Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Diċembru 2023 – Booking Holdings vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1139/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Booking Holdings Inc. (Norwalk, Connecticut, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: F. González Díaz u R. Snelders, lawyers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2023) 6376 final tal-25 ta’ Settembru 2023 fil-Każ COMP/M.10615 – Booking Holdings/eTraveli Group (iktar ’il quddiem Id-“Deċiżjoni”);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż rispettivi tagħha u għall-miżati u l-ispejjeż legali sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-Deċiżjoni hija żbaljata sa fejn titbiegħed mingħajr ġustifikazzjoni mil-qafas ta’ esklużjoni antikompetittiva stabbilit tal-Linji gwida dwar l-evalwazzjoni ta’ amalgamazzjonijiet mhux orizzontali (iktar ’il quddiem il-“LGAMH”), u billi kklassifikat b’mod żbaljat il-benefiċċji favur il-kompetizzjoni bħala effetti antikompetittivi.

Filwaqt li ammettiet li l-LGAMH għandhom normalment japplikaw għal dan il-każ, id-Deċiżjoni naqset milli tapplikahom. Id-Deċiżjoni ma tipprovdix ġustifikazzjoni xierqa għal dan in-nuqqas ta’ applikazzjoni. Peress li l-Kummissjoni hija obbliga li tiġġustifika talli approċċ differenti u tali nuqqas ta’ applikazzjoni, id-Deċiżjoni hija żbaljata minħabba li ma applikatx il-LGAMH.

Anki jekk jitqies li d-Deċiżjoni kienet ipprovdiet ġustifikazzjonijiet xierqa għall-adozzjoni ta’ approċċ differenti minn dak tal-LGAMH, it-teorija ta’ dannu espressa fid-Deċiżjoni tikklassifika b’mod żbaljat il-benefiċċji favur il-kompetizzjoni bħala effetti antikompetittivi.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-Deċiżjoni hija żbaljata għaliex ċaħdet il-kooperazzjoni legalment vinkolanti u kummerċjalment ta’ suċċess li kien hemm fi żmien il-fużjoni bħala l-bażi kontrofattwali sabiex minflok tibbaża ruħha fuq il-bażi kontrofattwali inkonċepibbli ta’ “ebda titjiriet” fejn Booking.com (iktar ’il quddiem “Booking”) ma tkunx għalkollox preżenti fit-titjiriet.

Id-Deċiżjoni kienet żbaljata għaliex ċaħdet il-kooperazzjoni legalment vinkolanti u kummerċjalment ta’ suċċess li kien hemm fi żmien il-fużjoni bħala l-bażi kontrofattwali rilevanti.

Anki jekk jitqies li d-Deċiżjoni kienet iġġustifikata li tinjora l-kooperazzjoni legalment vinkolanti li kien hemm bejn il-partijiet, ma kien hemm l-ebda bażi sabiex, bħala punt ta’ tluq tal-investigazzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tieħu x-xenarju kontrofattwali ta’ “ebda titjiriet”, li b’mod inkonċepibbli jissuġġerixxi li l-iktar eżitu probabbli tal-fatt li t-tranżazzjoni ma titkompliex ikun li Booking toħroġ kompletament mit-titjiriet.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-Deċiżjoni hija żbaljata meta tikkonstata, anki abbażi tal-qafas żbaljat u tal-kontrofattwali ħażin, li t-tranżazzjoni setgħet tirriżulta f’ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

Anki jekk jitqies li d-Deċiżjoni kienet iġġustifikata li titbiegħed mil-LGAMH u li tadotta l-kontrofattwali evidentement żbaljat ta’ “ebda titjiriet”, l-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni li tinstab fid-Deċiżjoni hija vvizzjata b’diversi żbalji sinjifikattivi u ovvji – inkluż billi tapplika standard ta’ intervent illegali u kunsiderevolment iktar baxx minn dak stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; billi teżaġera b’mod sinjifikattiv l-allegat impatt tat-tranżazzjoni, b’mod partikolari billi tikkalkola ħażin kull żieda eventwali fis-sehem tas-suq li tista’ tkun ikkawżata mit-tranżazzjoni; billi naqset milli turi li t-tranżazzjoni għandha żżid l-ostakoli għad-dħul u għall-espansjoni bħala riżultat tal-effetti ikbar fuq in-network; billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni restrizzjonijiet eżistenti, ovvji u sinjifikattivi, għall-kompetizzjoni; billi irrappreżentat b’mod żbaljat ir-rati ta’ kummissjoni u l-prezzijiet tal-kmamar ta’ Booking; u billi warrbet b’mod żbaljat l-effiċjenzi li jistgħu jiġu ppruvati tat-tranżazzjoni.

____________