Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Novembru 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunalul Bucureşti - ir-Rumanija) – ITH Comercial Timişoara SRL vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală - Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti, Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti – Administraţia Sector 1 a Finanţelor Publice.

(Kawża C-734/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Abbandun tal-attività prevista inizjalment – Aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa – Attività fil-proprjetà immobbli)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Bucureşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: ITH Comercial Timişoara SRL

Konvenuti: Agenţia Naţională de Administrare Fiscală - Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti, Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti – Administraţia Sector 1 a Finanţelor Publice

Dispożittiv

L-Artikoli 167, 168, 184 u 185 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-input fuq oġġetti, f’dan il-każ fuq proprjetà immobbli, u servizzi akkwistati sabiex jitwettqu tranżazzjonijiet taxxabbli, jinżamm meta l-proġetti ta’ investiment inizjalment previsti jkunu ġew abbandunati minħabba ċirkustanzi indipendenti mar-rieda tal-persuna taxxabbli u li ma hemmx lok li jsir aġġustament ta’ din il-VAT jekk il-persuna taxxabbli għad għandha l-intenzjoni li tisfrutta l-imsemmija oġġetti għall-finijiet ta’ attività ntaxxata.

Id-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari l-Artikolu 28 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fl-assenza ta’ kuntratt ta’ mandat mingħajr rappreżentanza, il-mekkaniżmu ta’ aġent ma huwiex applikabbli meta persuna taxxabbli twettaq kostruzzjoni konformement mal-bżonnijiet u mar-rekwiżiti ta’ persuna oħra li hija mistennija tieħu l-imsemmija kostruzzjoni b’kiri.

____________

1     ĠU C 54, 17.2.2020.