Language of document : ECLI:EU:T:2011:742

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

14 ta’ Diċembru 2011

Kawża T‑361/10 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Dimitrios Pachtitis

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Reklutaġġ — Avviż ta’ kompetizzjoni — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżami bil-miktub wara r-riżultat miksub fit‑testijiet ta’ ammissjoni — Tqassim tal-kompetenzi bejn l-EPSO u l-Bord tal-Għażla”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Ġunju 2010, Pachtitis vs Il-Kummissjoni (F-35/08) intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk ta’ Dimitrios Pachtitis fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kunċett — Fażi preliminari li tinkludi testijiet ta’ ammissjoni b’mistoqsijiet b’għażla multipla — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Żvolġiment tal-kompetizzjoni — Tqassim tal-kompetenzi bejn l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30; Anness III, Artikoli 1(1) u 5; Deċiżjoni 2002/621/KE tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-Segretarjat Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni, u r-Rappreżentant tal-Ombudsman Ewropew, Artikolu 1(1) u (2)(ċ))

1.      Fil-kuntest tal-ewwel fażi ta’ kompetizzjoni maħsuba sabiex jiġu rreklutati uffiċjali, it‑testijiet ta’ ammissjoni li jinvolvu mistoqsijiet b’għażla multipla huma ta’ natura komparattiva, li hija inerenti għall-kunċett stess ta’ kompetizzjoni, sa fejn ma huwiex biżżejjed li kandidat jikseb il-marka meħtieġa sabiex jgħaddi mit‑testijiet inkwistjoni iżda, sabiex ikun jista’ jgħaddi għat‑tieni fażi tal-kompetizzjoni, huwa meħtieġ li dan il-kandidat jiġi fost numru ddeterminat minn qabel ta’ kandidati li jkunu kisbu l-aħjar marki fit‑testijiet ta’ ammissjoni. Għalhekk, din il-fażi ma hijiex biss element formali tal-proċedura ta’ kompetizzjoni inkwistjoni iżda għandha wkoll in-natura ta’ kompetizzjoni.

(ara l-punt 34)

2.      L-Artikolu 1(1)(b) u (e) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tispeċifika, fl-avviż ta’ kompetizzjoni, il-modalitajiet tal-kompetizzjoni (kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ kwalifiki, fuq il-bażi ta’ eżamijiet jew fuq il-bażi ta’ kwalifiki u eżamijiet) u, fil-każ ta’ kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ eżamijiet, in-natura tal-eżamijiet u kif ser ikunu mmarkati, ma jsemmi ebda kompetenza tal-Awtorità tal-Ħatra dwar l-għażla u l-evalwazzjoni tas-suġġetti tad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, sa fejn il-modalitajiet ta’ kompetizzjoni skont l-Artikolu 1(1)(b) ta’ dan l-Anness III huma kompetizzjonijiet fuq il-bażi ta’ kwalifiki, fuq il-bażi ta’ eżamijiet jew fuq il-bażi ta’ kwalifiki u eżamijiet, din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax id-determinazzjoni tal-kontenut tal-eżamijiet. Fir-rigward tal-Artikolu 1(1)(e) tal-istess anness, għalkemm id-determinazzjoni tal-marka meħtieġa sabiex wieħed jgħaddi mill-eżamijiet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett tat‑“tip [tal-eżamijiet] u kif ikunu mmarkati”, dan ma jistax jingħad fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kontenut tad-domandi li għandhom isiru fil-kuntest ta’ kompetizzjoni. L-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedix b’mod espliċitu min għandu jiddetermina l-kontenut tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni u min għandu jissorvelja din il-fażi tal-kompetizzjoni. Tali kompetenza la hija b’mod espliċitu attribwita lill-Awtorità tal-Ħatra u lanqas lill-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdu rispettivament li huwa l-Bord tal-Għażla li għandu jistabbilixxi l-lista tal-kandidati xierqa u li għandu jiddetermina l-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-kompetenzi, il-Bord tal-Għażla għandu rwol kruċjali matul l-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni.

Qabel inħoloq l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), l-Awtorità tal-Ħatra kellha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet u tal-modalitajiet tal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni u l-Bord tal-Għażla kellu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-modalitajiet u tal-kontenut iddettaljat tal-eżamijiet previsti fil-kuntest ta’ kompetizzjoni filwaqt li kien ukoll kompetenti li jissorvelja eventwali fażi inizjali ta’ preselezzjoni tal-kandidati organizzata mill-Awtorità tal-Ħatra. Dan it‑tqassim tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla ma kienx affettwat mill-ħolqien fl-2002 tal-EPSO li l-kompiti tiegħu, fir-rigward tal-iżvolġiment tal-kompetizzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali, huma essenzjalment ta’ natura organizzattiva. Fil-fatt, il-missjoni tal-EPSO hija li jiżgura l-applikazzjoni ta’ standards uniformi fil-proċeduri ta’ selezzjoni tal-uffiċjali. Din il-missjoni tikkonċerna d-determinazzjoni, b’mod ġenerali, tal-proċeduri ta’ selezzjoni tal-uffiċjali u mhux id-determinazzjoni tal-kontenut tal-eżamijiet ta’ kompetizzjonijiet speċifiċi.

B’hekk, għalkemm l-EPSO jeżerċita s-setgħat ta’ selezzjoni mogħtija lill-Awtoritajiet tal-Ħatra fil-qasam tal-kompetizzjonijiet, la l-għażla u lanqas l-evalwazzjoni tas-suġġetti tad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ma jaqgħu fil-kompetenza tiegħu. Fil-fatt, fil-kuntest tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2002/621, dwar l-organizzazzjonijiet u l-ħidma tal-EPSO, li tipprovdi li l-EPSO għandu jorganizza kompetizzjonijiet ġenerali bil-għan li jiġu ggarantiti lill-istituzzjonijiet is-servizzi ta’ uffiċjali fl-aħjar kundizzjonijiet professjonali u finanzjarji, l-Artikolu 1(2)(ċ) tal-istess deċiżjoni jagħti lill-EPSO r-rwol li jassisti lill-Bord tal-Għażla fl-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni billi jiżviluppa l-metodi u t‑teknika ta’ selezzjoni.

(ara l-punti 41 sa 44, 46 sa 48, 50, 52, 54 u 55)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Marzu 2003, Staelen vs Il-Parlament, T‑24/01, ĠabraSP p. I‑A‑79 u II‑423, punt 51; 17 ta’ Settembru 2003, Alexandratos u Panagiotou vs Il-Kunsill, T‑233/02, ĠabraSP p. I‑A‑201 u II‑989, punt 26; 26 ta’ Ottubru 2004, Falcone vs Il-Kummissjoni, T‑207/02, ĠabraSP p. I‑A‑305 u II‑1393, punti 31, 38 u 39; 14 ta’ Lulju 2005, Le Voci vs Il-Kunsill, T‑371/03, ĠabraSP p. I‑A‑209 u II‑957, punt 41