Language of document : ECLI:EU:T:2006:348

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

16 Novembru 2006 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità – Programm TACIS – Servizzi b'subappalt – Rifjut ta' ħlas – Arrikkiment indebitu – Negotiorum gestio – Irkupru ta' ħlas mhux dovut – Aspettattivi leġittimi – Dmir ta' diliġenza”

Fil-kawża T‑333/03,

Masdar (UK) Ltd, stabbilita f'Eversley (Ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. Bentley, QC, u P. Green, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Enegren u M. Wilderspin, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett rikors skond l-Artikoli 235 u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE sabiex jinkiseb il-ħlas għal servizzi pprovduti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratti TACIS MO.94.01/01.01/B002 u RU 96/5276/00, il-ħlas ta' kumpens għad-dannu li sofriet ir-rikorrenti minħabba n-nuqqas ta' ħlas għal dawn is-servizzi u l-ħlas ta' l-imgħax,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' Ottubru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 28(2) tar-Regolament Finanzjarju, tal-21 ta' Diċembru 1977, applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 356, p. 1, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Finanzjarju"), fil-verżjoni li daħlet fis-seħħ fl-4 ta' April 2000, jiddisponi li:

"Kull dejn identifikat bħal ċert, likwidu u dovut għandu jkun suġġett, min-naħa ta' l-uffiċjali kompetenti, ta' konstatazzjoni ta' dejn u ta' ordni ta' rkupru […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fil-bidu tas-sena 1994, fil-kuntest tal-programm Komunitarju ta' Għajnuna Teknika għall-Commonwealth ta' Stati Indipendenti (TACIS), ġie ffirmat kuntratt bir-referenza MO.94.01/01.01/B002 bejn il-Kummissjoni, irrappreżentata mid-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DG) "Relazzjonijiet Ekonomiċi Esterni", u Helmico SA, irrappreżentata mill-Managing Director tagħha. Dan il-kuntratt (aktar 'il quddiem il-"kuntratt ta' Moldova") huwa intitolat "Għajnuna għall-Organizzazzjoni ta' Assoċjazzjoni Privata tal-Bdiewa" u jaqa' taħt il-proġett bir-referenza TACIS/FD MOL 9401 (aktar 'il quddiem il-"proġett ta' Moldova").

3        F'April 1996, Helmico u r-rikorrenti ffirmaw kuntratt li bih Helmico ssubappaltat lir-rikorrenti l-provvista ta' ċerti servizzi previsti mill-kuntratt ta' Moldava.

4        Fis-27 ta' Settembru 1996, ġie ffirmat il-kuntratt TACIS bir-referenza RU 96-5276-00 bejn il-Kummissjoni, irrappreżentata mid-Deputat Direttur Ġenerali tad-DG "Relazzjonijiet Politiċi Esterni", u Helmico, irrappreżentata mill-Managing Director tagħha. Skond dan il-kuntratt (aktar 'il quddiem il-"kuntratt Russu"), Helmico aċċettat li tipprovdi servizzi fir-Russja fil-kuntest ta' proġett intitolat "Sistema Federali ta' Ċertifikazzjoni u ta' l-Ittestjar taż-Żerriegħa" u li għandha n-numru ta' riferenza FD RUS 9502 (aktar 'il quddiem il-"proġett Russu").

5        F'Diċembru 1996, Helmico u r-rikorrenti kienu kkonkludew subappalt għall-proġett Russu, sostanzjalment identiku għal dak iffirmat f'April 1996 fir-rigward tal-proġett ta' Moldova.

6        Lejn l-aħħar tas-sena 1997, ir-rikorrenti bdiet tinkwieta bid-dewmien fil-ħlas ta' Helmico, li invokat l-iskuża li dan id-dewmien kien attribwit lill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti kkuntattjat lid-dipartimenti tal-Kummissjoni u saret taf li l-Kummissjoni kienet ħallset il-kontijiet kollha ta' Helmico sa dik id-data. Minn tiftix aktar fil-fond ir-rikorrenti skopriet illi Helmico kienet informatha tard jew b'mod inkorrett tal-ħlas li rċeviet mill-Kummissjoni. Kien deher b'mod partikolari li Helmico kienet stenniet disa' xhur sabiex tinforma lir-rikorrenti li kienet irċeviet il-flus mingħand il-Kummissjoni, billi ppretendiet li ma rċevietx il-ħlasijiet kollha dovuti minn din ta' l-aħħar meta fil-fatt hija kienet ħallset kollox, billi ppretendiet illi l-proċedura ta' ħlas kienet għadha għaddejja mentri l-ħlasijiet kienu diġà saru mill-Kummissjoni u billi bagħtet lir-rikorrenti kopji ta' kontijiet mibgħuta lill-Kummissjoni li l-ammonti tagħhom ma kinux jaqblu ma' l-irċevuti li r-rikorrenti bagħtet lil Helmico.

7        Fit-2 ta' Ottubru 1998, saret laqgħa bejn direttur ta' Masdar u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

8        Fil-5 ta' Ottubru 1998, id-dipartimenti tal-Kummissjoni bagħtu ittra b'faks lil Helmico. F'din l-ittra, il-Kummissjoni ddikjarat illi kienet inkwetata bil-fatt illi n-nuqqas ta' qbil bejn il-membri tal-konsorzju Helmico kien qed ipoġġi fil-perikolu t-tlestija tal-proġett Russu u enfasizzat illi hija tagħti ħafna importanza lir-rispett tat-termini tal-kuntratt Russu u li jirnexxi l-proġett Russu. Hija talbet lil Helmico tagħtiha assigurazzjonijiet taħt il-forma ta' dikjarazzjoni ffirmata minn Helmico u mir-rikorrenti, li tindika li huma kienu fi qbil sħiħ dwar l-osservanza tat-termini tal-kuntratt Russu u li l-proġett Russu kien ser isir fit-termini stabbiliti. L-ittra kienet tippreċiża illi jekk ma jkunx hemm din l-assigurazzjoni qabel it-Tnejn 12 ta' Ottubru 1998 il-Kummissjoni kienet ser tirrikorri għal mezzi oħrajn sabiex tassigura t-tlestija ta' l-imsemmi proġett, skond it-termini tal-kuntratt Russu.

9        B'faks tas-6 ta' Ottubru 1998, Helmico rrispondiet lid-dipartimenti tal-Kummissjoni u sostniet illi n-nuqqas ta' ftehim bejn il-membri tal-konsorzju kien ġie solvut u li t-tlestija tal-proġett Russu ma kienx fil-perikolu. Din ir-riposta tispjega illi l-membri tal-konsorzju kienu qablu li l-ħlasijiet kollha li kien għad iridu jsiru, inklużi dawk tal-kontijiet li t-trattament kien għadu qed isir f'dak li jikkonċerna l-proġett Russu, kienu ser jitqiegħdu f'kont bankarju indikat mir-rikorrenti u mhux fil-kont bankarju ta' Helmico. Hija tindika ukoll dan li ġej:

"Kien ukoll miftiehem illi l-amministrazzjoni tal-kuntratti kienet ser tkun ittrasferita fid-data ta' llum lis-Sur S, il-president ta' Masdar. Tista' jekk jogħġbok tikkuntattjana kemm jista' jkun malajr sabiex jiġi kkonfermat li intom aċċettajtu dawn l-emendi."

10      Din l-ittra kienet iffirmata mis-Sur T bħala Managing Director ta' Helmico u kien hemm dan miktub fuqha: "Approvat, is-Sur S, Masdar, 6 Ottubru 1998".

11      Helmico bagħtet ittra miktuba fl-istess termini, bid-data ta' l-istess ġurnata u kkontrafirmata mill-president ta' Masdar, lill-Kummissjoni dwar ammonti li għandhom jitħallsu fil-kuntest tal-kuntratt ta' Moldova.

12      Fis-7 ta' Ottubru 1998, Helmico bagħtet lill-Kummissjoni żewġ ittri oħrajn, iffirmati mis-Sur T u kkontrafirmati mis-Sur S f'isem Masdar. Il-kontenut tagħhom huwa identiku għal dak ta' l-ittri tas-6 ta' Ottubru, ħlief li l-ittra dwar il-kuntratt Russu ma ssemmi xejn dwar il-kont bankarju, filwaqt li l-ittra dwar il-kuntratt ta' Moldova tindika numru ta' kont bankarju f'isem Helmico f'Ateni għal ħlasijiet futuri.

13      Fit-8 ta' Ottubru 1998, Helmico kitbet żewġ ittri liż-żewġ amministraturi tal-proġetti kkonċernati tad-dipartiment tal-"kuntratti" tal-Kummissjoni sabiex titlobhom jagħmlu l-ħlasijiet kollha li kien għad fadal isiru fil-kuntest tal-kuntratt Russu u ta' Moldava f'kont differenti f'isem Helmico f'Ateni. Dawn l-ittri kienu jispiċċaw bid-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

"Dawn l-istruzzjonijiet ma jistgħux jiġu rrevokati minn Helmico mingħajr l-approvazzjoni bil-miktub tal-president ta' Masdar, is-Sur S. Aħna nkunu rikonoxxuti lejk jekk inti tinforma lil Masdar dwar kif sejra l-proċedura tal-ħlas u d-data li fiha l-ħlasijiet ikunu saru."

14      Fit-8 ta' Ottubru 1998, Helmico u r-rikorrenti kienu ffirmaw ftehim li ta prokura lill-president ta' Masdar, sabiex jittrasferixxi fondi miż-żewġ kontijiet msemmija fl-ittri tas-7 u tat-8 ta' Ottubru 1998, indirizzati lill-Kummissjoni.

15      Fl-10 ta' Novembru 1998, il-Kummissjoni ħarġet ir-rapport tagħha ta' tmiem il-proġett dwar il-proġett Russu. Mis-sitt taqsimiet sottomessi għal evalwazzjoni, erbgħa kienu rċevew l-evalwazzjoni "eċċellenti", waħda minnhom "tajjeb" u l-oħra "ġeneralment sodisfaċenti". Fis-26 ta' Frar 1999, il-Kummissjoni ħarġet ir-rapport tat-tmiem tal-proġett li jikkonċerna l-proġett ta' Moldova, li għalih tnejn mit-taqsimiet suġġetti għall-evalwazzjoni kienu ġabu r-riżultat "tajjeb" u l-erbgħa l-oħra "ġeneralment sodisfaċenti".

16      Fi Frar 1999, l-uffiċjali tal-Kummissjoni kienu għamlu verifika tal-proġett ta' Moldova u dak Russu. Il-verifika tal-proġett Russu kienet spiċċat f'April 1999. Il-verifika tal-proġett ta' Modova ma kinitx spiċċat f' Lulju 1999.

17      Fid-29 ta' Lulju 1999, id-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu bagħtu ittra lir-rikorrenti li fiha indikaw illi l-Kummissjoni, peress illi ġiet informata li kien hemm irregolaritajiet finanzjarji bejn Helmico u r-rikorrenti waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt Russu u dak ta' Moldava, kienu waqqfu l-ħlasijiet kollha li ma kinux għadhom saru u kienu bdew verifika sħiħa sabiex jistabbilixxu jekk kienx hemm abbuż mill-fondi Komunitarji fil-kuntest ta' l-eżekuzzjoni tal-kuntratt Russu u ta' Moldova. Peress li kienet taf bid-diffikultajiet finanzjarji tar-rikorrenti, il-Kummissjoni għarrfet lir-rikorrenti li hija pproponiet li tħallas fil-kuntest tal-proġett Russu depożitu ta' EUR 200 000 fil-kont ta' Helmico msemmi fl-istruzzjonijiet mibgħuta minn din il-kumpannija bid-data tat-8 ta' Ottubru 1998.

18      Is-somma ta' EUR 200 000 ġiet mħallsa f'Awwissu 1999 fuq dan il-kont, u wara ġiet ittrasferita fuq il-kont tar-rikorrenti.

19      Bejn Diċembru 1999 u Marzu 2000, il-president ta' Masdar kien kiteb lil diversi uffiċjali tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-Kummissarju responsabbli mill-Affarijiet Barranin, is-Sur Patten. Fost d-diversi kwistjonijiet li tqajmu kien hemm dik tas-servizzi pprovduti minn Masdar.

20      Fit-22 ta' Marzu 2000, id-Direttur Ġenerali tas-Servizz Komuni tar-Relazzjonijiet Esterni tal-Kummissjoni kien kiteb lill-president ta' Masdar sabiex jinformah b'dan il-ġej:

"Wara konsultazzjonijiet intensivi (li fihom diversi possibbiltajiet ġew ikkunsidrati, fosthom il-likwidazzjoni finali taż-żewġ kuntratti permezz ta' ħlasijiet addizzjonali favur Masdar, ikkalkulati skond ix-xogħlijiet magħmula u l-ispejjeż inkorsi minnhom), id-dipartimenti tal-Kummissjoni fl-aħħar iddeċidew li jirkupraw il-fondi li tħallsu preċedentement lill-parti kontraenti, Helmico. Fuq il-livell ġuridiku, jidher illi l-ħlasijiet kollha li saru direttament lil Masdar (anke permezz tal-kont bankarju ta' Helmico li għalih inti għandek prokura) tkun ikkunsidrata, fil-każ ta' l-insolvenza ta' Helmico, bħala att kollużiv mill-amministraturi jew kredituri ta' Helmico; barra dan, mhuwiex żgur illi f'każ ta' kawża bejn Helmico u Masdar, il-fondi mħallsa mill-Kummissjoni Ewropea jibqgħu definittivament miżmuma minn Masdar, kif tixtieq il-Kummissjoni".

21      Fit-23 ta' Marzu 2000, il-Kummissjoni kienet kitbet lil Helmico sabiex tinformaha illi ma sarx il-ħlas tal-kontijiet sospiżi u talbet li jitħallas lura ammont totali ta' EUR 2 091 168,07. Il-Kumissjoni ħadet din l-inizjattiva wara li skopriet illi Helmico kienet aġixxiet b'mod frawdolenti fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' Moldava u dak Russu.

22      Fil-31 ta' Marzu 2000, ir-rikorrenti ressqet rikors kontra Helmico quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division [Qorti Superjuri tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Taqsima tal-Qorti Irjali tal-Ġudikatura, Renju Unit], li permezz tiegħu hija talbet il-ħlas għal servizzi pprovduti b'subappalt fil-kuntest ta' l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' Moldova u dak Russu għall-ammont totali ta' EUR 453 000.

23      Fl-4 ta' April 2000, il-Kumissjoni stabbiliet żewġ ordnijiet ta' rkupru uffiċjali mibgħuta lil Helmico skond l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Finanzjarju. Il-kontenut ta' dawn id-dokumenti kien intbagħat lill-avukati tal-partijiet tar-rikorrenti fl-1 ta' Frar 2002 (ara punt 36 aktar 'il quddiem).

24      Fil-15 ta' Ġunju 2000, il-president ta' Masdar, kien bagħat faks lill-Kummissarju responsabbli mir-Relazzjonijiet Esterni, li fiha kien iddikjara li:

"Tmintax-il xahar ilu, aħna konna avżajna lill-Kummissjoni Ewropea bil-problemi li kellna ma' sħabna Helmico għaż-żewġ proġetti msemmija aktar 'il fuq. Aħna rċevejna assigurazzjonijiet illi, jekk aħna nkomplu l-proġetti, il-Kummissjoni Ewropea kienet ser tassigura li niġu mħallsa għas-servizzi tagħna. Aħna konna komplejna niffinanzjaw u nwettqu ż-żewġ proġetti f'isimkom bi spejjeż kunsiderevolment għola minkejja l-fatt illi aħna konna diġà indunajna li Helmico kienet iffrodat Masdar u li l-fondi x'aktarx ma kinux ser ikunu jistgħu jiġu rkuprati."

25      Ir-risposta tal-Kummissarju, b'ittra tal-25 ta' Lulju 2000, tikkonferma l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, espressa fl-ittra tat-22 ta' Marzu 2000.

26      Fil-5 ta' Frar 2001, il-president ta' Masdar bagħat mill-ġdid faks lill-Kummissarju responsabbli mir-Relazzjonijiet esterni, fejn sostna l-argumenti illi, minn naħa, ir-rikorrenti kienet parti fil-kuntratt Russu u dak ta' Moldova konklużi mal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, waqt il-laqgħa tat-2 ta' Ottubru 1998, kienet ġiet mogħtija l-assigurazzjoni li hija titħallas jekk tkompli l-proġett Russu u dak ta' Moldova.

27      F'April 2001, ir-rikorrenti għamlet kuntatt mal-Kummissjoni sabiex teżamina l-possibbiltà li tħallas lilha direttament għax-xogħlijiet magħmula u li bagħtet l-irċevuti tiegħu lil Helmico.

28      B'ittra tat-8 ta' Mejju 2001, il-Kummissarju responsabbli mir-Relazzjonijiet Esterni reġgħa tenna l-pożizzjoni tal-Kumissjoni li r-rikorrenti ma kinitx parti fil-kuntratt Russu u dak ta' Moldova.

29      Fil-21 ta' Mejju 2001, saret laqgħa bejn l-avukati tar-rikorrenti u d-dipartimenti tal-Kummissjoni sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà li r-rikorrenti titħallas direttament għas-servizzi pprovduti.

30      Fl-1 ta' Awwissu 2001, l-avukati tar-rikorrenti reġgħu tennew it-talba li jinkiseb ħlas ex gratia mill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti talbet ħlas ta' EUR 448 947.78 jew, alternattivament, ta' EUR 249 314. L-ewwel ċifra tikkorrispondi għall-ammont totali li għalih Helmico bagħtet irċevuta lill-Kummissjoni u li baqgħet ma tħallsitx, filwaqt li t-tieni ċifra taqbel ma' l-ammont ta' xogħlijiet magħmula wara li ġie skopert il-frodi.

31      Fit-28 ta' Awwissu 2001, saret laqgħa bejn l-avukati tar-rikorrenti u d-dipartimenti tal-Kummissjoni sabiex jeżaminaw il-possibbiltà li r-rikorrenti titħallas direttament għas-servizzi pprovduti.

32      Fl-10 ta' Ottubru 2001, l-avukati tar-rikorrenti kienu bagħtu lill-Kummissjoni kopja tar-rapport magħmul fl-1998. Kien ġie ssuġġerit li dan id-dokument jista' jgħin lid-dipartimenti tal-Kummissjoni sabiex jinstabu d-diretturi ta' Helmico.

33      Fis-16 ta' Ottubru 2001, id-dipartimenti tal-Kummissjoni rrispondew li l-informazzjoni ġiet mibgħuta lid-dipartimenti kompetenti tad-DG "Baġit", lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u lit-Taqsima Finanzjarja u Kuntrattwali li tieħu ħsieb il-programmi TACIS u li d-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu ser jieħdu l-passi meħtieġa sabiex ifittxu lid-diretturi ta' Helmico.

34      Fis-16 ta' Ottubru 2001, l-avukati tar-rikorrenti kienu kitbu lill-Kummissjoni li bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u r-rikorrenti jeżisti ftehim taċitu li, mit-8 ta' Ottubru 1998, il-Kummissjoni kienet ser tħallas lir-rikorrenti bil-kundizzjoni li din tara li l-proġett Russu u dak ta' Moldova jkunu lesti. L-argumenti prinċipali imsemmija f'din l-ittra kienu intiżi sabiex juru li l-Kummissjoni kienet aċċettat li mill-1998 ir-rikorrenti kienet saret il-parti kontraenti prinċipali tal-proġett Russu. Din l-ittra tispiċċa bid-dikjarazzjoni li ġejja:

"Jien inkun grat ħafna lejk jekk tinformani jekk id-dipartimenti tal-Kummissjoni jilqgħux l-argument żviluppat f'din l-ittra, u jekk dan hu l-każ, jekk humiex lesti li jħallsu depożitu lil Masdar Ltd ta' EUR 279 711.85 sakemm jintemmu l-proċeduri ta' rkupru magħmula kontra Helmico."

35      L-argumenti mressqa mill-avukati tar-rikorrenti kienu miċħuda mid-Dipartimenti tal-Kummissjoni b'ittra datata 13 ta' Novembru 2001. L-ittra spiċċat bid-dikjarazzjoni li ġejja :

"Il-Kummissjoni ser tipproċedi għall-irkupru, mingħand ir-rappreżentanti ta' Helmico, tas-somom riċevuti minn din il-kumpannija, abbażi ta' l-ordni ta' rkupru. Skond l-użu ta' din il-proċedura, jistgħu jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet ġodda fir-rigward ta' l-użu ta' l-ammonti rkuprati."

36      Fl-1 ta' Frar 2002, f'risposta bil-miktub għat-talba magħmula mill-avukati tar-rikorrenti, id-dipartimenti tal-Kummissjoni spjegaw li fl-4 ta' April 2000 kienu nħarġu żewġ ordnijiet ta' rkupru uffiċjali għall-attenzjoni ta' Helmico, waħda li tikkonċerna l-kuntratt ta' Molodova għal ammont ta' EUR 1 236 200.91 u l-oħra dwar il-kuntratt Russu għal ammont ta' EUR 854 967.16, jiġifieri total ta' EUR 2 091 168.07.

37      B'ittra tas-27 ta' Frar 2002 indirizzata lid-dipartimenti tal-Kummissjoni, l-avukati tar-rikorrenti kienu kkonstataw li l-ammonti taż-żewġ ordnijiet ta' rkupru uffiċċjali jikkorrispondu approssimattivament għall-ammonti fil-kont li huma mniżżla bħala li tħallsu mill-Kummissjoni lil Helmico. Minn dan huma kkonkludew illi l-Kummissjoni ma kkunsidratx li kien neċessarju li toħroġ ordnijiet ta' rkupru għall-ammonti li hemm fl-irċevuta li ntbagħtet minn Helmico lill-Kummissjoni iżda li ma kinux imħallsa minn din ta' l-aħħar.

38      Fil-11 ta' Marzu 2002, id-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu kitbu lill-avukati tar-rikorrenti biex jikkonfermaw illi ż-żewġ ordnijiet ta' rkupru uffiċjali maħruġa mid-dipartimenti tal-Kummissjoni fl-4 ta' April 2000 għall-attenzjoni ta' Helmico ma kinux ikopru l-ammont ta' l-irċevuti li ntbagħtu minn Helmico lill-Kummissjoni iżda li ma kinux tħallsu minn din ta' l-aħħar.

39      Fis-17 ta' Diċembru 2002, id-dipartiment legali tal-Kummissjoni kien bagħat lill-avukati tar-rikorrenti skeda ta' l-ammonti mniżżla fl-irċevuti mibgħuta minn Helmico lill-Kummissjoni, kif ukoll id-dati, l-ammonti ta' ħlasijiet u l-ammonti ta' ħlasijiet li ma sarux.

40      Fit-18 ta' Frar 2003 saret laqgħa bejn l-avukati tar-rikorrenti u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.

41      Fit-23 ta' April 2003, l-avukati tar-rikorrenti kienu bagħtu lid-dipartimenti tal-Kummissjoni ittra rreġistrata li tispiċċa bid-dikjarazzjoni li ġejja :

"[…] Jekk id-dipartimenti tal-Kummissjoni ma jkunux f'pożizzjoni li jressqu, l-aktar tard sal-15 ta' Mejju 2003, proposta konkreta għall-ħlas tal-klijenta tagħna għas-servizzi pprovduti, ser isir rikors għal kumpens kontra l-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza skond l-Artikoli 235 KE u 288 KE (li qabel kienu l-Artikoli 178 u 215 tat-Trattat KE)."

42      B'faks tal-15 ta' Mejju 2003, il-Kummissjoni kitbet lill-avukati tar-rikorrenti sabiex tipproponilhom illi tinżamm laqgħa sabiex jintlaħaq ftehim bejniethom li fuq il-bażi tiegħu l-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 249 314.35 għal xogħlijiet li saru wara l-iskoperta tal-frodi ta' Helmico, jekk ir-rikorrenti ġġib il-prova ta' ftehim li jipprevedi li hija ser tiġi mħallsa direttament mill-Kummissjoni jekk tlesti l-proġett Russu u dak ta' Moldova.

43      B'ittra rreġistrata tat-23 ta' Ġunju 2003, l-avukati tar-rikorrenti rrispondew lid-dipartimenti tal-Kummissjoni illi huma kienu qed jirrifjutaw li jkomplu n-negozjati kif proposti mill-Kummissjoni u spjegaw it-talba tar-rikorrenti fid-dettal kif ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom taċċetta li tieħu sehem f'laqgħa.

44      Din l-ittra rreġistrata ġiet segwita minn faks tat-3 ta' Lulju 2003 li fiha l-avukati tar-rikorrenti kienu talbu r-risposta tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà qabel il-15 ta' Lulju 2003, li tiġi organizzata laqgħa bil-kundizzjonijiet proposti u li jekk din il-laqgħa ma ssirx, kien ser jitressaq rikors fil-Qorti tal-Prim'Istanza.

45      B'ittra tat-22 ta' Lulju 2003, id-dipartimenti tal-Kummissjoni rrispondew li huma ma setgħux jaċċettaw t-talba ta' ħlas tar-rikorrenti.

 Proċedura

46      B'rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-30 ta' Settembru 2003, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża.

47      Il-proċedura bil-miktub ġiet magħluqa fit-22 ta' April 2004.

48      Wara li semgħet ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, stiednet lill-partijiet sabiex jipproduċu ċerti dokumenti u jirrispondu għal ċerti domandi bil-miktub qabel is-seduta. Il-partijiet obdew dawn it-talbiet fit-termini stabbiliti.

49      Fis-6 ta' Ottubru 2005, saret laqgħa informali, quddiem il-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura sabiex jiġu eżaminati l-possibbiltajiet ta' tranżazzjoni tal-kawża.

50      Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza matul is-seduta tas-6 ta' Ottubru 2005.

51      Fl-aħħar tas-seduta, il-Qorti tal-Prim'Istanza tat terminu lill-partijiet li jagħlaq fit-30 ta' Novembru 2005 sabiex tiġi mistħarrġa l-possibbilità ta' tranżazzjoni tal-kawża. Għalhekk, il-President tal-Ħames Awla ddeċieda li jissospendi l-għeluq tal-proċedura orali.

52      B'ittra ppreżentata fir-reġistratu tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-23 ta' Novembru 2005, ir-rikorrenti informat lill-partijiet illi sa dik id-data l-partijiet ma kinux għadhom waslu għal tranżazzjoni.

53      Bl-istess ittra, ir-rikorrenti waqfet parzjalment milli tagħmel it-talbiet tagħha għal kumpens, u konsegwentement emendat it-talbiet tagħha. B'mod partikolari hija rrinunzjat totalment jew parzjalment għall-ħlas ta' kumpens skond ċerti kapijiet ta' dannu indirett għal ammont totali ta' GBP 1 402 179.95, apparti kwanlunkwe ammont mogħti bħala kumpens għal dannu morali.

54      B'ittra ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-29 ta' Novembru 2005, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Prim'Istanza li l-partijiet ma wasslux għal tranżazzjoni.

55      Fis-6 ta' Jannar 2006, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-waqfien parzjali tar-rikorrenti milli tagħmel talbiet għal ħlas ta' kumpens. Hija indikat, b'mod partikolari, illi hija żammet it-talbiet tagħha fil-kawża prinċipali intiżi għaċ-ċaħda tar-rikors u l-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż. Il-Kummissjoni sostniet, b'mod sussidjarju, illi, jekk ir-rikorrenti kellha tirbaħ il-kawża parzjalment jew totalment, hija kellha ta' l-inqas tbati terz ta' l-ispejjeż tagħha.

56      Il-President tal-Ħames Awla għalaq il-proċedura orali fis-16 ta' Jannar 2006. Il-partijiet kienu informati b'dan b'ittra tat-18 ta' Jannar 2006.

 It-talbiet tal-partijiet

57      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti:

–        is-somma ta' EUR 448 947.78, bħala t-talba prinċipali;

–        l-imgħax dovut fuq din is-somma sal-31 ta' Lulju 2003, li jitla' sa GBP 98 121.24 GBP, kif ukoll l-imgħax mill-1 ta' Awwissu 2003 sad-data tal-qari tas-sentenza;

–        bħala ħlas ta' kumpens għal dannu indirett, is-somom li ġejjin :

–        ammont ta' GBP 34 751.14 bħala drittijiet ta' l-avukati;

–        ammont ta' GBP 87 000 bħala danni li jirriżultaw mill-bżonn li tinbiegħ ċerta proprjetà immobbli tagħha fi żmien inadatt;

–        l-ammont li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra adatt bħala dannu morali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' din il-proċedura. [ittra tar-rikorrenti tat-23 ta' Novembru 2005 dwar il-waqfien parzjali, punt 7]

58      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż;

–        b'mod alternattiv, jekk ir-rikorrenti kellha tirbaħ il-kawża totalment jew parzjalment, tikkundanna lir-rikorrenti tbati ta' l-inqas terz ta' l-ispejjeż tagħha.

 Fid-dritt

 Osservazzjonijiet preliminari tal-Qorti tal-Prim'Istanza

59      L-ewwel nett, għandu jkun imfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi stabbilit li huwa każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE, għal aġir illegali ta' l-istituzzjonijiet tagħha, iridu jiġu sodisfatti numru ta' kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità ta' l-aġir akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs Il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II-729, punt 44, u tal-11 ta' Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T-267/94, Ġabra p. II-1239, punt 20).

60      Jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jkun miċħud kollu kemm hu mingħajr il-ħtieġa li jkunu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-146/91, Ġabra p. I-4199, punti 19 u 81; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-170/00, Ġabra p. II-515, punt 37, u tad-19 ta' Marzu 2003, Innova Privat-Akademie vs Il-Kummissjoni, T‑273/01, Ġabra p. II‑1093, punt 23).

61      Fir-rigward ta' l-ewwel kundizzjoni, il-ġurisprudenza teżiġi li jrid jiġi stabbilit ksur li jkun suffiċjentement ikkaratterizzat minn regola ta' dritt li hija intiża sabiex tikkonferixxi drittijiet lill-individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punt 42).

62      Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-eżiġenza li l-ksur irid ikun suffiċjentement ikkaratterizzat, il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat li din tkun ġiet sodisfatta huwa l-fatt li l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata ma tkunx tat kas, b'mod manifest u serju, tal-limiti imposti fuq is-setgħat diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni tiddisponi biss minn limitu diskrezzjonali kunsiderevolment limitat, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Komunità jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' ksur suffiċjentement ikkaratterizzat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Diċembru 2002, il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C-312/00 P, Ġabra p. I-11355, punt 54; u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T-198/95, T-171/96, T-230/97, T-174/98 u T-225/99, Ġabra p.II -1975, punt 134).

63      Għandu jingħad ukoll li t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE jibbaża l-obbligu li jimponi fuq il-Komunità li tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha skond il-"prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta' l-Istati Membri", mingħajr, għaldaqstant, ma jirrestrinġi l-portata ta' dawn il-prinċipji unikament għar-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali ta' l-imsemmija istituzzjonijiet.

64      Id-drittijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali jippermettu, għalkemm f'livelli differenti, f'oqsma speċifiċi u skond metodi differenti, li individwi jiksbu, permezz ta' proċedimenti legali, ħlas ta' kumpens għal ċerti danni, anki fin-nuqqas ta' azzjoni illegali min-naħa ta' min ikun ikkawża d-dannu.

65      Fil-każ ta' dannu kkawżat minn aġir ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità li ma jkunx ġie ppruvat li huwa illegali, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tista' tkun stabbilita sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha dwar ir-realtà tad-dannu, dwar ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-aġir ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji u dwar in-natura mhux normali u speċjali tad-dannu in kwistjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta' Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-237/98 P, Ġabra p. I-4549, punt 19).

66      Fir-rigward ta' dawn iż-żewġ kunċetti, dannu, minn naħa, mhuwiex normali meta jaqbeż il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti fl-attivitajiet tas-settur ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, huwa speċjali meta jolqot kategorija partikolari ta' operaturi ekonomiċi b'mod sproporzjonat meta mqabbla ma' operaturi oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Förde-Reederei vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 56, u ta' l-10 ta' Frar 2004, Afrikanische Frucht-Compagnie u Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑64/01 et T‑65/01, Ġabra p. II‑521, punt 151).

67      Huwa fid-dawl ta' dawn l-osservazzjonijiet li għandha tkun eżaminata t-talba għal ħlas ta' kumpens imressqa mir-rikorrenti.

68      Ir-rikorrenti ssostni li r-rikors huwa bbażat fuq il-ksur mill-Komunità tal-prinċipji ta' reponsabbiltà mhux kontrattwali, rikonoxxuti fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri. F'dan ir-rigward, hija tirreferi għall-azzjonijiet li ġejjin :

–        l-azzjoni ċivili bbażata fuq il-prinċipju ta' projbizzjoni ta' arrikiment indebitu (de in rem verso);

–        l-azzjoni ċivili bbażata fuq l-amministrazzjoni ta' l-affarijiet ta' persuna oħra mingħajra (negotiorum gestio);

–        l-azzjoni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta' dritt Komunitarju ta' ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi;

–        l-azzjoni ċivili bbażata fuq il-fatt li l-atti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni jikkostitwixxu tort jew negliġenza li kkawżawlha dannu.

69      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tinnota li t-talba ta' l-applikant għal ħlas ta' kumpens tistrieħ, minn naħa, fuq sistemi ta' responsabbilità mhux kontrattwali li ma jimplikawx aġir illegali min-naħa ta' istituzzjonijiet Komunitarji jew mir-rappreżentanti tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (l-arrikkiment indebitu u negotiorum gestio) u, minn naħa l-oħra, fuq sistema ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba aġir illegali ta' l-istituzzjonijiet tagħha u r-rappreżentanti tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (il-ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u t-tort jew negliġenza tal-Kummissjoni).

 Fuq it-talbiet ibbażati fuq responsabbilità mhux kuntrattwali tal-Komunità fin-nuqqas ta' aġir illegali ta' l-organi tagħha (azzjonijiet de in rem verso u negotiorum gestio)

 L-argumenti tal-partijiet

70      Għal dak li jikkonċerna l-azzjoni ċivili de in rem verso, ir-rikorrenti ssostni li l-eżerċizzju tagħha skond il-prinċipji ta' dritt komuni għall-Istati Membri tippresupponi li l-erba' kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

–        il-konvenut ikun ġie arrikkit;

–        ir-rikorrenti ftaqret;

–        teżisti rabta bejn l-arrikkiment tal-konvenut u l-ftaqir tar-rikorrenti;

–        la l-arrikkiment u lanqas il-ftaqir m'għandhom bażi legali valida: fi kliem ieħor, l-arrikkiment huwa inġust jew mingħajr "kawża".

71      Dwar l-ewwel kundizzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ġiet arrikkita għall-valur totali tas-servizzi koperti mill-irċevuti li l-ħlas ġie sospiż, jiġifieri EUR 448 947.78.

72      Dwar it-tieni kundizzjoni, ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-irċevuti li l-Kummissjoni ssospendiet il-ħlas tagħhom jikkorrispondu għas-servizzi mogħtija jew dawk subappaltati lil terzi u mħallsa, din is-sospensjoni faqqritha mill-istess somom. Is-somom ma setgħux ikunu rkuprati mingħand Helmico li invokat is-sospensjoni tal-ħlas u l-ħruġ ta' ordnijiet ta' rkupru mill-Kummissjoni bħala mezzi ta' difiża fil-kuntest tar-rikors imressaq mir-rikorrenti fir-Renju Unit. Ir-rikorrenti żżid tgħid illi l-falliment apparenti ta' Helmico, kif ukoll l-għejbien tad-diretturi tagħha, irrenda l-ftaqir tagħha definittiv.

73      Dwar it-tielet kundizzjoni, ir-rikorrenti ssostni li minn dak li ngħad qabel jirriżulta li teżisti rabta diretta bejn l-ammont li bih il-Kummissjoni arrikkiet lilha nnifisha u l-ammont li bih ir-rikorrenti ftaqret.

74      Dwar ir-raba' kundizzjoni, ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħmel il-ħlasijiet għax-xogħlijiet li saru wara l-iskoperta tal-frodi f'Ottubru 1998 ma ssibx il-ġustifikazzjoni tagħha fir-Regolament Finanzjarju, peress li r-regolarità ta' rċevuti ulterjuri ma ġietx ikkonstestata. Il-Kummissjoni setgħet ukoll, b'għarfien komplut tal-kwistjoni, tgawdi mis-servizzi pprovduti mir-rikorrenti mingħajr ma tikkumpensaha, peress li użat il-poteri tagħha ta' sospensjoni ta' rkupru meta r-rikorrenti kienet lestiet l-eżekuzzjoni ta' l-obbligi tagħha u sakemm il-ħlas kien l-uniku obbligu kuntrattwali li kien baqa' li jiġi eżegwit. Il-Kummissjoni għalhekk kienet ġiet arrikkita inġustament u mingħajr kawża.

75      Ir-rikorrenti bbażat ruħha ukoll fuq il-prinċipju ġenerali ta' dritt Komunitarju li l-Komunità m'għandhiex tarrikkixxi ruħha inġustament bi ħsara għal terzi.

76      Għal dak li jikkonċerna l-azzjoni ċivili bbażata fuq negotiorum gestio, ir-rikorrenti ssostni illi l-eżerċizzju tagħha skond il-prinċipji ta' dritt komuni għall-Istati Membri jeħtieġ li l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

–        l-amministrazzjoni ta' l-affarijiet tal-parti interessata, kemm jekk ikunu ta' natura legali jew sostanzjali, għandha tkun ta' benefiċċju għall-parti interessata;

–        fil-mument tal-fatti, il-parti interessata ma kinitx f'pożizzjoni li tmexxi l-affarijiet tagħha, iżda kien hemm bżonn li jiġu amministrati minn ħaddieħor;

–        l-amministratur ma kellux l-intenzjoni li jaġixxi gratwitament; ma kien hemm ebda animus donandi;

–        l-amministratur ma kellu ebda obbligu kuntrattwali li jamministra l-affarijiet tal-parti interessata;

–        il-parti interessata setgħet raġonevolament tkun mistennija li taġixxi bħall-amministratur kieku kienet konxja mill-bżonn li taġixxi.

77      L-ewwel kundizzjoni hija sodisfatta, peress li l-Kummissjoni ħarġet rapporti ta' tmiem il-proġett favorevoli u b'hekk aċċettat ix-xogħol tar-rikorrenti.

78      It-tieni kundizzjoni hija sodisfatta peresss illi mill-prova tal-faks tal-5 ta' Ottubru 1998 jirriżulta li d-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu inkwetati li l-eżekuzzjoni tal-kuntratt Russu u dak ta' Moldova ma titkompliex u għalhekk talbu lir-rikorrenti sabiex tieħu l-miżuri sabiex tiggarantixxi t-tlestija tagħhom.

79      It-tielet kundizzjoni hija sodisfatta, peress li minn Ottubru 1998 ir-rikorrenti kienet esprimiet it-tħassib tagħha dwar in-nuqqas ta' ħlas, li juri li hija ma kellhiex il-ħsieb li tagħti s-servizzi in kwistjoni b'xejn. Dan huwa kkorroborat mill-fatt illi hija kienet irranġat ma' Helmico sabiex tiftaħ kont speċjali li fuqu hija kellha prokura b'mod li l-ħlasijiet kollha li saru mill-Kummissjoni fuq dan il-kont setgħu jkunu ttrasferiti lilha.

80      Ir-raba' kundizzjoni tkun sodisfatta safejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni stess jiċħdu l-eżistenza ta' kull relazzjoni kuntrattwali bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti.

81      Il-ħames kundizzjoni hija sodisfatta peress li huwa kkunsidrat illi fil-faks tagħhom tal-5 ta' Ottubru 1998 id-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu kitbu li:

"Jekk nhar it-Tnejn 12 ta' Ottubru ma tirċevix assigurazzjoni bħal din, il-Kummissjoni beħsiebha tirrikorri għal mezzi oħrajn sabiex tiggarantixxi t-tlestija tal-proġett, skond it-termini tal-kuntratt."

82      Skond ir-rikorrenti, l-eżistenza tan-negotiorum gestio ġġib magħha l-obbligu għall-amministratur li jkompli jamministra l-affarijiet tal-parti interessata sakemm din ta' l-aħħar tkun tista' tieħu ħsieb hi stess u li jaġixxi b'mod raġonevoli, bħala bonus paterfamilias. Il-parti interessata għandha tagħti kumpens lill-amministratur għas-servizzi pprovduti u għall-ispejjeż inkorsi minħabba din l-amministrazzjoni. F'din il-kawża, peress li r-rikorrenti lestiet il-proġett Russu u dak ta' Moldova u kienet aġixxiet raġonevolment, hija għandha għalhekk dritt għal kumpens raġonevoli għax-xogħol magħmul u għall-ħlas lura ta' l-ispejjeż inkorsi għat-tlestija ta' dan ix-xogħol.

83      Ir-rikorrenti ssostni li l-implementazzjoni ta' dawn il-prinċipji ġenerali ta' responsabbilità mhux kuntrattwali, komuni għall-Istati Membri, mhijiex suġġetta għall-kundizzjoni dwar l-illegalità ta' l-aġir tal-persuna arrikkita jew tal-parti interessata. Ikun hemm att illegali biss meta, u jekk, il-persuna arrikkita tirrifjuta li tikkumpensa lil dak li ftaqar (azzjoni de in rem verso) jew li l-parti interessata tirrifjuta li tikkumpensa lill-amministratur (negotiorum gestio). Għalhekk, ir-rikorrenti tikkonkludi li t-talbiet tagħha huma kollha fondati.

84      Il-Kummissjoni tirreferi għall-ġurisprudenza li tgħid illi l-eżistenza ta' responsabbilità mhux kuntrattwali tal-Komunità tippresupponi li r-rikorrent iġib prova ta' l-illegalità ta' l-aġir li tkun akkużata bih l-istituzzjoni kkonċernata, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Jannar 1998, Dubois & Fils vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑113/96, Ġabra p. II‑125, punt 54, u tas-27 ta' Frar 2003, Vendedurías de Armadores Reunidos vs Il-Kummissjoni, T‑61/01, Ġabra p. II‑327, punt 40). Għalhekk peress li waħda mill-kundizzjonijiet mhijiex sodisfatta, ir-rikors għandu jkun miċħud kollu kemm hu mingħajr m'hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali (ara s-sentenza Innova Privat Akademie vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, illi, peress li fil-kuntest tat-talbiet tagħha, ibbażati fuq l-azzjonijiet de in rem verso u negotiorum gestio, rispettivament, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda allegazzjoni preċiża dwar l-illegalità ta' l-aġir tal-Kummissjoni, dawn it-talbiet għandhom ikunu miċħuda minħabba li l-kundizzjoni dwar l-illegalità ta' l-aġir ta' l-istituzzjoni mhijiex sodisfatta. L-argument tar-rikorrenti, li n-nuqqas ta' kumpens jikkostitwixxi fih innifsu att illegali, jirrigwarda, skond il-Kummissjoni, raġunament ċirkulari safejn id-dannu allegat u l-fatt li jwassal għar-responsabbiltà jkunu l-istess.

86      Il-Kummissjoni ssostni, sussidjarjament, illi l-kundizzjonijiet sabiex issir kawża bbażata fuq il-prinċipju ta' projbizzjoni ta' arrikkiment indebitu jew fuq in-negotiorum gestio m'humiex kollha sodisfatti.

87      B'mod partikolari, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li arrikkiet lilha nnifisha inġustament jew mingħajr kawża bi ħsara għar-rikorrenti, minħabba s-sospensjoni tal-ħlasijiet lil Helmico u l-ħruġ ta' l-ordnijiet ta' rkupru fil-konfront ta' din ta' l-aħħar, wara l-frodi fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom. Meta aġixxiet b'dan il-mod, il-Kummissjoni kienet wettqet obbligu espressament previst mir-Regolament Finanzjarju li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma jġibx miegħu dritt favur is-subappaltant. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-obbligu jeskludi l-possibbiltà li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi ta' kull terza persuna.

88      Ir-rikorrenti mhijiex iġġustifikata li tgħid illi hija ftaqret "inġustament", peress illi s-somma mitluba minnha għax-xogħlijiet magħmula skond l-obbligi kuntrattwali tagħha taqbel mas-somma li dovuta lilha mingħand Helmico skond kuntratti ta' subappalt. Il-Kummissjoni tfakkar li r-rikorrenti għażlet li ma tidħolx f'relazzjoni kuntrattwali magħha u għaldaqstant ma tistax titlob il-garanziji li hija kien ikollha dritt għalihom bħala parti kontraenti.

89      Skond il-Kummissjoni, l-azzjoni ċivili bbażata fuq in-negotiorum gestio mhijiex maħluqa sabiex titratta s-sitwazzjoni meta subappaltant jeżegwixxi, skond kuntratt, xogħlijiet ddestinati għal terza persuna. Il-Kummissjoni tirreferi għall-artikoli fformulati f'Ottubru 2003 minn grupp ta' studju dwar il-Kodiċi Ċivili Ewropew fuq il-prinċipji ta' dritt Ewropew dwar l-intervent tajjeb fl-affarijiet ta' ħaddieħor. Dawn l-artikoli jeskludu r-responsabbiltà a priori "meta l-intervenjenti għandu obbligu li jaġixxi fir-rigward ta' terza persuna". F'din il-kawża, peress li r-rikorrenti kienet biss teżegwixxi l-obbligi imposti fuqha skond il-kuntratt tagħha ma' Helmico, responsabbiltà skond in-negotiorum gestio tiġi eskluża a priori.

90      Skond dawn l-artikoli, responsabbilità bbażata fuq in-negotiorum gestio tkun ukoll eskluża minħabba l-fatt illi l-"intervenjenti" għandu jkollu "motiv raġonevoli sabiex jaġixxi". Madankollu, "l-intervenjenti m'għandux motiv raġonevoli li jaġixxi jekk għandu l-possibbilità reali li jkun jaf ix-xewqat tal-parti interessata, iżda jonqos li jistaqsi dwarhom". F'din il-kawża, il-Kummmissjoni tqis illi, anke jekk jiġi presuppost li l-kuntratt ma' Helmico ma kienx għadu jeżisti (li mhuwiex il-każ), ir-rikorrenti setgħet perfettament tinforma ruħha dwar ix-xewqat tal-Kummissjoni. Billi naqset milli tagħmel dan, hija aġixxiet "irraġonevolment"; billi għamlet dan u billi waslet għall-konklużjoni li l-Kummissjoni xtaqet illi hija taġixxi bil-mod li bih aġixxiet, dan il-kap tat-talba għandu jiġi kopert mill-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

91      Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, illi s-sistema ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, kif prevista fil-biċċa l-kbira tas-sistemi legali nazzjonali, ma jkunx fiha neċessarjament il-kundizzjoni dwar l-illegalità jew tat-tort fl-aġir tal-konvenut. L-azzjonijiet ibbażati fuq l-arrikkiment indebitu jew n-negotiorum gestio huma maħluqa sabiex, f'ċirkustanzi partikolari fid-dritt ċivili, jipprovdu sors ta' obbligu mhux kuntrattwali għal dak li jinsab fil-pożizzjoni tal-persuna arrikkita jew tal-parti interessata, li bħala regola ġenerali jikkonsisti, rispettivament, fl-għoti lura ta' dak li jkun irċevut mingħajr dritt, jew fil-ħlas ta' kumpens lill-amministratur.

92      Għalhekk, ma jirriżultax illi dawn il-motivi bbażati fuq l-arrikkiment indebitu u n-negotiorum gestio, imressqa mir-rikorrenti, għandhom ikunu miċħuda biss għar-raġuni li l-kundizzjoni ta' l-illegalità ta' l-aġir ta' l-istituzzjoni ma ġietx sodisfatta, kif ssostni prinċipaliment il-Kummissjoni.

93      Kif ġie spjegat fil-punti 63 sa 66 aktar 'il fuq, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE jibbaża l-obbligu għall-Komunità li tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha mingħajr ma tillimita s-sistema tar-responsabbilità mhux kuntrattwali tal-Komunità għar-responsabbilità minħabba tort biss. L-att jew aġir, anke jekk leċitu, ta' istituzzjoni tal-Komunità jista' fil-fatt joħloq dannu mhux normali u speċjali, li l-Komunità hija marbuta li tagħmel tajjeb skond il-ġurisprudenza ċċitata aktar 'il fuq.

94      Barra minn dan, il-qorti Komunitarja diġà kellha l-okkażjoni li tapplika ċerti prinċipji ta' ħlas lura ta' l-indebitu, b'mod partikolari fir-rigward tas-suġġett ta' l-arrikkiment indebitu, fejn il-projbizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju 1990, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑259/87, Ġabra p. I‑2845, pubblikazzjoni sommarja, punt 26; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Ottubru 2001, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T‑171/99, Ġabra p. II‑2967, punt 55, u tat-3 ta' April 2003, Vieira et vs Il-Kummissjoni, T‑44/01, T‑119/01 u T‑126/01, Ġabra p. II‑1209, punt 86).

95      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet ta' l-azzjoni de in rem verso jew dawk ta' l-azzjoni bbażata fuq in-negotiorum gestio humiex kollha preżenti f'din il-kawża, sabiex jiġi deċiż jekk dawn il-prinċipji jistgħux jiġu applikati.

96      F'dan ir-rigward, għandu għalhekk jiġi kkonstatat, kif issostni l-Kummissjoni, illi, fil-kuntest fattwali u ġuridiku ta' din il-kawża, l-azzjonijiet ibbażati fuq l-arrikkiment indebitu jew n-negotiorum gestio ma jistgħux jirnexxu.

97      Fil-fatt, skond il-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet ta' l-Istati Membri, dawn l-azzjonijiet ma jistgħux jiġu eżerċitati meta l-benefiċċju tal-persuna arrikkita jew tal-parti interessata jistgħu jkunu ġġustifikati f'kuntratt jew f'obbligu legali. Barra minn dan, skond dawn l-istess prinċipji, dawn l-azzjonijiet ma jistgħux ġeneralment ikunu wżati jekk mhux sussidjarjament, jiġifieri fil-każ li l-persuna leża ma tistax tiddisponi, sabiex tikseb dak li hu dovut lilha, minn ebda azzjoni oħra.

98      F'din il-kawża huwa paċifiku li hemm relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-Kummissjoni u Helmico, minn naħa, u bejn din ta' l-aħħar u r-rikorrenti, min-naħa l-oħra. Id-dannu dirett allegat jikkorrispondi għar-rimunerazzjoni dovuta lir-rikorrenti minn Helmico skond kuntratti ta' subappalt konklużi bejn dawn iż-żewġ partijiet, li f'dan ir-rigward għandhom klawsola ta' arbitraġġ, li tindika li l-qrati Ingliżi u ta' Wales ikunu kompetenti għal kwistjonijiet kuntrattwali li jistgħu jinqalgħu. Huwa għalhekk manifestament ċar li huwa obbligu ta' Helmico li tħallas lir-rikorrenti għax-xogħlijiet magħmula minnha, u li tassumi r-responsabbilità eventwali, li tirriżulta minn nuqqas ta' ħlas, kif jidher barra minn hekk mill-kawża li r-rikorrenti fetħet kontra Helmico għal dan il-għan, u li hija bħalissa pendenti, għalkemm sospiża, quddiem il-High Court of Justice. Il-falliment eventwali ta' Helmico ma jiġġustifikax li l-Kummissjoni tieħu din ir-responsabbiltà, peress li r-rikorrenti ma jistax ikollha żewġ sorsi għall-istess dritt ta' rimunerazzjoni. Fil-fatt, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta, u dan mhuwiex ikkontestat mill-partijiet, li din il-kawża quddiem il-High Court of Justice tirrigwarda l-ħlas tas-servizzi li jitratta dwarhom dan ir-rikors.

99      Minn dan jirriżulta li arrikkiment eventwali tal-Kummissjoni jew ftaqir tal-rikorrenti, peress li joriġina mill-kuntest kuntrattwali stabbilit, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala indebitu.

100    Jista' wkoll isir raġunament analogu sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' l-azzjoni ċivili tan-negotiorum gestio li jistgħu jiġu applikati biss, skond il-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet ta' l-Istati Membri, f'ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna għall-eżistenza ta' responsabbiltà ta' l-awtorità pubblika in ġenerali, u b'mod aktar partikolari, fil-kuntest fattwali u legali ta' din il-kawża. Il-kundizzjonijiet ta' eżerċizzju ta' l-azzjoni ċivili bbażata fuq in-negotiorum gestio mhumiex manifestament sodisfatti għar-raġunijiet li ġejjin.

101    Għandu jiġi nnotat illi l-eżekuzzjoni, mir-rikorrenti, ta' l-obbligi kuntrattwali fir-rigward ta' Helmico ma tistax tikkwalifika validament bħala intervent tajjeb fl-affarijiet ta' ħaddieħor li għandhom jkunu bil-fors amministrati, kif teżiġi l-azzjoni in kwistjoni. Fil-fatt, qabel ma daħlet għall-proġett Russu u dak ta' Moldova f'Ottubru 1998 ir-rikorrenti kkuntattjat lid-dipartimenti tal-Kummissjoni, li jeskludi n-natura ta' inizjattiva tajba mill-azzjoni tagħha. Wara dan, il-konklużjoni li r-rikorrenti ġibdet mill-ittra tal-5 ta' Ottubru 1998, li tgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx tamministra l-proġetti in kwistjoni, tidher li hija żbaljata fid-dawl tal-kontenut ta' din l-ittra, li fiha l-Kummissjoni rreferiet espressament għall-possibbiltà għaliha li "tirrikorri għal mezzi oħrajn sabiex tiggarantixxi t-tlestija tal-proġett". Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti huwa wkoll kontradittorju għall-prinċipji ta' negotiorum gestio f'dak li jikkonċerna l-għarfien tal-parti interessata ta' l-azzjoni ta' l-amministratur. Fil-fatt, l-azzjoni ta' l-amministratur issir b'mod ġenerali mingħajr ma tkun taf il-parti interessata, jew għall-inqas mingħajr ma' din ta' l-aħħar tkun konxja tal-bżonn li taġixxi immedjatament. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni hija stess illi l-għażla tagħha li tkompli x-xogħlijiet f'Ottubru 1998 tirriżulta mit-tħeġġiġ tal-Kummissjoni.

102    Mhuwiex mingħajr interess li jiġi osservat aktar minn hekk illi, skond il-ġurisprudenza, huma l-operaturi ekonomiċi stess li għandhom ibatu r-riskji ekonomiċi inerenti fl-attivitajiet tagħhom, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta' kull kawża (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T‑203/96, Ġabra p. II‑4239, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Madankollu, ma ġiex stabbilit li r-rikorrenti sofriet dannu mhux normali jew speċjali, li jaqbeż il-limiti tar-riskji ekonomiċi u kummerċjali inerenti għall-attività tagħha. F'kull relazzjoni kuntrattwali, jeżisti ċertu riskju li parti ma teżegwix il-kuntratt b'mod sodisfaċenti, jew hi stess tfalli. Huma l-partijiet kontraenti li jikkumpensaw dan ir-riskju b'mod adatt fl-istess kuntratt. Ir-rikorrenti ma injoratx illi Helmico ma wettqitx l-obbligi tagħha kuntrattwali, iżda għażlet b'għarfien sħiħ li tkompli twettaq l-obbligi tagħha, minflok ma teżerċita rikors formali. Meta għamlet hekk, hija ħadet riskju kummerċjali li wieħed ma jistax isejjaħlu normali. Il-kwistjoni dwar jekk din l-għażla tirriżultax mit-tħeġġiġ tal-Kummissjoni u/jew kinitx kollha jew in parti motivata mit-twemmin tagħha li l-Kummissjoni kienet ser tassigura r-rimunerazzjoni tas-servizzi tagħha jekk Helmico ma kinitx tkun f'pożizzjoni li tagħmel dan taqa' għalhekk taħt il-motiv bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi.

104    Minn dak li ngħad qabel jirriżulta illi l-ewwel ż-żewġ motivi tar-rikorrenti, ibbażati fuq prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet ta' l-Istati Membri fis-suġġett ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali mingħajr tort, għandhom ikunu miċħuda bħal infondati.

 Fuq it-talbiet ibbażati fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali ta' l-organi tagħha

 Fuq l-aspettattivi leġittimi

–       L-argumenti tal-partijiet

105    Ir-rikorrenti tirreferi għall-ġurisprudenza li tgħid illi d-dritt li tinvoka l-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull persuna li tkun tinsab f'sitwazzjoni li fiha jirriżulta illi l-amministrazzjoni Komunitarja kienet ħolqot fih ċerti tamiet fondati. Barra minn hekk hija tenfasizza li l-operaturi ekonomiċi għandhom ibatu r-riskji ekonomiċi inerenti fl-attivitajiet tagħhom meta wieħed jikkunsidra ċ-ċirkustanzi ta' kull affari.

106    Ir-rikorrenti ssostni illi l-laqgħa mad-dipartimenti tal-Kummissjoni fit-2 ta' Ottubru 1998 u l-korrispondenza sussegwententi relattiva għall-ftuħ tal-kont bankarju speċjali ta' Helmico li kellha prokura fir-rigward tiegħu, kienet ħolqot fir-rikorrenti t-tama li d-dipartimenti tal-Kummissjoni jaċċertaw ruħhom li hi tkun effettivament ikkumpensata għax-xogħol li kienet għamlet.

107    Skond ir-rikorrenti, huwa fuq il-bażi ta' din it-tama li hija lestiet il-proġett Russu u dak ta' Moldova. Billi għamlet dan, hija ma kinitx qiegħda tbati riskju inerenti għall-attivitajiet tagħha għaliex, peress illi hija ma kinitx parti kontraenti mal-Kummissjoni u peress li ma ġietx imħallsa minn Helmico, hija kienet ħielsa li tieqaf milli tipprovdi s-servizzi in kwistjoni. Peress li hija kienet taħdem għall-Kummissjoni, ir-rikorrenti setgħet raġonevolament tistenna li tiġi ttrattata b'mod leali u li ma tieħux ir-riskju li ma tiġix imħallsa għas-servizzi pprovduti fuq it-talba pressanti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni.

108    Billi inkoraġġiet lir-rikorrenti sabiex tikkompleta s-servizzi, billi rrifjutat li tħallas lil Helmico għal dawn is-servizzi u billi ma ħaditx il-miżuri sabiex tassigura li r-rikorrenti tiġi kkumpensata għax-xogħol li kienet għamlet, il-Kummissjoni kienet ikkommettiet tort li jinvolvi r-responsabbilità mhux kuntrattwali tagħha.

109    Ir-rikorrenti ssostni illi l-assigurazzjonijiet preċiżi, għalkemm mhux espliċiti, li jirriżultaw mill-mod kif ġabet ruħha l-Kummissjoni f'din il-kawża, inklużi elementi kkostitwiti min-nuqqas totali ta' reazzjoni min-naħa ta' din ta' l-aħħar, huma miġbura fil-qosor u interpetati kif ġej:

– ir-rikorrenti kienet ġibdet l-attenzjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni għall-fatt illi Helmico ma ħallsitx lir-rikorrenti u illi hija kienet qarrqet biha meta pproduċiet dokumenti ffalsifikati dwar l-irċevuti li Helmico kienet bagħtet lill-Kummissjoni;

– id-dipartimenti tal-Kummissjoni kkunsidraw dan bħala li jikkostitwixxi frodi peress li Helmico kienet ingħata fondi Komunitarji u ma kinitx ħallset lill-fornitur tas-servizzi in kwistjoni, jiġifieri r-rikorrenti;

– ir-rikorrenti informat lid-dipartimenti tal-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li ma tiddedikax aktar żmien u flus sakemm jinstab mekkaniżmu li jassigura l-ħlas;

– id-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu ġew informati kienu ġew informati bit-twaqqif ta' tali mekkaniżmu u ma qajmu l-ebda oġġezzjoni. B'mod aktar preċiż, dan il-mekkaniżmu sar meta ġie stabbilit il-kont bankarju ta' Helmico li fuqu r-rikorrenti kellha prokura;

– membru tad-dipartimenti tal-Kummissjoni kien imħasseb li l-proġett Russu ma setax jitlesta u kien wissa lir-rikorrenti li l-Kummissjoni tista' tistudja mezzi oħra sabiex jitlestew il-proġetti in kwistjoni jekk il-partijiet ma kinux ser jaslu sabiex isolvu d-differenzi bejniethom;

– id-dipartimenti tal-Kummissjoni awtorizzaw lir-rikorrenti sabiex tkompli l-eżekuzzjoni tal-proġett Russu u dak ta' Moldova u ma kinux informawha ħlief wara li tlestew il-proġetti, lil-ħlasijiet lil Helmico kienu ser jiġu sospiżi u li kienu ser jinħarġu ordnijiet ta' rkupru;

– ir-rikorrenti effettivament lestiet il-proġett Russu u dak ta' Moldova u r-rapporti li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni tagħhom kienu ġew aċċettati mill-Kummissjoni;

– il-Kummissjoni kienet għamlet ħlas fuq il-kont bankarju ta' Helmico li fuqu r-rikorrenti kellha prokura;

– kif jirriżulta mill-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta' Marzu 2000, id-dipartimenti tal-Kummissjoni kien bi ħsiebhom jagħmlu ħlasijiet addizzjonali lir-rikorrenti, ikkalkolati abbażi tax-xogħol li hija kienet għamlet u tal-flus li hija kienet nefqet, iżda ddeċidew illi kien hemm inċertezzi ġuridiċi dwar il-kwistjoni jekk dawn il-ħlasijiet setgħux ikunu kkontestati minn Helmico jew mil-likwidaturi (trustee fi proċeduri ta' falliment) tagħha;

– huwa biss meta r-rikorrenti lestiet il-proġett Russu u dak ta' Moldova u li r-rapporti ta' tmiem il-proġett kienu ġew aċċettati li l-Kummissjoni ssopendiet il-ħlasijiet l-oħra kollha u f'April 2000 ħarġet ordnijiet ta' rkupru fil-konfront ta' Helmico;

– fil-15 ta' Ġunju 2000, il-president ta' Masdar kien bagħat faks lill-Kummissjarju responsabbli mir-Relazzjonijiet Esterni li fiha kien iddikjara li: "Tmintax-il xahar ilu, aħna konna avżajna lill-Kummissjoni Ewropea bil-problemi li kellna ma' sħabna Helmico għaż-żewġ proġetti msemmija aktar 'il fuq. Aħna rċevejna assigurazzjonijiet illi, jekk aħna nkomplu l-proġetti, il-Kummissjoni Ewropea kienet ser tassigura li niġu mħallsa għas-servizzi tagħna. Aħna konna komplejna niffinanzjaw u nwettqu ż-żewġ proġetti f'isimkom bi spejjeż kunsiderevolment għola minkejja l-fatt illi aħna konna diġà indunajna li Helmico kienet iffrodat Masdar u li l-fondi x'aktarx ma kinux ser ikunu jistgħu jiġu rkuprati".

– ir-risposta tal-Kummissarju b'ittra tal-25 ta' Lulju 2000 ma kinitx tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-president ta' Masdar li din ta' l-aħħar kienet rċeviet l-assigurazzjoni illi hija kienet ser titħallas.

110    Il-Kummissjoni tfakkar illi skond ġurisprudenza stabbilita l-operaturi għandhom ibatu r-riskji ekonomiċi inerenti fl-attivatijiet tagħhom, skond iċ-ċirkustanzi ta' kull kawża. Madankollu, din ir-regola hija mtaffija bil-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-astettattivi leġittimi. Skond ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li tinvoka l-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull persuna li tinsab f'sitwazzjoini li fiha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi b'mod partikolari tkun tatha assigurazzjonijiet preċiżi, toħloq fiha tamiet fondati.

111    Il-Kummissjoni tikkunsidra illi l-laqgħa mad-dipartimenti tal-Kummissjoni fit-2 ta' Ottubru 1998 u l-korrispondenza li saret wara invokata mir-rikorrenti ma tistax raġonevolment tiġi interpretata bħal "assigurazzjoni preċiża" tad-dipartimenti tal-Kummissjoni li hija kienet ser tara li r-rikorrenti tkun effettivament imħallsa għax-xogħlijiet li għamlet.

112    Għal dak li jirrigwarda l-laqgħa in kwistjoni, il-Kummissjoni tqis illi huwa obbligu tar-rikorrenti li ġġib pprova li dawn l-assigurazzjonijiet, jew, għall-inqas, dikjarazzjonijiet li setgħu raġonevolment jiġu interpretati bħala tali, ingħataw effettivament waqt din il-laqgħa, dak li r-rikorrenti m'għamlitx. Il-Kummissjoni tindika li hija dejjem disposta li tasal għal ftehim f'din il-kawża permezz tal-ħlas tas-somma ta' EUR 249 314.35, li tikkorrispondi għall-valur tas-servizzi indikati fl-irċevuti mir-rikorrenti wara din il-laqgħa jekk din tista' tipproduċi din il-prova.

113    Dwar il-faks tal-5 ta' Ottubru 1998 mibgħuta lil Helmico, minn naħa, il-Kummissjoni kienet sempliċement iddikjarat li hija kienet imħassba li n-nuqqas ta' qbil bejn Helmico u r-rikorrenti seta' jfixkel it-tlestija tal-kuntratt Russu, u min-naħa l-oħra, kienet ippruvat tikseb garanzija li Helmico u r-rikorrenti kienu ser jikkonformaw effettivament mat-termini tal-kuntratti rispettivi tagħhom.

114    Skond il-Kummissjoni, il-korrispondenza mibgħuta sussegwentement ma tistax tiġi interpretata bħala tali assigurazzjoni. Fil-fatt, hija tikkonsisti jew f'ittri bejn ir-rikorrenti u Helmico, jew f'ittri mibgħuta minn Helmico lill-Kummissjoni. Il-kontenut prinċipali ta' dawn l-ittri hija l-garanzija li Helmico u r-rikorrenti kienu solvew in-nuqqas ta' qbil tagħhom u li l-kuntratt Russu u dak ta' Moldova kienu eżegwiti. Huma għandhom informazzjoni oħra, b'mod partikolari li l-amminsitrazzjoni tal-proġetti in kwistjoni kienet ġiet ittrasferita lill-president ta' Masdar u li ċerti ħlasijiet dovuti skond l-imsemmija kuntratti kellhom minn dakinhar 'il quddiem isiru fuq kont bankarju partikolari ta' Masdar. Din l-informazzjoni tittratta sempliċiment dwar l-arranġamenti li saru bejn dawn il-partijiet, preżumibbilment intiża sabiex tiffaċilita s-soluzzjoni tan-nuqqas ta' qbil bejniethom, u ma tistax tkun interpretata bħala proposta ta' emenda ta' kundizzjonijiet kuntrattwali inizjali, imressqa minn dawn il-partijiet lill-Kummissjoni.

115    Il-Kummissjoni tikkontesta ukoll illi n-nuqqas ta' reazzjoni fl-ittra tagħha tal-25 ta' Lulju 2000 għall-istqarrija magħmula minn Masdar fl-ittra tagħha tal-15 ta' Ġunju 2000 li hija kienet "irċeviet l-assigurazzjoni illi, jekk [hija kellha] tkompli l-proġetti, il-Kummissjoni Ewropea kienet tara li [hija tiġi mħallsa] għas-servizzi [tagħha]", tista' tiġi kkunsidrata bħala garanzija espliċita jew rikonoxximent taċitu li Masdar kienet stabbiliet relazzjonijiet kuntrattwali mal-Kummissjoni jew li l-Kummissjoni kienet wegħdet illi r-rikorrenti tiġi mħallsa għax-xogħlijiet kollha eżegwiti skond il-kuntratt tagħha ma' Helmico (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Marzu 1990, Chomel vs Il-Kummissjoni, T‑123/89, Ġabra p. II‑131, punt 27).

116    Il-Kummissjoni tfakkar ukoll illi, sabiex tinvoka l-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, ir-rikorrenti għandha tistabbilixxi li teżisti rabta ta' kawża u effett bejn l-assigurazzjonijiet mogħtija u d-dannu soffert. Fi kliem ieħor, hija għandha mhux biss tipprova illi l-istituzzjoni Komunitarja in kwistjoni tat assigurazzjonijiet, iżda li hi stess sofriet dannu meta hija aġixxiet abbażi ta' l-imsemmija assigurazzjonijiet (sentenza Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, iċċitata aktar 'il fuq).

117    Minn dan il-fatt, anke jekk jiġi preżunt illi l-ittra tal-25 ta' Lulju 2000 kien fiha l-assigurazzjoni li r-rikorrenti kienet ser titħallas, l-imsemmija assigurazzjoni ma tkunx operattiva, peress li d-dannu soffert eventwalment mir-rikorrenti minħabba l-ispejjeż inkorsi minnha sabiex teżegwixxi l-kuntratt tagħha ffirmat ma' Helmico ġara qabel din id-data.

118    Il-Kummissjoni tikkonkludi li kien hemm nuqqas ta' assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija lir-rikorrenti u tiċħad l-azzjoni bbażata fuq l-aspettattivi leġittimi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

119    Skond ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jeżiġi l-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, li jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Komunità, jestendi għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li billi tagħtih assigurazzjonijiet preċiżi, l-amministrazzjoni Komunitarja toħloq fih tamiet fondati. Irrispettivament mill-forma li biha hija kkomunikata, informazzjoni preċiża, bla kundizzjonijiet, konsistenti u li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u li wieħed jista’ joqgħod fuqhom, tammonta għal tali assigurazzjonijiet (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 Lulju 1998, Mellett vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑66/96 u T‑221/97, Ġabra SP p. I‑A‑449 u II‑1305, punti 104 sa 107, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa stabbilit ukoll mill-ġurisprudenza li l-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi jikkostitwixxi regola ta' dritt li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Diċembru 2001, Emesa Sugar vs Il-Kunsill, T‑43/98, Ġabra p. II‑3519, punt 64). Il-Komunità tista' tinżamm responsabbli jekk ikun hemm ksur ta' dan il-prinċipju. Il-fatt jibqa' li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ibatu r-riskji ekonomiċi inerenti għall-attivitajiet tagħhom skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull kawża (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Mejju 1978, HNL et vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill, 83/76 u 94/76, 4/77, 15/77 u 40/77, Ġabra p. 1209, punt 7, u ta' l-24 ta' Ġunju 1986, Développement u Clemessy vs Il-Kummissjoni, 267/82, Ġabra p. 1907, punt 33).

120    Mill-proċess jirriżulta li t-tamiet allegati mir-rikorrenti jirrigwardaw il-ħlas, mill-Kummissjoni, tas-servizzi pprovduti kuntrattwalment lil Helmico. F'din il-kawża għandu jiġi kkonstatat illi d-dokumenti bil-miktub, li nħarġu mill-Kummissjoni u li huma għand il-Qorti tal-Prim'Istanza, ma jistgħu bl-ebda mod jiġu interpretati bħala assigurazzjonijiet preċiżi li fihom il-Kummissjoni impenjat ruħha li tħallas għas-servizzi tar-rikorrenti, li jistgħu joħolqu fiha tamiet fondati.

121    Fil-fatt, il-faks tal-5 ta' Ottubru 1998 ġiet mibgħuta lil Helmico u kien fiha barra minn hekk avviż illi kien jindika li, jekk it-tlestija tal-proġett Russu tiġi kompromessa, il-Kummissjoni kienet tkun tista', sabiex jitwettaq tajjeb, tuża mezzi oħrajn barra s-servizzi tal-konsorzju kompost minn Helmico u r-rikorrenti. Għalhekk minn din l-ittra la jista' jiġi konkluż illi "t-talba pressanti" tal-Kummissjoni intiża sabiex ir-rikorrenti tlesti l-proġett Russu minkejja kollox, u lanqas li l-assiġurazzjoni li, jekk ir-rikorrenti ma titħallasx minn Helmico, hija l-Kummissjoni li tkun responsabbli.

122    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis ukoll li l-korrispondenza dwar il-ftuħ tal-kont bankarju speċjali ta' Helmico li fuqu r-rikorrenti kellha prokura lanqas tista' tiġi interpretata bħala assigurazzjoni mogħtija lir-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni ma tkellmitx fil-kuntest ta' din il-korrispondenza li hija magħmula jew minn ittri bejn ir-rikorrenti u Helmico, jew minn ittri mibgħuta minn Helmico lill-Kummissjoni. B'dawn l-ittri l-Kummissjoni ġiet mgħarfa b'ċerta informazzjoni li kienet tittratta l-arraġamenti finanzjarji bejn dawn il-partijiet. Il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat it-tibdil fil-kont bankarju ta' Helmico, filwaqt li kienet taf bil-prokura tar-rikorrenti fuq dan il-kont, ma jistax madankollu jiġi interpretat bħala xi assigurazzjoni addizzjonali mogħtija lil dan ta' l-aħħar.

123    Din l-assigurazzjoni ma tistax tiġi dedotta mill-ittra tad-29 ta' Lulju 1999, mibgħuta lir-rikorrenti mill-Kummissjoni. Fil-fatt, din l-ittra kienet tinforma lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tħallas biss depożitu ta' EUR 200 000, li kien ser ikunu jitqiegħed fuq il-kont ta' Helmico abbażi ta' l-irċevuti maħruġa minn din ta' l-aħħar, kif ukoll li tissospendi l-ħlasijiet futuri sakemm il-kwistjoni dwar l-irregolaritajiet finanzjarji fil-kuntest tal-proġett Russu u dak ta' Moldova tiġi ċċarata. Din l-ittra indikat ukoll b'mod ċar li l-ħlasijiet futuri ma kinux ser isiru b'referenza għax-xogħlijiet magħmula mir-rikorrenti, iżda b'referenza għall-irċevuti maħruġa minn Helmico, u li kienu ser ikunu wkoll affettwati mir-riżultati tal-verifiki dwar l-użu ta' fondi Komunitarji.

124    Sussegwentement, fir-rigwarda ta' l-ittra mibgħuta lir-rikorrenti mill-Kummissjoni fit-22 ta' Marzu 2000, l-analiżi li tgħid illi din l-ittra għandha assigurazzjonijiet ta' ħlas hija kontradetta mill-kontenut stess ta' din l-ittra, li biha l-Kummissjoni topponi caħda espliċita għat-talba tar-rikorrenti li tiġi mħallsa direttament mill-Kummissjoni, b'mod partikolari minħabba l-konsegwenzi, fuq pjan ġuridiku, ta' falliment eventwali ta' Helmico, fid-dawl tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejnha u bejn Masdar.

125    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-ittra tal-25 ta' Lulju 2000, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, in-nuqqas tagħha ta' reazzjoni għall-istqarrija, magħmula għall-ewwel darba mir-rikorrenti, ta' l-eżistenza ta' assigurazzjonijiet illi hija tat ma tiswiex bħala konferma ta' din l-istqarrija, u lanqas l-ittra ma tista fiha nnifisha tiġi kkunsidrata bħala assigurazzjoni preċiża mogħtija mill-Kummissjoni.

126    Il-Qorti tal-Prim'Istanza lanqas tiddisponi minn provi li jistgħu jistabbilixxu li l-imsemmija assigurazzjonijiet ġew mogħtija waqt il-laqgħa tat-2 ta' Ottubru 1998.

127    Barra dan, fid-dawl ta' provi oħrajn fil-proċess, dan jidher bħala improbabbli ħafna. Fil-fatt, assigurazzjonijiet preċiżi li r-rikorrenti titħallas direttament jkunu a fortiori jfissru t-tibdil tal-kundizzjonijiet kuntrattwali inizjali. F'dawn il-kundizzjonijiet, peress illi l-kuntest kuntrattwali inizjali kien miktub, l-emenda ta' dan il-kuntest kellha normalment tkun ukoll magħmula bil-miktub. Madankollu, it-talba espressa li tiġi kkonfermata l-aċċettazzjoni ta' l-emendi, mibgħuta lill-Kummissjoni b'faks tas-6 ta' Ottubru 1998, u ffirmata minn Helmico u mir-rikorrenti baqgħet bla tweġiba. Minn dan jista' jiġi dedott li r-rieda vera tal-Kummissjoni ma kinitx li tiskarta mid-drittijiet u l-obbligi fis-seħħ. L-attitudni tal-Kummissjoni, kif tirriżulta minn dawn il-kitbiet u minn dawn il-fatti, tidher koerenti peress li hija dejjem evitat li tintrabat direttament mar-rikorrenti u ppruvat li tibqa' fil-kuntest kuntrattwali ma' Helmico, kemm f'dak li jikkonċerna l-korrispondenza kif ukoll f'dak li jikkonċerna l-ħlasijiet wara l-laqgħa tat-2 ta' Ottubru 1998.

128    Mir-risposta tal-Kummissjoni għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza jirriżulta li ma kienu nżammu ebda minuti ta' din il-laqgħa, li jfisser li kienet informali. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li ma tistax raġonevolment taċċetta li l-Kummissjoni kienet ser tintrabat b'somom daqshekk kbar waqt laqgħa ta' dan it-tip, aktar u aktar meta ebda azzjoni ulterjuri ma tista' tikkonferma, jekk ikun il-każ, li ma kienx hemm impenn bħal dan. Fl-aħħar nett, anke jekk jiġi aċċettat illi, waqt laqgħa informali, uffiċjal tal-Komunità kien ta kjarifiki bil-fomm dwar il-kwistjoni tar-rimunerazzjoni, mhumiex fi kwalunkwe każ raġonevoli għal operatur ekonomiku prudenti u avżat li jintrabat, abbażi ta' dawn l-istqarrijiet, f'xogħlijiet li jqumu ħafna mingħajr garanziji oħrajn in sostenn tagħhom.

129    Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-offerta magħmula mill-Kummissjoni lir-rikorrenti fil-faks tal-15 ta' Mejju 2003 ta' ħlas bi ftehim tas-somma ta' EUR 249 314.35 għax-xogħlijiet magħmula wara l-iskoperta tal-frodi ta' Helmico, mill-imsemmija faks jirriżulta b'mod ċar illi din l-offerta ġiet suġġetta għall-kundizzjoni li jkun hemm prova ta' ftehim bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti jekk hija tlesti l-proġett Russu u dak ta' Moldova. Madankollu, ir-rikorrenti ma kinitx f'pożizzjoni li tipproduċi din il-prova quddiem il-Kummissjoni lanqas quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, iżda kellha tikkuntenta bis-sempliċi stqarrijiet li ma jidhrux li għandhom il-valur ta' provi fid-dawl tal-provi l-oħrajn li jinsabu fil-proċess.

130    F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż illi l-provi disponibbli, eżaminati separatament jew flimkien, ma jidhrux li huma assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija mill-Kummissjoni li jistgħu joħloqu tamiet fondati fir-rikorrenti li jippermettulha tuża l-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi.

131    It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi, għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tort jew in-negliġenza

–       L-argumenti tal-partijiet

132    Skond ir-rikorrenti, mill-prinċipji ġenerali ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba tort fis-seħħ fis-sistemi ta' dritt ċivili u mill-prinċipju ta' responsabbiltà għal delitt minħabba negliġenza fis-seħħ fis-sistemi Anglo-Sassoni jirriżulta li, jekk il-Kummissjoni eżerċitat il-poter tagħha li tissospendi l-ħlas ta' kuntratt fil-każijiet ta' żbalji, irregolaritajiet jew frodi kommessi minn waħda mill-partijiet kontraenti, hija għandha tressaq prova ta' diliġenza raġonevoli sabiex tassigura illi hija ma kellhiex intenzjoni tikkawża dannu lil terzi persuni jew, jekk ikun il-każ, li kienet ser tikkumpens lil terzi persuni għal dan id-dannu.

133    F'din il-kawża, id-dipartimenti tal-Kummissjoni kellhom normalment jkunu jafu illi, minħabba l-fatt li l-ħlasijiet lil Helmico kienu sospiżi, ir-rikorrenti ma kintix ser tkun imħallsa għas-servizzi illi hija kienet ipprovdiet b'bona fide lill-Kummissjoni bħala subappaltatur ta' Helmico. Ma jistax jiġi sostnut illi d-dannu soffert mir-rikorrenti mhuwiex akbar mir-riskju kummerċjali normali marbut ma' nuqqas ta' ħlas minn debitur. Din il-kawża ma timplikax it-twettiq ta' riskju ta' din in-natura, iżda l-użu b'għarfien sħiħ mill-Kummissjoni ta' prerogattivi li m'għandhomx l-operaturi ekonomiċi regolati mid-dritt privat u huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni kellha teżerċita l-poteri speċjali li jagħtiha r-Regolament Finanzjarju b'mod li jiġi evitat jew imnaqqas id-dannu illi hija tikkawża, b'għarfien sħiħ tal-kwistjoni, lil partijiet terzi.

134    Il-Kummissjoni setgħet tħallas lil Helmico billi tagħmel trasferiment fuq kont speċjali, li fuqu r-rikorrenti kellha prokura, bħalma għamlet fil-każ tal-ħlas ta' EUR 200 000 li hija kienet għamlet f'Settembru 1999. Il-Kummissjoni kienet ukoll setgħet tissodisfa l-obbligu kuntrattwali tagħha lejn Helmico u kif ukoll l-obbligu mhux kuntrattwali tagħha li jikkonsisti f'illi tevita li tikkawża ħsara lir-rikorrenti. F'dan il-każ, kull azzjoni eventwali għall-irkupru tal-krediti eżerċitata minn likwidatur ta' Helmico kienet tiġi mressqa kontra r-rikorrenti, u mhux il-Kummissjoni, peress li hija r-rikorrenti li kienet irtirat il-fondi mill-kont ta' Helmico.

135    Għal dawn il-motivi, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni hija marbuta li tikkumpensaha għad-dannu illi hija kkawżat bid-deċiżjoni tagħha li tissospendi l-ħlasijiet lil Helmico.

136    Il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrenti. Hija tikkunsidra l-ewwel nett illi, meta tistabbilixxi jekk hemmx lok ta' sospensjoni ta' pagamenti, li tirrifjuta li tħallas jew li tirkupra ammonti diġà depożitati skond kuntratt, hija m'għandhiex obbligu ta' tħassib lejn terzi. Hija tqis għalhekk illi, anke jekk dan kien il-każ, hija wriet tħassib raġonevoli fiċ-ċirkustanzi ta' din il-kawża. Fl-aħħar nett, hija ssostni illi r-rikorrenti ma wrietx li hemm rabta kawżali bejn it-tort allegat u d-dannu illi hija tallega li sofriet.

137    Skond il-Kummissjoni, meta hija tiddeċiedi li tissospendi jew tirkupra krediti, hija għandha, bħal depożitarja ta' fondi pubbliċi, ċerti obbligi li m'għandhomx operaturi ekonomiċi regolati mid-dritt privat. Il-Kummissjoni hija diġà suġġetta għal sistema legali li mhijiex imposta fuq l-operaturi ekonomiċi. Din is-sistema legali tiddispensaha a fortiori mill-obbligu li tikkunsidra l-interessi finanzjarji ta' terzi persuna bħalma huma s-subappaltaturi meta hija teżamina jekk hemmx lok illi teżerċita l-poteri illi għandha bis-saħħa tar-Regolament Finanzjarju.

138    Anke jekk hemm lok li jiġi kkunsidrat illi hija marbuta li tieħu in kunsiderazzjoni l-interessi tar-rikorrenti meta hija teżamina jekk hemmx lok li tissospendi l-ħlasijiet lil Helmico – li mhuwiex il-każ, il-Kummissjoni ssostni illi hija, fi kwalunkwe każ, aġixxiet raġonevolment. Ir-rapport tal-verifika kien jindika li Helmico kkommettiet frodi gravi. Din il-frodi, li kienet tikkonsisti fil-ħruġ ta' rċevuti ta' xogħlijiet li qatt ma twettqu, kienet importanti u kien ikollha effett dirett fuq l-ammonti li Helmico kellha d-dritt li titlob skond il-kuntratt. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tistax tkun ikkwalifikata bħala rraġonevoli.

139    Dwar ir-rabta kawżali, il-Kummissjoni tirrileva illi, jekk hija kienet ħallset il-bilanċ ta' l-ammont allegatament dovut lil Helmico, bl-ebda mod mhuwa ċert illi din is-somma kienet ġiet ittrasferita lir-rikorrenti. Kieku hija kienet ħallset direttament lir-rikorrenti s-somom allegatament dovuti lil Helmico, hija kien, fin-nuqqas ta' obbligu kuntrattwali li tagħmel dan, ikollha r-riskju li tkun rikonoxxuta bħala debitriċi ta' Helmico u li kienet tat privileġġ kollużiv lil kreditur partikolari, jiġifieri lir-rikorrenti. B'hekk, hija kienet tkun esposta għar-riskju li jkollha tħallas darbtejn jekk il-likwidatur ikun iddeċieda li jirkupra l-krediti miżmuma minn Helmico.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

140    Min-noti tar-rikorrenti jirriżulta li l-aġir ikkritikata bih il-Kummissjoni huwa s-sospensjoni tal-ħlasijiet lil Helmico. L-illegalità ta' dan l-aġir tikkonsisti f'nuqqas ta' diliġenza raġonevoli min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tassigura illi, billi pproċediet għal din is-sospensjoni, hija ma kkawżatx dannu lil terzi persuni u, jekk dan ikun il-każ, sabiex tikkumpensa lil terzi persuni għad-dannu li jkunu sofrew.

141    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tinnota, l-ewwel nett, illi r-rikorrenti tillimita ruħha li tafferma li dan id-dmir ta' diliġenza jeżisti mingħajr ma ġġib l-iċken prova jew tiżviluppa argumentazzjoni legali sabiex issostni t-teżi tagħha lanqas jew mingħajr ma tippreċiża s-sors u l-portata ta' dan id-dmir. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra illi referenza f'termini vagi ħafna għal prinċipji ġenerali ta' responsabbilità mhux kuntrattwali minħabba tort fis-seħħ fis-sistemi ta' dritt ċivili u responsabbiltà għal delitt minħabba negliġenza fis-seħħ fil-pajjiżi Anglo-Sassoni ma jkunx biżżejjed sabiex juri illi hemm obbligu għall-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni l-interessi ta' terz persuna meta tittieħed deċiżjoni dwar is-sospensjoni ta' ħlasijiet fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha. L-istess kunsiderazzjoni tgħodd għall-allegat obbligu tal-Kummissjoni li tittrasferixxi flus fuq kont, li fuqu r-rikorrenti kellha prokura. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata ukoll, bħall-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma wrietx li hemm rabta kawżali bejn il-ksur ta' l-obbligu allegat u d-dannu invokat. Fid-dawl ta' dak kollu li ngħad qabel, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis illi r-raba' motiv għandu jiġi eskluż bħala infondat.

142    Minn dak li ngħad qabel jirriżulta li t-tielet u r-raba' raġunijiet tar-rikorrenti, ibbażati fuq sistema ta' responsabbilità għal delitt, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-offerta ta' prova

143    Permezz ta' att separat, ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-20 ta' Diċembru 2004, ir-rikorrenti ppreżentat talba skond l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura, intiża sabiex jixhed is-Sur W, direttur tar-rikorrenti, dwar dak li ngħad fil-laqgħa li saret fit-2 ta' Ottubru 1998 bejn ir-rikorrenti u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.

144    Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba ta' smigħ tax-xhud, ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-3 ta' Frar 2005, il-Kummissjoni ma oġġezzjonatx għas-smigħ tas-Sur W sakemm jinstemgħu wkoll is-Sur K u s-Sinjura H li kienu jirrappreżentaw il-Kummissjoni f'dik il-laqgħa.

145    Skond l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' jew fuq talba tal-partijiet jew ex officio tordna l-verifika ta' ċerti fatti b'xhieda. Il-bżonn ta' din il-miżura ta' investigazzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-fatti rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża u tiddependi mill-possibbiltà tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tiddeċiedi ġustament abbażi tat-talbiet, motivi u argumenti żviluppati waqt il-proċedura kemm bil-miktub kif ukoll oralment u fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Ġunju 2001, Ruf u Stier vs UASI (Image "DAKOTA"), T‑146/00, Ġabra p. II‑1797, punt 65].

146    Ir-rikorrenti timmotiva t-talba tagħha bin-nuqqas ta' provi bil-miktub dwar il-kontenut ta' din il-laqgħa. Skond ir-rikorrenti, ix-xhieda tas-Sur W tagħti dawl fuq il-fatti li jikkonċernaw, minn naħa, l-intenzjonijiet tar-rikorrenti dwar it-tkomplija tal-proġetti li jkunu għaddejjin, u min-naħa l-oħra, ir-reazzjonijiet ta' l-uffiċjal tal-Kummissjoni dwar is-sentenza eventwali tax-xogħlijiet wara din il-laqgħa.

147    Ir-rikorrenti tat indikazzjonijiet dwar il-kontenut tax-xhieda possibbli tas-Sur W. Din ix-xhieda tistabbilixxi li "id-dipartimenti tal-Kummissjoni xtaqu ħafna li jaraw li jitlesta l-proġett Russu u li s-Sur W kien lest li r-rikorrenti tkompli taħdem fuq il-kuntratt Russu jekk din setgħet tittama li tiġi mħallasa għax-xogħol li tkun għamlet u għall-ispejjeż inkorsi".

148    Il-fatti addizzjonali jikkorroboraw l-informazzjoni li nkisbet fl-aħħar ta' tali xhieda, u l-Kummissjoni ma tikkontestax din l-interpretazzjoni tal-fatti, li jippermetti li jingħata valur probatorju. Iżda, għalkemm b'dispjaċir, anke jekk il-kontenut ta' din ix-xhieda jiġi ammess bħala fatt stabbilit, dan juri aktar l-eżistenza, bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, ta' rieda komuni intiża sabiex ir-rikorrenti tlesti l-proġett Russu u dak ta' Moldova u tkun imħallsa għax-xogħol tagħha minkejja l-problemi ta' Helmico. Barra dan, fid-dawl tal-provi l-oħrajn tal-proċess, l-eżistenza ta' din ir-rieda bejn dawn iż-żewġ partijiet mhijiex iddubitata. Madankollu, dan mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li hemm informazzjoni preċiża, bla kundizzjonijiet u konsistenti li tindika li l-Kummissjoni kienet impenjat ruħha li tħallas lir-rikorrenti direttament minn din id-data.

149    Minn dak li ngħad qabel jirriżulta li s-soluzzjoni ma tistax fi kwalunkwe każ tiddependi minn din ix-xhieda biss u li l-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi ġustament abbażi tat-talbiet, motivi u argumenti żviluppati matul il-proċedura kemm bil-miktub u kif ukoll oralment u fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati. It-talba għas-smigħ tar-rikorrenti, hija, għalhekk, miċħuda.

150    Mill-iżviluppi kollha preċedenti jirriżulta li l-allegat dannu mhuwiex attribwit lil istituzzjoni jew organu Komunitarju. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet ta' teħid ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità humiex preżenti f'din il-kawża.

 Fuq l-ispejjeż

151    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

152    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din ta' l-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-16 ta' Novembru 2006

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.