Language of document : ECLI:EU:T:2014:1083

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

11 ta’ Diċembru 2014 (*)

“Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż — Onorarji ta’ avukat — Rappreżentazzjoni ta’ korp tal-Unjoni minn avukat — Remunerazzjoni fil-forma ta’somma f’daqqa — Spejjeż ta’ trasferiment u ta’ soġġorn ta’ aġent — Spejjeż ta’ traduzzjoni — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Sitwazzjoni ekonomika tal-appellant”

Fil-Kawża T‑283/08 P‑DEP,

li għandha bħala suġġett talba għal intaxxar tal-ispejjeż wara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Longinidis vs Cedefop (T‑283/08 P, ĠabraSP, EU:T:2011:338),

Pavlos Longinidis, residenti f’Tessaloniki (il-Greċja), irrappreżentat minn P. Yatagantzidis, avukat,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), irrappreżentat minn M. Fuchs, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),

komposta minn M. Jaeger, President, M. Prek u G. Berardis (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1        Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Lulju 2008, Pavlos Longinidis ippreżenta, skont l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell għall-annullament tas-sentenza tal-24 ta’ April 2008, Longinidis vs Cedefop (F‑74/06, ĠabraSP, EU:F:2008:48), li biha t-Tribunal għas-Servizz pubbliku ċaħad ir-rikors tiegħu intiż b’mod partikolari għall-annullament tad-deċiżjoni taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), tat-30 ta’ Novembru 2005, li ttemm il-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat.

2        Permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Longinidis vs Cedefop (T‑283/08 P, ĠabraSP, EU:T:2011:338), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-appell fl-intier tiegħu, billi s-sitt aggravji li P. Longinidis kien essenzjalment invoka tqiesu li huma inammissibbli, infondati jew ineffettivi. Il-Qorti Ġenerali wkoll ikkundannat lil P. Longinidis għall-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mis-Cedefop fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

3        Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 2011, is-Cedefop talab lil P. Longinidis ir-rimbors ta’ ammont totali ta’ EUR 16 641.28 bħala spejjeż marbuta mal-proċedura ta’ appell, li kienu komposti mis-somma mħallsa lill-avukat irreklutat għall-finijiet tal-imsemmija proċedura, P. Anestis, spejjeż ta’ trasferiment u ta’ soġġorn fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu) tal-aġent tas-Cedefop għall-finijiet tas-seduta u tal-ispejjeż ta’ traduzzjoni.

4        Minkejja d-diversi tentattivi ta’ notifikazzjoni tal-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2011, li saru minn impriża ta’ servizz privat ta’ posta, din ġiet riċevuta minn P. Longinidis biss bħala anness għal ittra oħra li s-Cedefop indirizzalu, fid-19 ta’ Jannar 2012, u li kienet tikkonċerna wkoll l-ispejjeż inkwistjoni. Permezz ta’ din l-ittra tal-aħħar, is-Cedefop kien qed jistieden lil P. Longinidis biex jissottomettilu l-osservazzjonijiet tiegħu mhux iktar tard mill-10 ta’ Frar 2012.

5        Wara li kiseb, wara skambju ta’ posta mas-Cedefop, li dan it-terminu jiġi estiż, P. Longinidis irrisponda għall-ittra tad-19 ta’ Jannar 2012 permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Marzu 2012, data tal-iskadenza tat-terminu inkwistjoni, kif estiż.

6        F’din l-ittra, l-ewwel nett, P. Longinidis argumenta li d-direttur ad interim tas-Cedefop, li kien iffirma l-ittri tal-14 ta’ Diċembru 2011 u tad-19 ta’ Jannar 2012, kien f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess fir-rigward tiegħu. It-tieni nett, huwa sostna li l-imsemmija ittri u l-annessi tagħhom kienu vagi wisq, peress li, fil-fehma tiegħu, dawn ma kinux jippermettu li jinftiehmu r-raġunijiet għaliex is-Cedefop, minn naħa, kien ġie rrappreżentat mhux biss minn aġent, iżda anki minn avukat, li t-tariffa fis-siegħa tiegħu u n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol ma kinux indikati, u, min-naħa l-oħra, kien sostna spejjeż tat-traduzzjoni. It-tielet nett, huwa talab li l-proċedura li tikkonċerna l-ispejjeż li kellu jirrimborsa lis-Cedefop tiġi sospiża sal-ħatra tad-direttur il-ġdid tiegħu.

7        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Marzu 2012, is-Cedefop irrisponda lil P. Longinidis li l-ammont ta’ EUR 16 641.28 kien korrett u li l-oġġezzjonijiet tiegħu kienu infondati. Madankollu, P. Longinidis la rrisponda għal din l-ittra u lanqas wettaq xi ħlas.

8        Billi qies li l-attitudni ta’ P. Longinidis kienet tikkostitwixxi kontestazzjoni fuq l-ispejjeż li jistgħu jinġabru fis-sens tal-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, is-Cedefop, permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Settembru 2013, ressaq din it-talba ta’ intaxxar tal-ispejjeż, li biha kien qed jistieden lill-Qorti Ġenerali tiffissa għal EUR 16 641.28 l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru minnu wara s-sentenza Longinidis vs Cedefop (EU:T:2011:338), flimkien ma’ ammont ta’ EUR 2 061.25 li jikkorrispondi għall-ispejjeż tat-traduzzjoni ta’ din it-talba mill-Ingliż lejn il-lingwa tal-kawża.

9        Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Diċembru 2013, P. Longinidis stieden lill-Qorti Ġenerali tiċħad it-talba ta’ Cedefop bħala inammissibbli jew bħala infondata u, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-ispejjeż meqjusa bħala li jistgħu jinġabru, liema ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, jaqbżu l-EUR [kunfidenzjali] (1).

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

10      Fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq din it-talba ta’ intaxxar tal-ispejjeż, P. Longinidis jikkontesta l-ammissibbiltà tagħha.

11      Fl-ewwel lok, jargumenta li din it-talba hija inammissibbli, minħabba li ma teżistix kontestazzjoni bejn il-partijiet fuq l-ispejjeż li jistgħu jinġabru. B’mod partikolari, huwa jsostni li l-ittra tiegħu tat-2 ta’ Marzu 2012 ma tistax titqies li hija prova li huwa kkontesta l-ammont li s-Cedefop kien talbu li jirrimborsa. Din l-ittra hija biss, essenzjalment, talba għal sospensjoni tal-proċedura amministrattiva ta’ rkupru tal-ispejjeż sostnuti mis-Cedefop, biex jevita li din tkun immexxija minn direttur li ma jistax allegatament ikun imparzjali fir-rigward ta’ P. Longinidis.

12      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm kontestazzjoni dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet li ma jistax jiġi appellat fuq it-talba tal-parti interessata, wara li jinstemgħu l-osservazzjonijiet tal-parti l-oħra.

13      F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi ammess li kontestazzjoni fis-sens tal-imsemmi artikolu tqum biss meta d-destinatarju ta’ talba għal rimbors tal-ispejjeż imressqa mill-parti li tirbaħ tipprekludilha rifjut espliċitu u integrali. Fil-fatt, f’tali każ, huwa biżżejjed li parti, ikkundannata f’kawża li tirrimborsa l-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, tastjeni minn kwalunkwe reazzjoni jew tadotta attitudni dilatorja sabiex it-tressiq ta’ talba għal intaxxar tal-ispejjeż b’applikazzjoni tal-artikolu msemmi hawn fuq issir impossibbli. Tali riżultat jirrendi superfluwa l-proċedura prevista fl-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura, li għandha t-tendenza li tkun deċiża definittivament fuq l-ispejjeż tal-istanza (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-25 ta’ Marzu 2014, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑126/11 P‑DEP, EU:T:2014:171, punt 13).

14      Fit-tieni lok, P. Longinidis isostni li din it-talba hija vaga wisq, peress li s-Cedefop ma ppreċiżax fejn l-ispejjeż li sostna kienu indispensabbli u lanqas liema kien in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol tal-avukat tiegħu u r-rata fis-siegħa tiegħu.

15      Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda wkoll, peress li l-kwistjoni dwar jekk talba għal intaxxar tal-ispejjeż fihiex suffiċjentement informazzjoni fuq in-natura indispensabbli tal-ispejjeż hija relatata mal-mertu tat-talba u mhux mal-ammissibbiltà tagħha.

 Fuq il-mertu

16      Kif jirriżulta mill-punti 3 u 8 iktar ’il fuq, is-Cedefop jitlob li P. Longinidis iħallsu ammont totali ta’ EUR 18 702.53. Dan jirrappreżenta s-somma tal-elementi li ġejjin:

–        EUR 8 869.04, li jikkorrispondu għas-somma mħallsa lil P. Anestis għall-finijiet tal-proċedura tal-appell, li minnhom EUR 869.04 bħala nefqa;

–        EUR 923.49, li jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ trasferiment u ta’ soġġorn fil-Lussemburgu tal-aġent tas-Cedefop għall-finijiet tas-seduta fl-imsemmija proċedura;

–        EUR 6 848.75, li jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ traduzzjoni allegatament neċessarji fil-kuntest tal-imsemmija proċedura;

–        EUR 2 061.25 li jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ traduzzjoni ta’ din it-talba għal intaxxar tal-ispejjeż mill-Ingliż lejn il-lingwa tal-kawża.

17      P. Longinidis jargumenta, l-ewwel nett, li ma kienx indispensabbli għas-Cedefop li juża avukat estern li jassisti l-aġent tiegħu, it-tieni nett, li l-ammont tal-onorarji ta’ dan l-avukat la huwa ġġustifikat u lanqas verifikabbli, it-tielet nett, li ma kienx neċessarju li l-imsemmi aġent ikun preżenti fis-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali u, ir-raba’ nett, li l-ispejjeż ta’ traduzzjoni sostnuti mis-Cedefop ma jistgħux jinġabru. Fi kwalunkwe każ, huwa jżid li s-sitwazzjoni ekonomika tiegħu ma tippermettilux li jħallas lis-Cedefop somma li taqbeż EUR 4 000.

 Osservazzjonijiet preliminari

18      Skont l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura, huma meqjusa bħala spejjeż li jistgħu jinġabru, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura, b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ trasferiment u ta’ soġġorn kif ukoll ir-remunerazzjoni ta’ aġent, ta’ konsulent jew ta’ avukat.

19      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma limitati, minn naħa, għal dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, u, min-naħa l-oħra, għal dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet (digrieti tal-31 ta’ Marzu 2011, Tetra Laval vs Il‑Kummissjoni, T‑5/02 DEP u T‑80/02 DEP, EU:T:2011:129, punt 53, u tat-23 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, T‑498/09 P-DEP, EU:T:2012:147, punt 13).

20      Skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ta’ natura tariffarja, il-qorti tal-Unjoni għandha tevalwa liberament il-fatti tal-każ, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-għan u n-natura tal-kawża, is-sinjifikat tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet ħolqot lill-avukati, lill-aġenti jew lill-konsulenti involuti u l-interessi ekonomiċi li l-partijiet kellhom fil-kawża (digrieti tat-28 ta’ Ġunju 2004, Airtours vs Il‑Kummissjoni, T‑342/99 DEP, Ġabra, EU:T:2004:192, punt 18, u Kerstens vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2012:147, punt 14).

21      Meta tiffissa l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument meta jiġi deċiż id-digriet għal intaxxar tal-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż indispensabbli li jirrigwardaw il-proċedura għal intaxxar tal-ispejjeż (digriet Kerstens vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2012:147, punt 15).

 Fuq l-użu ta’ avukat estern

22      Is-Cedefop jargumenta li, kuntrarjament għal dak li P. Longinidis sostna fl-ittra tiegħu tat-2 ta’ Marzu 2012, kien indispensabbli li huwa kien irrappreżentat mhux biss minn aġent, iżda wkoll minn avukat, u li tali għażla ma tistax tiġi kkontestata mill-parti kkundannata għall-ispejjeż. Is-Cedefop iżid jgħid li dan kien l-istess avukat li kien diġà rrappreżentah quddiem it-Tribunal għas-Servizz pubbliku u li kien jaf sew il-Grieg, magħżul minn P. Longinidis bħala l-lingwa tal-kawża, filwaqt li l-aġent responsabbli mill-każ ma kellux tali għarfien.

23      P. Longinidis isostni li s-Cedefop ma weriex li kien indispensabbli li juża’ avukat estern li jassisti l-aġent responsabbli mill-każ. B’mod partikolari, skont P. Longinidis, l-għażla tiegħu li tikkonċerna l-lingwa tal-kawża ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-assistenza inkwistjoni kienet neċessarja.

24      F’dan ir-rigward, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma, fir-rigward tal-mod li bih huma jridu jiġu rrappreżentati jew assistiti quddiem il-qorti tal-Unjoni, liberi li jiddeċiedu li jirrikorru għall-assistenza ta’ avukat. Għaldaqstant, meta dawn l-istituzzjonijiet jirrikorri għall-assistenza ta’ avukat, li għandhom jirremuneraw, ir-remunerazzjoni ta’ dan l-avukat taqa’ taħt il-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedura, mingħajr ma din l-istituzzjoni tkun obbligata li turi li l-intervent ta’ dan l-avukat jew ta’ din il-persuna kienet oġġettivament iġġustifikata. Hemm lok, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tal-Istatut, li jiġu assimilati l-organi tal-Unjoni, bħas-Cedefop, mal-imsemmija istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Ottubru 2013, OCVV vs Schräder, C‑38/09 P‑DEP, EU:C:2013:679, punti 20 sa 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Barra minn hekk, għalkemm il-fatt li Cedefop involva aġent u avukat estern ma għandux konsegwenza fuq li dawn l-ispejjeż inkwistjoni jistgħu potenzjalment jinġabru, peress li ma hemm xejn li jeskludihom bħala prinċipju, dan jista’ jkollu impatt fuq id-determinazzjoni tal-ammont li jista’ jinġabar in fine tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura. Għaldaqstant, ma tistax tkun kwistjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn ir-rikorrenti meta l-organu tal-Unjoni konvenut jiddeċiedi li juża’ s-servizzi ta’ avukat f’ċerti kawżi, filwaqt li f’oħrajn ikun irrappreżentat mill-aġenti tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-28 ta’ Mejju 2013, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑278/07 P‑DEP, Ġabra, EU:T:2013:269, punt 14).

26      Kull evalwazzjoni oħra li tissuġġetta d-dritt ta’ organu tal-Unjoni, li jitlob integralment jew parzjalment l-onorarji mħallsa lil avukat, għad-dimostrazzjoni ta’ neċessità “oġġettiva” li jintużaw is-servizzi tiegħu tikkostitwixxi fir-realtà limitazzjoni indiretta tal-libertà ggarantita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u timplika għall-qorti tal-Unjoni l-obbligu li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-istituzzjonijiet u organi responsabbli mill-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom. Tali kompitu la huwa kompatibbli mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas mas-setgħa ta’ organizzazzjoni interna li jgawdu minnha l-istituzzjonijiet u l-organi tal-Unjoni fir-rigward tal-ġestjoni tal-kawżi tagħhom quddiem il-qrati tal-Unjoni (digriet Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2013:269, punt 15).

27      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-argument ta’ P. Longinidis li jikkontesta n-natura indispensabbli tal-użu mis-Cedefop ta’ avukat estern ma jistax jiġi milqugħ (ara, f’dan is-sens, id-digrieti OCVV vs Schräder, EU:C:2013:679, punt 23, u Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2014:171, punt 30).

 Fuq l-onorarji tal-avukat tas-Cedefop

28      Sabiex jiġi evalwat, fuq il-bażi tal-kriterji mniżżla fil-punt 20 iktar ’il fuq, in-natura indispensabbli tal-ispejjeż effettivament sostnuti għall-finijiet tal-proċedura, indikazzjonijiet preċiżi għandhom jiġu pprovduti mill-persuna li tkun qed titlob ir-rimbors tal-ispejjeż. Għalkemm l-assenza ta’ tali informazzjoni ma tostakolax lill-Qorti Ġenerali milli tiffissa, abbażi ta’ evalwazzjoni xierqa, l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, madankollu din l-assenza tqiegħedha f’sitwazzjoni li twettaq evalwazzjoni neċessarjament stretta għal dak li jikkonċerna t-talbiet tal-persuna li tkun qed titlob ir-rimbors tal-ispejjeż (ara d-digriet Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2014:171, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, is-Cedefop jitlob ammont ta’ EUR 8 000 li jikkorrispondi għas-somma f’daqqa nnegozjata mal-avukat estern tiegħu. Jippreċiża li din ir-remunerazzjoni f’somma f’daqqa tirrifletti l-livell regolari ta’ onorarji mitluba mill-avukati speċjalizzati fid-dritt tal-Unjoni u li remunerazzjoni stabbilita fuq il-bażi ta’ rata fis-siegħa probabbilment kienet tkun ogħla.

30      P. Longinidis jargumenta, qabelxejn, li s-Cedefop ma ppreċiżax ir-rata fis-siegħa ta’ remunerazzjoni tal-avukat tiegħu, lanqas in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol li twettqu minnu għall-finijiet tal-proċedura tal-appell. Sussegwentement, jenfasizza li s-somma f’daqqa inkwistjoni, li ġiet miftiehma bejn is-Cedefop u l-avukat tiegħu qabel ma dan wettaq l-attivitajiet meħtieġa għall-finijiet tal-proċedura tal-appell, ma tistax titqies li tirrifletti l-valur reali tax-xogħol li twettaq. Finalment, josserva li t-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż ma tippreċiżax kif l-attivitajiet neċessarji għad-difiża tas-Cedefop ġew maqsuma bejn l-aġent tiegħu u l-avukat tiegħu.

31      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni hija intitolata mhux li tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom, iżda li tiddetermina sa liema ammont dawn ir-remunerazzjonijiet jistgħu jiġu rkuprati mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż. F’dan l-istess sens, in-natura ta’ somma f’daqqa tar-remunerazzjoni ma għandhiex rilevanza fuq l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ammont li jista’ jinġabar għall-ispejjeż, peress li l-qorti tibbaża ruħha fuq kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza stabbilita sew u l-indikazzjonijiet preċiżi li l-partijiet għandhom jipprovdulha. Għalkemm l-assenza ta’ tali informazzjoni ma tostakolax lill-Qorti Ġenerali milli tiffissa, abbażi ta’ evalwazzjoni xierqa, l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, madankollu din tqiegħedha f’sitwazzjoni li twettaq evalwazzjoni neċessarjament stretta għal dak li jikkonċerna t-talbiet tar-rikorrent, kif ġie indikat fil-punt 28 iktar ’il fuq (digrieti Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2013:269, punt 20, u Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2014:171, punt 38).

32      Fin-nuqqas ta’ informazzjoni oħra pprovduta mis-Cedefop, għandha ssir applikazzjoni tal-kriterji mniżżla fil-punt 20 iktar ’il fuq abbażi tal-uniċi elementi li l-Qorti Ġenerali għandha.

33      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-natura tal-kawża, għandu jiġi rilevat li din it-talba tinvolvi l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali, proċedura li, min-natura tagħha stess, hija limitata għal kwistjonijiet fuq punti ta’ liġi u mhux kontestazzjoni ta’ fatti (ara d-digriet Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2014:171, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fl-appell tiegħu, P. Longinidis kien sostna li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien żnatura ċerti provi, kif jirriżulta mill-punti 32 u 35 tas-sentenza Longinidis vs Cedefop (EU:T:2011:338). B’hekk, fir-risposta, is-Cedefop kellu jieħu pożizzjoni f’dan ir-rigward.

35      Fit-tieni lok, fir-rigward tas-suġġett tal-kawża, id-diffikultajiet tal-każ u l-portata tax-xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet tiġġenera għas-Cedefop, għandu jitfakkar li l-appell ta’ P. Longinidis, li nfirex fuq 20 paġna u kien fih numru ta’ annessi, kien jikkontesta diversi partijiet tas-sentenza Longinidis vs Cedefop (EU:F:2008:48), liema kien fih 185 punti. Dan l-appell qajjem, essenzjalment, sitt aggravji, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-prova u l-iżnaturament tal-provi, it-tieni, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuq il-qorti, it-tielet, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuq l-amministrazzjoni, ir-raba’, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata ta’ assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-ħames, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ osservazzjoni tad-drittijiet tad-difiża u, is-sitta, fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità, kif jirriżulta mill-punt 27 tas-sentenza Longinidis vs Cedefop (EU:T:2011:338).

36      Fir-risposta, magħmula minn 21 paġna, is-Cedefop ħa pożizzjoni fuq l-aggravji kollha mqajma minn P. Longinidis. Madankollu, kif irrimarka korrettament P. Longinidis, ix-xogħol ta’ P. Anestis ġie ffaċilitat mill-fatt li kellu diġà konoxxenza fil-fond tad-domandi li saru fil-proċedura tal-appell peress li kien diġà rrappreżenta s-Cedefop fl-ewwel istanza.

37      Għandu wkoll jiġi rrilevat li s-sitt aggravju kien iqajjem problema ta’ ammissibbiltà, liema fatt wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħmel domandi bil-miktub lill-partijiet, li rrispondew b’nota ta’ 20 paġna fir-rigward ta’ P. Longinidis u b’nota ta’ 10 paġni fir-rigward tas-Cedefop.

38      Barra minn hekk, wara talba fformulata minn P. Longinidis, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li żżomm seduta għas-sottomissjonijiet orali, li bilfors kienet teħtieġ xogħol ta’ preparazzjoni min-naħa ta’ P. Anestis.

39      Minn dan isegwi li l-kawża kienet ta’ ċerta kumplessità, kif jikkonferma t-tul tas-sentenza Longinidis vs Cedefop (EU:T:2011:338), li tinkludi 133 punt.

40      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-interess ekonomiku tal-kawża, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li, kif jenfasizza P. Longinidis, il-kawża kkonċernat membru tal-persunal wieħed biss tas-Cedefop, kienet tinvolvi li tiġi kkonfermata sentenza li kienet ċaħdet talba għad-danni fir-rigward ta’ allegat dannu morali ta’ EUR 50 000 u fir-rigward ta’ allegat dannu materjali li jikkorrispondi għas-salarji bażiċi, supplimenti tas-salarju u drittijiet għal pensjoni li P. Longinidis kien jieħu kieku ma ġiex imkeċċi.

41      B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li allega P. Longinidis, il-kawża kellha ċertu interess ekonomiku mhux biss għal P. Longinidis, iżda wkoll għas-Cedefop.

42      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-importanza tal-kawża mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi osservat li diversi aggravji tal-appell ta’ P. Longinidis setgħu ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali billi sempliċement tapplika l-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren (T‑404/06 P, Ġabra, EU:T:2009:313), li tikkonċerna b’mod partikolari l-obbligi tal-amministrazzjoni matul it-tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju, u ta’ prinċipji stabbiliti sew fuq il-kompetenza tal-qorti tal-appell. Madankollu, is-sentenza Longinidis vs Cedefop (EU:T:2011:338) fiha informazzjoni importanti b’mod partikolari fuq il-portata tal-preżunzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni (punt 39), fuq il-possibbiltà li d-deċiżjoni li tiċħad ilment tikkompleta l-motivazzjoni tal-att li jikkawża preġudizzju (punt 72) kif ukoll fuq l-imparzjalità ta’ korp konġunt bħall-Bord tal-Appell tas-Cedefop (punt 115). Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-kawża kellha ċerta importanza mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni.

43      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-ammont ta’ EUR 8 000 mitlub mis-Cedefop kien jidher eċċessiv, fin-nuqqas ta’ kull element ieħor ippreżentat minn dan tal-aħħar biex jissostanzja l-allegazzjonijiet tiegħu. B’hekk, ser tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ billi jiġi ffissat, f’somma f’daqqa, għal EUR 6 000 l-ammont tal-onorarji ta’ P. Anestis li jaqgħu taħt spejjeż li jistgħu jinġabru.

 Fuq il-ħlasijiet tal-avukat tas-Cedefop

44      Is-Cedefop jitlob ir-rimbors minn P. Longinidis mhux biss tal-onorarji tal-avukat tiegħu, iżda wkoll ħlasijiet lil dan tal-aħħar, kif jirriżultaw mill-kontijiet annessi ma’ din it-talba tal-intaxxar tal-ispejjeż.

45      P. Longinidis jirrispondi li ma ġiet prodotta ebda prova bil-miktub li turi r-realtà tal-ħlasijiet sostnuti minn P. Anestis.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kontijiet ippreżentati mis-Cedefop fl-anness tat-talba tiegħu tal-intaxxar tal-ispejjeż jillimitaw ruħhom li jindikaw żewġ ammonti, ta’ EUR 355.54 u ta’ EUR 513.50 rispettivament, għal ħlasijiet sostnuti minn P. Anestis, mingħajr ma jipprovdu tqassim ta’ dawn il-ħlasijiet.

47      Fin-nuqqas ta’ informazzjoni oħra pprovduta mis-Cedefop, is-somma ta’ dawn l-ammonti, li tammonta għal EUR 869.04, tidher eċċessiva. B’hekk, għandu jiġi ffissat, f’somma f’daqqa, għal EUR 300 l-ammont tal-ħlasijiet tal-avukat tas-Cedefop li jaqgħu taħt spejjeż li jistgħu jinġabru (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑1 ta’ Ottubru 2013, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P‑DEP, Ġabra, EU:C:2013:644, punt 26, u OCVV vs Schräder, EU:C:2013:679, punt 41).

 Fuq l-ispejjeż ta’ trasferiment tal-aġent tas-Cedefop

48      Is-Cedefop isostni li l-ispejjeż ta’ trasferiment u ta’ soġġorn tal-aġent tiegħu fil-Lussemburgu għall-finijiet tas-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2010 huma spejjeż li jistgħu jinġabru. Fil-fatt, aġent wieħed biss u avukat wieħed biss huma r-rappreżentazzjoni minima.

49      P. Longinidis jirrispondi li l-preżenza fl-imsemmija seduta ta’ P. Anestis kienet tkun suffiċjenti. B’hekk, l-ispejjeż ta’ trasferiment u ta’ soġġorn fil-Lussemburgu tal-aġent ta’ dan il-korp ma jaqgħux taħt spejjeż li jistgħu jinġabru.

50      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-prinċipju, l-ispejjeż ta’ avukat jew aġent wieħed biss għal kull parti jistgħu jitqiesu li huma indispensabbli fis-sens tal-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura. L-ispejjeż marbutin mal-intervent tat-tieni avukat jew aġent jistgħu għaldaqstant jinġabru biss minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi li jikkonċernaw, b’mod partikolari, in-natura tal-kontenzjuż inkwistjoni (ara d-digriet tal-20 ta’ Jannar 2014, Schönberger vs Il‑Parlament, T‑186/11 DEP, EU:T:2014:40, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-każ inkwistjoni ma jippreżentax tali ċirkustanzi. Fil-fatt, is-Cedefop stess indika l-fatt li uża avukat estern ukoll fil-kuntest tal-appell ippreżentat minn P. Longinidis, peress li dan l-avukat kellu konoxxenza fil-fond tal-proċess, sa fejn kien irrappreżenta lis-Cedefop diġà fl-ewwel istanza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet OCVV vs Schräder, EU:C:2013:679, punt 40), li kien speċjalizzat fil-qasam tas-servizz pubbliku u li l-aġent tiegħu ma kienx jaf sew biżżejjed il-lingwa tal-kawża.

52      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-ammont ta’ EUR 923.49, li jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ trasferiment u ta’ soġġorn fil-Lussemburgu tal-aġent tas-Cedefop għall-finijiet tas-seduta ma jaqgħux taħt spejjeż li jistgħu jinġabru.

 Fuq l-ispejjeż ta’ traduzzjoni

53      Is-Cedefop jargumenta li, peress li l-lingwa tal-kawża magħżula minn P. Longinidis huwa l-Grieg, li la l-aġent tiegħu u lanqas id-direttur tiegħu ma jafuh sew biżżejjed, l-ispejjeż li jistgħu jinġabru f’dan il-każ jinkludu, minn naħa, l-ispejjeż ta’ traduzzjoni lejn l-Ingliż ta’ diversi atti proċedurali tal-kawża fl-appell u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż ta’ traduzzjoni lejn il-Grieg ta’ din it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, abbozzata bl-Ingliż mill-imsemmi aġent. Jippreċiża li t-traduzzjonijiet inkwistjoni twettqu miċ-Ċentru ta’ Traduzzjoni tal-korpi tal-Unjoni Ewropea, li l-kontijiet tagħhom ġew annessi mal-imsemmija talba.

54      P. Longinidis isostni li l-ispejjeż ta’ traduzzjoni ma jistgħux jitqiesu li huma spejjeż li jistgħu jinġabru, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li s-Cedefop għażel li juża avukat estern li jaf il-lingwa Griega u li kien ikun possibbli għalih li jagħmel traduzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni internament.

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li skont l-Artikolu 35(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bis-saħħa tar-riferiment previst fl-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-lingwa tal-kawża tintgħażel mir-rikorrent, minn fost il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, salv għad-dispożizzjonijiet derogatorji li ma humiex rilevanti f’dan il-każ.

56      B’hekk jirriżulta li P. Longinidis kellu perfettament id-dritt li jagħżel il-Grieg bħala lingwa tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz pubbliku.

57      It-tieni nett, bis-saħħa tal-Artikolu 136a tar-Regolament tal-Proċedura, il-lingwa tal-kawża tal-każ fl-appell ippreżentat minn P. Longinidis kellha tkun il-Grieg, il-lingwa tal-kawża tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li huwa kien qed jattakka.

58      It-tielet nett, konformement mal-Artikolu 35(3) tar-Regoli tal-Proċedura, is-Cedefop kien obbligat li juża l-lingwa tal-kawża magħżula minn P. Longinidis.

59      Ir-raba’ nett, l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3) kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013, tat-13 ta’ Mejju 2013, li jadatta ċerti regolamenti u deċiżjonijiet fl-oqsma tal-moviment liberu tal-merkanzija, il-moviment liberu tal-persuni, d-dritt soċjetarju, il-politika tal-kompetizzjoni, l-agrikoltura, is-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja, il-politika tat-trasport, l-enerġija, it-tassazzjoni, l-istatistika, in-netwerks trans-Ewropej, id-drittijiet ġudizzjarji u fundamentali, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, l-ambjent, l-unjoni doganali, ir-relazzjonijiet esterni, il-politika barranija, ta’ sigurtà u ta’ difiża u l-istituzzjonijiet, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU L 158, p. 1) jindika l-Bulgaru, il-Kroat, l-Ispanjol, iċ-Ċek, id-Daniż, il-Ġermaniż, l-Estonjan, il-Grieg, l-Ingliż, il-Franċiż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, l-Ungeriż, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, il-Finlandiż, u l-Isvediż mhux biss bħala lingwi uffiċjali, iżda wkoll bħala lingwi tax-xogħol tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2013, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑248/10, EU:T:2013:534, punt 29). Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 jipprovdi li l-istituzzjonijiet jistgħu jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika fir-regoli interni tagħhom, is-Cedefop ma jallegax li dawn il-modalitajiet kienu applikabbli għalih u li dawn jiġġustifikaw, f’dan il-każ, ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ traduzzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza L-Italja vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2013:534, punt 38).

60      Il-ħames nett, l-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li kull diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq il-lingwa, hija pprojbita fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1d(6), kwalunkwe limitazzjoni għall-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità għandha tiġi oġġettivament u raġonevolment ġġustifikata u għandha tissodisfa oġġettivi leġittimi ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal (sentenza L-Italja vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2013:534, punt 30).

61      F’dan il-każ, jekk jiġi ammess li l-ispejjeż ta’ traduzzjoni li r-rimbors tagħhom intalab mis-Cedefop huma spejjeż li jistgħu jinġabru, P. Longinidis ikun is-suġġett ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa, peress li dawn l-ispejjeż ma kinux jintefqu mill-imsemmi korp kieku P. Longinidis għażel lingwa oħra tal-kawża, pereżempju l-Ingliż, lingwa li għaliha u minnha s-Cedefop wettaq it-traduzzjonijiet inkwistjoni.

62      Fir-rigward tat-traduzzjonijiet tad-dokumenti relatati mal-proċedura tal-appell, għandu jiġi rrilevat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, tali diskriminazzjoni ma setgħet f’ebda każ tiġi ġġustifikata, sa fejn is-Cedefop uża avukat estern li jaf sewwa l-lingwa tal-proċedura, u huwa kien intitolat jagħmel hekk bis-saħħa tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 24 sa 26 iktar ’il fuq. L-użu ta’ dan l-avukat għandu jitqies li huwa biżżejjed biex jippermetti lis-Cedefop li jaħdem, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja mibdija minn P. Longinidis quddiem il-Qorti Ġenerali, bil-Grieg, konformement mal-obbligi previsti mid-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punti 58 u 59 iktar ’il fuq.

63      Fir-rigward tat-traduzzjoni ta’ din it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, għandu jiġi enfasizzat li din il-proċedura teħtieġ kompetenzi ta’ kontabbiltà pjuttost milli legali (digriet tas-26 ta’ Settembru 2013, Schräder vs OCVV, T‑187/06 DEP, EU:T:2013:522, punt 68), tant li l-aġent li jirrappreżenta lis-Cedefop seta’ jabbozzaha bil-lingwa tal-kawża, bis-sostenn, jekk ikun il-każ, ta’ aġenti oħra ta’ dan il-korp li ma għandhomx kompetenzi legali speċifiċi, iżda li jafu sew il-Grieg.

64      Barra minn hekk, għandha wkoll tiġi applikata, b’analoġija, il-ġurisprudenza fis-sens li l-ispejjeż li jikkonċernaw it-traduzzjonijiet li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati li jipproduċu quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 43(2) tar-Regoli tal-Proċedura ma jistgħux jitqiesu li huma spejjeż li jistgħu jinġabru [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, d-digriet tas-26 ta’ Novembru 2004, BEI vs De Nicola, C‑198/02 P(R)‑DEP, EU:C:2004:754, punti 21 u 22]. Barra minn hekk, huwa biss fir-rigward tal-intervenjenti li l-Qorti Ġenerali ammettiet, taħt ċerti kundizzjonijiet, in-natura indispensabbli tal-ispejjeż ta’ traduzzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-18 ta’ April 2006, Euroalliages et vs Il‑Kummissjoni, T‑132/01 DEP, EU:T:2006:112, punt 46).

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu esklużi mill-ispejjeż li jistgħu jinġabru l-ispejjeż ta’ traduzzjoni li ntefqu mis-Cedefop.

 Fuq is-sitwazzjoni ekonomika ta’ P. Longinidis

66      P. Longinidis jargumenta li, fi kwalunkwe każ, is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu hija tali li ma huwiex possibbli għalih li jirrimborsa lis-Cedefop somma li taqbeż EUR [kunfidenzjali] mingħajr ma jipperikola l-mezzi ta’ għixien tal-familja tiegħu. F’dan ir-rigward, jippreċiża li mid-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħu għas-sena 2012, annessa mal-osservazzjonijiet tiegħu dwar din it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, jirriżulta li d-dħul tiegħu, li joħroġ esklużivament mill-attività tiegħu ta’ avukat, jammonta biss għal EUR [kunfidenzjali].

67      Fuq dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ekonomika tal-parti li ġiet ikkundannata għall-ispejjeż ma taqax taħt il-kriterji li fuqhom l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru huwa stabbilit mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura tal-intaxxar tal-ispejjeż. Għaldaqstant, dan l-argument ta’ P. Longinidis huwa mingħajr ebda rilevanza.

68      Mill-bqija, għandu jiġi rrilevat li d-dikjarazzjoni tat-taxxa invokata minn P. Longinidis issemmi biss id-dħul tiegħu għas-sena 2012 u għaldaqstant ma tippermettix, fi kwalunkwe każ, li wieħed ikun jaf liema huwa l-istat globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu.

69      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, għandu jiġi stabbilit għal EUR 6 300 l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru f’dan il-każ, inklużi dawk relatati ma’ din il-proċedura ta’ intaxxar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

tordna:

L-ammont totali tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati minn Pavlos Longinidis liċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) huwa stabbilit għal EUR 6 300.

Il-Lussemburgu, il-11 ta’ Diċembru 2014.

Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

      M. Jaeger


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.


1 Informazzjoni kunfidenzjali tħalliet barra.