Language of document : ECLI:EU:C:2021:247

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fil‑25 ta’ Marzu 2021 (1)

Kawża C768/19

Bundesrepublik Deutschland

vs

SE,

Parti oħra fil-proċedura:

Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht

(talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ‑ Protezzjoni internazzjonali ‑ Protezzjoni sussidjarja ‑ Direttiva 2011/95/UE ‑ It-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) ‑ Dritt taħt id-dritt nazzjonali ta’ adult għal protezzjoni sussidjarja bħala l-ġenitur ta’ minuri mhux miżżewweġ li huwa benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja ‑ Data rilevanti sabiex jiġi evalwat l-istatus ta’ ‘minuri’”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), datata l‑15 ta’ Awwissu 2019 u li tressqet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Ottubru 2019, tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (2) u tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Hija terġa’ tqajjem kwistjonijiet pjuttost vessatorji rigward id-dati xierqa li għandhom jirregolaw applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja li jirriżultaw mill-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali lil membri oħra tal-familja.

2.        It-talba tressqet fi proċeduri bejn SE u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), rigward ir-rifjut minn din tal-aħħar li tagħti protezzjoni sussidjarja lil SE bħala l-ġenitur ta’ minuri mhux miżżewweġ li huwa benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja f’dan l-Istat Membru (iben SE).

3.        Sabiex SE u ibnu jitqiesu bħala “membri tal-familja” fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, iben SE għandu, b’mod partikolari, ikun minuri u mhux miżżewweġ (3). Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrifjutat li tagħti protezzjoni sussidjarja lil SE fuq il-bażi li, filwaqt li kien applika għall-ażil f’dan l-Istat Membru meta ibnu kien għadu minuri, SE ppreżenta applikazzjoni formali għall-ażil f’dan l-Istat Membru jum wara li ibnu ma baqax minuri.

4.        Fit-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddetermina, b’mod partikolari, liema mument għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-iskop li jiġi evalwat jekk il-persuna eliġibbli għall-protezzjoni (f’dan il-każ iben SE) hijiex “minuri” fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95.

5.        Qabel ma jiġu kkunsidrati dawn il-kwistjonijiet, huwa, madankollu, l-ewwel meħtieġ li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet legali rilevanti u l-fatti fil-kawża prinċipali.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt tal-Unjoni Ewropea

1.      IdDirettiva 2011/95

6.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/95, bit-titolu “Skop”, jipprevedi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għal refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.”

7.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95, bit-titolu “Definizzjonijiet”

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(j)      ‘membri tal-familja’ ifisser, safejn il-familja tkun diġa’ eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini, il-membri tal-familja li ġejjin tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li huma preżenti fl-istess Stat Membru rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali:

—      […],

—      […],

— il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għall-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali sew jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, meta dak il-benefiċjarju hu minuri jew [u] mhux miżżewweġ;

(k)      ‘minuri’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat taħt l-età ta’ 18‑il sena;

[…]”

8.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95, bit-titolu “Standards stabbiliti aktar favorevoli”, jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

9.        L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95, bit-titolu “Żamma ta’ unità tal-familja”, jipprevedi:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità tal-familja tista’ tinżamm.

2. L-Istati Membru għandhom jiżguraw li membri tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali, li ma jikkwalifikawx individwalment għal tali protezzjoni, huma intitolati li jitolbu l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35, bi qbil mal-proċeduri nazzjonali safejn huwa kompatibbli mal-istatus legali personali tal-membru tal-familja.

[…]”

10.      L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2011/95, bit-titolu “Permessi ta’ residenza”, jipprevedi:

“[…]

2.      Kemm jista’ jkun malajr wara li tkun ingħatat protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja u lill-membri tal-familja tagħhom permess ta’ residenza li jista’ jiġġedded irid ikun validu għal mill-inqas sena u, f’każ ta’ tiġdied, għal mill-inqas sentejn, sakemm raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubblika jeħtieġu mod ieħor.”

2.      IdDirettiva 2013/32/UE

11.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (4), bit-titolu “Aċċess għall-proċedura”, huwa fformulat kif ġej:

‘1.      Meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

Jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali issir lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet bħal dawn, iżda mhumiex kompetenti għar-reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

[…]

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun. Fejn l-applikant ma jagħmilx l-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 28 kif meħtieġ.

3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati fiżikament u/jew f’post magħżul.

4. Minkejja l-paragrafu 3, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ġiet riċevuta ladarba formola ppreżentata mill-applikant jew, fejn dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, rapport uffiċjali, ikunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

[…]”

B.      Id-dritt Ġermaniż

12.      L-Artikolu 13 tal-Asylgesetz (5) (il-Liġi dwar l-Ażil; iktar ’il quddiem l-“AsylG”) jipprevedi:

“(1)      Teżisti applikazzjoni għall-ażil jekk jista’ jiġi dedott mill-intenzjoni taċ-ċittadin barrani, espressa bil-miktub, verbalment jew b’xi mod ieħor, li huwa qiegħed ifittex protezzjoni fit-territorju tar-Repubblika Federali minn persekuzzjoni politika jew li huwa qiegħed jitlob protezzjoni kontra tneħħija jew kwalunkwe forma oħra ta’ ritorn forzat lejn Stat li fih huwa jinsab f’riskju ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) jew ta’ dannu serju fis-sens tal-Artikolu 4(1).

[…]”

13.      L-Artikolu 14 tal-AsylG jipprevedi:

“(1)      L-applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi ppreżentata fil-fergħa lokali tal-Uffiċċju Federali li hija assenjata liċ-ċentru ta’ akkoljenza responsabbli għad-dħul taċ-ċittadin barrani. […]

[…]”

14.      L-Artikolu 26 tal-AsylG jipprevedi:

“[…]

(2)      Minuri mhux miżżewweġ li huwa l-wild ta’ benefiċjarju tal-ażil u li kien minuri fil-mument tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu għandu jiġi rrikonoxxut bħala eliġibbli għall-ażil fuq applikazzjoni jekk ir-rikonoxximent taċ-ċittadin barrani bħala benefiċjarju tal-ażil ma jistax jiġi kkontestat u dan ir-rikonoxximent ma jistax jiġi rrevokat jew irtirat.

(3)      Il-ġenituri ta’ minuri mhux miżżewweġ li huwa benefiċjarju tal-ażil jew adult ieħor fis-sens tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva [2011/95] għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala eliġibbli għall-ażil fuq applikazzjoni, jekk

1.      ir-rikonoxximent tal-eliġibbiltà tal-persuna għall-ażil ma jistax jiġi kkontestat,

2.      il-familja fis-sens tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva [2011/95] tkun diġà eżistiet fl-Istat li fih il-persuna eliġibbli għall-ażil hija ppersegwitata politikament,

3.      huma daħlu fit-territorju qabel ir-rikonoxximent tal-eliġibbiltà tal-persuna għall-ażil jew ippreżentaw l-applikazzjoni għall-ażil immedjatament wara li daħlu fit-territorju,

4.      ir-rikonoxximent tal-eliġibbiltà tal-persuna għall-ażil ma jistax jiġi rrevokat jew irtirat, u

5.      huma responsabbli sabiex jieħdu ħsieb il-persuna eliġibbli għall-ażil.

Il-punti 1 sa 4 tal-ewwel sentenza għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-aħwa mhux miżżewġa tal-persuna minuri eliġibbli għall-ażil li huma minuri fil-mument tal-applikazzjoni tagħhom.

[…]

(5)      Id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-membri tal-familja fis-sens tas-subparagrafi 1 sa 3 ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. L-eliġibbiltà għall-ażil għandha tiġi ssostitwita bl-istatus ta’ refuġjat jew bil-protezzjoni sussidjarja. […]

[…]”

15.      L-Artikolu 77 tal-AsylG jipprevedi:

“(1)      Fit-tilwimiet fi ħdan l-ambitu ta’ din il-liġi, il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument tal-aħħar seduta; jekk is-sentenza tingħata mingħajr seduta, il-mument rilevanti għandu jkun dak li fih tingħata s-sentenza. […]

[…]”

III. Ilfatti talkawża prinċipali u ttalba għal deċiżjoni preliminari

16.      SE qiegħed jitlob li jingħata l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja abbażi li huwa missier minuri mhux miżżewweġ li għandu dan l-istatus. SE huwa, skont huwa stess, ċittadin Afgan u missier iben imwieled fl‑20 ta’ April 1998, li daħal fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl‑2012 u ppreżenta applikazzjoni għall-ażil hemmhekk fil‑21 ta’ Awwissu 2012 (6).

17.      Permezz ta’ deċiżjoni finali tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refuġjati, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Federali”) tat‑13 ta’ Mejju 2016, l-applikazzjoni għall-ażil ta’ iben SE ġiet miċħuda. Minkejja dan huwa ngħata l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

18.      Skont huwa stess, SE daħal fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bl-art f’Jannar 2016. Huwa applika għall-ażil fi Frar 2016 u ppreżenta applikazzjoni formali għal protezzjoni internazzjonali fil‑21 ta’ April 2016.

19.      L-Uffiċċju Federali ċaħad it-talbiet tiegħu sabiex jingħata l-ażil u l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja u t-talba tiegħu għal dikjarazzjoni li hemm raġunijiet li jipprojbixxu d-deportazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 60(5) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu60 (7) tal-Aufenthaltsgesetz (il-Liġi Ġermaniża dwar ir-Residenza).

20.      Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) imponiet obbligu fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tagħti l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil SE abbażi tal-Artikolu 26(5), flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(3) tal-AsylG, bħala l-ġenitur ta’ minuri mhux miżżewweġ li huwa benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja.

21.      Skont il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva), iben SE kien għadu minuri fil-mument meta SE ppreżenta l-applikazzjoni għall-ażil, li huwa l-mument rilevanti f’dan ir-rigward. F’dan ir-rigward, applikazzjoni għall-ażil għandha titqies li tkun ġiet ippreżentata malli l-awtorità kompetenti tkun saret taf bit-talba għall-ażil tal-persuna li tkun qiegħda tfittex protezzjoni.

22.      Fl-appell tagħha fuq punt ta’ liġi lill-qorti tar-rinviju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li kien hemm ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(3) tal-AsylG. Hija ssostni li skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 77(1) tal-AsylG il-fattur deċiżiv għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi huwa, bħala prinċipju, il-mument tal-aħħar seduta quddiem il-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu jew – fl-assenza ta’ tali seduta – il-mument tad-deċiżjoni finali tal-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu. L-Artikolu 26(3) tal-AsylG ma fihx eżenzjonijiet statutorji espressi f’dan ir-rigward. Ir-rekwiżiti ta’ fatt u l-istruttura tiegħu jissuġġerixxu li, fi kwalunkwe każ, minuri biss li kien għadu minuri meta ngħata l-istatus tiegħu stess jista’ jagħti lok għal dritt derivat. Hija ssostni li d-dispożizzjoni sservi l-interessi tal-minuri intitolat għall-protezzjoni, li, bħala prinċipju, jeżistu biss sakemm huwa minuri.

23.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni wkoll li anki jekk l-istatus ta’ “minuri” kellu jkun ibbażat fuq id-data tal-applikazzjoni għall-ażil tal-ġenituri, ma huwiex il-mument meta tressqet it-talba materjali għall-ażil (Artikolu 13 tal-AsylG) li huwa deċiżiv f’dan ir-rigward, iżda pjuttost il-mument tal-applikazzjoni formali għall-ażil (Artikolu 14 tal-AsylG). Għall-iskop li jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit tal-applikazzjoni stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(3) tal-AsylG, ma huwiex suffiċjenti li l-awtorità kompetenti – f’dan il-każ l-Uffiċċju Federali – tkun sempliċement konxja tat-talba għall-ażil. Rekwiżit neċessarju għar-rikonoxximent huwa applikazzjoni (formali), li, sabiex tkun effettiva, tista’ tiġi ppreżentata biss mal-awtorità kompetenti.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1.      Fil-każ ta’ applikant għall-ażil li, qabel l-età maġġoreni tal-wild tiegħu, li flimkien miegħu kienet diġà stabbilita familja fil-pajjiż tal-oriġini u li kien ingħata l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja wara li laħaq età maġġoreni (iktar ’il quddiem, il-‘benefiċjarju tal-protezzjoni’), abbażi ta’ applikazzjoni għal protezzjoni ppreżentata qabel ma ntlaħqet l-età maġġoreni, daħal fl-Istat Membru ospitanti tal-benefiċjarju tal-protezzjoni u hemmhekk ippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (iktar ’il quddiem l-‘applikant għall-ażil’), u fil-każ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirreferi għall-Artikolu 2(j) tad-Direttiva [2011/95], sabiex tikkonferixxi dritt għall-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja dderivat mill-benefiċjarju tal-protezzjoni, huwa rilevanti, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-benefiċjarju tal-protezzjoni huwiex ‘minuri’ fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-mument fejn tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil tal-applikant għall-ażil jew inkella mument preċedenti, b’mod partikolari l-mument fejn

(a)      il-benefiċjarju tal-protezzjoni jkun ingħata l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja,

(b)      l-applikant għall-ażil ikun ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu,

(c)      l-applikant għall-ażil ikun daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, jew

(d)      il-benefiċjarju tal-protezzjoni jkun ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu?

2.      Fis-sitwazzjoni fejn

(a)      huwa deċiżiv il-mument li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-ażil:

Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għal protrezzjoni bil-miktub, orali jew b’forma oħra, li ġiet innotifikata biha l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tal-ażil (talba għal ażil) jew il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali?

(b) huwa deċiżiv il-mument li fih l-applikant għall-ażil ikun daħal fit-territorju jew il-mument li fih dan ikun ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu:

Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ma kinitx għadha ngħatat deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni tal-benefiċjarju tal-protezzjoni futur?

3.      (a) Fis-sitwazzjoni deskritta fl-ewwel domanda, taħt liema kundizzjonijiet l-applikant għall-ażil ikun ‘membru tal-familja’ (Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95) preżenti ‘fl-istess Stat Membru rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ bħal dak li fih huwa preżenti l-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li miegħu ‘familja tkun diġà eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini’? Dan jeżiġi, b’mod partikolari, li l-ħajja tal-familja msemmija fl-Artikolu 7 tal-[Karta] tkun issoktat bejn il-benefiċjarju tal-protezzjoni u l-applikant għall-ażil fl-Istat Membru ospitanti jew is-sempliċi preżenza simultanja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni u tal-applikant għall-ażil tkun biżżejjed għal dan il-għan? Ġenitur huwa wkoll membru tal-familja meta’ fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, id-dħul fit-territorju ma kienx intiż għall-eżerċizzju effettiv ta’ responsabbiltà fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 fil-konfront ta’ persuna benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali li għadha minorenni u li mhux miżżewġa?

(b)      Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (a) tat-tielet domanda tkun li l-ħajja tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-[Karta], għandha tkun issoktat bejn il-benefiċjarju tal-protezzjoni u l-applikant għall-ażil fl-Istat Membru ospitanti, il-mument li fiha il-ħajja tal-familja tkun issoktat huwa rilevanti? Għandu jittieħed inkusiderazzjoni f’dan ir-rigward il-fatt dwar jekk il-ħajja tal-familja tkunx issoktat f’ċertu perijodu wara d-dħul tal-applikant għall-ażil fit-territorju, jew fil-mument fejn l-applikant għall-ażil ikun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu jew fil-mument fejn il-benefiċjarju tal-protezzjoni kien għadu minorenni?

4.      L-istatus ta’ applikant għall-ażil bħala membru tal-familja fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 jintemm meta l-benefiċjarju tal-protezzjoni jilħaq l-età maġġorenni u ma tibqax teżisti r- responsabbiltà lejn persuna minorenni u mhux miżżewġa? Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda: dan l-istatus ta’ membru tal-familja (u d-drittijiet derivati minnu) jibqa’ jeżisti lil hinn mid-data għal żmien illimitat jew jintemm wara ċertu perijodu (fl-affermattiv, liema perijodu?) jew mas-seħħ ta’ ċerti avvenimenti (fl-affermattiv: liema avvenimenti?)”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mill-Gvern Ġermaniż u dak Ungeriż u mill-Kummissjoni Ewropea. Fis‑26 ta’ Mejju 2020, il-proċeduri fil-kawża preżenti ġew sospiżi permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 55(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja sas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577). Dik is-sentenza ġiet innotifikata lill-qorti tar-rinviju fil-proċeduri preżenti sabiex taċċerta jekk xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Awwissu 2020, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Awwissu 2020, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li xtaqet iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Awwissu 2020, is-sospensjoni tal-proċeduri fil-kawża preżenti tneħħiet.

26.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja datata l‑10 ta’ Novembru 2020, il-Gvern Ġermaniż intalab jiċċara d-differenza – b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-proċedura, it-termini u l-kundizzjonijiet – li teżisti fid-dritt Ġermaniż bejn l-applikazzjoni informali għall-ażil, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-AsylG u l-applikazzjoni formali għall-ażil, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tal-istess liġi. Il-Gvern Ġermaniż wieġeb għal din il-mistoqsija fl‑14 ta’ Diċembru 2020.

27.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Novembru 2020, il-partijiet interessati, skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ġew mistiedna jikkummentaw dwar il-konsegwenzi possibbli li għandhom jinstiltu mis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge  (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577) bil-għan li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari fil-proċeduri preżenti. Il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

V.      Ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

28.      Il-Gvern Ġermaniż qajjem dubji rigward il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tittratta d-domandi preliminari. Skont dan il-gvern, id-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li ma hijiex imposta mid-dritt tal-Unjoni u li, minn kliemha, tirreferi għad-definizzjonijiet ipprovduti mid-dritt tal-Unjoni fl-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 biss fir-rigward tal-kunċetti ta’ “adult ieħor” u ta’ “familja”.

29.      Għandu jiġi nnotat li bid-domandi tagħha l-qorti tar-rinviju tfittex interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 u tal-Artikolu 7 tal-Karta. L-ebda riferiment ma jsir għad-dritt nazzjonali f’dawn id-domandi.

30.      Isegwi, madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari li SE qiegħed jitlob protezzjoni internazzjonali bħala membru tal-familja (ġenitur ta’ wild minuri mhux miżżewweġ) abbażi tal-Artikolu 26(5), flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(3) tal-AsylG pjuttost milli abbażi tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, id-Direttiva 2011/95. Jidher madankollu li l-kwistjoni dwar jekk, fil-mument rilevanti, iben SE huwiex minuri mhux miżżewweġ u għalhekk dwar jekk SE huwiex membru tal-familja skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 hija kruċjali sabiex jiġi ddeterminat l-istatus ta’ SE skont id-dritt nazzjonali. Dan huwa dovut għar-riferiment għall-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 li jinsab fl-Artikolu 26(3) tal-AsylG (7).

31.      Fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punti 68 sa 74), il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li d-Direttiva 2011/95 ma tipprovdix għall-estensjoni tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lill-membri tal-familja ta’ persuna mogħtija dan l-istatus. Minn dan isegwi li l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva sempliċement jimponi fuq l-Istati Membri li jaddattaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li l-membri tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 2(j) ta’ din id-direttiva, tal-benefiċjarju ta’ tali status ikunu jistgħu, jekk ma jkunux jissodisfaw individwalment il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istess status, igawdu minn ċerti vantaġġi, li jinkludu b’mod partikolari l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza, l-aċċess għall-impjieg jew l-aċċess għall-edukazzjoni u li għandhom bħala l-għan tagħhom iż-żamma tal-unità tal-familja. Madankollu, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 jippermetti lil Stat Membru li jipprovdi, fil-każ ta’ għoti, skont is-sistema stabbilita minn din id-direttiva, ta’ protezzjoni internazzjonali lil membru tal-familja, għall-estensjoni tal-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni lil membri oħra ta’ din il-familja, sakemm dawn ma jkunux jaqgħu taħt xi kawża ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 12 tal-istess direttiva u s-sitwazzjoni tagħhom tkun tippreżenta, minħabba l-ħtieġa ta’ żamma tal-unità tal-familja, rabta mar-ratio legis tal-protezzjoni internazzjonali.

32.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja lill-membri tal-familja bħala dritt idderivat, minħabba l-ħtieġa taż-żamma tal-unità tal-familja tal-persuni kkonċernati, huwa konsistenti mar-ratio legis tal-protezzjoni internazzjonali li wasslet għall-għoti ta’ dan l-istatus (8).

33.      Jidher mill-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju (9), li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet użu mill-possibbiltà skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 li tipprovdi protezzjoni iktar estensiva lil ċerti membri tal-familja li jsir riferiment għalihom fl-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95.

34.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tagħti deċiżjoni preliminari rigward domandi li jikkonċernaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li fihom, anki jekk il-fatti tal-kawża fil-proċeduri prinċipali ma jaqgħux direttament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni saru applikabbli mid-dritt nazzjonali minħabba riferiment  magħmul minn dan id-dritt għall-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. F’ċirkustanzi bħal dawn, huwa ċar li huwa fl-interess tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati differenzi potenzjali ta’ interpretazzjoni futuri, dispożizzjonijiet meħuda mid-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi. Għalhekk, interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun iġġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ġew reżi applikabbli għal tali sitwazzjonijiet mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, sabiex jiġi żgurat trattament identiku bejn dawn is-sitwazzjonijiet u sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (10).

35.      Peress li l-Artikolu 26(3) tal-AsylG jirreferi speċifikament għall-kunċett ta’ “familja” skont l-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 u ma hemm xejn li jindika li d-dispożizzjoni tal-aħħar ma hijiex b’mod dirett u inkundizzjonat applikabbli għal sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa għalhekk b’mod ċar fl-interess tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar it-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari.

36.      Għaldaqstant, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domandi preliminari.

VI.    Fuq id-domandi preliminari

A.      Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

1.      Rimarki preliminari

37.      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li jistgħu jiġu ttrattati b’mod konvenjenti flimkien, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn ġenitur, (f’dan il-każ, SE) qiegħed ifittex li jikseb dritt għal protezzjoni sussidjarja skont id-dritt nazzjonali abbażi tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ta’ wild minuri mhux miżżewweġ, liema mument għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna eliġibbli għal protezzjoni internazzjonali – f’dan il-każ, iben SE – hijiex “minuri” fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 (11).

38.      Kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-risposta għal din id-domanda hija neċessarja minn perspettiva tad-dritt tal-Unjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk SE huwiex intitolat li jitlob, kif ipprovdut mill-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95, il-benefiċċji stabbiliti fl-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva (12).

39.      Id-definizzjoni ta’ “minuri” li tinsab fl-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2011/95, li tirreferi għal “ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat taħt l-età ta’ 18‑il sena”, ma hijiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

40.      Dak li huwa inkwistjoni, madankollu, huwa l-mument rilevanti meta l-istatus ta’ “minuri” ta’ persuna huwa evalwat sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-minuri u persuna oħra humiex “membri tal-familja” għall-finijiet tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95. Skont l-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, it-terminu “membri tal-familja” jinkludi, sakemm il-familja tkun diġà eżistiet fil-pajjiż ta’ oriġini, missier minuri mhux miżżewweġ li huwa l-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li huwa preżenti fl-istess Stat Membru fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

41.      Il-qorti tar-rinviju ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja b’ħames għażliet ratione temporis, jiġifieri:

–        id-data li fiha ġiet deċiża l-applikazzjoni għall-ażil ta’ SE (korp prinċipali tal-ewwel domanda);

–        id-data li fiha iben SE ġie mogħti protezzjoni sussidjarja (il-punt (a) tal-ewwel domanda);

–        id-data li fiha SE applika għall-ażil (il-punt (b) tal-ewwel domanda);

–        id-data li fiha SE daħal fil-Ġermanja (il-punt (c) tal-ewwel domanda); jew

–        id-data li fiha iben SE ppreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu (il-punt (d) tal-ewwel domanda).

42.      Il-Gvern Ġermaniż iqis li l-mument rilevanti sabiex jiġi evalwat l-istatus ta’ “minuri” skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 huwa d-data tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-membru tal-familja li jixtieq jasserixxi dritt, idderivat minn dak tal-benefiċjarju tal-protezzjoni.

43.      Il-Gvern Ungeriż iqis li l-użu tal-preżent fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 jimmilita kontra interpretazzjoni retroattiva tal-istatus ta’ “minuri”. Is-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi li fuqha hija bbażata deċiżjoni għalhekk għanda tiġi eżaminata u evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi li eżistew fil-mument meta d-deċiżjoni ġiet adottata. Interpretazzjoni differenti fil-proċeduri preżenti tkun tfisser li l-awtoritajiet ikollhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq finzjoni li l-persuna għadha minuri meta dan ma jkunx għadu l-każ. Finzjoni bħal din ma tistax tiġi dderivata mit-test tad-Direttiva 2011/95 jew l-għanijiet tagħha u tkun tmur kontra ċ-ċertezza legali. Skont dan il-gvern, il-mument rilevanti huwa d-data tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata mill-membru tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali.

44.      B’kuntrast, il-Kummissjoni tqis li t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) u l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati li jfissru li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat taħt l-età ta’ 18‑il sena fiż-żmien li huma ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, iżda li saru adulti matul il-proċedura u li lilhom ingħata l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja sussegwentement, għandhom jitqiesu bħala “minuri” għall-finijiet tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) jekk missierhom daħal fit-territorju tal-istess Stat Membru qabel ma l-benefiċjarju tal-protezzjoni kiseb l-età maġġorenni u ppreżenta l-applikazzjoni li jsir riferiment għaliha fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 f’terminu raġonevoli mill-jum li fih il-benefiċjarju tal-protezzjoni ġie rrikonoxxut bħala tali.

2.      Issentenza tat12 ta’ April 2018, A u S (C550/16, EU:C:2018:248)

45.      Huwa ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-għażliet ratione temporis differenti ppreżentati mill-qorti tar-rinviju ġew ispirati, tal-inqas parzjalment, mis-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248) (13). Għalhekk ser niddeskrivi f’ċertu dettall il-fatti u d-deċiżjoni f’dik il-kawża għal komprensjoni ikbar tal-għażliet ratione temporis differenti ppreżentati mill-qorti tar-rinviju.

46.      Il-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248) kienet tirrigwarda d-dritt ta’ minuri mhux akkumpanjata li daħlet fil-Pajjiżi l-Baxxi u applikat għall-ażil meta kienet għadha minuri iżda li kisbet l-istatus ta’ refuġjat u applikat għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tagħha wara li laħqet l-età maġġorenni.

47.      Saret domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-Artikolu 2(f) (14) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (15) għandux jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat taħt l-età ta’ 18‑il sena fil-mument tad-dħul tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru u tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil tagħhom f’dan l-Istat, iżda li, matul il-proċedura għall-ażil, jilħqu l-età maġġorenni u, sussegwentement, jingħataw l-ażil b’effett retroattiv mid-data tal-applikazzjoni tagħhom għandhom jitqiesu bħala “minuri” għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) (16) tagħha, għandu jiġi interpretat f’dan is-sens sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat taħt l-età ta’ 18‑il sena fil-mument tad-dħul tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru u tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom għall-ażil f’dan l-Istat, iżda li, matul il-proċedura ta’ ażil, jilħqu l-età maġġorenni u, sussegwentement, jiġu rrikonoxxuti l-istatus ta’ refuġjat għandhom madankollu jitqiesu bħala “minuri” għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni.

48.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja taħt l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 kellu jiddependi fuq il-mument li fih l-awtorità nazzjonali kompetenti tadotta formalment id-deċiżjoni li tirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat tal-persuna kkonċernata, minflok ma tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jipproċessaw bi prijorità l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn minuri mhux akkumpanjati sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom, tali interpretazzjoni jista’ jkollha l-effett oppost, b’mod li tmur kontra l-għan imfittex kemm mid-Direttiva 2013/32 kif ukoll mid-Direttivi 2003/86 u 2011/95 li jiġi żgurat li, konformement mal-Artikolu 24(2) tal-Karta, l-aħjar interessi tal-wild ikunu effettivament kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi (17).

49.      Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li jekk id-data tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies li hija dik li għandu jsir riferiment għaliha sabiex tiġi evalwata l-età ta’ refuġjat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, dan ikun jippermetti li jiġi ggarantit trattament identiku u prevedibbli għall-applikanti kollha li jinsabu kronoloġikament fl-istess sitwazzjoni, billi jiġi żgurat li s-suċċess tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja jkun jiddependi prinċipalment fuq fatti imputabbli lill-applikant u mhux lill-amministrazzjoni bħat-tul tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, madankollu, li refuġjat li kellu l-istatus ta’ minuri mhux akkumpanjat fil-mument tal-applikazzjoni tiegħu li iżda jkun laħaq l-età maġġorenni tiegħu matul il-proċedura għandu jippreżenta applikazzjoni għar-riunifikazzjoni f’terminu raġonevoli (18). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ tliet xhur mid-data li fiha l-“minuri” kkonċernat kien iddikjarat li għandu l-istatus ta’ refuġjat.

3.      Issentenza tas16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C133/19, C136/19 u C137/19, EU:C:2020:577)

50.      Nikkunsidra wkoll li s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577), li ġiet adottata wara t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża preżenti, hija ta’ rilevanza.

51.      F’dik il-kawża, saret domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar, b’mod partikolari, jekk il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-data li għandu jsir riferiment għaliha għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew refuġjat mhux miżżewweġ huwiex “wild minuri”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija dik tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal dħul u residenza bil-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja fir-rigward ta’ wlied minuri, jew dik tad-deċiżjoni dwar dik l-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, skont il-każ, wara rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tiċħad tali applikazzjoni.

52.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat bi kliem inekwivoku fil-punti 36 u 37 ta’ dik is-sentenza, li l-fatt li tiġi kkunsidrata d-data li fiha l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat iddeċidiet dwar l-applikazzjoni għal dħul u residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat bil-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja bħala d-data li għandu jsir riferiment għaliha sabiex tiġi evalwata l-età tal-applikant għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva2003/86 la jkun konformi mal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva u lanqas mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 7 u mill-Artikolu 24(2) tal-Karta, peress li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-qrati ma jkunux imħeġġa jittrattaw, b’mod prijoritarju, l-applikazzjonijiet tal-minuri bl-urġenza neċessarja sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-vulnerabbiltà tagħhom u għalhekk ikunu jistgħu jaġixxu b’mod li jipperikola d-drittijiet stess għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ dawn il-minuri. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data li għandu jsir riferiment għaliha sabiex jiġi ddeterminat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew refuġjat mhux miżżewweġ huwiex wild minuri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija dik tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal dħul u residenza bil-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja fir-rigward ta’ wlied minuri, u mhux dik li fiha ttieħdet id-deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru.

4.      Analiżi qasira tassentenzi inkwistjoni

53.      Kif indikajt, is-sentenzi tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248) u tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577) kienu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/86.

54.      Għandu jiġi enfasizzat mill-bidu li d-Direttiva 2003/86 ġiet adottata fit‑22 ta’ Settembru 2003. Għalhekk l-adozzjoni ta’ din id-direttiva kienet bejn wieħed u ieħor sitt xhur qabel l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (19). Id-Direttiva 2004/83, li iktar tard ġiet issostitwita bid-Direttiva 2011/95, introduċiet il-kunċett ta’ status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja għall-ewwel darba fid-dritt tal-Unjoni. Din il-kronoloġija sservi sabiex jiġi spjegat għaliex id-Direttiva 2003/86 tirreferi biss għal refuġjati u mhux għal ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni mingħajr stat li jgawdu status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Filwaqt li d-drittijiet tal-membri tal-familja tar-refuġjati huma rregolati fil-biċċa kbira mid-Direttivi 2003/86 u 2011/95 (20), id-direttiva tal-ewwel ma tikkonċernax id-drittijiet tal-membri tal-familja ta’ dawk li jgawdu status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

55.      Fil-fatt, fil-punt 34 tas-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li d-Direttiva 2003/86 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiż terz li huma membri tal-familja ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja (21).

56.      Jiena nemmen li s-soluzzjoni adottata fis‑sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248) fir-rigward tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ minuri mhux akkumpanjat li kien igawdi status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 huwa istruttiv fir-rigward tal-kawża preżenti. L-analiżi li tinsab f’dik il-kawża ma hijiex, madankollu, kompletament trasponibbli għal din preżenti peress li hemm ċerti differenzi ta’ fatt u ta’ liġi ewlenin. B’mod partikolari, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248), kien il-wild minuri mhux akkumpanjat li fittex ir-riunifikazzjoni tal-familja fuq il-bażi tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 minflok (bħal hawnhekk) ġenitur li jfittex li jingħaqad mal-wild tiegħu fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 23 et seq. tad-Direttiva 2011/95.

57.      Barra minn hekk, filwaqt li l-kawża preżenti tirrigwarda l-kwistjoni tad-drittijiet ta’ ġenitur ta’ individwu li ġie mogħti l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, il-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577) hija wkoll kemxejn differenti peress li tikkonċerna l-intepretazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 li jirrikjedi li l-Istati Membri jawtorizzaw id-dħul u r-residenza tal-ulied minuri mhux miżżewġa ta’ refuġjat.

5.      Applikazzjoni tal-ġurisprudenza għall-kawża preżenti

58.      Għandu jiġi nnotat li t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 ma jispeċifikax il-mument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ b’vantaġġ iċċara dan il-punt, madankollu, minkejja dan in-nuqqas, ma jirriżultax li kull Stat Membru jista’ unilateralment jiddetermina liema mument jixtieq jagħżel sabiex jiddetermina jekk ċerti persuni humiex “membri tal-familja” għall-finijiet tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95. Nilħaq din il-konklużjoni għal diversi raġunijiet.

59.      L-ewwel, it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 ma jagħmel l-ebda riferiment għad-dritt nazzjonali jew għall-Istati Membri u, it-tieni, ma hemm xejn f’din id-dispożizzjoni jew fil-fatt f’xi dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2011/95 li jissuġġerixxi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jħalli lil kull Stat Membru r-responsabbiltà sabiex jiddetermina l-mument rilevanti inkwistjoni.

60.      Fis-sentenzi tagħha tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 41) u tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 30), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, konformement mar-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-prinċipju ta’ ugwaljanza, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandha normalment tingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, u din l-interpretazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mill-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

61.      Fil-fehma tiegħi, it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, li l-ewwel paragrafu tiegħu jistipula b’lingwaġġ ċar ħafna u inekwivoku li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità tal-familja tista’ tinżamm” (enfasi miżjuda). Barra minn hekk, il-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95 tiddikjara li din id-direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta u tfittex li tippromwovi l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta.

62.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 7 tal-Karta, li jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jew tal-familja, għandu jinqara flimkien mal-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta, u filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa għal wild li jkollu, regolarment, relazzjoni personali maż-żewġ ġenituri, espressa fl-Artikolu 24(3) tal-Karta (22).

63.      Jirriżulta minn dan li ntqal hawn fuq li t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fl-interess tal-wild ikkonċernat u bil-għan li tiġi promossa l-ħajja tal-familja.

64.      Inqis li la jkun fl-interess tal-wild ikkonċernat u lanqas tal-promozzjoni tal-ħajja tal-familja fil-kuntest ta’ proċeduri bħal dawn fil-kawża preżenti u lanqas, fi kwalunkwe każ, f’konformità mar-ratio legis tas-sentenzi tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248) u tas‑16 ta’ Lulju 2020,  État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577), jekk il-mument rilevanti għall-evalwazzjoni tal-istatus ta’ “minuri” taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 kellu jkun id-data li fiha l-applikazzjoni għall-ażil ta’ SE fil-fatt ġiet deċiża (23); jew id-data li fiha iben SE ngħata protezzjoni sussidjarja (24).

65.      Huwa ċar mis-sentenzi tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 55) u tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577), li l-Qorti tal-Ġustizzja ma pprevedietx li dritt ta’ applikant għall-ħajja tal-familja għandu jsir dipendenti fuq il-ħeffa u t-tul ta’ applikazzjoni nazzjonali u ta’ proċess deċiżjonali. Il-prinċipju sottostanti għal dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huwa li d-dritt li tiġi ppreżentata applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja ma jistax ikun suġġett għall-każ tad-dati li fihom jittieħdu ċerti deċiżjonijiet minn terzi.

66.      Fil-fehma tiegħi, dan huwa minnu irrispettivament minn jekk ir-rikonoxximent tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja taħt id-Direttiva 2011/95 huwiex att dikjaratorju jew le. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-premessa 21 tad-Direttiva 2011/95 tiddikjara li r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat huwa att dikjaratorju. Madankollu, ma hemmx premessa ekwivalenti fid-Direttiva 2011/95 fir-rigward tal-protezzjoni sussidjarja (25). Minkejja dan, filwaqt li s-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248) tagħmel riferiment għall-fatt li r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat huwa dikjaratorju (26), f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-fatt li l-fatt li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja taħt l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 jkun jiddependi fuq il-mument li fih l-awtorità nazzjonali kompetenti formalment tadotta d-deċiżjoni li tirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat tal-persuna kkonċernata u, għalhekk, fuq kemm l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi pproċessata malajr jew bil-mod minn din l-awtorità, ikun iqiegħed inkwistjoni l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni. Tali stat ta’ fatt ikun imur kontra mhux biss l-għan ta’ din id-direttiva, li huwa li tippromwovi r-riunifikazzjoni tal-familja u li tagħti f’dan ir-rigward protezzjoni speċifika lir-refuġjati, b’mod partikolari minuri mhux akkumpanjati, iżda wkoll kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali (27).

67.      Approċċ simili kien adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Lulju 2020,  État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577). Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, fir-raġunament tagħha ma ddependietx fuq in-natura dikjaratorja ta’ att li jirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat iżda pjuttost enfasizzat id-drittijiet idderivati mill-Artikolu 7 u l-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta u l-interessi tal-ulied ikkonċernati. Hija osservat li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma għandux ikun jiddependi fuq dawk li kienu essenzjalment ċirkustanzi inċerti u mhux prevedibbli, kompletament imputabbli lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-qrati tal-Istati Membri kkonċernati (28).

68.      Jidher mill-fajl nazzjonali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċeduri preżenti li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, hemm perijodu ta’ kważi erba’ snin minn meta iben SE applika għall-ażil (il‑21 ta’ Awwissu 2012) u d-data meta ngħata protezzjoni sussidjarja (it‑13 ta’ Mejju 2016). L-ebda spjegazzjoni ma ġiet ipprovduta mill-qorti tar-rinviju għad-dekorrenza kunsiderevoli ta’ żmien inkwistjoni. Wieħed jista’ forsi jassumi, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li dan jista’ jkun minħabba ċerti kontestazzjonijiet legali mressqa minn iben SE kontra ċ-ċaħda mill-Uffiċċju Federali tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu. Huwa biżżejjed li jintqal li l-applikazzjoni għall-ażil ta’ SE ilha pendenti mill‑2016.

69.      Fil-fehma tiegħi, minbarra r-riskju ta’ erożjoni tad-drittijiet (29), iggarantiti taħt l-Artikolu 7 u l-Artikolu 24 tal-Karta, ikun ukoll kuntrarju għall-Artikolu 47 tal-Karta u għad-dritt għal rimedju effettiv jekk il-fatt li applikant għal protezzjoni internazzjonali kien meħtieġ li jinvoka r-rimedji ġudizzjarji previsti taħt l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 ikun jista’ b’hekk iwassal għal sitwazzjoni fejn membri tal-familja jitilfu d-dritt tagħhom li tinżamm l-unità tal-familja u d-drittijiet kollha konsegwenti mogħtija skont, b’mod partikolari, id-Direttiva 2011/95 bħala riżultat tad-dekorrenzi ta’ żmien li tali litigazzjoni inevitabbilment iġġenerat u li jidher li kienu barra mill-kontroll tal-applikant. Sitwazzjoni bħal din tista’ tfixkel ħafna u tiskoraġġixxi b’mod mhux raġonevoli d-dipendenza fuq rimedji ġudizzjarji li nkella jistgħu jkunu disponibbli (30).

70.      F’dan ir-rigward, inqis li l-fatt, kif indikat mill-Gvern Ġermaniż u dak Ungeriż (31), li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jeħtieġ eżami sħiħ u ex nunc tal-fatti u l-punti ta’ liġi minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru aditi fl-ewwel istanza ta’ appell minn deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma huwiex rilevanti meta tittieħed deċiżjoni dwar, b’mod partikolari, liema mument għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk il-persuna eliġibbli għal protezzjoni (f’dan il-każ iben SE) hijiex “minuri” fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95. L-għan tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 huwa li jiġi żgurat li d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti dwar il-protezzjoni internazzjonali tkun ibbażata fuq fatti u dritt aġġornati (32). Din id-dispożizzjoni ma għandha l-ebda effett fuq id-dritt tal-membri tal-familja li jitolbu, skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95, il-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva jew fil-fatt fuq il-mument li fih dawn id-drittijiet huma dderivati.

71.      Fir-rigward tal-għażla ratione temporis indikata fil-punt (c) tal-ewwel domanda, jiġifieri d-data li fiha SE daħal fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 jirrikjedi b’mod ċar li l-membri tal-familja inkwistjoni jkunu “preżenti fl-istess Stat Membru rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” (33). Sabiex tkun tapplika din id-dispożizzjoni, SE għandu għalhekk ikun daħal fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qabel ma ibnu jkun laħaq l-età maġġorenni u iben SE għandu jkun applika għal protezzjoni internazzjonali meta kien minuri, peress li SE qiegħed ifittex li jikseb drittijiet f’dan ir-rigward.

72.      Filwaqt li l-preżenza fl-Istat Membru inkwistjoni u applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mill-“minuri” inkwistjoni huma kundizzjonijiet neċessarji, madankollu ma humiex biżżejjed fihom infushom sabiex jagħtu lok għal dritt għall-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95. Il-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li ma jikkwalifikawx individwalment għal tali protezzjoni, għandhom, skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95, fil-fatt “jitolbu l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 […]” (34). Fil-fehma tiegħi, hija din it-talba li tagħti lok għal eżami tad-dritt għall-benefiċċji inkwistjoni u għalhekk hija l-mument rilevanti għall-evalwazzjoni tal-istatus ta’ “minuri” tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali msemmi fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95.

73.      Għaldaqstant nikkunsidra, li sabiex missier jibbenefika mid-drittijiet previsti fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 fuq il-bażi li huwa “membru tal-familja” ta’ “minuri” li huwa benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, dawn id-drittijiet għandhom fil-fatt jiġu asseriti jew mitluba mill-missier inkwistjoni waqt li l-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jkun għadu minuri. Fil-każ bħal dak fil-kawża prinċipali, il-mument rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-istatus ta’ “minuri” skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, huwa għalhekk, bħala prinċipju, id-data li fiha l-applikant għall-ażil (SE) ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu (il-punt (b) tal-ewwel domanda – 2016). Fid-dawl tal-kliem ċar tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95, ma nikkunsidrax għalhekk li d-data li fiha l-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali (iben SE) ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu (35) hija, fiha nnifisha, rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-istatus ta’ “minuri” skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 (il-punt (d) tal-ewwel domanda – 2012).

74.      Il-mument rilevanti għall-evalwazzjoni tal-istatus ta’ “minuri” ta’ iben SE skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 huwa għalhekk id-data li fiha SE applika għall-ażil (il-punt (b) tal-ewwel domanda – 2016), sakemm iben SE applika għal protezzjoni internazzjonali qabel ma laħaq l-età maġġorenni u sakemm iż-żewġ membri tal-familja inkwistjoni huma wkoll preżenti fl-istess Stat Membru qabel iben SE laħaq l-età maġġorenni tiegħu.

75.      Peress li nikkunsidra li l-mument meta SE ppreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu huwa deċiżiv, minn dan isegwi li t-tieni domanda mqajma mill-qorti tar-rinviju hija wkoll ta’ ċerta importanza. Din id-domanda tirrigwarda jekk il-mument materjali huwiex id-data li fiha titressaq it-talba għall-ażil jew jekk dan huwiex id-data li fiha l-applikazzjoni għall-ażil hija ppreżentata formalment (36).

76.      Din id-domanda tirrikjedi interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għad-domanda mqajma mill-qorti tar-rinviju tista’ tinstab fil-punti 92 sa 94 tas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal  (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali) (C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495), li essenzjalment tiddikjara li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32,  ċittadin ta’ pajjiż terz jikseb l-istatus ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2013/32, mill-punt li huwa “jagħmel” tali applikazzjoni. L-att tal-“preżentazzjoni” ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma jinvolvi l-ebda formalitajiet amministrattivi peress li dawn il-formalitajiet għandhom jiġu osservati meta l-applikazzjoni tkun “ippreżentata”. Għaldaqstant il-kisba tal-istatus ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali ma tistax tkun suġġetta la għar-reġistrazzjoni u lanqas għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni u l-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz esprima x-xewqa tiegħu li japplika għal protezzjoni internazzjonali quddiem “awtoritajiet oħra” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32 huwa biżżejjed sabiex jingħata l-istatus ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali lil din il-persuna. Il-preżentazzjoni ta’ tali applikazzjoni hija, għaldaqstant, biżżejjed sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ sitt ijiem ta’ xogħol li fih l-Istat Membru kkonċernat għandu jirreġistra l-applikazzjoni.

77.      Għalhekk jidher li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-mument rilevanti fir-rigward tal-applikazzjoni għall-ażil ta’ SE kien fi Frar 2016 pjuttost milli d-data tal-applikazzjoni formali tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fil‑21 ta’ April 2016. Peress li għalhekk l-applikazzjoni għall-ażil ta’ SE ġiet ippreżentata waqt li ibnu kien għadu minuri, minn dan isegwi li SE kien membru tal-familja għall-finijiet tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95.

78.      B’risposta għall-ewwel u t-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, għalhekk inqis li fiċ-ċirkustanzi ta’ każ bħal dak fil-kawża prinċipali, il-mument rilevanti għall-evalwazzjoni tal-istatus ta’ “minuri” tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, huwa d-data li fiha missieru jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32, sakemm il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jkun applika għal din il-protezzjoni qabel ma jilħaq l-età maġġorenni u ż-żewġ membri tal-familja inkwistjoni huma preżenti fl-istess Stat Membru qabel ma l-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jilħaq l-età maġġorenni.

B.      Fuq it-tielet domanda

79.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tivverifika jekk it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva, jeħtieġx l-issoktar bejn il-“membri tal-familja” inkwistjoni, tal-ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta jew jekk is-sempliċi preżenza simultanja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni u l-membru tal-familja tiegħu fl-Istat Membru inkwistjoni hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit l-istatus ta’ membru tal-familja (37).

80.      It-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 jagħmel il-kunċett ta’ “membri tal-familja” fir-rigward ta’ missier benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali (38) dipendenti biss fuq it-tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, li l-familja tkun diġà eżistiet fil-pajjiż ta’ oriġini (39), li l-membri tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni huma preżenti fl-istess Stat Membru fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li l-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali huwa minuri mhux miżżewweġ.

81.      Din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ preżenza fl-istess Stat Membru ma teħtieġx l-issoktar bejn il-membri tal-familja inkwistjoni tal-ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta. L-Artikolu 7 tal-Karta jirrikjedi li l-ħajja tal-familja tiġi rrispettata. Madankollu, ma jimponi l-ebda rekwiżit speċifiku fuq il-membri tal-familja fir-rigward tal-intensità tar-relazzjoni familjali tagħhom.

82.      L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità tal-familja tista’ tinżamm. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri obbligi pożittivi preċiżi, bi drittijiet suġġettivi individwali ddefiniti b’mod ċar korrispondenti. Din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-“membri tal-familja”, kif iddefiniti mill-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, huma intitolati jitolbu l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva. Dawn il-benefiċċji għandhom, bħala prinċipju, jingħataw lill-membri tal-familja (40). L-ebda marġni ta’ diskrezzjoni ma titħalla lill-Istati Membri f’dan ir-rigward (41).

83.      Kif indikat ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, l-issoktar ta’ relazzjoni familjali jista’, fil-fatt, ma jkunx purament dipendenti fuq ix-xewqat tal-membri tal-familja inkwistjoni iżda pjuttost fuq kundizzjonijiet barra mill-kontroll tagħhom, bħal fejn ikunu qegħdin joqogħdu. Forsi iktar importanti minn hekk, minħabba li d-Direttiva 2011/95 ma imponiet l-ebda kriterju f’dan ir-rigward, ma huwiex ċar kif l-issoktar ta’ relazzjoni familjali jista’ jiġi mmonitorjat u evalwat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’mod ġust, oġġettiv u proporzjonat.

84.      Jekk, madankollu, minuri mhux miżżewweġ meta jilħaq l-età maġġorenni espressament jindika bil-miktub li huwa ma jixtieqx iżomm l-unità tal-familja, allura l-iskop tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95 ma jistax jintlaħaq u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma humiex meħtieġa jagħtu lill-membri tal-familja l-benefiċċji korrispondenti taħt l-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva.

85.      Għalkemm iben SE għalaq 18‑il sena u laħaq l-età maġġorenni tiegħu fl‑20 ta’ April 2016, ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li huwa oġġezzjona fi kwalunkwe stadju għaż-żamma tal-unità tal-familja jew li jerġa’ jingħaqad ma’ missieru.

C.      Fuq ir-raba’ domanda

86.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex kjarifika dwar jekk l-istatus ta’ applikant għall-ażil bħala membru tal-familja (SE) fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 jintemmx meta l-benefiċjarju tal-protezzjoni (iben SE) jilħaq l-età maġġorenni jew jiżżewweġ. Il-qorti tar-rinviju tfittex ukoll li tivverifika, fil-każ li l-istatus ta’ missier il-benefiċjarju tal-protezzjoni bħala membru tal-familja, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95/UE, bħala prinċipju jkompli jeżisti lil hinn mill-mument li fih il-wild jilħaq l-età maġġorenni, jekk - lil hinn mis-sitwazzjoni li fiha tispiċċa ż-żjara tal-missier fl-Istat Membru ospitanti jew l-eliġibbilità tal-wild għal protezzjoni - dan l-istatus ma jibqax jeżisti f’ċertu mument jew mal-okkorrenza ta’ ċertu avveniment (42).

87.      Inqis li, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) u l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95, id-drittijiet tal-membri tal-familja ma jippersistux għal terminu illimitat.

88.      Fil-fehma tiegħi, id-dritt tal-membri tal-familja skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 li jitolbu l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva jippersisti wara li l-benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja jilħaq l-età maġġorenni, għat-tul tal-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza mogħti lilhom skont l-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva.

89.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi li “l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja u lill-membri tal-familja tagħhom permess ta’ residenza li jista’ jiġġedded irid ikun validu għal mill-inqas sena u, f’każ ta’ tiġdid, għal mill-inqas sentejn, sakemm raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubblika jeħtieġu mod ieħor” (43).

VII. Konklużjoni

90.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), kif ġej:

Fiċ-ċirkustanzi ta’ każ bħal dak fil-kawża prinċipali, il-mument rilevanti għall-evalwazzjoni tal-istatus ta’ “minuri” tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, huwa d-data li fiha missieru jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, sakemm il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jkun applika għal din il-protezzjoni qabel ma jilħaq l-età maġġorenni u ż-żewġ membri tal-familja inkwistjoni huma preżenti fl-istess Stat Membru qabel ma l-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jilħaq l-età maġġorenni.

Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, il-kunċett ta’ “membri tal-familja” fir-rigward ta’ missier benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jiddependi biss fuq it-tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, li l-familja tkun diġà eżistiet fil-pajjiż ta’ oriġini, li l-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali huma preżenti fl-istess Stat Membru fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li l-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali huwa minuri mhux miżżewweġ. It-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 ma jeħtieġx l-issoktar bejn il-membri tal-familja inkwistjoni tal-ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Jekk minuri mhux miżżewweġ skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 meta jilħaq l-età maġġorenni espressament jindika bil-miktub li huwa ma jixtieqx iżomm l-unità tal-familja, allura l-iskop tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95 ma jistax jintlaħaq u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma humiex meħtieġa jagħtu lill-membri tal-familja l-benefiċċji korrispondenti taħt l-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva.

Id-drittijiet tal-membri tal-familja skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) u l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 ma jippersistux għal terminu illimitat. Id-dritt tal-membri tal-familja skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) u l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 li jitolbu l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva jippersisti wara li l-benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja jilħaq l-età maġġorenni, għat-tul tal-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza mogħti lilhom skont l-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2011, L 337, p. 9.


3      Dan il-kriterju ma huwiex inkwistjoni fil-proċeduri preżenti.


4      ĠU 2013, L 180, p. 60.


5      BGB1. 2008 I, p. 1798, fil-verżjoni indikata mill-qorti tar-rinviju.


6      Id-data tal‑21 ta’ Awwissu 2012 tidher fil-fajl nazzjonali ppreżentat mill-qorti tar-rinviju fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din ma tidhirx fit-talba għal deċiżjoni preliminari u għalhekk għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.


7      Skont il-qorti tar-rinviju “l-applikazzjoni tal-applikant sabiex jingħata protezzjoni sussidjarja bħala ġenitur għalhekk tirnexxi jekk, fil-mument li huwa deċiżiv għall-evalwazzjoni, l-iben kien minuri fis-sens tal‑ewwel sentenza tal-Artikolu 26(3) tal-AsylG u l-applikant kien responsabbli abiex jieħu ħsiebu fis-sens tal-punt 5 tal‑ewwel sentenza tal-Artikolu 26(3) tal-AsylG. L-Artikolu 26(3) tal-AsylG huwa intiż bħala mezz ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva [2011/95] […]”. Ara l-punti 12 u 13 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


8      Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 73).


9      Fil-punt 13 tat-talba għal deċiżjoni preliminari l-qorti tar-rinviju ddikjarat li l-Artikolu 26(3) tal-AsylG huwa intiż bħala mezz ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95. Fil-fehma tiegħi, jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-portata ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali hija usa’ mill-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 u li d-dispożizzjoni nazzjonali testendi, f’ċerti ċirkustanzi, il-protezzjoni internazzjonali lil membri tal-familja.


10      Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, K u B (C‑380/17, EU:C:2018:877, punti 34 sa 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punti 35 sa 37).


11      Il-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jindika li iben SE kien minuri meta SE daħal fil-Ġermanja f’Jannar 2016 u applika għall-ażil fi Frar 2016. Madankollu, iben SE ma baqax minuri fl‑20 ta’ April 2016, jum qabel SE ppreżenta applikazzjoni formali għal protezzjoni internazzjonali fil‑21 ta’ April 2016. Barra minn hekk, fit‑13 ta’ Mejju 2016, iben SE ma kienx għadu minuri meta huwa ġie mogħti l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Il-qorti tar-rinviju tinnota li fir-rigward tal-istatus ta’ “minuri” tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni, il-ġurisprudenza nazzjonali f’xi każijiet ħadet ukoll inkunsiderazzjoni – b’konformità mal-prinċipju skont l-Artikolu 77 tal-AsylG – id-data li fiha d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil tal-ġenitur ittieħdet. F’każijiet oħra, madankollu, tqies bħala suffiċjenti li l-benefiċjarju ta’ protezzjoni kien għadu minuri fil-mument meta l-ġenitur ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil. F’dan ir-rigward, ir-raġunijiet ipprovduti huma b’mod ġenerali bbażati fuq dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u l-iffissar espliċitu taż-żmien fil-każ ta’ protezzjoni internazzjonali dderivata għall-ulied (ara l-Artikolu 26(2) tal-AsylG) huwa ttrasferit għall-protezzjoni internazzjonali għall-ġenituri, minkejja n-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward. Ara l-punt 16 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


12      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fuq l-implikazzjonijiet tar-risposta tagħha taħt id-dritt nazzjonali, b’mod partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 26(5), flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(3) tal-AsylG. Din hija kwistjoni għall-qorti tar-rinviju.


13      Ara l-punt 18 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


14      Din id-dispożizzjoni tipprovdi li “‘minorenni mhux akkompanjat’” tfisser ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni bla stat taħt l-età tmintax, li jaslu fit-territorju ta’ l-Istati Membri mhux akkompanjati minn adulti responsabbli bil-liġi jew b’użanza, u sakemm ma jittiħdux effettivament fir-reponsabbilta ta’ persuna tali, jew minorenni li jibqgħu mhux akkompanjati wara li jkunu daħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri”.


15      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224.


16      Din id-dispożizzjoni tipprevedi, essenzjalment, li jekk ir-refuġjat ikun minuri mhux akkumpanjat, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-qraba tal-ewwel grad tiegħu fil-linja diretta axxendenti.


17      Ara l-punt 58 tas-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248) u l-punti 36 u 37 tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577). Fil-punt 49 tas-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248), il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li la l-Artikolu 2(f) u lanqas l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 fih innifsu ma jippermetti li tingħata risposta għad-domanda preliminari f’dik il-kawża. Għalhekk hija eżaminat ukoll is-sens ġenerali u l-għan ta’ din id-direttiva. F’dak ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-fatt li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja taħt l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 ikun jiddependi fuq il-mument li fih l-awtorità nazzjonali kompetenti tadotta formalment id-deċiżjoni li tirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat lill-persuna kkonċernata u, għaldaqstant, fuq kemm din l-awtorità tipproċessa malajr jew bil-mod l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, ikun iqiegħed inkwistjoni l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni u jkun imur kontra mhux biss l-għan ta’ din id-direttiva, li huwa li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja u li tingħata, f’dan ir-rigward, protezzjoni partikolari lir-refuġjati, b’mod partikolari lill-minuri mhux akkumpanjati, iżda wkoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali. Ara l-punt 55 tas-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248).


18      Fil-punt 50 tas-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, essenzjalment, li l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 japplika biss għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati rrikonoxxuti bħala tali mill-Istati Membri.


19      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96.


20      Ara wkoll id-Direttiva 2013/32.


21      Ara l-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/86.


22      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 55 u l-ġurispurdenza ċċitata).


23      Korp prinċipali tal-ewwel domanda.


24      Il-punt (a) tal-ewwel domanda


25      Filwaqt li ma hemmx ekwivalenti tal-premessa 21 fir-rigward tal-protezzjoni sussidjarja, inqis li wara li tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali stabbiliti fil-Kapitolu V tad-Direttiva 2011/95 għall-kwalifikazzjoni għal protezzjoni sussidjara għandhom dritt suġġettiv li jiġu rrikonoxxuti li għandhom l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, anki qabel id-deċiżjoni formali ma tkun adottata f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, fil-punt 32 tas-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, Kreis Warendorf u Osso (C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127), il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-premessi 8, 9 u 39 tad-Direttiva 2011/95 jindikaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jistabbilixxi status uniformi għall-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali u li għalhekk iddeċieda li jagħti lill-benefiċjarji ta’ status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li minnhom igawdu r-refuġjati, ħlief fil-każ ta’ derogi neċessarji u oġġettivament iġġustifikati. F’dan ir-rigward, ma hija pprovduta l-ebda deroga fir-rigward tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja taħt l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95. Din id-dispożizzjoni tirreferi speċifikament għall-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali.


26      Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni dwar l-istatus dikjaratorju tar-refuġjati qamet, b’mod partikolari, peress li l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi speċifikament li d-Direttiva ma għandhiex tapplika meta l-isponsor ikun “qiegħed japplika għal status ta’ refuġjat li l-applikazzjoni tiegħu tkun għadha ma kkawżatx deċiżjoni finali”. Ara, s-sentenza tat-12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 50). Ma hemm l-ebda dispożizzjoni ekwivalenti fid-Direttiva 2011/95.


27      Fil-punt 60 tas-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “jekk id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies li hija dik li għandu jsir riferiment għaliha sabiex tiġi evalwata l-età ta’ refuġjat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, dan jippermetti li jiġi żgurat trattament identiku u prevedibbli għall-applikanti kollha li jinsabu kronoloġikament fl-istess sitwazzjoni, billi jiġi żgurat li s-suċċess tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja jkun jiddependi prinċipalment fuq ċirkustanzi imputabbli lill-applikant u mhux lill-amministrazzjoni, bħat-tul tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja”.


28      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 43). Barra minn hekk, l-awtorizzazzjoni għal dħul u residenza skont il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 li kienet inkwistjoni f’dik il-kawża ma hijiex, kif indikat il-Kummissjoni, att dikjaratorju.


29      Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża B. M. M. u B. S. (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, EU:C:2020:222, punt 43).


30      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C-136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punti 53 sa 55).


31      Il-Gvern Ġermaniż iqis li, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-benefiċjarju tal-protezzjoni huwa “minuri” fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, dak li huwa importanti hija d-data tad-deċiżjoni li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal-membru tal-familja li jixtieq jasserixxi dritt, idderivat minn dak tal-benefiċjarju tal-protezzjoni. Dan il-gvern jinnota, b’mod partikolari, li minħabba li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2011/95 jirrikjedi stħarriġ ex nunc sħiħ, id-dritt tal-Unjoni huwa għalhekk ibbażat fuq il-prinċipju li dak li huwa deċiżiv huwa s-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi fid-data tal-istħarriġ. Dan jargumenta kontra t-tressiq ’il quddiem tal-mument rilevanti, qabel id-data li fiha tittieħed id-deċiżjoni, li fiha għandhom jeżistu l-kundizzjonijiet fattwali sabiex qarib jiġi kklassifikat bħala membru tal-familja fis-sens tad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95. Il-Gvern Ungeriż iqis li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577) ma humiex applikabbli mutatis mutandis għall-kawża preżenti, b’mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584) – li kemm il-fatti kif ukoll il-punti legali tal-applikazzjoni għall-ażil għandhom ikunu s-suġġett ta’ eżami sħiħ u ex nunc. Skont dan il-gvern, il-mogħdija tal-minuri għall-età adulta wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni hija fatt li, minħabba r-rekwiżit ta’ eżami ex nunc, il-qorti ma tistax tinjora meta tieħu deċiżjoni. Il-Gvern Ungeriż jikkunsidra li l-istess prinċipju japplika fil-proċedura amministrattiva. B’hekk huwa jafferma mill-ġdid li d-data tad-deċiżjoni dwar it-talba (minn SE) għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq sitwazzjoni tal-familja hija l-mument għall-evalwazzjoni tal-istatus ta’ “minuri”.


32      Ara wkoll, b’analoġija, fir-rigward tal-proċedura amministrattiva, l-Artikolu 10(3)(b) u l-Artikolu 45(2)(a) tad-Direttiva 2013/32. Fil-kuntest ġudizzjarju nazzjonali, ara l-Artikolu 77 tal-AsylG.


33      Din id-dispożizzjoni tirrikjedi wkoll li “il-familja tkun diġa’ eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini”.


34      Enfasi miżjuda.


35      Iben SE ppreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu fl‑2012.


36      Fil-punt 3 tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju indikat li SE applika għall-ażil fi Frar 2016 u ppreżenta applikazzjoni formali għal protezzjoni internazzjonali fil‑21 ta’ April 2016. Dik il-qorti nnotat ukoll fil-punti 20 u 21 tat-talba tagħha li l-Artikolu 13(1) tal-AsylG ma jeħtieġx forma speċifika, filwaqt li l-applikazzjoni għall-ażil skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tal-AsylG għandha, bħala prinċipju, tkun ippreżentata formalment fil-fergħa lokali kompetenti tal-Uffiċċju Federali. Skont il-qorti tar-rinviju, il-fatt li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 jawtorizza lill-Istati Membri jipprovdu għall-preżentazzjoni formali ta’ applikazzjoni u jirrikjedi biss li jagħmluha possibbli li din issir malajr kemm jista’ jkun, mingħajr ma jispeċifika xi termini speċifiċi f’dan ir-rigward, jista’ jimmilita favur evalwazzjoni tal-istatus ta’ “minuri” fiż-żmien meta l-applikazzjoni tiġi ppreżentata formalment. Għalkemm ma hemmx preskritti termini minimi, indikattivi jew massimi hawnhekk, għandu jkun possibbli li l-applikazzjoni tiġi ppreżentata formalment immedjatament, jiġifieri mingħajr dewmien indebitu. Il-qorti tar-rinviju nnotat, madankollu, li ma ġiex stabbilit mingħajr dubju jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tal-preżentazzjoni formali ta’ applikazzjoni huwiex konformi mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ċertezza legali u effett utli.


37      Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li d-definizzjoni fl-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 ma tistax tiġi eżaminata indipendentement mill-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva, li huwa mmirat għaż-żamma tal-unità tal-familja. Huwa għalhekk meħtieġ li l-ħajja tal-familja msemmija fl-Artikolu 7 tal-Karta tkun issoktat bejn il-benefiċjarju tal-protezzjoni u l-persuna li tfittex l-ażil fl-Istat Membru ospitanti. Barra minn hekk, id-dħul fit-territorju għandu jkun sar bil-ħsieb li tiġi eżerċitata (għal darba oħra) l-awtorità tal-ġenituri. Il-Gvern Ungeriż iqis li t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95 jirrikjedi li sabiex jintalab l-istatus ta’ membru tal-familja, ma huwiex biżżejjed li l-membri tal-familja jkunu simultanjament preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru, huwa wkoll meħtieġ li r-rabtiet tal-familja jeżistu tassew bejniethom, fatt li jimplika li l-ħajja tal-familja bejn il-ġenitur u l-wild minuri effettivament issoktat fl-Istat Membru inkwistjoni.


38      Din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-“missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għall-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali”. Enfasi miżjuda. Filwaqt li relazzjoni familjali bejn ġenitur u wild minuri mhux miżżewweġ hija preżunta sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, relazzjoni tal-“ġenituri” ma’ adult ieħor għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi ppruvata wkoll bid-dritt jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat.


39      Fil-fehma tiegħi, il-membri tal-familja jistgħu jkunu meħtieġa jipproduċu provi dokumentali sabiex jipprovaw li l-familja diġà kienet teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini. Ara, b’analoġija, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/86 li jeħtieġ li applikazzjoni għal dħul u residenza ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru tkun akkumpanjata minn provi dokumentali tar-relazzjoni familjali.


40      Bl-eċċezzjoni ta’ ċerti każijiet fejn raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku jeħtieġu mod ieħor. Ara, pereżempju, l-Artikoli 24 u 25 tad-Direttiva 2011/95.


41      Ħlief fir-rigward tal-eċċezzjonijiet speċifiċi għal dawn l-obbligi previsti fl-Artikolu 23(3) u (4) tad-Direttiva 2011/95. B’hekk, membru tal-familja ma jistax jibbenefika mill-Artikolu 23(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95 jekk huwa eskluż jew ikun eskluż mill-protezzjoni internazzjonali skont il-Kapitoli III u V ta’ din id-direttiva. Ara l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2011/95. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw, inaqqsu jew jirtiraw il-benefiċċji inkwistjoni għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku. Ara l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2011/95. Ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li dawn l-eċċezzjonijiet huma ta’ rilevanza f’din il-kawża.


42      Il-Gvern Ġermaniż u dak Ungeriż iqisu li, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, l-istatus ta’ membru tal-familja jeħtieġ li l-persuna ta’ riferiment tkun minuri u mhux miżżewġa. Għaldaqstant, minn dan isegwi li l-istatus ta’ membru tal-familja jieqaf meta l-persuna ta’ riferiment tilħaq l-età maġġorenni jew tiżżewweġ. Il-Kummissjoni tikkunsidra li skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(j) u l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95, id-drittijiet tal-membri tal-familja jippersistu wara li l-benefiċjarju tal-protezzjoni jilħaq l-età maġġorenni, għat-tul tal-perijodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza mogħti lilhom skont l-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva.


43      Enfasi miżjuda.