Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Diċembru 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Slovakka

(Kawża C-661/20)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Hermes, R. Lindenthal, aġenti regolati)

Konvenuta: Ir-Repubblika Slovakka

Talbiet

taqta’ u tiddeċiedi li r-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE 1 tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, billi eżentat il-programmi ta’ tmexxija tal-foresti u l-modifiki tagħhom, l-operat tal-foresti każwali u l-miżuri għall-prevenzjoni tar-riskji għall-foresti kif ukoll l-eliminazzjoni tal-konsegwenzi ta’ ħsara kkawżata minn diżastri naturali mir-rekwiżit li, fil-każ li jkunu jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv is-siti Natura 2000, huma għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom fuq is-siti kkonċernati, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn is-siti,

taqta’ u tiddeċiedi li r-Repubblika Slovakka naqset mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) u mill-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, billi ma ħaditx il-miżuri xierqa sabiex tipprevjeni d-deterjorazzjoni tal-habitats u l-perturbazzjonijiet li għandhom effett sinjifikattiv fiż-żoni speċjali nnominati għall-protezzjoni tal-serduq selvaġġ (ŻPS Tatras il-Baxxi SKCHVU018, ŻPS Tatras SKCHVU030, ŻPS Fatra l-Kbira SKCHVU033, ŻPS Muránska planina-Stolica SKCHVU017, ŻPS Muntanji Choč SKCHVU050, ŻPS Orava ta’ Fuq SKCHVU008, ŻPS Muntanji ta’ Volovec SKCHVU036, ŻPS Fatra ż-żgħira SKCHVU013, ŻPS Poľana SKCHVU022, ŻPS Slovenský Raj (il-Ġenna tas-Slovakkja) SKCHVU053, ŻPS Muntanji ta’ Levoča SKCHVU051 u ŻPS Muntanji ta’ Strážov SKCHVU028),

taqta’ u tiddeċiedi li r-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/147/KE 2 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi billi ma ħaditx il-miżuri ta’ konservazzjoni speċjali meħtieġa għal dak li jikkonċerna l-habitat tas-serduq selvaġġ fiż-ŻPS Tatras il-Baxxi SKCHVU018, ŻPS Tatras SKCHVU030, ŻPS Fatra l-Kbira SKCHVU033, ŻPS Muránska planina-Stolica SKCHVU017, ŻPS Muntanji ta’ Volovec SKCHVU036, ŻPS Fatra ż-Żgħira SKCHVU013 u ŻPS Muntanji ta’ Levoča SKCHVU051, innominati għall-protezzjoni tiegħu sabiex jiġu żgurati s-sopravivenza u r-riproduzzjoni tiegħu fiż-żona tad-distribuzzjoni tiegħu.

tikkundanna lir-Repubblika Slovakka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitats, kwalunkwe pjan jew proġett li ma jkunx marbut direttament jew meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li jkun jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-sit fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. L-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit jawtorizzaw il-pjan jew il-proġett ħlief wara li jkun żgurat li mhux ser ikun ta’ ħsara għall-integrità tas-sit ikkonċernat. Fir-Repubblika Slovakka, il-liġi dwar il-protezzjoni tan-natura u l-liġi dwar il-foresti ma jiggarantixxux li l-programmi ta’ kura tal-foresti u l-modifiki tagħhom, l-operat tal-foresti każwali u l-miżuri għall-prevenzjoni tar-riskji għall-foresti, kif ukoll l-eliminazzjoni tal-konsegwenzi ta’ ħsara kkawżati minn diżastri naturali huma suġġetti għall-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq is-siti Natura 2000. It-traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 6(3) u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva Habitats ma kinitx twettqet fid-data tal-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata u toħloq problemi li jippersistu sal-lum.

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorazzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi kif ukoll il-perturbazzjonijiet li jolqtu lill-ispeċi li għalihom iż-żoni huma nnominati, sa fejn dawn il-perturbazzjonijiet jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva. Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva Habitats, din id-dispożizzjoni tapplika kemm għas-siti ta’ importanza Komunitarja kif ukoll għaż-żoni ta’ protezzjoni speċjali taħt id-Direttiva Għasafar. Is-Slovakkja nnomiat, konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Għasafar, 12-il żona ta’ protezzjoni speċjali għall-protezzjoni tas-serduq selvaġġ, elenkati fl-Anness I tad-Direttiva Għasafar. Madankollu, is-Slovakkja ma ħaditx miżuri xierqa sabiex tevita l-ħsara lill-habitats tas-serduq selvaġġ u l-perturbazzjonijiet importanti ta’ din l-ispeċi f’dawn it-12-il żona ta’ protezzjoni speċjali.

Ir-Repubblika Slovakka kellha l-obbligu, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Għasafar, tadotta miżuri speċjali, fit-12-il żona ta’ protezzjoni speċjali nnominati għall-protezzjoni tas-serduq selvaġġ, inkluż l-obbligu li jiġu ffissati għanijiet ta’ protezzjoni speċifiċi. La fid-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, u lanqas fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-Repubblika Slovakka ma kienet adottat programmi ta’ tmexxija taż-żoni protetti taħt il-liġi dwar il-protezzjoni tan-natura għall-habitats tas-serduq selvaġġ f’7 żoni ta’ protezzjoni speċjali.

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.

2     ĠU 2010, L 20, p. 7