Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (l-Awstrija), fit22 ta’ Awwissu 2023 – ÖBB-Infrastruktur AG u WESTbahn Management GmbH

(Kawża C-538/23, ÖBB-Infrastruktur u WESTBahn Management)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: ÖBB-Infrastruktur AG, WESTbahn Management GmbH

Konvenut: Schienen-Control Kommission

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea , għandu jiġi interpretat fis-sens li approvazzjoni, mill-Istat Membru, ta’ marġnijiet tas-suq, għandha ssir ex ante, qabel il-bidu (jew, minn tal-inqas, qabel it-tmiem) tal-perijodu tal-iskeda tax-xogħol applikabbli li fir-rigward tiegħu jkunu ntalbu l-marġinijet tas-suq? Jew inkella l-Istat Membru jista’ japprova wkoll l-marġnijiet tas-suq ex post wara t-tmiem tal-perijodu tal-iskeda tax-xogħol applikabbli (possibbilment snin wara)? L-approvazzjoni ta’ marġnijiet tas-suq mill-Istat Membru fis-sens tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2012/34/UE għandha tinftiehem bħala approvazzjoni li hija legalment vinkolanti?1

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 32(1) u (6), moqri flimkien mal-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2012/34/UE, għandu jiġi interpretat fis-sens li – f’ordni kronoloġika – il-marġnijiet tas-suq (fil-każ ta’ modifika tal-komponenti essenzjali) għandhom l-ewwel jiġu ppubblikati fid-dikjarazzjoni tan-network (skont il-każ suġġett għal approvazzjoni) u għandhom jiġu approvati mill-Istat Membru biss wara l-pubblikazzjoni tagħhom? Ikun hemm diġà modifika tal-komponenti essenzjali fis-sens tal-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2012/34/UE meta jiġi mmodifikat “biss” il-livell ta’ marġnijiet tas-suq skont il-perijodu tal-iskeda tax-xogħol applikabbli tas-sena preċedenti?

(Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel sentenza tat-tieni domanda) Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 32(1) u (6), flimkien mal-Artikolu 27(2) u (4) tad-Direttiva 2012/34/UE, u flimkien mal-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva 2012/34/UE, moqri fid-dawl tal-obbligu ta’ trasparenza u tas-sigurtà tal-ippjanar tal-premessa 34 tad-Direttiva 2012/34/UE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-marġnijiet tas-suq ma jistgħux jiġu approvati mill-Istat Membru jekk il-livelli tal-marġnijiet tas-suq innifishom ma jkunux ġew ippubblikati fid-dikjarazzjoni tan-network għall-perijodu tal-iskeda tax-xogħol applikabbli (li fir-rigward tiegħu jkunu ntalbu l-marġinijet tas-suq)? F’din id-dikjarazzjoni tan-network, ġiet pjuttost ippubblikata biss, għal kull segment tas-suq, tariffa globali għal kull kilometru ferrovjarju perkors (bħala s-somma tat-tariffi għall-ispejjeż sostnuti direttament minħabba l-operat tas-servizz ferrovjarju skont l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2012/34/UE u l-marġnijiet tas-suq skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2012/34/UE)? Għaldaqstant, l-impriżi ferrovjarji ma setax ikollhom għarfien, minn dawn id-dikjarazzjonijiet dwar in-network, tat-tariffi għall-“ispejjeż diretti” (fis-sens tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2012/34/UE, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/909 tat12 ta’ Ġunju 2015 dwar il-modalitajiet għall-kalkolu tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju ) jew il-marġnijiet tas-suq fis-sens tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2012/34/UE għal kull segment tas-suq.1

(Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel sentenza tat-tieni domanda) Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 32(1) u (6), flimkien mal-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2012/34/UE, moqri fid-dawl tal-obbligu ta’ trasparenza u tas-sigurtà tal-ippjanar tal-premessa 34 tad-Direttiva 2012/34/UE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-marġnijiet tas-suq ippubblikati fid-dikjarazzjoni tan-network għall-perijodu tal-iskeda tax-xogħol applikabbli għandhom effett vinkolanti għall-approvazzjoni mill-Istat Membru? Minn dan isegwi li hemm effett vinkolanti fuq l-Istat Membru sa fejn ma jistax japprova marġnijiet tas-suq għal kull segment tas-suq ogħla minn dawk ippubblikati fid-dikjarazzjoni rilevanti dwar in-network? Jew hemm effett vinkolanti biss sa fejn it-tariffi globali approvati (jiġfieri t-tariffi għall-“ispejjeż diretti” skont l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2012/34/UE flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/909) u marġnijiet tas-suq skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2012/34/UE) ma jistgħux ikunu ogħla minn dawk ippubblikati fid-dikjarazzjoni dwar in-network? Hemm effett vinkolanti wkoll fil-kuntest tat-talba għall-approvazzjoni sottomessa oriġinarjament lill-Istat Membru fir-rigward tal-livell ta’ marġnijiet tas-suq, u fl-affermattiv f’liema sens (ebda żieda, ebda tnaqqis ieħor possibbli)? Hemm forma oħra ta’ effett vinkolanti?

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk marġnijiet tas-suq humiex ammissibbli fil-prinċipju (minbarra l-vijabbiltà tas-suq li għandha tiġi vverifikata), jiġifieri, għall-finijiet tal-irkupru sħiħ tal-ispejjeż tal-ġestjonarju tal-infrastuttura, ma huwiex neċessarju li jittieħed bħala bażi d-dħul globali li l-Istat Membru jimponi fuq il-ġestjonarju tal-infrastruttura ferrovjarja (“għan tad-dħul”), kompost mis-somma tat-tariffi għall-ispejjeż sostnuti direttament mill-operat tas-servizz ferrovjarju, konformement mal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2012/34/UE, u mill-marġnijiet tas-suq fis-sens tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34/UE; iżda pjuttost, li jiġu ddeterminati u stabbiliti l-ispejjeż meħtieġa għall-irkupru sħiħ, sabiex jiġi evalwat, abbażi ta’ dawn l-ispejjeż, jekk u sa liema estent jistgħu jiġu approvati marġnijiet tas-suq? Għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk marġnijiet tas-suq humiex ammissibbli fil-prinċipju (minbarra l-vijabbiltà tas-suq li għandha tiġi vverifikata), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll is-sussidji Statali mill-Istat Membru lill-impriża ġestjonarja ferrovjarja u fl-affermattiv, taħt liema forma? Ikun hemm lok, skont il-każ, li jitnaqqsu dawn is-sussidji Statali mill-ispejjeż neċessarji meħtieġa għall-irkupru sħiħ (minbarra t-tariffi għall-ispejjeż imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju)? Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 32(1) flimkien mal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2012/34/UE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, minbarra t-tariffi għall-ispejjeż imputabbli direttament lill-operat tas-servizz ferrovjarju u s-sussidji Statali li għandhom possibbilment jittieħdu inkunsiderazzjoni, l-Istat Membru għandu wkoll jiddetermina u jieħu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tiegħu tal-ammissibbiltà tal-marġnijiet tas-suq, il-profitti l-oħra kollha tal-impriża ġestjonarja ferrovjarja minn attivitajiet ekonomiċi oħra u d-dħul kollu ieħor mhux rimborsabbli rċevut minn din l-impriża minn sorsi privati? Fl-affermattiv, taħt liema forma, u għandhom dawn possibbilment jitnaqqsu wkoll mill-ispejjeż neċessarji għall-irkupru sħiħ? Għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, waqt dan l-eżami, tariffi oħra imposti mill-impriża ġestjonarja ferrovjarja, bħal tariffi għall-użu ta’ pjattaformi tal-passiġġieri (“tariffi tal-istazzjon ferrovjarju”) u tariffi għall-użu ta’ provvista tal-elettriku għall-kurrent bi trazzjoni, kif ukoll pożizzjonijiet imprenditorjali oħra tal-impriża ġestjonarja ferrovjarja?

____________

1 ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67.

1 ĠU 2015 L 148, p. 17