Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Awwissu 2010 - Vtesse Networks vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-362/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Vtesse Networks Ltd (Hertford, ir-Renju Unit) (rappreżentant: H. Mercer QC, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tannulla l-paragrafu 72 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 3204 fuq għajnuna mill-Istat relatata mal-Każ N 461/2009 (ĠU 2010 C 162, p.1); u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż imġarrba f'dan ir-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob, taħt l-Artikolu 263 TFEU, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 3204 fuq għajnuna mill-Istat relatata mal-Każ N 461/2009 (ĠU 2010 C 162, p.1), li fiha ġie deċiż li l-miżura ta' għajnuna "Cornwell & Isles of Scilly Next Generation Broadband", li tipprovdi għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali sabiex tgħin l-installazzjoni ta' networks ta' broadband tal-aħħar ġenerazzjoni fir-reġjun ta' Cornwell & Isles of Scilly, hija kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFEU.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq il-motivi segwenti:

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti fl-evalwazjjoni tal-fatti, b'mod partikolari meta l-Kummissjoni kkonstatat li:

kien hemm proċedura ta' sejħa għal offerti miftuħa, nondiskriminatorja u kompetittiva meta missha kkonstatat li l-kompetizzjoni kienet ġiet eliminata fir-rigward tas-sejħa għal offerti;

l-infrastruttura eżistenti kienet disponibbli għall-offerenti kollha li jitolbuha filwaqt li l-operatur responsabbli ammetta pubblikament li huwa ma użax l-infrastruttura mdaħħla fil-prodotti u disponibbli lill-offerenti kollha li jitolbuha;

l-effett ġenerali fuq il-kompetizzjoni kien pożittiv filwaqt li l-kompetizzjoni kienet eliminata bl-azzjonijiet tal-operatur responsabbli.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tapplika u/jew kisret l-Artikolu 102 TFEU tant li l-evalwazzjoni fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010)3204 dwar l-impatt tal-miżura fuq il-kompetizzjoni hija invalida u li għalhekk l-imsemmija deċiżjoni hija illegali u ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFEU, peress li l-abbużi rilevanti għall-Artikolu 102 TFEU huma:

tgħaqqid illegali fir-rigward tal-infrastruttura eżistenti ta' fibra skura b'elettroniċi attivi;

rifjut ta' aċċess għall-offerenti li qed jikkompetu għal fibra u/jew tubijiet;

pressjoni abbużiva tal-marġni bejn il-prezz bl-ingrossa u l-prezz bl-imnut permezz tat-tgħaqqid tal-fibra ma' elettroniċi attivi sabiex jiġu mmanufatturati prodotti li ma jippermettux lir-rikorrenti jew lill-kompetituri l-oħra jikkompetu fil-proċedura ta' sejħa għal offerti.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet ta' difiża tagħha, inkluż, b'mod partikolari, in-nuqqas li tiftaħ investigazzjoni sħiħa abbażi tal-proċedura fl-Artikolu 108(2) TFEU għal dawn il-motivi:

fid-dawl tal-ewwel u t-tieni motivi, huwa illegali li tiġi tterminata l-inkjesta taħt l-Artikolu 108(3) TFEU u/jew ma tinfetaħx investigazzjoni sħiħa taħt l-Artikolu 108(2) TFEU;

terminazzjoni tal-investigazzjoni qabel l-investigazzjoni formali tippriva lir-rikorrenti mid-drittijiet proċedurali tagħha;

ksur ta' drittijiet tad-difiża billi ma ngħatatx lir-rikorrenti l-possibbiltà li tikkontesta argumenti u/jew provi ppreżentati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit.

____________