Language of document : ECLI:EU:T:2015:310

Kawżi magħquda T‑22/13 u T‑23/13

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Senz Technologies BV

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Disinn Komunitarju — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Disinni Komunitarji rreġistrati li jirrappreżentaw umbrelel — Raġuni għal invalidità — Żvelar tad-disinn preċedenti — Disinn preċedenti kkostitwit minn privattiv Amerikan — Ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat — Utent informat — Grad ta’ attenzjoni tal-utent informat — Prodotti tal-moda — Grad ta’ libertà tad-disinjatur — Karattru individwali — Impressjoni ġenerali differenti — Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Mejju 2015

1.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet għal invalidità — Assenza ta’ karattru individwali — Żvelar lill-pubbliku — Eċċezzjoni — Fatti li ma jistgħux ikunu raġonevolment magħrufa miċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat — Avvenimenti li seħħew barra mit-territorju tal-Unjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 7(1))

2.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet għal invalidità — Assenza ta’ karattru individwali — Żvelar lill-pubbliku — Assenza ta’ produzzjoni tad-disinn preċedenti — Effett — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 7(1))

1.      Mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji jirriżulta li disinn jitqies li ġie żvelat ladarba l-parti li ssostni l-iżvelar tiegħu tkun ipprovat il-fatti li jikkostitwixxu dan l-iżvelar. Min-naħa l-oħra, sabiex tikkonfuta din il-preżunzjoni, il-parti li tikkontesta l-iżvelar għandha tipprova suffiċjentement skont il-liġi li ċ-ċirkustanzi tal-każ setgħu raġonevolment jimpedixxu li dawn il-fatti jsiru magħrufa fil-kors normali tal-kummerċ miċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat.

Barra minn hekk, il-preżunzjoni prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 tapplika indipendentement mill-post fejn seħħew il-fatti li jikkostitwixxu l-iżvelar, għaliex mill-ewwel sentenza ta’ dan l-artikolu jirriżulta li ma huwiex meħtieġ, sabiex disinn jitqies li ġie żvelat lill-pubbliku għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-regolament, li l-fatti li jikkostitwixxu l-iżvelar ikunu seħħew fit-territorju tal-Unjoni.

Il-kwistjoni jekk il-persuni li jifformaw parti miċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat setgħux raġonevolment ikunu jafu b’avvenimenti li seħħew barra mit-territorju tal-Unjoni hija kwistjoni ta’ fatt li r-risposta għaliha tiddependi mill-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull kawża.

Sabiex titwettaq din l-evalwazzjoni, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk, abbażi tal-provi fattwali, li għandhom jiġu prodotti mill-parti li tikkontesta l-iżvelar, hemmx lok li jitqies li dawn iċ-ċirkli ma kellhomx realment il-possibbiltà li jsiru jafu bil-fatti li jikkostitwixxu l-iżvelar, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni dak li jista’ raġonevolment jintalab min-naħa ta’ dawn iċ-ċirkli sabiex ikunu jafu l-istat ta’ arti preċedenti. Sabiex jingħata eżempju, dawn il-provi fattwali jistgħu jirrigwardaw il-kompożizzjoni taċ-ċirkli speċjalizzati, il-kwalifiki, l-użanzi u l-komportamenti tagħhom, il-firxa tal-attivitajiet tagħhom, il-preżenza tagħhom waqt l-avvenimenti li matulhom jiġu ppreżentati disinni, il-karatteristiċi tad-disinn inkwistjoni, bħall-interdipendenza tiegħu ma’ prodotti jew setturi oħra, u l-karatteristiċi tal-prodotti li fihom ġie integrat id-disinn inkwistjoni, b’mod partikolari il-livell tekniku tal-prodott ikkonċernat. Fi kwalunkwe każ, disinn ma jistax jitqies li huwa magħruf fil-kors normali tal-kummerċ jekk iċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat ikunu jistgħu jiskopruh biss b’kumbinazzjoni.

(ara l-punti 26‑29)

2.      L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji bl-ebda mod ma jeħtieġ li d-disinn preċedenti jkun intuża għall-finijiet tal-produzzjoni jew tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott.

Madankollu, il-fatt li disinn qatt ma ġie inkorporat fi prodott ikun rilevanti biss fil-każ li jiġi pprovat li ċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat ġeneralment ma jikkonsultawx ir-reġistri tal-privattivi jew li ċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat ġeneralment ma jagħtu ebda importanza lill-privattivi. F’dawn il-każijiet, l-argument tan-nuqqas ta’ eżistenza fis-suq tal-prodotti koperti mill-privattiva preċedenti jista’ jdgħajjef il-plawżibbiltà tal-fatt li ċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat setgħu kienu jafu bil-privattiva preċedenti permezz ta’ mezzi oħra ta’ informazzjoni.

(ara l-punti 36, 37)