Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Bulgarija) fil-11 ta’ Jannar 2024 – Proċeduri kriminali kontra YR, WV, AN, WY

(Kawża C-16/24, Sinalov 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski gradski sad

Partijiet fil-proċeduri prinċipali

YR, WV, AN, WY

Domanda preliminari

Hija konformi mat-[tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE] u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea interpretazzjoni ta’ liġi nazzjonali, liema liġi tistabbilixxi bħala prinċipju tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja l-assenjazzjoni aleatorja tal-kawżi bejn il-membri tal-ġudikatura sabiex jiġi ddeterminat min minnhom ser ikun imsejjaħ jisma’ u jaqta’ kawża kriminali, fis-sens li, jekk iqum dubju dwar jekk kienx hemm ksur ta’ dan il-prinċipju f’każ speċifiku fejn kawża tkun diġà ġiet assenjata mill-persuna responsabbli għall-amministrazzjoni, dan id-dubju għandu jiġi indirizzat b’dan il-mod:

din hija kwistjoni ġudizzjarja u għandha tiġi deċiża mill-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-kawża, u dan kemm wara s-smigħ tal-partijiet u kemm fil-każ ta’ appell mill-istanza, jew

din hija kwistjoni amministrattiva u hija biss il-persuna responsabbli għall-amministrazzjoni li għandha d-dritt twettaq din l-evalwazzjoni,

kif ukoll interpretazzjoni fis-sens li jekk il-membru tal-ġudikatura li lilu tkun ġiet assenjata l-kawża jqis li, konformement ma’ dan il-prinċipju, huwa membru ieħor tal-ġudikatura li għandu jisma’ l-kawża u jittrasferixxiha lilu, u dan it-tieni membru tal-ġudikatura, li jkun irċieva l-kawża ttrasferita, jiddeċiedi li l-ewwel jisma’ lill-partijiet fi proċedura kontradittorja qabel ma jieħu deċiżjoni indipendenti dwar il-kompetenza tiegħu stess, dawn iż-żewġ membri tal-ġudikatura jkunu wettqu ksur dixxiplinari sa fejn bl-aġir tagħhom ikunu ppreġudikaw il-prestiġju tal-poter ġudizzjarju u jkunu naqqsu milli jwettqu l-obbligi marbuta mal-kariga tagħhom?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.