Language of document : ECLI:EU:T:2014:623

Kawża T‑376/12

(pubblikazzjoni ta’ Estratti)

Ir-Repubblika Ellenika

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“FAEGG — Taqsima ‘Garanzija’ — FAEG u FAEŻR — Infiq eskluż mill-finanzjament — Passolina — Inbid — Infiq mill-Greċja — Korrezzjoni finanzjarja individwali — Metodu ta’ kalkolu — Natura tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet — Rabta mal-infiq iffinanzjat mill-Unjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-10 ta’ Lulju 2014

1.      Agrikoltura — Politika Agrikola Komuni — Finanzjament mill-FAEGG, mill-FAEG u mill-FAEŻR — Clearance tal-kontijiet — Għan

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1258/1999, Artikolu 7(4), Nru 1493/1999, Artikolu 2(3), u Nru 1290/2005, Artikolu 31)

2.      Agrikoltura — Politika Agrikola Komuni — Finanzjament mill-FAEGG, mill-FAEG u mill-FAEŻR — Clearance tal-kontijiet — Korrezzjoni finanzjarja individwali mingħajr rabta suffiċjenti mal-ispejjeż iffinanzjati mill-fondi — Esklużjoni — Assenza ta’ evalwazzjoni tal-ispejjeż iffinanzjati mill-fondi minkejja d-disponibbiltà ta’ informazzjoni f’dan is-sens — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1258/1999, Artikolu 7(4), Nru 1493/1999, Artikolu 2(3), Nru 1290/2005, Artikolu 31, u Nru 479/2008, Artikolu 86(1))

1.      Il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet tat-Taqsima Garanzija tal-Fondi Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), abbażi tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/99, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola, u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, kontijiet ippreżentata mill-Istati Membri abbażi tal-infiq iffinanzjat mill-Fondi hija intiża biex b’mod partikolari tiġi kkonstatata r-realtà u r-regolarità tal-infiq. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li twettaq korrezzjoni finanzjarja jekk l-infiq li qed jintalab il-finanzjament tiegħu ma sarx b’mod konformi mar-regoli tal-Unjoni, peress li tali korrezzjoni finanzjarja hija intiża biex jiġi evitat li l-Fondi jħallsu ammonti li ma servewx għall-finanzjament ta’ għan imfittex mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni.

(ara l-punt 163)

2.      Il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet u l-korrezzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw minnha japplikaw biss fil-każ fejn infiq sar mill-Istati Membri u fejn dawn ġew iffinanzjati mill-FAEG jew mill-FAEŻR. Peress li korrezzjoni finanzjarja ma għandhiex rabta suffiċjenti ma xi nefqa ffinanzjata mill-Fondi, li saret bi ksur tar-regolamentazzjoni tal-Unjoni, din ma tistax tkun implementata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet.

Fil-fatt, l-approvazzjoni tal-kontijiet tippermetti biss li jinġabru l-konsegwenzi tar-regolarizzazzjonijiet imwettqa b’mod irregolari b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1493/1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, fuq l-infiq iffinanzjat mill-Fondi. Għaldaqstant, korrezzjoni finanzjarja applikata mill-Kummissjoni, li ma tkunx relatata ma’ spejjeż iffinanzjati mill-Fondi msemmija, ma jkollhiex bażi legali u tmur direttament kontra kemm l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, kif ukoll kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid.

L-istess japplika għall-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni meta din ma tkunx ipprovat tiddetermina l-ammont tat-telf għall-Fondi ġġenerati mid-dwieli rregolarizzati b’mod irregolari b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(3)(a) tar-Regolament Nru 1493/1999, filwaqt li hija kellha informazzjoni li kienet tippermettilha li tagħmel dan. Bl-istess mod, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 479/2008 ma tipprevedi l-possibbiltà li jiġu rregolarizzati d-dwieli mħawla illegalment permezz ta’ ħlas mill-Istat Membru kkonċernat ta’ somma ekwivalenti għall-miżata ta’ regolarizzazzjoni lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-kontijiet, peress li r-riżerva inserita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 86(1) ta dan ir-Regolament ma jistax ikollha tali portata.

(ara l-punti 167, 172, 177, 178, 181, 188, 191, 197, 200, u d-dispożittiv 1)