Language of document : ECLI:EU:C:2021:126

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit‑23 ta’ Frar 2021 (1)

Kawża C603/20 PPU

SS

vs

MCP

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja, ir-Renju Unit))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Artikolu 10 – Ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif ta’ wild – Wild imneħħi illegalment lejn Stat terz li fih kiseb ir-residenza abitwali tiegħu – L-aħjar interess tal-wild – Żamma, mhux limitata rationae temporis, tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija illegali tiegħu”






I.      Introduzzjoni

1.        Wild ta’ nazzjonalità Brittanika, li kellu r-residenza abitwali tiegħu fir-Renju Unit, ittieħed illegalment minn ommu lejn Stat terz, f’dan il-każ l-Indja, fejn kiseb ir-residenza abitwali tiegħu. Missier dan il-wild ippreżenta rikors quddiem qorti Brittanika, intiż li jikseb ir-ritorn tiegħu lejn ir-Renju Unit, kif ukoll dritt ta’ aċċess.

2.        Din il-qorti Brittanika għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni fuq tali rikors abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (2)? Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja, ir-Renju Unit).

3.        B’hekk, fil-kawża preżenti, għandhom jiġu eżaminati l-portata territorjali u l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament.

4.        Fit-tmiem tal-analiżi tiegħi, ser nikkonkludi li, meta wild jittieħed u jitneħħa lejn Stat terz, il-qrati tal-Istat Membru li fih dan il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew in-nuqqas ta’ ritorn illegali tiegħu, iżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom, mingħajr limitu ratione temporis, anki fil-każ fejn dan il-wild jikseb ir-residenza abitwali tiegħu f’dan l-Istat terz.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

5.        Il-Konvenzjoni fuq il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, Rikonoxximent, Infurzar u Kooperazzjoni dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, konkluża f’Den Haag fid‑19 ta’ Ottubru 1996 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996”), tipprevedi r-regoli intiżi li jsaħħu l-protezzjoni tal-ulied f’sitwazzjonijiet ta’ natura internazzjonali u sabiex jiġu evitati kunflitti bejn is-sistemi ġuridiċi tal-Istati firmatarji fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, tal-liġi applikabbli, tar-rikonoxximent u tal-infurzar tal-miżuri ta’ protezzjoni tat-tfal.

6.        Skont l-Artikolu 7 ta’ din il-konvenzjoni:

“1.      F’każ ta’ tneħħija nġusta jew ritenzjoni [nuqqas ta’ ritorn] tat-tifel, l-awtoritajiet ta’ l-Istat Kontraenti li fih it-tifel kien abitwalment jkun residenti immedjatament qabel it-tneħħija jew ritenzjoni, jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom sakemm it-tifel ikun akkwista residenza abitwali fi Stat ieħor, u:

a)      kull persuna, istituzzjoni jew korp ieħor li għandu drittijiet ta’ kustodja kkunsenta fit-tneħħija jew ritenzjoni [jkun ta l-kunsens għat-tneħħija jew in-nuqqas ta’ ritorn]; jew

b)      it-tifel għex f’dak l-Istat ieħor għal perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew korp ieħor li għandu drittijiet ta’ kustodja għandu jew missu kellu għarfien ta’ fejn hu t-tifel, l-ebda talba għar-ritorn li ġiet magħmula f’dak il-perjodu għadha pendenti, u t-tifel qed jgħix ħajja stabbli fl-ambjent ġdid tiegħu jew tagħha.

2.      It-tneħħija jew ir-ritenzjoni ta’ tifel għandha tiġi kkunsidrata inġusta fejn:

a)      tikser id-drittijiet ta’ kustodja attribwiti lil persuna, istituzzjoni jew korp ieħor, jew konġuntivament jew waħedha, taħt il-liġi ta’ l-Istat fejn it-tifel kellu r-residenza abitwali immedjament qabel it-tneħħija jew ritenzjoni; u

b)      fi żmien tat-tneħħija jew ritenzjoni dawk id-drittijiet kienu fil-fatt eżerċitati, jew konġuntivament jew waħedhom, jew kienu jkunu eżerċitati jekk mhux għat-tneħħija jew ritenzjoni.

Id-drittijiet ta’ kustodja msemmija hawn fuq fis-subaragrafu (a), jistgħu jqumu partikolarment b’operazzjoni tal-liġi jew minħabba deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew minħabba ftehim li għandu effetti legali taħt il-liġi ta’ dak l-Istat.

3.      Sakemm l-awtoritajiet imsemmijin għall-ewwel darba fil-paragrafu 1 iżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom, l-awtoritajiet ta’ l-Istati Kontraenti għal liema t-tifel kien spostat jew f’liema hu jew hi kien ritenut jistgħu jieħdu biss dawk il-mizuri urġenti taħt l-Artikolu 11 kif huma neċessarji għall-protezzjoni tal-persuna jew il-proprjetà tat-tifel.”

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea

7.        Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135 tagħha, tat‑30 ta’ Jannar 2020, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”), il-Kunsill approva, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, dan il-ftehim, li ġie anness ma’ din id-deċiżjoni (4).

8.        L-Artikolu 86 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, intitolat “Kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkompli jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tieħu deċiżjonijiet preliminari dwar talbiet mill-qrati u t-tribunali tar-Renju Unit li jsiru qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

3.      Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-proċedimenti għandhom jitqiesu li ġew istitwiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari għandhom jitqiesu li jkunu saru, fil-mument li d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jkun ġie rreġistrat mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali, skont il-każ.”

9.        Konformement mal-Artikoli 126 sa 132 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni, li ser jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim u ser jiskadi fil‑31 ta’ Diċembru 2020, sakemm ma jkunx hemm proroga, id-dritt tal-Unjoni ser jibqa japplika fir-Renju Unit u fit-territorju tiegħu taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi ftehim.

2.      Ir-Regolament Nru 2201/2003

10.      Skont il-premessi 1, 2, 12, 21 u 33 tar-Regolament Nru 2201/2003:

“(1)      Il-Komunitajiet Ewropej iffissaw l-oġġettiv li joħolqu żona ta’ libertà, siġurtà u ġustizzja, li fiha l-moviment liberu talpersuni huwa assigurat. Għal din il-għan, il-Komunità għandha taddotta, fost affarijiet oħra, miżuri fl-oqsma ta’ koperazzjoni ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili li huma neċessarji gżat-tħaddim kif suppost tas-suq intern.

(2)      Il-Kunsill Ewropew ta’ Tampere ndorsja l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċizjonijiet ġudizzjarji bħala bażi għall-ħolqien ta’ żona ġuridika ġenwina, u identifikat id-dritt taż-żjara bħala prijorità.

[…]

(12)      Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri [ulied], u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.

[…]

(21)      Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju.

[…]

(33)      Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji ta’ l-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ l-Karta tat-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

11.      L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, li jidher fil-Kapitolu I ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ Applikazzjoni u Definizzjonijiet”, jistabbilixxi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

[…]

b)      l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

2.      Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi [b’mod partikolari, jirrigwardaw]:

a)      drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;

[…]”

12.      L-Artikolu 2 tal-istess regolament, intitolat “Id-definizzjonijiet”, li jidher ukoll fl-imsemmi Kapitolu I, jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

3)      il-kliem ‘L-Istati Membri’ għandhom ifissru l-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tad-Danimarka;

[…]

7)      il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri [ulied] li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

[…]

11)      il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma [nuqqas ta’ ritorn]’ għandhom ifissru t-tneħħija ta’ l-minuri jew iż-żamma fejn;

a)      hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma;

u

b)      iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza ta’ l-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità ta’ l-ġenitur.”

13.      Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni”, fih, fit-Taqsima 2 tiegħu, li tinkludi l-Artikoli 8 sa 15, ir-regoli tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

14.      L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprovdi:

“1.      Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri [ulied] li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

2.      Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

15.      L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri [ulied]”, jipprovdi kif ġej:

“F’każ ta’ tneħħija jew żamma [nuqqas ta’ ritorn] nġusta ta’ minuri, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u:

a)      kull persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja taw il-kunsens tagħhom għat-tneħħija jew żamma;

jew

b)      il-minuri kellhom residenza f’dak l-Istat Membru l-ieħor għall-perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja kellhom jew setgħaw kellhom informazzjoni fejn qegħdin il-minuri u l-minuri ġew issistemati fl-ambjent ġdid tagħhom u mill-inqas waħda mill kondizzjonijiet segwenti ġiet milqugħa:

i)      Fi żmien sena wara li l-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja kellu/ha jew seta’ kellu/ha nformazzjoni dwar fejn kienu l-minuri, ma saret l-ebda talba għar-ritorn ppreżentat quddiem l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn il-minuri ġew imneħħija jew miżmuma;

ii)      talba għar-ritorn reġistrata mill-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja ġiet irtirata u l-ebda talba ġdida ma ġiet ippreżentata fiż-żmien limitu skond il-paragrafu (i);

iii)      każ quddiem qorti fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġiet magħluq skond l-Artikolu 11(7);

iv)      sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax li t-talba tar-ritorn ta’ l-minuri tkun inħarġet mill-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija nġusta jew iż-żamma.”

16.      Skont il-kliem tal-Artikolu 12 tal-istess regolament intitolat “Il-Proroga ta’ l-ġurisdizzjoni”:

“1.      Il-qrati ta’ xi Stat Membru li jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar kwalsijasi kwistjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ dik l-applikazzjoni fejn:

a)      mill-inqas wieħed mill-konjuġi għandu jew għandha r-responsabbilità bħala ġenituri fir-rigward tal-minuri [wild]

u

b)      il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata espressament jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan, u tkun fl-aqwa nteressi ta’ l-minuri.

[…]

3.      Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ukoll il-ġurisdizzjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri fi proċedimenti minn barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fejn:

a)      il-minuri għandhom konnessjoni sostanzjali ma’ dak l-Istat Membru, u partikolarment bis-saħħa ta’ l-fatt li bejn wieħed minn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità huwa/hija abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru jew li l-minuri huma ċittadini ta’ dak l-Istat Membru;

u

b)      il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess u dan fl-ahjar interess għall-minuri.

4.      Fejn il-minuri għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju ta’ xi Stat terz li mhuwiex parti kontrattanti mal-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996], il-ġurizdizzjoni taħt dan l-Artikolu għandha tiġi meqjusa li tkun għall-aħjar interessi ta’ l-minuri, u partikolarment jekk jinstab li huwa impossibbli li jinżammul-proċedimenti f’dak l-Istat terz in kwistjoni.”

17.      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni residwa”, jistabbilixxi:

“Fejn ebda qorti ta’ xi Stat Membru għandha l-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 8 sa 13, il-ġurisdizzjoni għandha tkun determinata, f’kull Stat Membru, mil-liġijiet ta’ dak l-Istat.”

C.      Id-dritt tar-Renju Unit

18.      L-Artikoli 1 sa 3 tal-Family Law Act 1986 (l-Att dwar il-Liġi tal-Familja tal‑1986) jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales sabiex jagħtu deċiżjonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

III. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19.      P (iktar ’il quddiem il-“wild”) hija ċittadina Brittanika, li kellha tliet snin u erba’ xhur fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju. Il-ġenituri tal-wild, li ma kinux miżżewġin iżda li kienu jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri flimkien fil-konfront tagħha, għandhom ċittadinanza Indjana u għandhom permess ta’ residenza fir-Renju Unit.

20.      MCP, omm il-wild (iktar ’il quddiem l-“omm”), sostniet li hija u l-wild kienu vittmi ta’ trattament ħażin minn naħa ta’ SS, missier il-wild (iktar ’il quddiem il-“missier”), u li kienet ħarbet lejn l-Indja flimkien mal-wild fix-xahar ta’ Novembru 2017 għal perijodu ta’ erba’ xhur minħabba l-fatt li ma kellha l-ebda għajnuna fir-Renju Unit. Wara iktar vjolenza domestika, l-omm reġgħet ħarbet lejn l-Indja, mal-wild, fix-xahar ta’ Ottubru 2018.

21.      Hija kienet ġabet lill-wild temporanjament fir-Renju Unit fix-xahar ta’ April 2019, għal perijodu ta’ inqas minn ġimagħtejn, minħabba l-fatt li, abbażi tar-regoli Indjani dwar l-immigrazzjoni, il-wild ma kinitx awtorizzata tibqa’ fl-Indja għal iktar minn 180 ġurnata. Mix-xahar ta’ April 2019, il-wild baqgħet b’mod kontinwu fl-Indja. L-omm ġiet lura sabiex tgħix fir-Renju Unit, u ħalliet lill-wild għand in-nanna materna tagħha.

22.      Il-missier iżżewweġ mara oħra u kellu wild ieħor. Huwa ma rax lill-wild mis-sena 2018, u xtaq li hija tgħix miegħu, jew, sussidjarjament, li jkollu kuntatti magħha.

23.      Fis‑26 ta’ Novembru 2019, l-omm ippreżentat talba quddiem il-Family Court ta’ Chelmsford (il-Qorti tal-Familja ta’ Chelmsford, ir-Renju Unit) sabiex tikseb deċiżjoni fuq kwistjoni speċifika (“specific issue order”) intiża li tikseb “awtorizzazzjoni għall-bidla tat-territorju li jikkonċerna lill-wild” (“permission to change jurisdiction of the child”). Id-Digriet mogħti fuq din it-talba jimplika li din il-qorti qieset ruħha li kellha ġurisdizzjoni, fid-dawl tar-residenza abitwali tal-wild.

24.      Fis‑26 ta’ Awwissu 2020, il-missier ippreżenta rikors quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja), il-qorti tar-rinviju, intiż, b’mod partikolari, li jikseb ir-ritorn tal-wild fir-Renju Unit u d-dritt ta’ aċċess.

25.      Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju qiegħda tintalab teżamina t-talbiet tal-omm u tal-missier imsemmija fil-punti 23 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

26.      Din il-qorti tenfasizza li, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni kompletament l-argumenti tal-omm, huwa probabbli ħafna li l-aġir tagħha jkun ekwivalenti għal tneħħija jew nuqqas ta’ ritorn illegali tal-wild fl-Indja.

27.      Peress li tqajmet il-kwistjoni dwar il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex taqta’ l-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji dwar dan is-suġġett, filwaqt li tinnota li r-Regolament Nru 2201/2003, li għandu effett dirett u huwa ġerarkikament superjuri għad-dritt Ingliż, huwa l-att applikabbli l-ewwel fil-konfront tal-Artikoli 1 sa 3 tal-Liġi dwar il-Familja tal‑1986. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqis li, għalkemm il-wild tqiegħdet taħt tutela ġudizzjarja waqt seduta li nżammet fis‑7 ta’ Settembru 2020, dan il-fatt ma għandux rilevanza għall-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali.

28.      L-imsemmija qorti tindika li, meta l-missier ippreżenta r-rikors tiegħu quddiemha, fis‑26 ta’ Awwissu 2020, il-wild kien ilha l-Indja għal perijodu ta’ 22 xahar, fejn kienet tgħix man-nanna materna tagħha u li, matul dan il-perijodu, għaddiet ġimagħtejn fir-Renju Unit, fix-xahar ta’ April 2019. Konsegwentement, fis‑26 ta’ Awwissu 2020, il-wild kienet ġiet integrata kompletament f’ambjent soċjali u familjari Indjan. Minn dan il-qorti tar-rinviju ddeduċiet li, f’din id-data, il-wild kellha r-residenza abitwali fl-Indja, u li, minħabba dan, ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni fuq il-kawża prinċipali abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003.

29.      Barra minn hekk, skont din il-qorti, fl-ebda mument sad-data tas‑26 ta’ Awwissu 2020, l-omm ma kienet aċċettat b’mod ċar li qorti Ingliża kellha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-wild. Konsegwentement, l-imsemmija qorti tqis li hija ma jkollhiex iktar il-ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003.

30.      Fir-rigward tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, minn interpretazzjoni letterali jirriżulta li dan l-artikolu jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn qrati ta’ żewġ Stati Membri. Din l-interpretazzjoni tidher fil-punt 4.2.1.1. tal-Gwida Prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIa tal-Kummissjoni Ewropea (5) (iktar ’il quddiem il-“Gwida Prattika”). Madankollu, ingħatat interpretazzjoni mill-Court of Appeal (England & Wales), Civil Division (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit), permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2014 li tirrikonoxxi portata dinjija tal-imsemmi Artikolu 10 (6).

31.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 33 tas-sentenza UD (7), filwaqt li segwiet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe (8), li l-kliem tal-Artikoli 9, 10 u 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jimplikaw neċessarjament li l-applikazzjoni tagħhom tiddependi minn kunflitt potenzjali ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati ta’ diversi Stati Membri. Madankollu din il-kunsiderazzjoni ma hijiex strettament neċessarja għall-iskopijijiet tas-soluzzjoni tal-kawża preżenti, fis-sens li tista’ tiġi kklassifikata bħala obiter dictum.

32.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex taqta’ l-kawża prinċipali tiddependi fuq il-portata territorjali tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, li tiegħu l-interpretazzjoni ma tidhirx ċara.

33.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tinżamm taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament [Nru 2201/2003], mingħajr limitu ratione temporis, fil-każ fejn minuri [wild] abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru titneħħa b’mod inġust lejn (jew tinżamm fi) Stat terz li fih din il-minuri, wara din it-tneħħija (jew żamma), matul iż-żmien saret abitwalment residenti?”

IV.    Fuq il-proċedura b’urġenza

34.      Permezz ta’ att ippreżentat fis‑16 ta’ Novembru 2020, il-qorti tar-rinviju talbet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ din it-talba, din il-qorti sostniet li ż-żmien għaddej jista’ jagħmel ħsara serja, jekk mhux irreparabbli, għar-relazzjoni bejn il-wild u wieħed mill-ġenituri tiegħu, f’dan il-każ il-missier, u/jew għall-iżvilupp tal-wild u l-integrazzjoni tiegħu fil-familja u fl-ambjent soċjali tiegħu.

35.      Il-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit‑2 ta’ Diċembru 2020, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju.

36.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-missier, mill-omm, u kif ukoll mill-Kummissjoni. Huma ppreżentaw ukoll xi osservazzjonijiet waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fl‑4 ta’ Frar 2021.

V.      Analiżi

37.      Preliminarjament, nirrileva li mill-Artikolu 86 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għad għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari fuq id-domandi tal-qrati tar-Renju Unit ippreżentati qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Novembru 2020. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għad għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni fuq din it-talba.

38.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fih wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija tiegħu jew in-nuqqas ta’ ritorn illegali jżommux il-ġurisdizzjoni tagħhom, mingħajr limitu ratione temporis, meta l-ħtif ta’ dan il-wild seħħ lejn Stat terz, u inkluż meta l-imsemmi wild jikseb ir-residenza abitwali tiegħu f’dan l-Istat terz.

A.      Fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003

1.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

a)      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tar-Regolament Nru 2201/2003

39.      Ir-Regolament Nru 2201/2003 ma jiddeterminax espressament il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu. Id-domanda magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija intiża li jsir magħruf jekk dan ir-regolament japplikax, b’mod ġenerali, għar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-Istati Membri biss jew jekk jistax jikkonċerna wkoll Stati terzi.

40.      B’dan il-mod, fil-kawża li tat lok għas-sentenza UD, li rrigwardat kunflitt ta’ ġurisprudenza potenzjali, f’dan il-każ ir-Renju Unit u Stat terz, ir-Repubblika Popolari tal-Bangladexx, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula lilha, li rrigwardaw b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

41.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, qabel kollox, irrilevat li l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jispeċifika liema huma l-materji ċivili li għalihom japplika dan ir-regolament u liema huma dawk li għalihom ma japplikax, mingħajr ma jagħmel riferiment għal xi limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-imsemmi regolament (9). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-qrati ta’ Stat Membru għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri dwar wild li jkun abitwalment jirrisjedi f’dan l-Istat Membru fil-mument li l-qorti tkun ġiet adita u li ma hemm xejn fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li jindika li l-applikazzjoni tar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri tkun suġġetta għall-kundizzjoni ta’ eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika li tinvolvi bosta Stati Membri (10).

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad iddeċidiet li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa distint mir-regoli fil-qasam tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni previsti minn dan ir-regolament, li huwa llimitat għar-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru (11). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li r-regoli uniformi ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fl-imsemmi regolament ma humiex intiżi li jkunu applikabbli biss għal sitwazzjonijiet li jirrigwardaw rabta effettiva u suffiċjenti mal-funzjonament tas-suq intern, li jimplika, fih innifsu, bosta Stati Membri anki jekk l-unifikazzjoni fiha nnifisha mwettqa f’dan ir-regolament tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, ċertament għandha bħala għan l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern li jkunu jistgħu joriġinaw mid-diverġenzi bejn leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam (12).

43.      Fit-tmiem tal-analiżi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 tista’ tapplika għal tilwimiet li jinvolvu relazzjonijiet bejn il-qrati ta’ Stat Membru wieħed u dawk ta’ pajjiż terz, u mhux biss għar-relazzjonijiet bejn qrati ta’ bosta Stati Membri, u li għaldaqstant, hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula (13).

44.      Konsegwentement, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta b’mod ċar li l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 tista’ tikkonċerna relazzjonijiet ġuridiċi li jimplikaw Stati terzi, minkejja l-fatt li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jsemmux lil dawn l-Istati.

b)      Fuq ir-relazzjoni bejn l-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament Nru 2201/2003

45.      Hekk kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali f’dak li jikkonċerna r-responsabbiltà tal-ġenituri. Barra minn hekk, dejjem fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċifika, fil-każ ta’ ħtif internazzjonali ta’ wild.

46.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis, fid-deċiżjoni tagħha, li huwa probabbli ħafna li l-aġir tal-omm huwa ekwivalenti għat-tneħħija u/jew nuqqas ta’ ritorn illegali tal-wild fl-Indja. Fil-fehma tiegħi, f’dan il-każ ma jista’ jkun hemm ebda dubju li hemm lok li jiġi applikat unikament l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003.

47.      Fil-fatt, l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu “japplika bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12”. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament jikkostitwixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali u li, bħala lex specialis, jipprevali fuq l-Artikolu 8(1) tal-istess regolament fis-sitwazzjonijiet li huwa speċifikament intiż li jirregola, jiġifieri l-ħtif ta’ wild (14).

48.      Għaldaqstant, fir-rigward tat-tneħħija jew in-nuqqas ta’ ritorn illegali ta’ wild, huwa biss l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 li jista’ jiġi applikat sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri.

2.      Fuq il-portata tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 fil-każ ta’ ħtif ta’ wild lejn Stat terz

49.      Għandha tiġi eżaminata l-portata tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 fil-każ fejn wild, li kellu r-residenza abitwali fi Stat Membru, jitneħħa illegalment lejn Stat terz, fejn jikseb ir-residenza abitwali tiegħu, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

50.      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (15).

a)      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003

51.      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi li, fil-każ tat-tneħħija jew nuqqas ta’ ritorn illegali ta’ wild, il-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew in-nuqqas ta’ ritorn illegali tiegħu, iżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom, sal-mument li fih il-wild jikseb residenza abitwali fi Stat Membru u li ċerti kundizzjonijiet li dan l-artikolu jistabbilixxi jiġu ssodisfatti.

52.      L-imsemmi artikolu jista’ jinqara, mal-ewwel daqqa t’għajn, fis-sens li japplika biss meta l-ħtif tal-wild iseħħ lejn Stat Membru ieħor (16). Madankollu, fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni ma hijiex dik it-tajba. Fil-fatt, l-istess artikolu huwa kompost minn żewġ partijiet distinti sew, fejn l-element deċiżiv huwa l-kliem “għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni”. Għaldaqstant, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jinftiehem kif ġej.

53.      Meta wild kellu residenza abitwali fi Stat Membru, bħalma huwa l-każ tal-wild, il-qrati tal-Istati Membri jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom sakemm dan il-wild jikseb ir-residenza abitwali tiegħu fi “Stat Membru ieħor”. Peress li huwa previst Stat Membru ieħor biss, jista’ jiġi dedott fil-fehma tiegħi, li, meta wild jkun is-suġġett ta’ tneħħija jew nuqqas ta’ ritorn illegali lejn Stat terz, il-qrati tal-Istat Membru li fih dan il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu għandu jżomm il-ġurisdizzjoni.

54.      Fil-fehma tiegħi, għalkemm l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 isemmi biss l-Istati Membri, huwa jirregola wkoll ir-relazzjonijiet ġuridiċi li jimplikaw Stat terz fis-sens li tali relazzjonijiet ma jistgħux iwasslu għal trasferiment ta’ ġurisdizzjoni lejn il-qrati ta’ dan l-Istat terz. Ftit jiswa li l-imsemmi wild jikseb residenza abitwali fl-imsemmi Stat terz, sa fejn fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, huwa ma jkunx kiseb ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru ieħor.

55.      Konsegwentement, b’differenza mis-sitwazzjoni li teżisti bejn żewġ Stati Membri, il-qrati tal-Istat Membru fejn il-wild ikun irresjeda abitwalment qabel il-ħtif tiegħu lejn Stat terz iżommu l-ġurisdizzjoni mingħajr limitu ratione temporis (perpetuatio fori).

56.      Fi kliem ieħor, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, ma jeżistix “vojt ġuridiku” fis-sitwazzjoni li fiha wild kien is-suġġett ta’ tneħħija jew nuqqas ta’ ritorn illegali fir-rigward ta’ Stat terz. Peress li l-ħtif ma jkunx seħħ lejn Stat Membru, huma dejjem il-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jagħtu deċiżjoni fuq ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild.

b)      Il-kuntest tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003

57.      L-interpretazzjoni li tgħid li l-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu jżommu, mingħajr limitu ratione temporis, il-ġurisdizzjoni tagħhom fil-każ ta’ ħtif lejn Stat terz tidhirli li hija kkonfermata mill-kuntest tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003.

58.      Fil-fatt, hekk kif ġie stabbilit fil-punti 40 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espliċitament li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni ġenerali fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, jista’ japplika għar-relazzjonijiet ġuridiċi li jimplikaw Stati terzi.

59.      Ma narax raġuni valida li biha tingħata interpretazzjoni differenti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, fosthom l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, ma jidhirlix li jkun loġiku li l-qorti ta’ Stat Membru jkollha tapplika l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 meta r-relazzjonijiet ġuridiċi jimplikaw Stat terz, u mhux l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament fil-każ ta’ ħtif lejn Stat terz.

60.      Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 jikkostitwixxi lex specialis fil-konfront tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, jidhirli li jekk din id-dispożizzjoni tal-aħħar tista’ tapplika għall-kawżi li jimplikaw ir-relazzjonijiet bejn il-qrati ta’ Stat Membru u dawk ta’ Stat terz, l-istess konklużjoni għandha tinsilet fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 10.

61.      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament Nru 2201/2003 huwa bbażat, hekk kif jirriżulta mill-premessi 2 u 21 tiegħu, fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, il-bażi tal-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja ġenwina, kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka. Dan l-aħħar prinċipju jimponi fuq kull Stat Membru li jqis, ħlief f’xi ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri kollha l-oħra jkunu qegħdin josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (17).

62.      Jidhirli li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-fatt li l-Istati Membru kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, jiġġustifika r-rikonoxximent, taħt ċerti kundizzjonijiet, tal-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru li lejh ikun inħataf il-wild u li fih jikseb residenza abitwali.

63.      Bil-kontra, jekk wild jinħataf lejn Stat terz, il-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka previsti mill-Unjoni ma jistgħux japplikaw. Konsegwentement, fid-dawl tal-kuntest tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, ma teżistix ġustifikazzjoni sabiex tiġi ammessa l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat terz, inkluż fil-każ fejn il-wild li jinħataf jikseb ir-residenza abitwali tiegħu f’dan l-Istat tal-aħħar.

c)      L-għanijiet tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003

64.      Skont il-premessa 12 tiegħu, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jistabbilixxi r-Regolament Nru 2201/2003 huma mfassla fid-dawl tal-aħjar interessi tal-wild u, b’mod partikolari, tal-kriterju ta’ qrubija. Minn dan isegwi li dan ir-regolament jitlaq mill-kunċett li l-aħjar interessi tal-wild għandhom jipprevalu(18).

65.      Bis-saħħa tal-premessa 33 tiegħu, l-imsemmi regolament ifittex li jiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-wild, hekk kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Ewropea (19). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 24(2) tiegħu jistabbilixxi li fl-atti kollha li jirrigwardaw il-wild, kemm jekk jitwettqu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interessi tal-wild għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja.

66.      B’hekk, b’mod ġenerali, ir-Regolament Nru 2201/2003 għandu l-għan, fl-aqwa interessi tal-wild, li jippermetti lill-qorti li tkun l-eqreb tiegħu, u li għalhekk, tkun dik li taf l-aħjar is-sitwazzjoni tiegħu u l-istat ta’ żvilupp tiegħu, li tieħu d‑deċiżjonijiet meħtieġa (20). L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jittraduċi dan l-għan billi jistabbilixxi ġurisdizzjoni ġenerali favur qrati tal-Istat Membru li fih il-wild ikollu r-residenza abitwali tiegħu (21).

67.      Fir-rigward tal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni fittex li jipproteġi l-aħjar interessi tal-wild fil-każ partikolari ta’ tneħħija jew ta’ nuqqas ta’ ritorn illegali. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-istess regolament huwa intiż li jiskoraġġixxi l-ħtif ta’ wild bejn Stati Membri u, fil-każ ta’ ħtif, li jinkiseb ir-ritorn tal-wild mingħajr dewmien. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-ħtif illegali ta’ wild ma kellux, bħala prinċipju, iwassal għal trasferiment tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kien abitwalment residenti immedjatament qabel it-tneħħija tiegħu lil dak tal-Istat Membru li fih il-wild ttieħed, u dan anki fil-każ li, wara l-ħtif, il-wild ikun kiseb residenza abitwali f’dan l-Istat. Għaldaqstant hija qieset li l-kundizzjoni li saret fl-Artikolu 10(a) u (b) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (22).

68.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, anki meta l-wild maħtuf jikseb ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru ieħor, il-qrati tal-Istat Membru fejn kien jirrisjedi qabel il-ħtif tiegħu jżommu, bħala prinċipju, il-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Fi kliem ieħor, azzjoni illegali, jiġifieri l-ħtif ta’ wild minn wieħed mill-ġenituri tiegħu, ma twassalx għal bdil tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni fuq ir-responsabbiltà tal-ġenituri, fid-dawl tal-protezzjoni tal-aħjar interessi ta’ dan il-wild.

69.      Dan il-għan jirriżulta b’mod ċar ukoll mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 2201/2003, li jgħid li l-“fatt li l-ġurisdizzjoni ssegwi awtomatikament kull bidla fir-residenza abitwali ta’ wild jippreżenta r-riskju li tiġi stabbilita ġurisdizzjoni artifiċjali mir-rikors għal att illegali fid-dawl li tinkiseb il-kustodja ta’ wild.”(23) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

70.      Jidhirli diffiċli li jiġi kkonċepit li l-għan li jiġi skoraġġut il-ħtif tal-wild jisparixxi sempliċement minħabba li t-tneħħija ta’ wild ssir lejn Stat terz. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, ikun suffiċjenti li l-ġenitur li jaħtaf lil wild jiċċaqlaq lejn Stat terz, li jista’ barra minn hekk ikun f’viċinanza immedjata ta’ Stat Membru sabiex l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 jieqaf japplika. Il-wild jiġi b’hekk imċaħħad mid-drittijiet mogħtija minn dan ir-regolament, li huma intiżi li jipproteġu l-aħjar interess tiegħu.

71.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-fehma tiegħi, il-kliem tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-kuntest ta’ dan l-artikolu kif ukoll l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha huwa parti, iwasslu li jitqies li meta wild li kellu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru jinħataf lejn Stat terz, il-qrati ta’ dan l-Istat Membru jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jagħtu deċiżjoni fuq ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild, mingħajr limitu ratione temporis.

3.      Fuq l-impatt taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tal-wild maħtuf lejn Stat terz

72.      Fil-kawża preżenti, l-interpretazzjoni proposta hija msaħħa iktar mill-fatt li l-wild huwa ta’ nazzjonalità Brittanika, u abbażi ta’ dan ċittadina tal-Unjoni fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali.

73.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (24).

74.      Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni dritt fundamentali u individwali li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti mit-Trattat u għall-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom (25).

75.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali, inklużi deċiżjonijiet li jirrifjutaw id-dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jkollhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom(26).

76.      Fil-fehma tiegħi, hemm lok li tittieħed ispirazzjoni minn tali ġurisprudenza f’kawża bħal dik prinċipali. Fil-fatt, meta wild li għandu ċittadinanza tal-Unjoni jinħataf lejn Stat terz, li jitqies li l-qrati ta’ dan tal-aħħar ikollhom ġurisdizzjoni sabiex jagħtu deċiżjoni fuq ir-responsabbiltà tal-ġenituri fil-konfront ta’ dan il-wild iwassal li tintemm kull rabta mad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li dan l-istess wild ikun vittma ta’ tneħħija u/jew nuqqas ta’ ritorn illegali. Issa, fil-fehma tiegħi, dan l-att illegali ma jistax iċaħħad lil tali wild mit-tgawdija effettiva tad-dritt li jkollu l-eżami tar-responsabbiltà tal-ġenituri fil-konfront tiegħu eżaminata minn qorti ta’ Stat Membru.

77.      Għaldaqstant, l-Artikolu 20 TFUE jidhirli li jikkonferma l-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru li fih wild li jkollu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni kellu r-residenza abitwali tiegħu, immedjatament qabel il-ħtif tiegħu lejn Stat terz.

78.      Fid-dawl tal-evalwazzjoni kompleta tal-portata territorjali u tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, għad iridu jiġu eżaminati l-argumenti mressqa favur applikazzjoni limitata fuq l-Istati Membri ta’ dan l-artikolu.

4.      Fuq l-argumenti favur applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 limitata għall-Istati Membri

79.      L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-punt 33 tas-sentenza UD, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, bil-kontra tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni, bħalma huma l-Artikoli 9, 10 u 15 tiegħu, li l-kliem tagħhom jimplikaw neċessarjament li l-applikazzjoni tagħhom tiddependi minn kunflitt potenzjali ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati ta’ diversi Stati Membri, mill-kliem tal-Artikolu 8(1) ma jirriżultax li din id-dispożizzjoni hija limitata għal kawżi li jirrigwardaw tali kunflitti.

80.      Madankollu, dan il-fatt ma jidhirlix li huwa deċiżiv f’dak li jikkonċerna l-qrati ta’ Stat Membru fil-każ ta’ tneħħija ta’ wild lejn Stat terz. Fil-fatt, dan huwa obiter dictum, li huwa bbażat fuq raġunament a contrario. Issa, tali raġunament huwa, fih innifsu, ta’ valur ġuridiku relattiv u limitat, peress li huwa argument sempliċi li jintuża fil-kuntest tal-eżami tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Barra minn hekk, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma wettqitx interpretazzjoni tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, peress li l-kawża ma kinitx tirrigwarda l-ħtif ta’ wild.

81.      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Gwida Prattika, li tistabbilixxi li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa limitat għall-Istat Membri. F’dan ir-rigward, din il-qorti ssemmi l-punt 4.2.1.1 ta’ din il-gwida, li jipprovdi “[b]l-iskop ta’ deterrent għas-sekwestru tat-tfal mill-ġenituri bejn l-Istati Membri, l-Artikolu 10 jiżgura li l-qrati tal-Istat Membru fejn kienet abitwalment residenti l-persuna minorenni qabel it-tneħħija jew iż-żamma abbużiva tagħha (l-‘Istat Membru tal-oriġini’) jibqgħu kompetenti sabiex jiddeċiedu dwar is-sustanza tal-kawża anki minn hemm ‘il quddiem. Il-ġurisdizzjoni tista’ tiġi attribwita lill-qrati tal-Istat embru ġdid (l-‘Istat Membru rikjest’) biss taħt kundizzjonijiet stretti ħafna”.

82.      Issa, minn naħa, nirrileva li fil-Gwida Prattika, il-Kummissjoni ma eżaminatx is-sitwazzjoni tal-ħtif ta’ wild lejn Stat terz. Min-naħa l-oħra, f’kull każ, anki kieku dan id-dokumenti kien jikkostitwixxi strument utli għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, ma għandu l-ebda saħħa vinkolanti u għaldaqstant, ma għandux saħħa vinkolanti u ma jistax, għaldaqstant, jorbot lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament (27).

83.      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju ssostni wkoll li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat bħala li għandu kamp ta’ applikazzjoni territorjali limitat għall-Istati Membri minħabba l-fatt li, fil-każ kuntrarju, il-ġurisdizzjoni miżmuma mill-Istat Membru ta’ oriġini tibqa’ teżisti indefinittivament. Skont din il-qorti, dan l-Istat Membru jkun għaldaqstant f’pożizzjoni iktar b’saħħitha f’dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni tiegħu fil-konfront ta’ Stat terz, milli fil-konfront ta’ Stat Membru (28), li ma tantx tagħmel sens.

84.      Ma naqbilx ma’ din l-analiżi. Hekk kif diġà rrilevajt fil-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-Regolament Nru 2201/2003 huwa bbażat fuq il-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka bejn il-qrati tal-Istati Membri, li jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-trasferiment tal-ġurisdizzjoni bejn dawn il-qrati. Peress li l-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka ma humiex previsti fir-rigward tal-qrati ta’ Stat terz, jidhirli jkun kompletament iġġustifikat u konformi ma’ dan ir-regolament li l-qrati ta’ Stat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel il-ħtif tiegħu lejn Stat terz iżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom mingħajr limitu ratione temporis, fid-dawl li jiġi żgurat l-aħjar interess ta’ dan il-wild.

85.      Ir-raba’ nett, jista’ jiġi sostnut li fil-każ ta’ ħtif ta’ wild lejn Stat terz, ir-Regolament Nru 2201/2003 ma japplikax u li għaldaqstant għandu jsir riferiment għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996, li fih l-Artikolu 7 huwa mfassal bi kliem simili ħafna għall-dawk tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni tissopponi li l-Istat terz ikkonċernat ikun firmatarju tagħha. F’dan il-każ, l-Indja ma hijiex parti għal din il-konvenzjoni. Konsegwentement, fil-kawża preżenti ma hemmx lok li jiġi eżaminat preċiżament kif inhuma rrikonċiljati r-Regolament Nru 2201/2003 u l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996 (29). Nosserva sempliċement li din il-kawża turi li, meta wild kellu r-residenza abitwali fi Stat Membru immedjatament qabel il-ħtif tiegħu, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma tistax dejjem tiġi ssupplimentata bl-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996.

86.      Il-ħames nett, fl-assenza ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996, għandu jsir riferiment kemm għall-konvenzjoni bilaterali bejn l-Istat Membru u l-Istati terzi kkonċernati, u kemm għar-regoli nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati, fuq il-bażi tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2201/2003. Madankollu, ma jistax jiġi preżunt li dawn ir-regoli nazzjonali jiżguraw neċessarjament l-istess protezzjoni jew livell ta’ protezzjoni ogħla tal-aħjar interessi tal-wild mir-Regolament Nru 2201/2003 fil-każ ta’ ħtif lejn Stat terz. Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikoli 1 sa 3 tal-Att dwar il-Liġi tal-Familja tal‑1986 ma jipprevedix kriterji ta’ ġurisdizzjoni addizzjonali fil-konfront ta’ dawk previsti minn dan ir-regolament.

87.      Is-sitt nett, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-omm u l-Kummissjoni sostnew li, fil-każ fejn il-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu jżommu l-ġurisdizzjoni, mingħajr limitu ratione temporis, fil-każ ta’ ħtif lejn Stat terz, jista’ jeżisti kunflitt mal-qrati ta’ dan l-Istat terz, li jkunu ġew aditi minn wieħed mill-ġenituri u li ma jirrikonoxxux il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni.

88.      Madankollu, minn naħa, din il-problema teżisti wkoll fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Din is-sitwazzjoni ma ostakolatx madankollu, lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrikonoxxi, fis-sentenza UD, li din id-dispożizzjoni tista’ tapplika f’kawżi li jimplikaw relazzjonijiet bejn il-qrati ta’ Stat Membru u dawk ta’ Stat terz. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ kunflitt potenzjali bejn il-qrati ta’ Stat Membru u dawk ta’ Stat terz hija inerenti għar-regoli ġuridiċi tal-Unjoni li jiddisponu minn portata dinjija. Tali kunflitt potenzjali ma jidhirlix li huwa element suffiċjenti sabiex wild jiġi miċħud mill-protezzjoni tal-interess aħjar tiegħu fil-każ ta’ ħtif lejn Stat terz.

89.      Għaldaqstant, ebda argument ma jidhirli huwa ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 li tipprovdi li l-qrati ta’ Stat Membru li fihom wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew nuqqas ta’ ritorn illegali tiegħu jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jagħtu deċiżjoni fuq ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild, mingħajr limitu ratione temporis, meta l-ħtif ta’ dan il-wild ikun seħħ lejn Stat terz, inkluż meta huwa jkun kiseb ir-residenza abitwali tiegħu f’dan l-Istat terz.

B.      Fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003

90.      Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din l-analiżi, u tqis li l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 hija limitata għar-relazzjonijiet ġuridiċi li jimplikaw l-Istati Membri biss, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament jippermettix madankollu li l-qrati tal-Istat Membru jingħataw ġurisdizzjoni sabiex jagħtu deċiżjoni f’kawża bħal dik prinċipali.

91.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12(3) tal-imsemmi Regolament jipprevedi li l-qrati ta’ Stat Membru għandhom ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri “fi proċedimenti minn barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1” ta’ dan l-artikolu meta, minn naħa, il-wild ikollu rabta stretta ma’ dan l-Istat Membru minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li wieħed mid-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri jkollu r-residenza abitwali tiegħu hemm jew il-wild ikun ċittadin tal-imsemmi Stat Membru u, min-naħa l-oħra, il-ġurisdizzjoni tagħhom tkun ġiet aċċettata espliċitament jew xorta oħra b’mod inekwivoku mill-partijiet kollha fil-proċedura fid-data li fiha l-qorti tkun ġiet adita u l-ġurisdizzjoni tkun fl-aħjar interessi tal-wild. L-Artikolu 12(1) jispeċifika li l-qrati tal-Istat Membru fejn tiġi eżerċitata l-ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 3 tal-istess regolament sabiex jagħtu deċiżjoni fuq talba għal divorzju, għal separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieġ għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li jkollha x’taqsam ma’ din it-talba, meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti minnu (30).

92.      L-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 għalhekk jeżiġi li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ ftehim espress jew tal-inqas inekwivoku dwar l-imsemmija estensjoni tal-ġurisdizzjoni bejn il-partijiet kollha fil-proċedura, mhux iktar tard mid-data li fiha jiġi ppreżentat l-att promotur jew att ekwivalenti quddiem il-qorti magħżula (31).

93.      Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju tindika li l-wild għandu r-residenza abitwali tiegħu fl-Indja. Madankollu, din il-qorti tiddikjara wkoll li, fid-data meta hija ġiet adita, jiġifieri fis‑26 ta’ Awwissu 2020, l-omm fl-ebda mument ma aċċettat espliċitament jew b’mod inekwivoku ieħor li l-qorti Brittanika għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kwistjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li jikkonċernaw lil wild. Konsegwentement, inqis li l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma huwiex applikabbli f’kawża bħal dik prinċipali.

94.      Barra minn hekk, l-Artikolu 12(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, fejn il-wild ikollu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ Stat terz li ma jkunx parti kontraenti mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996, il-ġurisdizzjoni taħt dan l-artikolu għandha titqies li tkun fl-aħjar interessi tal-wild, b’mod partikolari jekk ikun impossibbli li tinżamm l-proċedura f’dak l-Istat terz ikkonċernat. Madankollu, peress li l-partijiet kollha ma aċċettawx espliċitament jew b’xi mod inekwivoku ieħor il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, jidhirli li, f’kull każ, din id-dispożizzjoni ma hijiex barra minn hekk applikabbli f’kawża bħal dik prinċipali.

95.      Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Artikoli 10 u 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma humiex applikabbli fil-kawża preżenti, jiena tal-fehma li, fid-dawl tal-punti 41 u 42 tas-sentenza UD, hija mhux biss għandha tiċħad din it-talba għal deċiżjoni preliminari bħala inammissibbli, iżda tiddikjara li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni.

VI.    Konklużjoni

96.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja, ir-Renju Unit) kif ġej:

L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membri li fihom wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew nuqqas ta’ ritorn illegali tiegħu jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jagħtu deċiżjoni fuq ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-wild, mingħajr limitu ratione temporis, meta l-ħtif ta’ dan il-wild ikun seħħ lejn Stat terz, inkluż meta jkun kiseb ir-residenza abitwali tiegħu f’dan l-Istat terz.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63). Ir-Regolament Nru 2201/2003 jissejjaħ ukoll ir-“Regolament Brussell IIa”.


3      ĠU 2020, L 29, p. 1.


4      ĠU 2020, L 29, p. 7.


5      Din il-gwida hija disponibbli fis-sit internet https://publications.europa.eu/fr/publication-detail/-/publication/f7d39509-3f10-4ae2-b993-53ac6b9f93ed/language-fr


6      Disponibbli fl-indirizz elettroniku http://www.bailii.org/ew/cases/EWCA/Civ/2014/1101.html


7      Sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2018 (C‑393/18 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza UD”, EU:C:2018:835).


8      Konklużjonijiet fil-kawża UD (C‑393/18 PPU, EU:C:2018:749, nota ta’ qiegħ il-paġna 4).


9      Sentenza UD, punt 31.


10      Sentenza UD, punt 32.


11      Sentenza UD, punti 34 u 35.


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza UD, punt 40.


13      Sentenza UD, punti 41 u 42.


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Rudigier (C‑518/17, EU:C:2018:757, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 113 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara, f’dan is-sens, Pataut, É., u Gallant, E., “Article 10”, taħt id-direzzjoni ta’ Magnus, U., Mankowski, P., Brussels II bis Regulation, Otto Schmidt, Köln, 2017, p. 123, punt 3.


17      Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, ZW (C‑454/19, EU:C:2020:947, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, L (C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2008, Rinau (C‑195/08 PPU, EU:C:2008:406, punt 51).


20      Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, Purrucker (C‑296/10, EU:C:2010:665, punt 84).


21      Sentenza tal‑15 ta’ Frar 2017, W u V (C‑499/15, EU:C:2017:118, punt 52).


22      Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Povse (C‑211/10 PPU, EU:C:2010:400, punti 43 sa 45) u d-Digriet tal‑10 ta’ April 2018, CV (C‑85/18 PPU, EU:C:2018:220, punt 51).


23      Ara l-Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jirrigwardaw il-manteniment (COM(2002) 222 final (ĠU 2002, C 203 E, p. 155)).


24      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni) (C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni) (C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni) (C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst (C‑631/17, EU:C:2019:381, punt 41).


28      Sa fejn l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 jammetti trasferiment ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri, taħt ċerti kundizzjonijiet.


29      Skont il-kliem tal-Artikolu 52(3) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996, “[f]tehimiet li għandhom jiġu konklużi minn wieħed jew aktar mill-Istati Kontraenti fuq materji fl-iskop ta’ din il-[k]onvenzjoni ma jaffettwawx, fir-relazzjoni ta’ dawn l-Istati ma’ Stati Kontraenti oħra, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-[k]onvenzjoni”. B’hekk, fil-fehma tiegħi, din il-konvenzjoni tistabbilixxi li, meta r-relazzjonijiet ġuridiċi jimplikaw Stat Membru u Stat terz parti minn din il-konvenzjoni, din tal-aħħar tipprevali fuq ir-Regolament Nru 2201/2003.


30      Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, L (C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 39).


31      Sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, L (C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 56).