Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Haparanda Tingsrätten (l-Isveżja) fis-27 ta' Diċembru 2010 - Åklagaren vs Hans Åkerberg Fransson

(Kawża C-617/10)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Haparanda Tingsrätten

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Åklagaren

Konvenut: Hans Åkerberg Fransson

Domandi preliminari

Taħt id-dritt Svediż huwa meħtieġ li jkun hemm bażi ċara fil-Konvenzjoni Ewropea, tal-4 ta' Novembru 1950, għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar 'il quddiem il-"KEDB") jew fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex qorti nazzjonali tkun tista' ma tapplikax dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jkunu kuntrarji għall-prinċipju ta' ne bis in idem taħt l-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB u li għalhekk jistgħu jkunu kuntrarji wkoll għall-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tas-7 ta' Diċembru 2000 (iktar 'il quddiem il-"Karta"). Tali kundizzjoni taħt id-dritt nazzjonali sabiex ma jiġux applikati dispożizzjonijiet nazzjonali hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u b'mod partikolari mal-prinċipji ġenerali ta' dan id-dritt, inklużi l-prinċipji ta' supremazija u ta' effett dirett tad-dritt tal-Unjoni?

L-ammissibbiltà ta' akkuża għal reati fiskali taqa' taħt il-prinċipju ta' ne bis in idem taħt l-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB u taħt l-Artikolu 50 tal-Karta meta sanzjoni finanzjarja partikolari (żieda fit-taxxa) tkun diġà ġiet imposta fuq l-akkużat fil-kuntest ta' proċeduri amministrattivi fir-rigward tal-istess fatt, jiġifieri l-għoti ta' informazzjoni falza?

Ir-risposta għad-domanda 2 hija affettwata mill-fatt li hija meħtieġa koordinazzjoni ta' dawn is-sanzjonijiet b'tali mod li l-qrati ordinarji jistgħu jnaqqsu l-piena fil-proċeduri kriminali jekk l-akkużat kien diġà suġġett għal żieda fit-taxxa minħabba l-istess fatt, jiġifieri l-għoti ta' informazzjoni falza?

Taħt ċerti ċirkustanzi, fil-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju ta' ne bis in idem imsemmi fid-domanda 2, jista' jkun permess li jiġu ordnati sanzjonijiet addizzjonali fi proċeduri ġodda fir-rigward tal-istess aġir li kien diġà eżaminat u li kien ta' lok għal deċiżjoni li jiġu imposti sanzjonijiet fuq il-persuna kkonċernata. Jekk ir-risposta għad-domanda 2 tkun fl-affermattiv, il-kundizzjonijiet tal-prinċipju ta' ne bis in idem għall-impożizzjoni ta' diversi sanzjonijiet fi proċeduri separati jkunu sodisfatti meta fil-proċeduri ulterjuri jitwettaq eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ li jkun ġdid u indipendenti mill-eżami li jkun sar fil-proċeduri preċedenti?

Is-sistema Svediża fejn l-impożizzjoni ta' żieda fit-taxxa u l-eżami tar-responsabbiltà għal reati fiskali jitwettqu fi proċeduri separati hija mmotivata min-numru ta' raġunijiet ta' interess ġenerali [...]. Jekk ir-risposta għad-domanda 2 tkun fl-affermattiv, sistema bħal dik Svediża hija kompatibbli mal-prinċipju ta' ne bis in idem meta jista' jkun possibbli li tiġi stabbilita sistema li ma taqax taħt il-prinċipju ta' ne bis in idem mingħajr ma jkun meħtieġ li jew ma tiġix imposta żieda fit-taxxa jew ma tingħatax deċiżjoni dwar responsabbiltà għal reati fiskali billi, jekk ir-responsabbiltà għal reati fiskali tkun rilevanti, id-deċiżjoni dwar l-impożizzjoni ta' żieda fit-taxxa tiġi ttrasferita mingħand l-iSkatteverket u, jekk ikun il-każ, mingħand il-qrati amministrattivi, lill-qrati ordinarji inkonnessjoni mal-eżami tagħhom tal-akkuża għal reati fiskali?

____________