Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fl-1 ta’ Diċembru 2023 – Т.P.Т. vs “Financial Bulgaria” EOOD

(Kawża C-744/23, Zlakov 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Т.P.Т.

Konvenut: “Financial Bulgaria” EOOD

Domandi preliminari

Għandu jitqies li “provvista ta’ servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)[(ċ)], tal-Artikolu 24(1), tal-Artikolu 26(1)(b) u tal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 , tinkludi:

1.    il-provvista ta’ għajnuna legali bla ħlas (pro bono) minn avukat lil parti f’kawża ġudizzjarja.

2.    il-provvista ta’ għajnuna legali bla ħlas (pro bono) minn avukat lil parti li rebħet il-kawża f’sitwazzjoni fejn il-qorti ddeċidiet li l-avukat għandu jitħallas l-onorarji li kien jirċievi li kieku dawn l-onorarji kienu ġew miftiehma f’kuntratt ta’ għajnuna legali?

Għandu jitqies li “provvista ta’ servizzi bla ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, tinkludi:

1.    il-provvista ta’ għajnuna legali bla ħlas (pro bono) minn avukat lil parti f’kawża ġudizzjarja.

2.    il-provvista ta’ għajnuna legali bla ħlas (pro bono) minn avukat lil parti li rebħet il-kawża f’sitwazzjoni fejn il-qorti ddeċidiet li l-avukat għandu jitħallas l-onorarji li kien jirċievi li kieku dawn l-onorarji kienu ġew miftiehma f’kuntratt ta’ għajnuna legali?

Għandu jitqies li “provvista ta’ servizzi bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)[(ċ)], tal-Artikolu 24(1) u tal-Artikolu 26(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 tinkludi l-provvista ta’ għajnuna legali bla ħlas (pro bono) minn avukat lil parti li rebħet il-kawża f’sitwazzjoni fejn il-qorti ddeċidiet li l-avukat għandu jitħallas l-onorarji li kien jirċievi li kieku dawn l-onorarji kienu ġew miftiehma f’kuntratt ta’ għajnuna legali?

Għandu jitqies li “persuna taxxabbli”, fis-sens tal-Artikolu 28 u tal-Artikolu 75 tad-Direttiva 2006/112, tinkludi:

1.    avukat (kumpannija ta’ avukati b’persuna waħda) li pprovda għajnuna legali bla ħlas (pro bono) lil parti f’kawża ġudizzjarja.

2.    avukat (kumpannija ta’ avukati b’persuna waħda) li pprovda għajnuna legali bla ħlas (pro bono) lil parti li rebħet il-kawża f’sitwazzjoni fejn il-qorti ddeċidiet li l-avukat (kumpannija ta’ avukati b’persuna waħda) għandu jitħallas l-onorarji li kien jirċievi li kieku dawn l-onorarji kienu ġew miftiehma f’kuntratt ta’ għajnuna legali?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.