Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2023 minn Polwax S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Ġunju 2023 fil-Kawża T-585/20, Polwax vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-541/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellant: Polwax S.A. (rappreżentanti: M. Taborowski u P. Hoffman, adwokaci)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ORLEN S.A., li kienet Polski Koncern Naftowy Orlen S.A.

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Ġunju 2023 fil-Kawża T-585/20, Polwax vs Il-Kummissjoni;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-14 ta’ Lulju 2020 mogħtija fil-Każ M.9014 1 , kif ukoll li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tal-appellanti u li l-intervenjenti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha;

alternattivament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-istadju tal-proċedura ma jippermettix l-għoti min-naħa tagħha ta’ sentenza finali fil-kawża,

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżaminaha mill-ġdid u sabiex tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka disa’ aggravji insostenn tal-appell tagħha:

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll żnaturat il-pożizzjoni tal-appellanti billi kkonstatat li l-obbligu li jiġu prodotti “indizji serji” dwar possibbiltà ta’ problema fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jaqa’ fuq l-appellanti, bħala parti kkonċernata, f’sitwazzjoni fejn dan il-kriterju ma kellux jiġi applikat, u barra minn hekk, billi rrikjediet mill-appellanti l-produzzjoni ta’ “indizji serji” li juru li l-prodotti eżaminati mill-Kummissjoni fil-qasam tas-suq upstream (suq tax-xama slack) la huma sostituti għad-domanda u lanqas għall-provvista, filwaqt li bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), tali obbligu ma jirriżultax fir-rigward tat-terzi, u billi kkonstatat li l-informazzjoni pprovduta mill-appellanti fil-kuntest tal-proċeduri ma tikkostitwixxix tali “indizju serju”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tanalizza d-dinamika individwali tas-suq upstream u billi aċċettat in-nuqqas fattwali ta’ motivazzjoni għan-nuqqas ta’ qsim jew ta’ segmentazzjoni tas-suq upstream min-naħa tal-Kummissjoni.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-pożizzjoni tal-appellanti u konsegwentement ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-motiv tagħha dwar id-definizzjoni tas-suq downstream (is-suq tax-xama’ tal-paraffina), u barra minn hekk aċċettat in-nuqqas fattwali ta’ motivazzjoni għan-nuqqas ta’ qsim jew segmentazzjoni tas-suq downstream min-naħa tal-Kummissjoni.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-motiv tal-appellanti dwar is-sinjifikat ta’ xama’ importata għall-kompetizzjoni fis-suq u b’hekk wettqet evalwazzjoni ġuridika żbaljata tal-motivi tal-appellanti.

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-effetti ekonomiċi tal-konċentrazzjoni, billi kkonkludiet b’mod manifestament żbaljat li Orlen la għandha l-possibbiltà u lanqas il-motivazzjoni li tillimita l-provvista ta’ xama’ fil-Polonja kif ukoll li hija possibbli s-sostituzzjoni ta’ xama’ domestika ma’ xama’ importata.

Permezz tal-ħames aggravju tagħha l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-argument tagħha billi kkonstatat li hija ma akkużatx lill-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li Orlen ma hijiex kompetitur potenzjali ta’ Lotos.

Permezz tas-sitt aggravju tagħha l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u marret kontra l-ġurisprudenza preċedenti tagħha billi wettqet evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni fid-dawl tal-Linji Gwida dwar l-evalwazzjoni ta’ amalgamazzjonijiet mhux orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi 1 (iktar ’il quddiem, il-“Linji Gwida Vertikali”), meta dawn il-linji gwida ma japplikawx għall-konċentrazzjonijiet li l-effetti vertikali tagħhom huma relatati mill-qrib mad-dimensjoni orizzontali tagħhom – fejn għalhekk il-konċentrazzjoni fis-suq tax-xama’ marbuta mal-amalgamazzjoni ta’ Lotos ma’ Orlen għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu ta’ l-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi 2 .

Permezz tas-seba’ aggravju tagħha l-appellanti ssostni li anki li kieku kellu jiġi kkonstatat li l-Linji Gwida Vertikali japplikaw għall-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet għadd ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni bl-applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida.

Permezz tat-tmien aggravju tagħha l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet it-talba tal-appellanti għall-produzzjoni ta’ prova permezz ta’ talba għal perizja u billi kkonstatat li t-talba tal-appellanti tmur lil hinn mill-għan tal-miżuri istruttorji.

Permezz tad-disa’ aggravju tagħha l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi li seħħew wara l-għoti tad-deċiżjoni kontenzjuża huma irrilevanti għall-evalwazzjoni ta’ konċentrazzjoni anki jekk dawn iċ-ċirkustanzi juru li r-raġunament tal-Kummissjoni fformulat fid-deċiżjoni kien żbaljat.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Lulju 2020 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ M.9014 - PKN Orlen/Grupa Lotos) (notifikata bid-dokument numru C(2020) (4651) (ĠU 2021, C 196, p. 8).

1 ĠU 2008, C 265, p. 6.

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 10