Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)
13 ta’ Ġunju 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – It-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) – Artikolu 17(1)(a) – Dazju tas-sisa – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku – Elettriku użat għall-elettroliżi – Tnaqqis fit-taxxa fuq il-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku favur impriżi enerġetikament intensivi – Xiri ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku – Spiża reali tal-enerġija mixtrija – Tariffi ta’ distribuzzjoni – Kriterji ta’ eżenzjoni – Prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni”
Fil-Kawża C‑266/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Diċembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ April 2023, fil-proċedura
A. S.A.
vs
Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Bydgoszczy,
fil-preżenza ta’:
Rzecznik Małych i Średnich Przedsiębiorców,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla),
komposta minn Z. Csehi, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal A. S.A., minn K. Rutkowski, radca prawny,
– għad-Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Bydgoszczy, minn A. Kowalczyk-Markowska,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,
– għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. S.A., kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk, u d-Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Bydgoszczy (id-Direttur tal-Awla tal-Amministrazzjoni Fiskali ta’ Bydgoszcz, il-Polonja) dwar ir-rifjut ta’ rimbors ta’ parti mid-dazji tas-sisa li din il-kumpannija ħallset fuq l-elettriku.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 Il-premessi 2 sa 5, 9, 11 u 24 tad-Direttiva 2003/96 jiddikjaraw:
“(2) L-assenza ta’ proviżżjonijiet tal-Komunità li timponi rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku u prodotti ta’ enerġija minbarra żjut minerali tista’ taffetwa ħażin il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern.
(3) Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.
(4) Differenzi sostanzjali dwar livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija minn Stati Membri tista’ tkun ta’ detriment għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.
(5) L-istabbilament ta’ livelli minimi u approprijati ta’ tassazzjoni mill-Kommunità tista’ tnaqqas differenzi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali.
[...]
(9) Stati Membri għandhom jingħataw il-flessibilità neċessarja biex jiddefinixxu u jimplimentaw politiki xierqa skond iċ-cirkostanzi nazzjonali tagħhom.
[...]
(11) Arranġamenti fiskali magħmula b’konnessjoni ma’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas fi ħdan il-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku huma suġġett għal kull Stat Membru li jiddeċiedi. F’dan ir-rigward, Stati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jgħollux il-piż globali tat-taxxa jekk huma jikkonsidraw li l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju ta’ newtralità fuq it-taxxa jista’ jikkontribwixxi għall-ristrutturar u l-immodernizzar tas-sistema tagħhom ta’ tassazzjoni billi jinkoraġixxi aġir li jwassal għall-protezzjoni ikbar ta’ l-ambjent u li jżid ix-xogħol.
[...]
(24) Stati Membri għandhom jiġu permessi li japplikaw eżenzjonijiet oħra jew livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni, sakemm dan ma jkunx ta’ detriment għall-iffunzjonar kif suppost tas-suq intern u li ma jirriżultax fi tfixkil tal-kompetizzjoni”.
4 It-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Din id-Direttiva ma tapplikax għal:
[...]
(b) l-użu kif imniżżel hawn taħt ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku:
[...]
– elettriku meta huwa użat prinċipalment għat-tnaqqis ta’ kimiki u fi trattamenti elettrolitiki u metallurġiki”.
5 L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:
“1. Il-livelli ta’ tassazzjoni li Stati Membri għandhom japplikaw fuq il-prodotti ta’ enerġija u elettriku kif imniżżla fl-Artikolu 2 ma għandhomx ikunu inqas mill-livelli miimi ta’ tassazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva.
2. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva “livell ta’ tassazzjoni” huwa il-piż totali intaxxat fir-rigward tat-taxxi indiretti kollha (ħlief [għat-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT)]) ikkalkulat direttament jew indirettament fuq il-kwantità ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku meta dawn ikunu rilaxxati għall-konsum.”.
6 Skont l-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva:
“Dan l-Artikolu għandu japplika għall-skopijiet industrijali u kummerċjali kif imsemmija hawn taħt:
[...]
(ċ) impjant u makkinarju użati fil-kostruzzjoni, inġinerija ċivili u xogħlijiet pubbliċi;
[...]”.
7 L-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi:
“1. Jekk kemm-il darba il-livelli minimi ta’ tassazzjoni preskritti f’din id-Direttiva ikunu rispettati fuq livell ġenerali għal kull negozju, Stati membri jistgħu japplikaw tnaqqis fit-taxxa fuq il-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija użati sabiex isaħħnu jew għall-skopijiet skond l-Artikolu 8(2)(b) u (ċ) u fuq l-elettriku fil-każijiet li ġejjin:
(a) favur negozju konċentrat fl-enerġija [impriża b’konsum enerġetiku għoli]
‘negozju konċentrat fl-enerġija [impriża b’konsum enerġetiku għoli]’ għandu jfisser entità kummerċjali, kif riferita fl-Artikolu 11, fejn jew ix-xiri ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku jammontaw għal ta’ l-inqas 3,0 % tal-valur tal-produzzjoni jew it-taxxa nazzjonali pagabbli fuq l-enerġija tammonta għal ta’ l-inqas 0,5 % tal-valur miżjud. F’din id-definizzjoni, Stati membri jistgħu japplikaw kunċetti iktar ristretti, li jinkludi il-valur tal-bejgħ, definizzjonijiet proċessorjali u settorjali.
‘Xiri ta’ oġġetti ta’ l-enerġija u elettriku’ għandu jfisser l-ispiża attwali enerġija mixtrija jew iġġenerata fin-negozju. Prodotti ta’ elettriku, sħana u enerġija biss u li jintużaw sabiex isaħħnu jew skon l-iskopijiet ta’ l-Artikolu 8(2)(b) u (ċ) huma inklużi. It-taxxi kollha huma inklużi, ħlief il-VAT li trid titnaqqas.
[...]
(b) fejn ikun hemm ftehim milħuq bl-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, jew fejn skemi ta’ permessi negozzjabbli jew arranġamenti ekwivalenti ikunu implimentati, jekk kemm-il darba iwasslu biex jintlaħqu l-oġġettivi dwar protezzjoni ambjentali jew titjib fl-effiċjenza ta’ l-enerġija.
2. Minkejja l-Artikolu 4(1), Stati Membri jistgħu japplikaw livell ta’ tassazzjoni sa zero fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku kif definit fl-Artikolu 2, meta jkunu użati għall-negozji konċentrati fuq enerġija kif definit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu”.
Id‑dritt Pollakk
Il‑Liġi dwar id‑Dazju tas‑Sisa
8 L-Artikolu 30(7a) tal-ustawa o podatku akcyzowym (il-Liġi dwar id‑Dazju tas‑Sisa), tas‑6 ta’ Diċembru 2008 (Dz. U. 2009, Nru 3, pożizzjoni 11), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:
“Huwa eżentat mid-dazji tas-sisa l-elettriku użat:
1) għall-finijiet tat-tnaqqis kimiku;
2) fil-proċessi elettrolitiċi;
3) fit-trattamenti metallurġiċi;
4) fil-proċessi mineraloġiċi ”.
9 L-Artikolu 31d, paragrafi 1, 2 u 11 ta’ din il-liġi jipprevedi:
“1. Tibbenefika minn eżenzjoni mid-dazji tas-sisa, fil-forma ta’ rimbors ta’ parti mid-dazji tas-sisa mħallsa fuq l-elettriku użat minnha, impriża enerġetikament intensiva li tuża l-elettriku u li tissodisfa flimkien il-kundizzjonijiet li ġejjin:
1) hija teżerċita attività kummerċjali indikata bil-kodiċijiet li ġejjin tal-klassifikazzjoni Pollakka tal-attivitajiet (PKD): [kodiċijiet PKD],
2) hija żżomm il-kontabbilità skont it-tifsira tad-dispożizzjonijiet ta’ kontabbilità,
3) hija ma tibbenefikax, għal dan l-elettriku, minn eżenzjoni mid-dazji tas-sisa msemmija fl-Artikolu 30(7a).
2. ‘Impriża b’konsum għoli tal-elettriku’ tfisser entità li fiha l-parti tal-ispiża tal-elettriku użata fil-valur tal-produzzjoni mibjugħa matul is-sena fiskali li għaliha ssir it-talba msemmija fil-paragrafu 5 tkun ogħla minn 3 %. Impriża enerġetikament intensiva li tuża l-elettriku ma tistax tkun iżgħar minn parti organizzata ta’ impriża, jiġifieri sett, distint fuq livell organizzattiv u finanzjarju fi ħdan kumpanija eżistenti, assi tanġibbli u intanġibbli, inklużi l-impenji, li huma ddedikati għat-twettiq ta’ kompiti ekonomiċi speċifiċi, li flimkien jistgħu jikkostitwixxu impriża indipendenti li twettaq dawn il-kompiti b’mod awtonomu.
[...]
11. L-ammont tad-dazji tas-sisa parzjalment imħallas lura ma jistax jaqbeż l-ammont tad-dazji tas-sisa mħallsa fuq l-elettriku użat mill-impriża enerġetikament intensiva matul is-sena fiskali li għaliha tkun saret it-talba msemmija fil-paragrafu 5”.
Il‑Liġi dwar l‑Enerġija
10 L-Artikolu 47(1) tal-ustawa – Prawo energetyczne (il‑Liġi dwar l‑Enerġija), tal‑10 ta’ April 1997 (Dz. U. 1997, Nru 54, pożizzjoni 348), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:
“L-impriżi tal-enerġija detenturi ta’ konċessjoni għandhom jistabbilixxu t-tariffi għall-kombustibbli gassużi u għall-enerġija, li huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-President tal-[Urząd Regulacji Energetyki (l-URE) (Awtorità Regolatorja tal-Enerġija)], u jipproponu perijodu ta’ applikazzjoni tal-imsemmija tariffi. L-impriżi tal-enerġija konċessjonarji għandhom jissottomettu t-tariffi u l-emendi tagħhom lill-president tal-URE fuq inizjattiva tagħhom stess sa mhux iktar tard minn xahrejn qabel l-iskadenza tat-tariffa preċedenti jew fuq talba tal-president tal-URE”.
Il‑Liġi dwar is‑Sorsi tal‑Enerġija Rinnovabbli
11 Skont l-Artikolu 52(1) tal-ustawa o odnawialnych źródłach energii (il-Liġi dwar is‑Sorsi tal‑Enerġija Rinnovabbli), tal‑20 ta’ Frar 2015 (Dz. U. 2015, pożizzjoni 478), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali:
“L-impriża tal-enerġija, il-konsumatur finali, il-klijent industrijali u l-kumpannija tas-senserija ta’ merkanzija jew il-kumpanija tas-senserija msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu obbligati li:
1) jiksbu u jippreżentaw lill-President tal-URE, għall-finijiet ta’ xiri mill-ġdid tiegħu, ċertifikat ta’ oriġini jew ċertifikat ta’ oriġini tal-bijogass agrikolu maħruġ:
(a) rispettivament għall-elettriku jew għall-bijogass agrikolu prodotti f’impjanti ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jinsabu fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja jew li jinsabu f’żona ekonomika esklużiva, jew
(b) abbażi tal-liġi — il-Liġi dwar l-Enerġija, jew
2) iħallsu miżata sostituttiva fit-terminu msemmi fl-Artikolu 68(2), ikkalkolata bil-mod previst fl-Artikolu 56”.
Id-Digriet tal-Ministru tal-Enerġija dwar ir-regoli ddettaljati dwar id-determinazzjoni u l-kalkolu tat-tariffi u komputazzjonijiet fil-kummerċ tal-elettriku
12 L-Artikolu 5(2) u (3) tar-rozporządzenie Ministra Energii w sprawie szczegółowych zasad kształtowania i kalkulacji taryf oraz rozliczeń w obrocie energią elektryczną (id-Digriet tal-Ministru tal-Enerġija dwar ir-regoli ddettaljati dwar id-determinazzjoni u l-kalkolu tat-tariffi u komputazzjonijiet fil-kummerċ tal-elettriku), tad‑29 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2017, pożizzjoni 2500), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, huwa fformulat kif ġej:
“[2.] Impriża tal-elettriku li teżerċita attività ekonomika ta’ trażmissjoni tal-elettriku għandha tinkludi fit-tariffa tagħha:
1) it-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trażmissjoni tal-elettriku, iktar ’il quddiem it-‘tariffi tat-trażmissjoni’;
[...]
3. Impriża tal-enerġija li teżerċita attività ekonomika fil-qasam tad-distribuzzjoni tal-elettriku għandha tinkludi fit-tariffa tagħha:
[...]
2) it-tariffi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, iktar ’il quddiem it-‘tariffi ta’ distribuzzjoni’;
[...]”.
13 L-Artikolu 14(3) sa (7) ta’ dan id-digriet jipprovdi:
“3. It-tariffi ta’ distribuzzjoni għandhom jiġu kkalkolati billi jittieħed kont tal-parti li tirrappreżenta, fit-tariffi:
1) it-tqassim tal-elettriku;
2) l-użu tas-sistema tal-elettriku nazzjonali;
3) il-qari tal-arloġġi u l-kontroll regolari tagħhom.
4. It-tariffi ta’ distribuzzjoni msemmija fil-punt (2) tal-paragrafu 3 għandhom jiġu kkalkolati bħala komponent uniku abbażi tal-ispejjeż tax-xiri tas-servizzi tat-trażmissjoni tal-elettriku mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku għall-parti li tikkonċerna l-użu tas-sistema tal-elettriku nazzjonali.
5. It-tariffi ta’ distribuzzjoni msemmija fil-punt (3) tal-paragrafu 3, iktar ’il quddiem it-“tariffi ta’ abbonament”, għandhom jiġu kkalkolati bħala element uniku.
6. It-tariffi tal-abbonament huma differenzjati skont it-tul tal-perijodu ta’ fatturazzjoni.
7. It-tariffi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni msemmija fil-punt (1) tal-paragrafu 1 u fil-punt (1) tal-paragrafu 3, iktar ’il quddiem it-“tariffi tas-sistema”, għandhom jiġu kkalkulati fuq bażi pro rata ta’ żewġ elementi:
1) tariffa fissa tas-sistema — ikkalkolata għal kull unità ta’ saħħa kuntrattwali u, għal konsumatur tal-elettriku domestiku, ikkalkolata skont il-qari tal-arloġġ;
2) tariffa varjabbli tas-sistema — ikkalkolata għal kull unità ta’ elettriku miġbura mis-sistema fil-punt tal-provvista”.
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
14 A. bbenefikat, matul is-sena 2016, mill-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq l-elettriku użat għall-elettroliżi fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha.
15 Peress li qieset li hija kellha tibbenefika wkoll minn eżenzjoni fiskali bħala impriża enerġetikament intensiva għall-bqija tal-enerġija li hija użat f’dan il-kuntest u li l-ispiża reali tal-enerġija mixtrija kellha tinkludi l-ispejjeż ta’ distribuzzjoni u l-ispejjeż għall-akkwist taċ-ċertifikati ta’ oriġini tal-elettriku, meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Pollakka, A. emendat id-dikjarazzjoni tagħha tas-sisa għas-sena 2016 u talbet lin-Naczelnik Urzędu Skarbowego w Toruniu (id-Direttur tal-Amministrazzjoni Fiskali ta’ Toruń, il-Polonja) jirrimborsaha l-ammont tad-dazji tas-sisa mħallas, li kien jikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, ħlas żejjed.
16 Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Frar 2018, id-Direttur tal-Amministrazzjoni Fiskali ta’ Toruń irrifjuta li jirrimborsaha dan l-ammont. Adit minn A. b’rikors kontra din id-deċiżjoni, id-Direttur tal-Awla tal-Amministrazzjoni Fiskali ta’ Bydgoszcz ikkonferma l-imsemmija deċiżjoni permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2018.
17 A. ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2018 quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Bydgoszczy (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Bydgoszcz, il-Polonja) li ċaħditu, billi kkunsidrat, fl-ewwel lok, li l-leġiżlatur kien eskluda l-possibbiltà li wieħed jibbenefika simultanjament miż-żewġ eżenzjonijiet previsti rispettivament fl-Artikolu 30(7a) u fil-punt 3 tal-Artikolu 31d(1) tal-Liġi dwar id-Dazju tas-Sisa. L-eżenzjoni prevista minn din it-tieni dispożizzjoni tkun miftuħa għal impriża enerġetikament intensiva biss jekk din ma tibbenefikax mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 30(7a) ta’ din il-liġi, f’dan il-każ l-eżenzjoni li tirrigwarda l-elettriku użat fil-proċessi elettrolitiċi.
18 Barra minn hekk, l-eżenzjoni prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 31d(1) tal-imsemmija liġi tapplika għall-impriża kollha kkonċernata u għall-enerġija kollha użata minnha, u mhux biss għall-parti tal-enerġija użata għall-elettroliżi.
19 Fit-tieni lok, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Bydgoszcz (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Bydgoszcz) ippreċiżat li l-ispejjeż, bħall-ispejjeż ta’ distribuzzjoni, minbarra l-ispiża tax-xiri tal-elettriku, ma jikkostitwixxux elementi ta’ din l-ispiża ta’ xiri, anki jekk huwa neċessarju li dawn jiġu sostnuti sabiex jinxtara u jintuża l-elettriku. Barra minn hekk, dik il-qorti ppreċiżat b’mod partikolari li, sabiex l-ammonti dovuti bħala spejjeż marbuta max-xiri tal-elettriku jiġu kklassifikati bħala “taxxa”, huwa neċessarju li jeżisti obbligu li jitħallsu dawn l-ammonti u li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jieħdu azzjoni kontra l-persuni responsabbli għall-ħlas tal-imsemmija ammonti fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu.
20 A. ppreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, li tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96.
21 F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva [2003/96] [...] li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku [...] jista’ jinftiehem fis-sens li mal-ispiża reali tal-elettriku mixtri għandu jingħadd biss il-prezz tax-xiri tal-elettriku nnifsu, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe spejjeż addizzjonali, pereżempju tariffi ta’ distribuzzjoni, li l-ħlas tagħhom, konformement mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru, huwa neċessarju sabiex ix-xiri tal-elettiku [elettriku] jkun possibbli?
2) L-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-esklużjoni ta’ eżenzjoni tad-dazju tas-sisa fuq ix-xiri ta’ elettriku għal impriża enerġetikament intensiva [Artikolu 31d(1) tal-Liġi dwar id-Dazju tas-Sisa] fil-każ fejn din l-impriża tibbenefika minn eżenzjoni speċifika għal ċerti oġġetti tad-dazji tas-sisa fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali (Artikolu 30(7a) tal-Liġi [dwar id-Dazju tas-Sisa], fejn din l-impriża turi li fir-rigward ta’ din l-istess enerġija hija ma tibbenefikax simultanjament minn dawn iż-żewġ eżenzjonijiet u taħt l-ipoteżi li l-ammont totali tal-eżenzjonijiet ma jaqbiżx l-ammont tad-dazji tas-sisa mħallsa għal dan l-istess perijodu?”.
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
22 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-kompetenza ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li hija adita biha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun l-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-domandi preliminari huma bbażati fuq evalwazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju li l-piżijiet addizzjonali bħat-tariffi ta’ distribuzzjoni, li dik il-qorti tirreferi għalihom, ma jistgħux jikkostitwixxu “taxxi” fis-sens tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96.
24 Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ispiża reali tal-enerġija mixtrija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tinkludi biss il-prezz tax-xiri tal-enerġija nnifisha, bl-esklużjoni ta’ piżijiet addizzjonali, li ma jistgħux jikkostitwixxu “taxxi”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, bħat-tariffi ta’ distribuzzjoni obbligatorji ta’ din l-enerġija sostnuti, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, meta tinxtara l-imsemmija enerġija.
25 Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, “[x]iri ta’ oġġetti ta’ l-enerġija u elettriku” tfisser “l-ispiża attwali [reali tal-]enerġija mixtrija jew iġġenerata fin-negozju [fl-impriża]”.
26 F’dan ir-rigward, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li din l-ispiża tinkludi biss l-elettriku kif ukoll is-sħana u l-prodotti ta’ enerġija li jintużaw sabiex isaħħnu jew għall-finijiet previsti fl-Artikolu 8(2)(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li t-taxxi kollha, bl-eċċezzjoni tal-VAT li tista’ titnaqqas, huma inklużi fl-ispejjeż reali tal-enerġija.
27 Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk it-tariffi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhomx jitqiesu li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “spiża attwali [reali tal-]enerġija mixtrija [minn] negozju [impriża]”, fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96.
28 Għandu jitfakkar li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Tüke Busz, C‑391/22, EU:C:2023:892, punt 34).
29 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, għandu jiġi rrilevat li dik tirreferi għall-“spiża attwali [reali tal-]enerġija mixtrija jew iġġenerata fin-negozju [fl-impriża]”. Il-kunċett ta’ “spiża attwali [reali]” ma huwiex, barra minn hekk, iddefinit la minn din id-dispożizzjoni u lanqas minn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2003/96.
30 Issa, konformement mas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jikkorrispondi għal kull spiża neċessarjament marbuta max-xiri tal-enerġija prevista mill-imsemmija dispożizzjoni. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-eżami tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-istess dispożizzjoni, li jesprimu b’mod uniformi l-kunċett ta’ “spiża attwali [reali]”, b’mod partikolari il-verżjonijiet bil-lingwa Pollakka (“rzeczywisty koszt”), Spanjola (“coste real”), Ġermaniża (“tatsächlichen Kosten”), Ingliża (“actual cost”), Taljana (“costo effettivo”) kif ukoll Rumena (“costul real”). F’dan ir-rigward, dawn il-verżjonijiet kollha jirreferu għall-ispejjeż realment sostnuti li huma neċessarji għax-xiri tal-elettriku.
31 Issa, il-qorti tar-rinviju tindika li l-ħlas tat-tariffi ta’ distribuzzjoni lill-fornitur tal-enerġija huwa obbligatorju għax-xiri ta’ din tal-aħħar u li l-ammont tagħhom huwa ddeterminat abbażi ta’ dispożizzjonijiet legali preċiżi.
32 L-imsemmija interpretazzjoni hija, fit-tieni lok, sostnuta mill-kuntest li tagħmel parti minnu l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. F’dan ir-rigward, minn naħa, jekk il-leġiżlatur ippreċiża li l-kelma “enerġija” li hija użata “[tinkludi p]rodotti ta’ elettriku, sħana u enerġija biss u li jintużaw sabiex isaħħnu jew skon l-iskopijiet ta’ l-Artikolu 8(2)(b) u (ċ) [...]”, ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma tillimitax, madankollu, l-portata tat-terminu ta’ “spiża attwali [reali]” għall-uniku prezz tal-enerġija li l-impriża kkonċernata trid tħallas biex tixtriha.
33 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi xi spejjeż marbuta max-xiri tal-enerġija mill-kunċett ta’ “spejjeż attwali [reali]”, huwa eskludihom b’mod espress. Fil-fatt, fit-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 huwa ppreċiżat li huma inklużi fl-“ispejjeż attwali [reali]” “[i]t-taxxi kollha”, “ħlief il-VAT li trid titnaqqas”.
34 Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni letterali tat-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, mogħtija fil-punti 29 sa 32 ta’ din is-sentenza, jiġifieri interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “spejjeż attwali [reali]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija kompatibbli mal-għan prinċipali tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha, jiġifieri tal-għan ta’ promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, billi jiġu evitati, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano, C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
35 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispiża reali tal-enerġija mixtrija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tinkludi piżijiet addizzjonali, li ma jistgħux jikkostitwixxu “taxxi”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, bħat-tariffi ta’ distribuzzjoni obbligatorji ta’ din l-enerġija sostnuti, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, meta tinxtara l-imsemmija enerġija.
Fuq it‑tieni domanda
36 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fuq ix-xiri ta’ elettriku tiġi rrifjutata lil impriża enerġetikament intensiva, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta din l-impriża tibbenefika, għal dan l-elettriku, minn eżenzjoni mid-dazji tas-sisa rriżervata għall-elettriku użat fil-proċessi elettrolitiċi, anki jekk l-imsemmija impriża turi li, għall-istess enerġija, hija ma tibbenefikax simultanjament minn dawn iż-żewġ eżenzjonijiet u li l-ammont totali tal-imsemmija eżenzjonijiet ma jaqbiżx l-ammont tad-dazji tas-sisa mħallas għall-istess perijodu.
37 Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, din ma tapplikax, fost l-oħrajn, għall-elettriku użat prinċipalment għat-tnaqqis kimiku u għall-elettroliżi kif ukoll fil-proċessi metallurġiċi. Għaldaqstant, mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-elettriku inkwistjoni ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
38 Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jiġifieri l-karburanti, il-kombustibbli u l-elettriku, billi jiġu applikati fuqhom livelli ta’ tassazzjoni li ma jistgħux ikunu inqas mil-livelli minimi previsti minnha (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija), C‑139/20, EU:C:2022:240, punt 39].
39 Barra minn hekk, mill-premessa 3 u mill-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din tal-aħħar ma wettqitx armonizzazzjoni totali tar-rati tas-sisa fuq il-prodotti ta’ enerġija u elettriku iżda sempliċement tiffissa livelli minimi ta’ tassazzjoni armonizzati.
40 Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, armonizzazzjoni minima ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw miżuri iktar stretti, sakemm madankollu dawn ma jkunux ta’ natura li jikkompromettu serjament ir-riżultat previst mid-direttiva inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Muladi (C‑447/15, EU:C:2016:533, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Billi tistipula sistema ta’ tassazzjoni armonizzata tal-prodotti ta’ enerġija u elettriku, id-Direttiva 2003/96 hija intiża, kif jirriżulta mill-premessi 2 sa 5 u 24 tagħha, li tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, filwaqt li tevita, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano, C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Madankollu, din id-direttiva tipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jistabbilixxu rati ta’ tassazzjoni differenzjati, eżenzjonijiet mit-tassazzjoni jew tnaqqis fiskali tad-dazji tas-sisa. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla ċertu marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri fil-qasam tad-dazji tas-sisa. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano, C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 26).
43 Konformement mal-Artikolu 17(1)(a) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu japplikaw tnaqqis fiskali fuq il-konsum tal-elettriku favur impriżi enerġetikament intensivi sa fejn il-livelli ta’ tassazzjoni minimi tal-Unjoni Ewropea previsti minn din id-direttiva jiġu osservati ftit jew wisq minn kull impriża (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, IRCCS – Fondazione Santa Lucia, C‑189/15, EU:C:2017:17, punt 47).
44 Il-livell ta’ tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija u elettriku li jaqgħu taħt l-istess direttiva jista’ jasal sa żero, meta dawn il-prodotti u dan l-elettriku jintużaw minn impriżi enerġetikament intensivi (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija), C‑139/20, EU:C:2022:240, punt 42).
45 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-vantaġġi fiskali favur l-impriżi enerġetikament intensivi, previsti fl-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, huma fakultattivi għall-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis ta’ taxxa fakultattiv), (C‑100/20, EU:C:2021:716, punt 24).
46 Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jillimitaw il-benefiċċju tat-tnaqqis fiskali favur impriżi enerġetikament intensivi għal dawk ta’ settur industrijali wieħed jew iktar (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, IRCCS– Fondazione Santa Lucia, C‑189/15, EU:C:2017:17, punt 49).
47 Fil-fatt, skont il-premessi 9 u 11 ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tħalli lill-Istati Membri ċertu marġni sabiex jiddefinixxu u jimplimentaw politiki adattati għall-kuntesti nazzjonali u tindika li l-iskemi introdotti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-imsemmija direttiva jaqgħu taħt il-kompetenzi ta’ kull wieħed mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, IRCCS– Fondazione Santa Lucia, C‑189/15, EU:C:2017:17, punt 50).
48 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandu jiġi dedott li, għalkemm Stat Membru jista’, fl-eżerċizzju tal-marġni mogħti lilu mid-Direttiva 2003/96, jeżenta l-elettriku użat mill-impriżi enerġetikament intensivi, minn ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma jirriżulta li huwa obbligat jagħmel dan.
49 F’dan ir-rigward, it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tal-imsemmija direttiva tipprevedi li, fil-kuntest tad-definizzjoni tal-politika tagħhom f’dan il-qasam, l-Istati Membri jistgħu japplikaw kriterji iktar restrittivi, bħad-definizzjonijiet tad-dħul mill-bejgħ, tal-proċess u tas-settur industrijali.
50 Issa, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm din id-dispożizzjoni tiċċita ċerti kriterji li għalihom jistgħu jirreferu l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu u jimplimentaw il-politika tagħhom fil-qasam tat-tnaqqis fiskali fir-rigward tal-impriżi enerġetikament intensivi, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-lista ta’ dawn il-kriterji ma hijiex intiża li tkun esklużiva.
51 Għalhekk, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 31d(1) tal-Liġi dwar id-Dazju tas-Sisa, ir-Repubblika tal-Polonja għażlet li timplimenta tnaqqis tad-dazji tas-sisa għall-impriżi enerġetikament intensivi li jeżerċitaw ċerti attivitajiet ekonomiċi indikati fil-kodiċijiet tal-klassifikazzjoni Pollakka tal-attivitajiet.
52 Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li, fil-każ fejn kumpannija tagħmel użu mill-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fuq l-elettriku użat fil-proċessi elettrolitiċi, prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 30(7a) tal-Liġi dwar id-Dazju tas-Sisa, hija ma għandhiex id-dritt li tibbenefika simultanjament mill-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa favur impriżi enerġetikament intensivi, prevista fl-Artikolu 31d(1) ta’ din il-liġi.
53 Fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punti 48 u 50 ta’ din is-sentenza, it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 ma tistax tiġi interpretata bħala li teskludi d-definizzjoni ta’ kriterju bħal dak imsemmi fil-punt 52 ta’ din is-sentenza għall-implimentazzjoni ta’ tnaqqis fiskali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-kundizzjoni li dan il-kriterju u l-applikazzjoni tiegħu ma jkunux diskriminatorji.
54 Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri huma obbligati jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali li huma għandhom bis-saħħa, fost l-oħrajn, tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/96, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu u, b’mod partikolari, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit jirrigwarda kemm il-miżuri li permezz tagħhom tintuża din is-setgħa diskrezzjonali kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis ta’ taxxa fakultattiv), C‑100/20, EU:C:2021:716, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis ta’ taxxa fakultattiv), C‑100/20, EU:C:2021:716, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 Ebda element li jista’ jistabbilixxi n-natura diskriminatorja tal-kriterju previst mil-leġiżlazzjoni Pollakka ma jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan il-kriterju huwiex applikat b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
57 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fuq ix-xiri ta’ elettriku tiġi rrifjutata lil impriża enerġetikament intensiva, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta din l-impriża tibbenefika, għal dan l-elettriku, minn eżenzjoni mid-dazji tas-sisa rriżervata għall-elettriku użat fil-proċessi elettrolitiċi, anki jekk l-imsemmija impriża turi li, għall-istess enerġija, hija ma tibbenefikax simultanjament minn dawn iż-żewġ eżenzjonijiet u li l-ammont totali tal-imsemmija eżenzjonijiet ma jaqbiżx l-ammont tad-dazji tas-sisa mħallas għall-istess perijodu, sakemm il-kriterju ddefinit mill-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan ir-rigward ikun mfassal u applikat skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
Fuq l‑ispejjeż
58 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
l-ispiża reali tal-enerġija mixtrija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tinkludi piżijiet addizzjonali, li ma jistgħux jikkostitwixxu “taxxi”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, bħat-tariffi ta’ distribuzzjoni obbligatorji ta’ din l-enerġija sostnuti, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, meta tinxtara l-imsemmija enerġija.
2) L-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fuq ix-xiri ta’ elettriku tiġi rrifjutata lil impriża enerġetikament intensiva, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta din l-impriża tibbenefika, għal dan l-elettriku, minn eżenzjoni mid-dazji tas-sisa rriżervata għall-elettriku użat fil-proċessi elettrolitiċi, anki jekk l-imsemmija impriża turi li, għall-istess enerġija, hija ma tibbenefikax simultanjament minn dawn iż-żewġ eżenzjonijiet u li l-ammont totali tal-imsemmija eżenzjonijiet ma jaqbiżx l-ammont tad-dazji tas-sisa mħallas għall-istess perijodu, sakemm il-kriterju ddefinit mill-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan ir-rigward ikun mfassal u applikat skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
Firem