-uffiċjal, l-amministrazzjoni għandha t-tendenza, fir-realtà, li ddaħħal mill-ġdid tali deċiżjoni f’dan il-fajl.

58      Konsegwentement, l-awtorità dixxiplinari li tibbaża ruħha, għar-reċidiva, fuq sanzjoni dixxiplinari li ma fadal ebda riferiment għaliha fil-fajl personali tal-uffiċjal ikkonċernat, wara li tintlaqa’ talba mressqa minn dan l-uffiċjal skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, tikser id-drittijiet li r-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, l-Artikolu 26 tagħhom, jiggarantixxu lill-uffiċjali.

59      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, li ħadet inkunsiderazzjoni l-ewwel sanzjoni dixxiplinari sabiex tiddetermina l-gravità tal-kondotta ħażina inkwistjoni u sabiex timponi t-tieni sanzjoni dixxiplinari, kisret l-Artikolu 10(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn din l-ewwel sanzjoni, li ma kien fadal riferiment għaliha fil-fajl personali tar-rikorrent, ma kinitx għadha tista’ tiġi infurzata fil-konfront tiegħu abbażi ta’ reċidiva.

60      Il-konklużjoni li tinsab fil-punt 59 iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra invokati mill-Kummissjoni.

61      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu jiġu interpretati fis-sens li sanzjoni dixxiplinari adottata fil-konfront ta’ uffiċjal, meta tinżamm fil-fajl dixxiplinari, tista’ tiġi invokata kontra dan l-uffiċjal minkejja li kull riferiment għall-eżistenza tagħha ikun tħassar mill-fajl personali tal-imsemmi uffiċjal.

62      Il-Kummissjoni tinvoka f’dan ir-rigward id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, ikkompletati permezz tal-Anness IX tagħhom. Madankollu, hija ma tippreċiżax kif dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, jippermettu li jiġi ssostanzjat l-argument tagħha.

63      Il-Kummissjoni tinvoka wkoll l-assenza ta’ riferiment għal terminu fl-Artikolu 10(h) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll ir-riferiment għall-aġir tal-uffiċjal “matul il-karriera tiegħu” fl-imsemmi artikolu.

64      Huwa minnu li, skont id-dispożizzjonijiet invokati mill-Kummissjoni fil-punt 63 iktar ’il fuq, l-awtorità dixxiplinari għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ uffiċjal fil-passat.

65      Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jirreferux għall-fajl personali tal-uffiċjal. Għaldaqstant, huma ma jidderogawx mir-regola, li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tipprovdi li deċiżjoni ta’ sanzjoni inkluża fil-fajl personali ta’ uffiċjal ma tistax tiġi infurzata fil-konfront ta’ dan l-uffiċjal meta ma jkun fadal ebda riferiment għal din id-deċiżjoni fl-imsemmi fajl (ara l-punt 55 iktar ’il fuq).

66      Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet invokati mill-Kummissjoni ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jippermettu lill-awtorità dixxiplinari tieħu inkunsiderazzjoni sanzjoni preċedenti imposta fuq uffiċjal fil-każ li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jkun għad fadal ebda riferiment għal din is-sanzjoni fil-fajl personali ta’ dan l-uffiċjal.

67      Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi l-obbligu li, fil-fajl personali tal-uffiċjal, jiddaħħlu d-dokumenti kollha li jikkonċernaw is-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu u r-rapporti kollha li jikkonċernaw l-abbiltà, l-effiċjenza u l-kondotta tiegħu. Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, min-naħa tiegħu, jistabbilixxi l-obbligu li jinfetaħ fajl wieħed biss għal kull uffiċjal. Għandu jingħad ukoll li r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jirreferu għal ebda fajl ieħor ħlief il-fajl personali tal-uffiċjal, bl-eċċezzjoni tal-fajl mediku msemmi fl-Artikolu 26a tar-Regolamenti tal-Persunal.

68      Konsegwentement, il-fajl personali għandu natura unika, li tipprojbixxi l-eżistenza, taħt kwalunkwe forma, ta’ kull sett ieħor ta’ dokumenti li jinkludu dokumenti relatati mas-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu (sentenza tal-11 ta’ Ottubru 1995, Baltsavias vs Il-Kummissjoni, T‑39/93 u T‑553/93, EU:T:1995:177, punt 38).

69      Ċertament, l-amministrazzjoni tista’ tħejji fajl dwar investigazzjoni u, jekk ikun il-każ, dwar il-proċedura dixxiplinari relatata ma’ din l-investigazzjoni, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, tali fajl huwa kkostitwit biss għall-finijiet tal-proċedura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Apostolidis vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑86/97, EU:T:1998:71, punt 36, u tal-5 ta’ Ottubru 2009, de Brito Sequeira Carvalho u Il-Kummissjoni vs Il-Kummissjoni u de Brito Sequeira Carvalho, T‑40/07 P u T‑62/07 P, EU:T:2009:382, punt 96). Konsegwentement, l-atti u d-dokumenti li fih, b’mod partikolari l-eventwali deċiżjoni ta’ sanzjoni li tagħlaq din il-proċedura, ma jistgħux jiġu infurzati fil-konfront tal-uffiċjal jew invokati kontrih barra mill-imsemmija proċedura, ħlief jekk jiddaħħlu fil-fajl personali tal-imsemmi uffiċjal.

70      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 62 sa 69 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex bażi sabiex issostni li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu jiġu interpretati fis-sens li sanzjoni dixxiplinari adottata kontra uffiċjal u miżmuma fil-fajl dixxiplinari tiegħu tista’ tiġi invokata kontra dan l-uffiċjal minkejja li kull riferiment għall-eżistenza tagħha jkun tħassar mill-fajl personali tal-imsemmi uffiċjal.

71      Fit-tieni lok, sabiex tiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ewwel sanzjoni, għar-reċidiva, fl-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għal din is-sanzjoni fil-fajl personali tar-rikorrent, il-Kummissjoni tinvoka d-dispożizzjonijiet tal-“Lista komuni ta’ ħażna tal-fajls tal-Kummissjoni Ewropea”, li jippermettu l-“ħażna tal-fajls dixxiplinari għal 20 sena”.

72      Il-“Lista komuni ta’ ħażna tal-fajls tal-Kummissjoni Ewropea” ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 6 tal-Anness tar-Regolament Intern tal-Kummissjoni, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar l-amministrazzjoni tad-dokumenti”, li min-naħa tiegħu ġie adottat permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Jannar 2002 li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tagħha (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 3).

73      Skont l-Artikolu 6, intitolat “Ħażna”, tal-Anness għar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni:

“[…]

Ir-regoli amministrattivi u l-obbligi legali għandhom jiddeterminaw il-perjodu minimu li għalih għandu jinżamm dokument.

Kull Direttorat Ġenerali jew dipartiment ekwivalenti għandu jistabilixxi l-istruttura tiegħu nterna ta’ organizzazzjoni għall-ħażna tal-fajls tiegħu. Il-perjodu minimu ta’ ħażna fi ħdan id-dipartimenti tagħha għandu jieħu kont ta’ lista komuni, imħejjija skond ir-regoli ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 12, għall-Kummissjoni kollha.”

74      Il-“Lista komuni ta’ ħażna tal-fajls tal-Kummissjoni Ewropea” tieħu l-forma ta’ tabella li tistabbilixxi l-perijodi ta’ ħażna ta’ kategoriji differenti ta’ fajls. F’din it-tabella, fil-linja 12.4.3, intitolata “Proċeduri dixxiplinari”, huwa previst tul ta’ żmien ta’ ħażna ta’ 20 sena għad-deċiżjonijiet li jimponu miżuri dixxiplinari.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 72 sa 74 iktar ’il fuq jirriżulta li teżisti bażi legali li tippermetti l-ħażna tad-deċiżjonijiet ta’ sanzjonijiet dixxiplinari għal perijodu ta’ 20 sena.

76      Madankollu, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ġerarkija tar-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2008, Strack vs Il-Kummissjoni, T‑85/04, EU:T:2008:18, punti 39 sa 41), peress li kulma tagħmel il-“Lista komuni ta’ ħażna tal-fajls tal-Kummissjoni Ewropea” huwa li tistabbilixxi regoli interni ta’ applikazzjoni ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni (ara l-punt 72 iktar ’il fuq), ma tistax tikkontesta d-dispożizzjonijiet preċedentement interpretati tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punt 67 iktar ’il fuq), li huwa regolament li, bis-saħħa tal-Artikolu 288 TFUE, għandu saħħa vinkolanti u portata ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑110/03, EU:C:2005:223, punt 33).

77      Barra minn hekk, ir-regolamentazzjoni inkwistjoni ma għandhiex l-għan, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punti 47 sa 54 iktar ’il fuq), li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom dokumenti jistgħu jiġu infurzati fil-konfront ta’ uffiċjal jew jistgħu jiġu invokati kontrih. Kif jirriżulta mill-premessa 3 tal-anness tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, din ir-regolamentazzjoni hija intiża sabiex “[tiggarantixxi] li l-Kummissjoni tkun tista’ f’kull żmien, tipprovdi informazzjoni dwar il-kwistjonijiet li tagħhom hija responsabbli”, u dan ifisser li d-dokumenti maħżuna “jippriservaw il-memorja ta’ l-istituzzjoni, jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni, u jipprovdu xhieda ta’ l-operati mwettqa u jħarsu l-obbligi legali tad-dipartiment”. Għaldaqstant, din ir-regolamentazzjoni ma tistax tippermetti lill-Kummissjoni tibbaża ruħha, għar-reċidiva, fuq sanzjoni mogħtija preċedentement kontra uffiċjal, iżda li ma fadal ebda riferiment għaliha fil-fajl personali tal-uffiċjal ikkonċernat.

78      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ilment tar-rikorrent, ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi li allegatament wettqet l-AHCC trilaterali meta hija bbażat ruħha, għar-reċidiva, fuq l-ewwel sanzjoni, minkejja li kienet intlaqgħet it-talba tar-rikorrent intiża sabiex ma jitħalla ebda riferiment għal din is-sanzjoni fil-fajl personali tiegħu, għandu jintlaqa’.

79      Għandu jiġi rrilevat li tali żball fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal huwa ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

80      Fil-fatt, minn naħa, l-AHCC trilaterali, meta ffissat is-sanzjoni li kellha tiġi adottata fir-rigward tad-disa’ kriterji msemmija fl-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, iddedikat erbatax‑il punt tad-deċiżjoni kkontestata, il-punti 37 sa 50, għall-eżami ta’ dawn il-kriterji. Issa, il-kriterju tar-reċidiva huwa dak, fosthom, li kien is-suġġett tal-eżami l-iktar fil-fond, peress li ħamsa minn dawn l-erbatax‑il punt jikkonċernaw dan il-kriterju biss.

81      Min-naħa l-oħra, minn waħda mis-siltiet iċċitati fil-punt 34 iktar ’il fuq jirriżulta li l-AHCC trilaterali qieset li l-fatti inkwistjoni fiż-żewġ proċeduri kienu paragunabbli, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura “manifestament frawdolenti”, fil-fehma tagħha, tal-fatti li r-rikorrent kien akkużat bihom fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel sanzjoni. Barra minn hekk, mis-silta ċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq jirriżulta li dan ix-xebh u, konsegwentement, ir-repetizzjoni tal-aġir tar-rikorrent minkejja s-sanzjoni li kienet ġiet imposta fuqu preċedentement tqiesu mill-AHCC trilaterali bħala ċirkustanza aggravanti li kellha rwol deċiżiv fl-għażla tas-sanzjoni.

82      It-teħid inkunsiderazzjoni tal-ewwel sanzjoni mill-AHCC trilaterali għalhekk eżerċita influwenza determinanti fuq l-għażla tas-sanzjoni adottata. Konsegwentement, l-iżball ta’ liġi kkonstatat fil-punt 78 iktar ’il fuq, li wassal lill-AHCC trilaterali tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod żbaljat, l-ewwel sanzjoni għar-reċidiva, għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

83      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma hemm bżonn, minn naħa, li jiġu eżaminati la l-ilmenti l-oħra u lanqas il-motivi l-oħra invokati mir-rikorrent u, min-naħa l-oħra, li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti mill-partijiet waqt is-seduta u warajha (ara l-punti 20 sa 22 iktar ’il fuq).

IV.    Fuq l-ispejjeż

84      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-21 ta’ Awwissu 2019 li timponi fuq IP is-sanzjoni dixxiplinari ta’ xoljiment mingħajr preavviż tal-kuntratt tal-impjieg tiegħu hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

da Silva Passos

Reine

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Ottubru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.