Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fit-18 ta’ Awwissu 2023 – Lear Corporation Hungary Autóipari Gyártó Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-532/23, Lear Corporation Hungary)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Lear Corporation Hungary Autóipari Gyártó Kft.

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

L-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”) 1 , kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn il-persuna taxxabbli titlob ir-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) li qabel ma kinitx setgħet titlob minħabba l-applikazzjoni ta’ kundizzjoni legali li ġiet iddikjarata kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din it-talba għal rimbors tista’, fl-istess ħin, tiġi kkunsidrata bħala talba għall-ħlas ta’ interessi moratorji, fid-dawl tan-natura inċidentali tal-interessi u tal-fatt li l-irkupru tal-interessi moratorji huwa rregolat mill-istess dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk applikabbli għall-irkupru tal-VAT li r-rimbors tagħha kien tardiv?

Il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif ukoll, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, jipprekludu prattika nazzjonali li abbażi tagħha, l-amministrazzjoni fiskali, matul il-proċedura amministrattiva fiskali, ċaħdet billi invokat il-prinċipju dispożittiv, talba sussegwenti għal interessi moratorji imressqa mill-persuna taxxabbli peress li l-ewwel talba għal interessi moratorji tagħha, li permezz tagħha kienet inbdiet il-proċedura, ma kinitx issemmi l-perijodu addizzjonali li ġie indikat fit-talba sussegwenti, u kkunsidrat li l-imsemmija talba sussegwenti kienet, konsegwentement, talba ġdida u li din kienet preskritta, minkejja li l-istess amministrazzjoni fiskali, madankollu, ikkunsidrat li l-prinċipju dispożittiv ma kien jorbotha bl-ebda mod f’dak li jirrigwarda l-ewwel talba tal-persuna taxxabbli, iżda invokat l-imsemmi prinċipju esklużivament fir-rigward tal-interessi moratorji mitluba fir-rigward ta’ perijodu li ma kienx għadu magħruf fil-mument tat-tressiq tat-talba li tat lok għall-bidu tal-proċeduri, peress li dan il-perijodu ġie ddefinit mill-ġurisprudenza li oriġinat meta l-imsemmija proċedura kienet għada għaddejja?

Fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ newtralità fiskali, jista’ jiġi kkunsidrat li talba sussegwenti, imressqa matul il-proċedura amministrattiva fiskali abbażi tal-ġurisprudenza stabbilita mill-qrati, tikkostitwixxi żieda għall-ewwel talba, li permezz tagħha nbdiet l-imsemmija proċedura, jew modifika ta’ din l-ewwel talba, fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ talbiet huma differenti minn xulxin biss fir-rigward tal-perijodu ta’ ħlas tal-interessi?

Il-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ newtralità fiskali jipprekludu prattika nazzjonali skont liema talba mressqa wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni impost tiġi ddikjarata preskritta mingħajr ma jiġi eżaminat jekk kinux jeżistu ċirkustanzi ammissibbli li setgħu jwasslu għas-sospensjoni jew għall-interruzzjoni tal-preskrizzjoni, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li r-rikorrenti ressqet l-ewwel talba tagħha fl-2014 u tal-fatt li, għalkemm id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fis-seħħ matul il-perijodu ta’ preskrizzjoni ma ġewx emendati, madankollu, peress li huma jirregolaw biss, skont il-formulazzjoni tagħhom, il-kundizzjonijiet għar-rimbors tal-VAT, il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) u l-Qorti tal-Ġustizzja, billi interpretaw dawn id-dispożizzjonijiet b’mod wiesa’ fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħhom tad-dritt, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi f’dan ir-rigward, iddefinixxew b’mod ġurisprudenzjali l-kundizzjonijiet li fihom interessi moratorji jistgħu jintalbu, b’mod li, matul parti determinanti tal-perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, ir-regoli sabiex jintalbu interessi moratorji mhux biss ma kinux ċari u magħrufa mill-persuni taxxabbli, iżda lanqas biss kienu jeżistu fil-forma ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva?

____________

1 ĠU 2006, L 347, p. 1.