Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Awwissu 2012 - Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-376/12)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: I. Chalkias, E. Leftheriotou u S. Papaioannou)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tilqa' r-rikors;

tannulla d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/336/UE, tat-22 ta' Ġunju 2012, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta' ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta' Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), innotifikata bid-dokument numru C(2012) 3838 u ppubblikata fil-ĠU L 165, p. 83, fil-parti li tirrigwarda l-korrezzjonijiet finanzjarji imposti fuq ir-Repubblika Ellenika fis-settur tal-għeneb imnixxef u fil-qasam tat-tħawwil illegali ta' dwieli; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha r-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/336/UE, tat-22 ta' Ġunju 2012, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta' ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta' Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), innotifikata bid-dokument numru C(2012) 3838 u ppubblikata fil-ĠU L 165, p. 83, fil-parti li tirrigwarda l-korrezzjonijiet finanzjarji imposti fuq ir-Repubblika Ellenika fis-settur tal-għeneb imnixxef matul il-perijodu ta' kummerċjalizzazjoni 2006-2007 u fis-settur tad-dwieli/tħawwil ta' dwieli mingħajr dritt ta' tħawwil mill-ġdid.

Fir-rigward tal-korrezzjoni fis-settur tal-għeneb imnixxef, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-korezzjonijiet imposti ta' 100 % għall-għeneb imnixxef (sultana) u ta' 25 % għall-għeneb imnixxef (Corinth) li jirrigwardaw it-tnaqqis tar-rendiment minimu, l-ispeċjalizzazzjoni ta' raba' bid-dwieli, il-produzzjoni u l-kunsinni effettivi, huma bbażati fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tar-raba' inċiż tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1621/1999 2.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali u għandha tiġi annullata peress li l-impożizzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta' korrezzjoni b'rata fissa ta' 100 % għall-għeneb imnixxef (sultana) u ta' 25 % għall-għeneb imnixxef (Corinth) fir-rigward tan-nuqqasijiet relatati mat-tnaqqis tar-rendiment minimu, tan-nuqqas ta' osservanza tar-rekwiżiti ta' speċjalizzazjoni tar-raba' bid-dwieli u tal-produzzjoni u kunsinna effettivi, hija bbażata fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Anness 2 tad-Dokument VI/5330/97, tal-Anness 17 tad-Dokument AGRI/17933/2000 u tad-Dokument AGRI/60637/2006, ma hijiex suffiċjentement immotivata, hija sproporzjonata meta mqabbla man-nuqqasijiet ikkonstatati u tmur lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni.

Fir-rigward ta' tħawwil mingħajr drittijiet ta' tħawwil mill-ġdid, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-impożizzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta' korrezzjoni finanzjarja hija illegali u għandha tiġi annullata sa fejn: a) teskludi infiq sostnut iktar minn erba' u għoxrin xahar qabel in-notifika, mill-Kummissjoni, tar-riżultati tal-verifiki, bi ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258.1999 4, li sar l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 , u b) tikser il-prinċipju ta' ċertezza legali u ddgħajjef id-drittijiet tad-difiża u ta' sostenn tal-allegazzjonijeit tar-rikorrenti peress li użat fatti u atti li jmorru lura għexieren u għexieren ta' snin.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-oqsma rregolarizzati skont l-Artikolu 2(3)(a) tar-Regolament Nru 1493/1999  ġew irregolarrizzati b'mod mhux konformi ma' din id-dispożizzjoni, peress li n-nuqqas ta' implementazzjoni tar-Reġistru tal-oqsma tad-dwieli meta sar l-eżami tal-applikazzjonijiet ta' regolarizzazjoni kien jimplika li ma kinux ipprovduti l-garanziji meħtieġa fir-rigward tal-verfika tad-derogi, hija bbażata fuq żball ta' fatt.

Ir-raba' nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali u għandha tiġi annullata peress li l-korrezzjoni imposta u l-metodu applikat għall-finijiet tal-kalkolu tagħha, skont applikazzjoni b'analoġija tal-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 479/2008 , imorru kontra l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 u kontra l-Linji Gwida previsti fid-Dokument VI/5330/87, u l-applikazzjoni tagħha tinvolvi effetti sproporzjonati meta mqabbla man-nuqqasijiet ikkonstatati.

Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-Kummissjoni ffissat il-qasam kollu rregolarizzat skont l-Artikolu 2(3)(a) tar-Regolament Nru 1493/1999 għal 7 112.04 ettari u l-valur medju tad-drittijiet ta' tħawwil għal EUR 1 500 l-ettaru huwa bbażat fuq żball ta' fatt, ma huwiex immotivat b'mod suffiċjenti u jmur kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1621/1999, tat-22 ta' Lulju 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 rigward l-għajnuna għat-tkabbir tal-għeneb biex jipproduċi ċerti varjetajiet ta' għeneb imqadded (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 163).

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta' Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414).

3 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta' Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 286M , 4.11.2010, p. 1).

4 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, tas-17 ta' Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 25).

5 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008, tad- 29 ta' April 2008, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU L 148, p.1).