Language of document : ECLI:EU:T:2004:304

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (Ir-Raba' Awla Estiża)

14 ta' Ottubru 2004 (*)

"Għajnuna mill-Istat – Rikors għal annullament – Rakkomandazzjoni 96/280/KE – Kunċett ta' impriżi zagħar u ta' daqs medju (SME)"

Fil-kawża T-137/02,

Pollmeier Malchow GmbH & Co. KG, stabbilità f'Malchow (il-Germanja), irrapreżentata minn Mes S. Völcker u J. Heithecker, Avocats,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn V. Kreuschitz u V. Di Bucci, bhala aġenti, assistiti minn M. Núñez-Müller, Avocat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/821/KE tal-15 ta' Jannar 2002, dwar għajnuna mill-Istat tal-Ġermanja favur Pollmeier GmbH, Malchow (ĠU L 296, p. 20),

 IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla Estiża),

komposta minn H.Legal, President ta' l-Awla, V. Tiili, A. W. H. Meij, M. Vilaras u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-4 ta' Marzu 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest Ġuridiku

1       It-tmintax u d-dsatax il-premessa tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 96/280/KE dwar id-definizzjoni ta' l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) (ĠU L 107, p. 4), jipprovdu kif ġej:

"Billi l-indipendenza hija wkoll kriterju bażiku, minħabba li SME li tappartjeni lill-grupp kbir, tiddisponi minn mezzi u għajnuna li l-kompetituri tagħha li huma ta' daqs simili m'għandhomx, filwaqt li hemm ukoll il-bżonn li jiġu mwarrba l-entitajiet legali ta' SME li jiffurmaw grupp li għandhom poter ekonomiku akbar minn dak ta' SME waħedha;

Billi fir-rigward tal-Kriterju ta' l-Indipendenza l-Istati Membri l-[Bank Ewropew ta' Investiment] u l-[Fondi Ewropej ta' Investiment] jridu jiżguraw li d-definizzjoni mhijiex mgħawwġa mill-impriżi li minkejja li, formalment jirrispettaw dawn il-kriterji, huma fir-realtà kontrollati minn Impriżi kbar jew minn numru ta' impriżi kbar flimkien."

2       Skond it-tnejn u għoxrin premessa tar-Rakkomandazzjoni 96/280, " [...] hemm lok li jiġu ffissati kriterji stretti biex jiġu ddefiniti SMEs, sabiex il-miżuri li huma ddestinati lilhom jiġu ġenwinament gawduti minn dawk li d-daqs tagħhom jkkostitwixxi diffikultà ".

3       L-Artikolu 1 ta' l-Anness ta' l-istess Rakkomandazzjoni, intitolat "Tifsira adottata mill-Kummissjoni ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju", jagħti l-kriterji li ġejjin (iktar 'il quddiem il-"kriterji li jiddefinixxu l-SME"):

" 1. L-[SMEs] huma ddefiniti bħala impriżi li:

–       jimpjegaw anqas min 250 persuna; u,

–       għandhom jew :

fatturat li ma jeċċedix l-40 miljun [EUR]; jew

total ta' bilanċ annwali li ma teċċedix is-27 miljun [EUR]; u

–       jirrispetta l-kriterju ta' indipendenza hekk kif iddefiniti fil-paragrafu 3.

[...]

3. Impriżi indipendenti huma dawk li l-25% jew aktar mill-kapital tagħhom jew id-drittijiet tal-vot, mhumiex miżmuma minn impriża waħda jew minn numru ta' impriżi flimkien, li ma jikkorrispondux għad-definizzjoni ta' SME […]

4. Għall-kalkolu tal-livell imsemmi [fil-paragrafu 1] hemm bżonn li jiġu magħduda l-figuri ta' l-impriża benefiċjarja u ta' l-impriżi kollha li tagħhom hija għandha, direttament jew indirettament, il-25% jew aktar mill-kapital jew drittijiet ta' vot.

[…]

6. Meta impriża fl-għeluq tas-sena finanzjarja tagħha, taqbeż minn naħa jew oħra l-livell ta' numru ta' impjegati jew tal-livelli finanzjarji msemmija, hija titlef jew tikseb il-kwalifika ta' SME, […] biss jekk iċ-ċirkustanza msemmija tirrepeti ruħha matul sentejn finanzjarji konsekuttivi.

[…]

8. Il-livell tal-fatturat jew it-total ta' bilanċ li jiġu kkunsidrati huma dak ta' l-aħħar perjodu finanzjarju magħluq ta' 12 il-xahar. Fil-każ ta' impriża li għadha kif ġiet ikkostitwita u sakemm il-kontijiet għadhom ma ġewx approvati, il-livell li jrid jitqies huwa suġġett għal stima li ssir waqt is-sena finanzjarja."

4       Il-punt 3.2 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C/213/04 dwar il-linji gwida tal-Komunità fuq l-għajnuniet mill-Istat lill-SME (ĠU 1996, C 213, p. 4, iktar 'il quddiem "linji gwida SME"), intitolat "Definizzjoni ta' impriżi zgħar u ta' daqs medju", jgħid fl-ewwel u r-raba' inċiżi tiegħu:

"Għall-applikazzjoni tal-preżenti linji gwida, l-[SME] jiġu ddefiniti konformement mar-Rakkomandazzjoni [96/280]

[...]

It-tliet kriterji (numru ta' ħaddiema, fatturat, jew it-total fil-karta ta' bilanċ u l-indipendenza) huma kumulattivi, dan ifisser li t-tlieta li huma jridu jiġu sodisfatti. Il-kriterju ta' indipendenza li bih impriża kbira ma għandhiex iżżomm aktar min 25% jew aktar mill-kapital ta' l-[SME], hija bbażata fuq il-prattika fis-seħħ f'numru ta' Stati Membri, fejn din il-perċentwali titqies bħala l-livell li jista' jagħti lok għall-kontroll. Sabiex jiġu magħżula biss l-impriżi li effetivament huma [SME] indipendenti għandhom jiġu mwarrba l-arranġamenti legali ta' [SMEs] li jiffurmaw grupp ekonomiku li s-saħħa tiegħu jaqbeż dik ta' [SME]. Għall-kalkolu tal-livelli tal-ħaddiema u finanzjarji għandhom jiġu magħduda l-figuri ta' l-impriżi benefiċjarji kollha u ta' l-impriżi kollha li għandhom direttament jew indirettament il-25% jew aktar mill-kapital jew tad-dritt tal-vot."

5       Il-liġi dwar l-azzjoni komuni (Gemeinschaftsaufgabe) "Titjib ta' l-Istrutturi Ekonomiċi Reġjonali " tistabbilixxi l-iskema prinċipali ta' għajnuna reġjonali fil-Ġermanja. Is-seba' u għoxrin pjan ta' qafas adottat għall-perijodu 1996/1999 b'applikazzjoni ta' din il-liġi (iktar 'il quddiem is-"27 pjan ta' qafas") ġie approvat mill-Kummissjoni fit-12 ta' Ġunju 1999 (ĠU C 166, p. 9). Konformement mas-27 pjan ta' qafas fir-rigward ta' l-investimenti li saru fil-Land de Mecklembourg-Poméranie-Antérieure, setgħu jingħataw għajnuniet sa 50% mill-ammont nett ta' l-investiment li setgħu jibbenefikaw mill-għajnuna (iktar 'il quddiem "l-ispiża netta ta' l-investiment ammissibbli") fil-każ ta' SMEs u sa' 35% fil-każ ta' impriżi kbar.

6       Jirriżulta mid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE, li sar l-Artikolu 88(2) KE li, rispettivament fir-rigward tal-pjan qafas 27 (ĠU 1999, C 80, p. 3) u l-pjan qafas 26 (ĠU 1997, C 341, p. 4), għal dawn iż-żewġ skemi ġiet adottata d-definizzjoni ta' SMEs imniżżla fil-linji gwida ta' l-SME.

 Fatti li wasslu għall-kawża

7       Fis-27 ta' Mejju 1998, ir-rikorrenti, li dak iż-żmien kien jisimha Pollmeier GmbH, Malchow, ressqet talba għall-għajnuna għall-investiment. Permezz tad-deċiżjoni tagħha tat-2 ta' Settembru 1998, emendata fit-12 ta' Mejju 1999, il-Ministeru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi tal-Land de Mecklembourg-Poméranie-Antérieure laqa' t-talba ta' għajnuna tar-rikorrent għall-investiment skond l-applikazzjoni tas-27 pjan qafas, għall-bini ta' segerija f'Malchow. Din is-segerija kellha tinbena f'reġjuni assistita skond l-Artikolu 87(3)(a) KE. L-għajnuna, limitata għal 16384600 mark Ġermaniż (DEM) (8377313 EUR), kienet tirrapreżenta 30.23% ta' l-ispiża netta ta' l-investiment ammissibbli li kien jammonta għal 54,2 miljun DEM (27.7 miljun EUR).

8       Barra min hekk, għall-investiment ingħatat wkoll għajnuna supplementari ta' 9.3 miljun DEM (4.75 miljun EUR), li kienet tikkorrispondi għall-17.15% ta' l-ispejjeż netti ammissibbli ta' l-investiment. Barra minn hekk, fis-27 ta' Jannar 1999, ir-rikorrenti kisbet kreditu ta' 5 miljun (DEM) (2.5 miljun EUR) mill-Programm Ewropew għar-Rikostruzzjoni b'perċentwali ta' interess fis-sena ta' 3.75 %. Il-vantaġġ miksub permezz ta' din il-perċentwali mnaqqsa kien jikkorrispondi għal 0.80 % mill-ispiża netta ta' l-investiment ammissibbli. B'kollox, it-totali ta' l-ammont ta' l-għajnuna msemmija iktar 'il fuq kien jirrappreżenta 48.18% ta' l-ispiża netta ta' l-investiment ammissibbli.

9       Wara li ġew riċevuti numru ta' ilmenti dwar l-għajnuna mogħtija lir-rikorrenti, il-konvenuta permezz ta' l-ittra tas-17 ta' April 2002, talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tgħaddilha l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tkun tista' tiddetermina jekk dawn l-għajnuniet kienux jidħlu fi skema li ġiet awtorizzata qabel.

10     Permezz ta' ittri li rċeviet il-konvenuta fit-22 ta' Mejju, fis-16 ta' Ġunju u fid-9 ta' Awwissu 2000, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għall-din it-talba.

11     Permezz ta' ittra tat-13 ta' Marzu 2001, il-konvenuta fl-istess ħin ikkomunikat lill-Gvern Ġermaniż id-deċiżjoni li tibda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2)KE u għamlet inġunzjoni lill-Gvern Ġermaniż sabiex jagħti l-informazzjoni skond l-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE. Il-partijiet interessati ġew infurmati li nbdiet il-proċedura u ġew mistiedna, permezz tal-pubblikazzjoni ta' l-ittra fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tad-9 ta' Ġunju 2001(ĠU C 166, p. 5), iressqu l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom.

12     Permezz ta' ittra tal-15 ta' Mejju 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat xi osservazzjonijiet fuq id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura u rrispondiet għall-inġunzjoni msemmija fil-punt ta' qabel.

13     Fil-15 ta' Jannar 2002, il-konvenuta adottat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja lir-rikorrenti (ĠU L 296, p. 20, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

14     Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi kif ġej:

"L-Ewwel Artikolu

L-għajnuna, li kienet tammonta għall-3650860 EUR, mogħtija [mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] [lir-rikorrenti] hija inkompatibbli mas-suq Komuni […] "

15     Huwa konstanti li fil-mument ta' l-għotja ta' l-għajnuna, il-kapital kollu tar-rikorrenti kien miżmum mill-kumpannija Pollmeier GmbH, Holzverarbeitungsbetrieb, Rietberg, li minnha s-Sur Pollmeier kellu t-total tal-kapital. Il-Kumpannija Pollmeier GmbH, Holzverarbeitungsbetrieb kellha wkoll is-60% tal-kumpannija Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG, Creuzburg, waqt li s-Sur Pollmeier kellu l-bqija, l-40% tal-kapital.

16     Sa l-ewwel ta' Ġunju 1998 is-Sur Pollmeier kellu wkoll 74.25% tal-kapital ta' kumpannija Amerikana, Inland Wood Specialities, LP, Spokane (iktar 'il quddiem "IWS"), li minnha ħuh kellu l-bqija tal-kapital. Fl-1 ta' Ġunju 1998 is-Sur Pollmeier ttrasferixxa 41% mill-kwota tal-kapital ta' IWS fuq oħtu, is-Sinjura Tegelkamp, u l-10% fuq is-Sur Gottwald. Wara din id-data hu ma kellux aktar minn 23.25% tal-kapital ta' IWS.

17     Fis-17ta' Lulju 1999 il-kumpannija Pollmeier GmbH, Holzverarbeitungsbetrieb, Rietberg, ittrasferiet l-assi u d-djun kollha, minbarra l-ishma li kellha fil-kapital tal-kumpannija Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG, Creuzburg, u fil-kapital tar-rikorrenti − lill-kumpannija Pollmeier Leimholz GmbH, Rietberg, li ġiet ikkostitwita mill-ġdid għal dan il-għan. L-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija Pollmeier GmbH, Holzverarbeitungsbetrieb wara ġie ttrasferit minn Rietberg għal Creuzburg u hi biddlet l-isem sabiex saret Pollmeier Massivholz GmbH, Creuzburg. Barra minn hekk il-kumpannija Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG, Creuzburg, saret il-kumpannija Pollmeier Creuzburg GmbH & Co. KG, Creuzburg, waqt li r-rikorrenti li sa dak iż-żmien kellha l-isem Pollmeier GmbH, Malchow, saret Pollmeier Malchow GmbH & Co. KG, Malchow.

18     Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fiha l-preċiżazzjonijiet li ġejjin:

" 56. L-għajnuna mogħtija lir-[rikorrenti] fis-snin 1998/1999 sabiex tibni segerija f'Malchow u li tikkorrispondi għal intensità ta' għajnuna totali grossa ta' 48,18%, ingħatat minħabba skema ta' għajnuna reġjonali awtorizzata minn qabel mill-Kummissjoni [is-27 pjan-qafas, il-liġi fuq il-premju fiskali fuq l-investiment, Fond Ewropew għall-Programm ta' Rikostruzzjoni]

[…]

59.       Ir-[rikorrenti] tosserva li l-miżuri ngħataw fir-reġjunijiet svantaġġati msemmija fl-Artikolu 87(3)[(a)KE]. Hi tosserva wkoll li skond l-iskemi ta' għajnuna korrispondenti, l-intensità ta' għajnuna massima awtorizzata f'dawn ir-reġjunijiet kienet ta' 35% għall-impriżi l-kbar u 50% għall-SMEs. Din il-perċentwali tirrappreżenta l-limitu applikabbli għall-għajnuna totali fil-każ illi l-għajnuna tingħata fl-istess ħin ma skemi reġjonali differenti jew permezz ta' riżorsi lokali reġjonali, nazzjonali jew komunitarji.

60.       Meta wieħed jikkunsidra illi minħabba li l-intensità ta' l-għajnuna grossa kienet ta' 48.18% jista' jiġi kkonstatat li l-għajnuna favur ir-[rikorrenti] tissupponi b'mod ċar li fil-mument ta' l-approvazzjoni tal-programm ta' għajnuna, l-impriża benefiċjarja kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet iffissati għall-SMEs fil-kuntest tal-linji gwida komunitarji fis-seħħ u fir-Rakkomandazzjoni [96/280]

[…]

70.       Il-[konvenuta] hija ta' l-opinjoni li l-1998 jrid jitqies bħala s-sena ta' l-għotja ta' l-għajnuna. Konsegwentement, l-informazzjoni ta' riferiment għall-benefiċjarji ta' l-għajnuna huma n-numru tal-ħaddiema u l-informazzjoni finazjarji ta' l-1997 u l-1996 […]

71.       Ir-[rikorrenti] tosserva li kuntrarjament għat-teżi żviluppata mir-[Repubblika Federali Ġermaniża], il-kumpannija Amerikana IWS trid tittieħed in konsiderazzjoni fid-definizzjoni ta' benefiċjarja . Fl-1996 u 1997 l-impriża li bbenefikat mill-għajnuna kienet ikkostitwita minn Pollmeier GmbH, Holzverarbeitungsbetrieb, Rietberg, Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG, Creuzburg, u IWS. Dawn it-tliett kumpanniji huma direttament jew indirettament ikkontrollati mis-[Sinjur] Pollmeier hu għandhom attivitajiet ekonomiċi identiċi jew simili, dan jippermetti li jiġi affermat li huma ekonomikament integrati. L-ebda minn dawn il-kumpanniji ma jistgħu jgħidu li jiffurmaw unità ekonomika indipendenti. Il-livell ta' integrazzjoni ekonomika hija biżżejjed sabiex jiġi konkluż li IWS tifforma maż-żewġ segeriji Ewropej ta' Pollmeier unità ekonomika singola u unika.

72.       Jekk jiġu kkunsidrati s-snin finanzjarji ta' l-1996 u l-1997 huwa evidenti li l-benefiċjarju ma kienx SME fl-1998. Fl-1996 in-numru kumulattiv ta' l-impjegati kien ta' 416 u l-fatturat kien ta' 44,8 miljun EUR, u għaldaqstant kien iktar mil-limiti għall-SMEs. Fl-1997 l-benefiċjarju kien jimpjega 465 il-ħaddiem fatturat annwali ta' 66,73 miljun EUR u total fuq il-karta ta' bilanċ ta' 29,19 miljun EUR, dan jfisser ċifra superjuri mil-limitu ffissat għall-SMEs. Konsegwentement il-benefiċjarju għadda l-limiti msemmija waqt żewġ snin finanzjarji konsekuttivi.

 […]

80. Ir-rakkomandazzjoni [96/280] tippreċiża li impriża titlef jew tikseb il-kwalifika ta' SME biss jekk taqbeż il-limiti f'sens jew f'ieħor, għall-sentejn konsekuttivi. Huwa evidenti li l-benefiċjarju fl-1 ta' Ġunju 1998 kien jinsab il-fuq mil-limiti ffissati għall-SMEs. Din iċ-ċirkustanza trid tittieħed in konsiderazzjoni meta, skond l-Artikolu 1(6) ta' l-imsemmija rakkomandazzjoni, tiġi eżaminata l-kwalifika ta' SME ta' l-impriża benefiċjarja. Fil-mument ta' l-għotja ta' l-għajnuna fl-1999 l-informazzjoni fuq l-impriża benefiċjarja kienet niżlet taħt il-livell iffissat għall-SMEs għal anqas minn sena. Għal din ir-raġuni l-[konvenuta] tosserva li l-benefiċjarja ma tikkorrispondix formalment mad-definizzjoni ta' SME u ma jistax jiġi kkunsidrat li fil-mument ta' l-għotja ta' l-għajnuna l-impriża kellha taffronta d-diffikultajiet speċifiċi ta' SMEs.

[…]

82.       Ir-[rikorrenti] tiddubita jekk [il-]bidla fil-kompożizzjoni tal-kapital [ta' IWS] għandiex raġunijiet oħra għajr dik li ddur mad-definizzjoni ta' SME […]

83.       La r-[Repubblika Federali tal-Ġermanja] u lanqas il-benefiċjarju ta' l-għajnuna ma taw ebda ġustifikazzjoni għall-bidla fil-parteċipazzjoni tal-kapital tal-grupp Pollmeier. Milli jidher din ir-ristrutturazzjoni għandha bħala uniku għan dak li tiżgura li r-rikorrenti tista' tibbenefika mill-vantaġġi mogħtija lill-SMEs bħala kumpens għad-diffikultajiet li jridu jiffaċċjaw minħabba d-daqs tagħhom. Ħarsa lill-istruttura tal-grupp Pollmeier, lir-rapporti li jeżistu bejn l-azzjonisti tad-differenti kumpanniji li jiffurmawha u l-interdipendenza ekonomika ta' dawn ma jagħtux l-impressjoni li dan il-grupp isofri minn diffikultajiet ta' l-SMEs, li jirreferu għalihom il-linji gwida Komunitarji. B'mod partikolari [ir-rikorrenti] tibbenefika, fis-suq tat-teknoloġiji tas-segeriji eżistenti, mill-preżenza ta' kumpanniji oħra fil-grupp Pollmeier, u m'għandiex bżonn tgħeleb id-diffikultajiet (teknoloġiċi u ta' distribuzzjoni) marbuta mal-penetrazzjoni tas-suq in kwistjoni.

[…]

86.       Minħabba li l-benefiċjarja ta' l-għajnuna hija impriża kbira l-għajnuna mogħtija tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet ta' sostenn biss sa 35% u għaldaqstant tista' tiġi kkunsidrata għajnuna valida biss sa tali kwota, filwaqt li t-13,18% li jibqa' jrid jitqies bħala għajnuna ġdida. Minħabba li din l-għajnuna ngħatat mingħajr il-kunsens tal-Kummissjoni din trid titqies bħala illegali

[…] "

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19     Ir-rikorrenti ressqet din il-kawża permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim' Istanza fid-29 ta' April 2002.

20     Permezz ta' l-ittra tas-26 ta' Novembru 2002, ir-rikorrenti rrinunzjat għat-talbiet sussidjarji tagħha intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata għall-ammont imsemmi fl-Artikolu 1 li jaqbeż iż-2808319.95 EUR u li jrid jiġi rkuprat.

21      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim' Istanza (Ir-Raba' Awla estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali, u fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni u proċedura msemmija fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim' Istanza, hi talbet lill-parti rikorrenti tippreżenta ċerti dokumenti. Ir-rikorrenti ssodisfat din it-talba fit-terminu mogħti.

22     Il-partijiet għamlu t-trattazzjonijiet tagħhom u wieġbu d-domandi li għamlitilhom il-Qorti tal-Prim' Istanza waqt is-seduta ta' l-4 ta' Marzu 2004.

23     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim' Istanza jogħġobha:

–       –       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

24     Il-konvenuta titlob lill-Qorti tal-Prim' Istanza jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fid-Dritt

25     In sostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka tliet raġunijiet għall-annullament. L-ewwel raġuni hija bbażata fuq żball fl-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 96/280, it-tieni fuq żball ta' evalwazzjoni dwar kif jiġu evitati l-kriterji tad-definizzjoni ta' SME u t-tielet fuq żball fid-dritt u ta' evalwazzjoni fl-integrazzjoni ekonomika u tal-preżenza tad-diffikultajiet karatteristiċi tal-SME.

26     Hemm lok li l-ewwel u t-tielet raġuni jiġu eżaminati flimkien minħabba li fis-sustanza jikkonċernaw l-istess kwistjoni, dwar jekk il-konvenuta setgħetx tagħmel analiżi ta' l-integrazzjoni ekonomika tad-diffikultajiet ekonomiċi li jmorru lill-hinn mill-kriterji ddefiniti fir-Rakkomandazzjoni 96/280.

 Fuq l-ewwel u t-tielet raġuni dwar żball tal-liġi u ta' evalwazzjoni fuq l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjoni 96/280

 Argumenti tal-Partijiet

27     Ir-rikorrenti tosserva li fl-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni 96/280 il-Kummissjoni kkommettiet ruħha għall-interpretazzjoni partikolari tat-tifsira ta' SME. Konsegwentement analiżi separata ta' l-integrazzjoni ekonomika jew tad-diffikultajiet karatteristiċi ta' l-SME mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-kriterji tad-definizzjoni ta' SME hija illegali minħabba li dawk il-kriterji jridu preċiżament jiddeterminaw jekk hemmx integrazzjoni ekonomika jew jekk hemmx diffikultajiet karatteristiċi ta' l-SMEs. Skond ir-rikorrenti .. Skond ir-rikorrenti r-Rakkomandazzjoni 96/280 għandha preċiżament l-għan li tinnormalizza din l-analiżi u li tiggarantixxi wkoll l-ugwaljanza u ċ-ċertezza ġuridika. Jirriżulta minn dan li l-Kummissjoni ma kellhiex il-possibbiltà li tikkunsidra d-daqs ekonomiku effettiv tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna lil hinn mill-istatus formali tiegħu.

28     Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta, b'mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat li r-rikorrenti fiż-żmien rilevanti ma kinitx tissodisfa l-kriterji kollha tad-definizzjoni ta' SMEs. Hija ma tikkontestax il-fatti li jiffurmaw il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata, madankollu hija tosserva li l-konvenuta ma tistax tieħu in konsiderazzjoni l-informazzjoni ekonomika ta' IWS sabiex tevalwa jekk ir-rikorrenti setgħetx titqies bħala SME, fiż-żmien in kwistjoni.

29     F'dan ir-rigward fl-ewwel lok hi tosserva li l-kapital kollu tagħha huwa miżmum direttament jew indirettament mis-Sur Pollmeier. Skond ir-rikorrenti, minħabba li s-Sur Pollmeier huwa persuna fiżika huwa ma jistax jikkostitwixxi impriża skond l-Artikolu 1(3) ta' l-anness tar-Rakkomandazzjoni 96/280. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti kienet tissodisfa l-kriterju ta' indipendenza.

30     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li anki jekk is-Sur Pollmeier jiġi meqjus bħala impriża fis-sens tat-tifsira ta' l-Artikolu 1(3) ta' l-Anness tar-rakkomandazzjoni 96/280, bħala impriża hu kieku jissodisfa l-kriterju tad-definizzjoni ta' l-SMEs.

31     Skond ir-rikorrenti, jekk is-Sur Pollmeier kellu jiġi kkunsidrat bħala impriża għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 1(3) ta' l-Anness tar-Rakkomandazzjoni 96/280, l-figuri dwar din l-"impriża" jridu jiġu ddeterminati billi jingħaddu ċ-ċifri tal-kumpanniji kollha li tagħhom is-Sur Pollmeier kellu direttament jew indirettament 25% jew aktar mill-kapital jew dritt ta' vot fil-mument ta' l-għotja ta' l-għajnuna.

32     F'dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li l-għajnuna ngħatatilha permezz tad-deċiżjoni tat-2 ta' Settembru 1999, liema deċiżjoni ġiet modifikata sostanzjalment fit-12 ta' Mejju 1999.

33     Waqt dan il-perjodu s-Sur Pollmeier żamm direttament jew indirettament 25% jew iktar mill-kapital tal-kumpannija Pollmeier GmbH, Holzverarbeitungsbetrieb, Rietberg, u Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG, Creuzburg, kif ukoll mill-kapital tar-rikorrenti. Madankollu waqt dan il-perjodu M. Pollmeier ma żammx 25% jew aktar mill-kapital ta' IWS jew mid-drittijiet tal-vot fil-bord tad-diretturi ta' din il-kumpannija.

34     Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Artikolu 1(8) ta' l-Anness tar-Rakkomandazzjoni 96/280 jirreferi għall-aħħar sena finanzjarja biss fil-kuntest tal-kalkolu tad-data sabiex jiġu applikati l-kriterji li jiddefinixxu l-SMEs għall-impriża benefiċarja ta' l-għajnuna, u mhux sabiex jiġu ddeterminati l-impriżi li l-figuri tagħhom għandhom jiġu magħduda skond l-Artikolu 1(4), ta' l-Anness ta' l-istess Rakkomandazzjoni. Minn dan jirriżulta li l-figuri dwar l-"impriża" kkostitwita mis-Sur Pollmeier huma l-istess daqs ta' l-ammont "totali" li jidher fil-tabella preżenti fil-punt 70 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, wara li tnaqqsu l-figuri ta' IWS u dawk li t-"total" (mingħajr IWS) jidher fit-tabella fil-paragrafu 73 u fir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna s-Sur Pollmeier kellu inqas minn 25% tal-kapital. Il-figuri ta' l-impriża kkostitwita mis-sur Pollmeier huma għaldaqstant inqas mil-limiti msemmija fl-Artikolu 1(1) ta' l-Anness tar-Rakkomandazzjoni 96/280, b'mod li l-"impriża kkostitwita mis-Sur Pollmeier tissodisfa l-kriterji kollha tad-definizzjoni ta' SMEs. Għaldaqstant ir-rikorrenti tissodisfa wkoll il-kriterji ta' indipendenza msemmija fl-Artikolu 1(3) ta' l-Anness tar-rakkomandazzjoni 96/280.

35     Skond ir-rikorrenti, il-kundizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 1(6) ta' l-Anness tar-Rakkomandazzjoni 96/280 (iktar 'il quddiem ir-"regola tas-sentejn finanzjarji konsekuttivi") huma applikabbli għall-kriterji mniżżla fl-ewwel żewġ inċiżi ta' l-Artikolu 1(1) (limiti marbuta man-numru ta' impjegati u mal-fatturat), u mhux mal-kriterju ta' indipendenza msemmija fl-Artikolu 1(3) jew għal-limitu ta' 25% imsemmi fl-Artikolu 1(4).

36     Ir-rikorrenti tikkonkludi li hi reġgħet saret indipendenti skond l-Artikolu 1(3) ta' l-Anness tar-Rakkomandazzjoni mill-1 ta' Ġunju 1998 u konsegwentement issodisfat il-kriterji kollha għad-definizzjoni ta' SMEs mingħajr ma għandha tingħata l-ebda rilevanza lir-regola taż-żewġ snin finanzjarji konsekuttivi.

37     Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-konvenuta, f'kull każ, għamlet żball fl-evalwazzjoni billi kkunsidrat li jeżisti grupp Pollmeier. Hi ssostni li fir-realtà ma hemmx grupp uniku Pollmeier imma l-iktar hemm grupp ikkostitwit min kumpanniji li fih is-Sur Pollmeier għandu xi ishma mil-"grupp Pollmeier-Rietberg". Hi tikkunsidra li l-fatt biss li hija membru mill-istess familja li għandha l-kapital mhix biżżejjed biex turi integrazzjoni ekonomika ta' dawn il-kumpanniji. Skond ir-rikorrenti, il-parteċipazzjoni ta' 23.25% miżmuma mis-Sur Pollmeier f'IWS mill-1 ta' Ġunju ma tagħtih l-ebda prerogattiva ta' tmexxija jew ta' kontroll. F'dak li jikkonċerna IWS, ir-rikorrenti ssostni b'mod partikolari li s-Sur M. Gottwald, li wara l-1 ta' Ġunju 1998 kien l-uniku garanti responsabbli kien diġà jokkupa din il-pożizzjoni qabel din il-ġurnata. Ir-rikorrenti żżid li s-Sur Pollmeier ma jqattax aktar minn jum jew tnejn fis-sena fl-Istati Uniti.

38     Skond ir-rikorrenti, l-impriża miżmuma mis-Sur Pollmeier ma għandha l-ebda punt in komuni ma l-impriżi li fihom il-membri oħra tal-familja għandhom il-maġġoranza tal-kapital, lanqas fir-rigward ta' klijentela u lanqas fir-rigward tal-fornituri. Dawn l-impriżi joperaw fuq swieq differenti, u ma għandhomx kontabbiltà jew it-tmexxija tal-ħaddiema in komuni.

39     F'dak li jikkonċerna s-sit Intenet www.pollmeier.com, imsemmi fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinnota li din ma ġietx aġġornata għal żmien. Ir-rikorrenti żżid li t-test li jista' jinkiseb mill-konnessjoni mas-sit ta' l-Intenet ma jistax fih innifsu jkun prova ta' integrazzjoni ekonomika.

40     Il-konvenuta osservat fl-ewwel lok li r-rikorrenti ma kellhiex il-kwalità ta' SME meta ngħatat l-għajnuna. Fil-fatt la fl-1998 u lanqas fl-1999 hi ma ssodisfat il-kriterju ta' indipendenza. Il-konvenuta ssostni li, skond id-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta' impriża jinkludi wkoll il-persuni fiżiċi.

41     F'dan ir-rigward hi ssostni li mhuwiex ikkontestat li s-Sur P pollmeier kien jikkontrolla l-kumpannija IWS sa l-1 ta' Ġunju 1998 u li wara hu naqqas il-parteċipazzjoni tiegħu f'din il-kumpannija biss billi ttrasferixxa 41% mill-ishma lil oħtu s-Sinjura Tegelkamp, u 10% mill-ishma lis-Sur Gottwald, billi b'hekk anki wara l-1 ta' Ġunju 1998 l-aħwa Pollmeier flimkien kien għad kellhom id-89% ta' l-ishma ta' IWS. Skond il-konvenuta s-Sur Pollmeier, ħuh u oħtu s-Sinjura Tegelkamp, li flimkien kellhom id-89% tal-kapital ta' IWS, kienu jiffurmaw "entità ta' assoċjati unika".

42     Il-konvenuta tippreċiża li skond hi l-benefiċjarju ta' l-għajnuna fil-kawża huwa l-grupp Pollmeier u mhux ir-rikorrenti biss.

43     Fit-tieni lok, il-konvenuta ssostni li l-istess metodi ta' kalkolu ppreċiżati fl-Artikolu 1(6) sa (8) ta' l-Anness tar-Rakkomandazzjoni 96/280, japplikaw għall-benefiċjarju ta' l-għajnuna u għall-kumpannija "parent".

44     Bħala konsegwenza l-benefiċjarja ta' l-għajnuna tkun SME biss jekk almenu anqas 75.01% mill-azzjonisti jkunu SMEs.

45     Il-konvenuta tikkunsidra li d-definizzjoni ta' l-SME ma tridx tiġi applikatab'mod mekkaniku b'mod mekkaniku u formali. Hi tistma li l-impriżi kollha li jwieġbu formalment għad-definizzjoni ta' SME effetivament ma humiex SME. Bil-kontra r-Rakkomandazzjoni tawtorizza espressament ċerta flessibbiltà, u għaldaqstant il-possibbiltà, li tikkunsidra s-saħħa ekonomika reali tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna indipendentement mill-istatut formali tiegħu.

46     Il-konvenuta tosserva li l-bżonn għall-sigurtà ġuridika u tas-"sigurtà ta' pjanifikazzjoni" tal-SMEs ma' tostakolax il-bżonn li tiġi interpretata.. Skond hi huma preċiżament is-sigurtà ġuridika u s-"sigurtà ta' pjanifikazzjoni" ta' l-SMEs veri li teżiġi li dawn ma jiġux żvantaġġati fir-rapport mal-konkorrenti li s-sitwazzjoni globali tagħhom mhijiex dik ta' SME.

47     F'dak li jikkonċerna l-iżball ta' evalwazzjoni allegat, il-konvenuta ssostni il-konvenuta ssostni li r-rikorrenti ma tistax turi li sofriet id-diffikultajiet strutturali tipiċi ta' SME waqt il-perjodu in kwistjoni. Il-konvenuta tirreferi għas-sit Internet ta' IWS, issa msemmija Harwood, li turi l-approċċ mondjali integrat tal-grupp Pollmeier.

 Il-Kunsidrazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim' Istanza

48     Fl-ewwel lok hemm bżonn li jiġi eżaminat l-argument imressaq mir-rikorrenti li fih tallega li l-konvenuta bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq definizzjoni tat-terminu SME li hija differenti minn dik li tidher fir-Rakkomandazzjoni 96/280 billi tikkunsidra li "l-impriża li bbenefikat mill-għajnuna kienet tinkludi Pollmeier GmbH, Holzverarbeitungsbetrieb, Rietberg, Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG, Creuzburg u IWS".

49     F'dan ir-rigward il-premessa 71 tad-Deċiżjoni kkontestata tipprovdi:

" [...] Fl-1996 u 1997 l-impriża li bbenefikat mill-għajnuna kienet tinkludi Pollmeier GmbH, Holzverarbeitungsbetrieb, Rietberg, Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG, Creuzburg, u IWS. Dawn it-tliet kumpanniji huma kkontrollati direttament jew indirettament mis-Sur Pollmeier u jwettqu attivitajiet ekonomiċi identiċi jew paralleli, ħaġa li tippermetti li jiġi affermat li huma ekonomikament integrati. L-ebda minn dawn il-kumpanniji ma tista' tiġi ddefinita bħala unità ekonomika indipendenti. Il-grad ta' integrazzjoni ekonomika hija biżżejjed biex jiġi konkluż li IWS tifforma entità ekonomika flimkien maż-żewġ segeriji Ewropej ta' Pollmeier."

50     Jaqbel li jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza kostanti, fejn persuni fiżiċi jew morali ġuridikament distinti jikkostitwixxu unità ekonomika, għandhom jiġu ttrattati bħala impriża waħda fir-rigward ta' l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarja (ara f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 1984, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11, u b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tad-29 ta' Ġunju 2000, DSG vs Il-Kummissjoni T-235/95, Ġabra p. II‑2603, punt 124).

51     Fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat, il-kwistjoni jekk hemmx unità ekonomika toħroġ primarjament meta jkun hemm il-kwistjoni jekk hemmx il-benefiċjarju ta' l-għajnuna (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809, punti 11 u 12). F'dan ir-rigward kien ġie deċiż li l-Kummissjoni għandha poter ta' evalwazzjoni kbir sabiex tiddetermina jekk kumpanniji li jiffurmaw parti minn ġrupp għandhomx jiġu kkunsidrati bħala unità ekonomika jew ġuridikament u finanzjarjament awtonomi għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-iskema ta' l-għajnuna mill-Istat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tal-25 ta' Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni T371/94 u T-394/94 Ġabra p. II-2405, punti 313 u 314, u b'analoġija, is-sentenza DSG vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 124).

52     Dan il-poter ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni jimplika t-teħid in konsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi u ta' l-evalwazzjoni ta' fatti u ċirkustanzi ekonomiċi kumplessi. L-imħallef komunitarju ma jistax jissotitwixxi l-evalwazzjoni tal-fatti minn naħa tiegħu, b'mod partikolari fuq il-pjan ekonomiku, għall-dik ta' l-awtur tad-deċiżjoni, il-Qorti tal-Prim' Istanza trid tillimita ruħha, f'dan il-kuntest, għal evalwazzjoni sabiex tiddetermina jekk il-Kummissjoni rrispettatx ir-regoli li jiggvernaw il-proċedura u l-motivazzjoni u l-eżatezza ta' l-informazzjoni u tal-fatti, kif ukoll in-nuqqas ta' żball manifest fuq evalwazzjoni u ta' użu ħażin tal-poter (sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza ta' l-14 ta' Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T-126-99 Ġabra p. II-2427, punt 32).

53     Barra minn hekk jirriżulta mill-istess Artikolu 87(3)KE u mill-Artikolu 88KE li l-Kummissjoni "tista'" tikkunsidra bħala kompatibbli mas-suq Komuni l-għajnuna msemmija fl-ewwel min dawn iż-żewġ dispożizzjonijet. Għaldaqstant minkejja l-Kummissjoni trid tippronunzja ruħha fuq il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta' l-għajnuniet mill-Istat li fuqu hi teżerċita l-kontroll tagħha anki meta dawn ma jkunux ġew innotifikati (ara f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni magħrufa bħala "Boussac", C-301/87, Ġabra p. I-307, punti 15 sa 24), il-Kummissjoni m'għandhiex tiddikjara li dawn l-għajnuniet huma kompatibbli mas-suq komuni (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-409/00, Ġabra p. I‑1487, punt 94).

54     Madankollu hemm lok li jiġi wkoll mfakkar li l-Kummissjoni hija marbuta mal-linji gwida u l-kommunikazzjonijiet li hi adottat fil-qasam tal-kontroll ta' l-għajnuniet mill-Istat, li ma jvarjawx mir-regoli tat-Trattat u li huma aċċettati mill-Istati Membri (sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 95, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-91/01, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 45).

55     Fil-każ in kwistjoni, ir-rikorrenti tikkunsidra, sostanzjalment, li d-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni 96/280 huma fformulati b'mod li ma jħallux lill-Kummissjoni diskrezzjoni fid-definizzjoni tat-terminu SME barra mil-limiti ffissati mill-imsemmija Rakkomandazzjoni.

56     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-punt 1.2 tal-linji gwida dwar il-SME li l-approċċ favorevoli tal-Kummissjoni f'dak li jikkonċerna l-għajnuniet mill-Istat lill-SME huwa ġġustifikat mill-imperfezzjonijiet tas-suq li jfisser li dawk l-impriżi kienu jiffaċċjaw ċertu numru ta' diffikultajiet li jillimitaw l-iżvilupp soċjali u ekonomiku xieraq tagħhom.

57     Jirriżulta mill-punt 3.2 tal-linji gwida tal-SME li sabiex tikkwalifika bħala SME skond il-linji gwida, impriża trid tissodisfa tliet kriterji, jiġifieri n-numru ta' persuni impjegati, il-kriterju finanzjarji u dak ta' l-indipendenza (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 46 u 47).

58     F'dak li jirrigwarda dan l-aħħar kriterju, l-Artikolu 1(3) ta' l-anness tar-Rakkomandazzjoni 96/280 jipprovdi li huma kkunsidrati bħala indipendenti l-impriżi li ma m'għandhomx il-25% jew aktar mill-kapital jew d-drittijiet ta' vot miżmuma minn impriża waħda jew minn ħafna impriżi flimkien li mhumiex konformi mad-definizzjoni ta' SME.

59     L-Artikolu 1(4) ta' l-Anness tar-Rakkomandazzjoni 96/280 tipprovdi wkoll li għall-kalkolu tal-limiti msemmija fl-ewwel paragrafu jridu jiġu magħduda l-figuri ta' l-impriżi benefiċjarji u ta' l-impriżi li hi direttament jew indirettament tikkontrolla 25% tal-kapital tagħhom jew mid-drittjiet tal-vot.

60     F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-parti operattiva ta' att hija indissoċjabbilment marbuta mal-motivazzjoni tiegħu, b'mod li meta trid tiġi interpretata jittieħdu in kunsiderazzjoni r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Mejju 1997 TWD vs Il-Kummissjoni P, Ġabra. p. I-2549, punt 21, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar il-fuq, punt 49).

61     Fil-każ in kwistjoni jirriżulta b'mod ċar mit-tmintax, mid-dsatax, mill-għoxrin u mit-tnejn u għoxrin premessa tar-Rakkomandazzjoni 96/280, kif ukoll mill-punt 3.2 tal-linji gwida ta' l-SME li l-għan tal-kriterju ta' indipendenza hu li jiżgura li l-miżuri ddestinati għall-SMEs jibbenefikaw minnhom verament impriżi li għalihom id-daqs huwa diffikultà u mhux dawk li jiffurmaw parti minn grupp kbir, u li għaldaqstant għandhom aċċess għall-mezzi u għajnuna li l-kompetituri tagħhom ta' l-istess daqs, li ma humiex parti minn grupp kbir, m'għandhomx. Jirriżulta wkoll li biex jintgħażlu biss l-impriżi li effetivament huma SMEs indipendenti, hemm bżonn li jiġu mwarrba l-arranġamenti legali, li fihom SMEs jiffurmaw grupp ekonomiku iktar b'saħħtu minn tali impriża hu huwa neċessarju li jiżguraw li d-definizzjoni ta' SME ma tiġix evitata għall-raġunijiet purament formali.

62     Għaldaqstant l-Artikolu 1(3) u (4) ta' l-Anness tar-Rakkomandazzjoni 96/280 għandu jiġi interpretat fid-dawl ta' dan l-għan, sabiex l-figuri ta' impriża anki waħda li għandha anqas minn 25% tal-kapital tagħha li huwa miżmum minn impriża oħra, iridu jitqiesu għall-kalkolu tal-limiti msemmija fil-paragrafu 1 ta' l-istess Artikolu anki jekk dawn l-impriżi, minkejja li huma formalment distinti, jikkostitwixxu unità (ara, f'dan is-sens, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq punt 51).

63     Jirriżulta li l-poter ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni sabiex tkun tista' tiddetermina jekk kumpanniji li jiffurmaw parti minn grupp jridux jitqiesu bħala unità ekonomika jew bħala ġuridikament u finanzjarjament indipendenti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' skema ta' għajnuniet mill-Istat ma ġiex modifikat bl-eżistenza tal-kommunikazzjonijiet adottati fil-qasam. B'mod partikolari, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra li impriża li tifforma parti minn unità ekonomika ma tissodisfax il-kriterji ta' definizzjoni ta' SME, anki jekk inqas minn 25% ta' dik l-impriża hija miżmuma minn impriża li tifforma parti mill-istess unità ekonomika.

64     Għaldaqstant il-konvenuta setgħet tiddetermina, l-ewwel, jekk ir-rikorrenti kinitx tifforma parti minn grupp li ried jiġi kkunsidrat bħala unità ekonomika, u biss wara dan tivverifika jekk dak il-grupp jissodisfax il-kriterji ta' l-Artikolu 1(1) ta' l-Anness tar-Rakkomandazzjoni 96/280.

65     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tar-rikorrenti li l-konvenuta għamlet żball fid-dritt billi fid-deċiżjoni kkontestata użat definizzjoni tal-kunċett ta' SME li hija differenti min dik li tidher fir-rakkomandazzjoni u fil-linji gwida ta' l-SMEs, ma jistax jiġi milqugħ.

66     Jirriżulta wkoll li l-argument tar-rikorrenti li tikkontesta l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 1(8) ta' l-Anness tar-Rakkomandazzjoni 96/280 għad-determinazzjoni ta' l-impriżi li l-figuri tagħhom jridu jittieħdu in konsiderazzjoni skond il-paragrafu 4 ta' l-imsemmi Artikolu hu mingħajr bażi. Fil-fatt id-domanda jekk l-ishma mill-kapital ta' IWS li għandu s-Sur Pollmeier, mhijiex deċisiva sabiex jiġi evalwat jekk din l-aħħar kumpannija hijiex parti mill-unità ekonomika tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna. Għaldaqstant iċ-ċirkustanza li s-Sur Pollmeier ċeda dawn l-ishma fl-1 ta' Ġunju 1998 fiħa nnifisha m'għandha l-ebda piż fuq is-soluzzjoni tal-preżenti kawża. 

67     Jaqbel ukoll li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni għamlitx żball manifest fl-evalwazzjoni u fil-kunsiderazzjonijiet tagħha li l-kumpannijji miżmuma mis-sur M. Pollmeier u l-familja tiegħu humiex unità ekonomika minħabba li r-relazzjoni bejn ir-rikorrenti u l-kumpannijij l-oħra miżmuma mill-membri tal-familja Pollmeier kienet ta' natura differenti minn dik li ġeneralment hemm bejn impriżi separati u indipendenti.

68     Fil-każ in kwistjoni kien ikkonstatat li r-rikorrenti hija parti minn grupp ta' kumpanniji maħluqa mis-Sur Pollmeier fl-1987. Fil-fatt il-kapital tar-rikorrenti kien kollu kemm hu, wara l-għotja ta' għajnuna, miżmum mill-Kumpannija Pollmeier GmbH, Holzverarbeitungsbetrieb, Rietberg, minħabba li 100% tal-kapital tagħha kien miżmum mis-Sur Pollmeier. Barra minn hekk il-kumpannija Pollmeier GmbH, Holzverarbeitungsbetrieb, Rietberg, kellha 60% tal-kumpannija Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG, Creuzburg, is-Sur Pollmeier kellu direttament il-bqija tal-kapital ta' din il-kumpannija.

69     Għaldaqstant sa l-1 ta' Ġunju 1998 is-Sur Pollmeier kellu 74,25 % ta' l-ishma ta' IWS waqt li ħuh kellu l-bqija. Jiġi kkonstatat ukoll li din il-modifika fl-istruttura tal-kapital saret fl-1 ta' Ġunju 1998, fi kliem ieħor tliett ijiem wara s-27 ta' Mejju 1998 data li fiha r-rikorrenti ppreżentat it-talba tagħha għall-għajnuna ta' l-investiment. Barra min hekk 41% mill-ishma f'IWS miżmuma mis-Sur Pollmeier ġew ittrasferiti lill-oħtu u 10% lis-Sur Gottwald, li mhux parti mill-familja Pollmeier, skond l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti mhux kontradetti fuq dan il-punt. Min dak iż-żmien 89% ta' l-ishma ta' IWS huma miżmuma mis-Sur Pollmeier u minn membri tal-familja tiegħu (ħuh u oħtu).

70     Il-Qorti tal-Prim' Istanza kkonstatat ukoll li r-rikorrenti, kif ukoll il-kumpanniji IWS, Pollmeier GmbH, Holzverarbeitungsbetrieb, Rietberg, u Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG, Creuzburg, għandhom attivitajiet ekonomiċi identiċi jew paralleli li jippermettu li jiġi affermat li dawn il-kumpanniji huma ekonomikament integrati. Il-konvenuta wkoll fil-punti 16 u 17 tad-deċiżjoni kkontestata ressqet dawn il-punti:

" Fuq is-sit Internet tal-grupp Pollmeier, il-kumpanniji varji tal-grupp, inkluża [IWS], jiġu deskritti bħala "postijiet ta' produzzjoni" tal-Grupp Pollmeier […] Id-distribuzzjoni tal-prodotti IWS fl-Ewropa ġiet assigurata, bis-saħħa ta' kuntratt ta' rappreżentazzjoni, minn Pollmeier GmbH, Holzverarbeitungsbetrieb, Rietberg, sas-17 ta' Lulju 1999 […] Sa 1 ta' Ġunju 1998, il-kumpanniji kollha tal-grupp Pollmeier kienu amministrati xi ftit jew wisq direttament mis-[Sur] Pollmeier, permezz ta' Pollmeier GmbH, Holzverarbeitungsbetrieb, Rietberg. Minħabba li jaħdmu fl-istess qasam u huma kkontrollati mill-istess persuna hi ma tgawdi minn ebda awtonomija ekonomika u trid għaldaqstant tiġi kkunsidrata li tifforma parti integrali minn l-istess unika unità".

71     Sabiex tikkontesta dawn il-konstatazzjonijiet, ir-rikorrenti ssostni li s-segeriji ta' Creuzburg u ta' Malchow, minn naħa, u ta' IWS min-naħa l-oħra, ma għandhomx l-istess qasam ta' attività, li huma ma kienux jaħdmu flimkien u li huma ma kellhomx l-istess diretturi. Huma ma kienx għad kellhom aktar il-kontabbiltà komuni jew it-tmexxija tal-persunal in komuni. Ir-rikorrenti żżid li hi stess u IWS mhumiex preżenti fuq l-istess suq. F'dan ir-rigward hi tosserva li s-segeriji ta' Creuzburg u ta' Malchow ikkonċentraw ruħhom fuq l-attività ta' segeriji waqt li IWS kienet tipproduċi pannelli ta' injam inkollati.

72     Madankollu r-rikorrenti ma ressqet l-ebda evidenza sabiex twaqqa' l-osservazzjonijiet tal-konvenuta.

73     Fil-fatt f'dak li jikkonċerna n-nuqqas ta' kontroll komuni bejn l-impriżi differenti li għandhom bħala sid il-familja Pollmeier, ir-rikorrenti ma kkontestatx l-informazzjoni dwar l-ishma li għandha l-familja, imma mingħajr ma tipprovdi l-ebda evidenza dwar dan tgħid li l-fatt li għandha l-ishma ma jurix kontroll reali.

74     Barra min hekk ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda ġustifikazzjoni intiża sabiex turi li minħabba r-rabtiet bejnha u l-kumpanniji l-oħra tal-grupp Pollmeier u x-xebh bejn l-attivitajiet eżerċitati mill-kumpanniji kollha, hi la tista' tibbenefika mill-preżenza tal-kumpanniji l-oħra fil-grupp Pollmeier fuq is-suq u lanqas mit-teknoloġiji tas-segeriji eżistenti. Hi għaldaqstant trid titqies bħala eżentimid-diffikultajiet fl-aċċess għat-teknoloġiji u għar-riżorsi ta' distribuzzjoni neċessarja għall-penetrazzjoni fis-suq in kwistjoni li jiffaċċjaw normalment SMEs. 

75     Għaldaqstant ir-rikorrenti naqset milli turi li l-konvenuta għamlet żball manifest billi kkunsidrat li l-kumpanniji differenti, miżmuma mis-Sur Pollmeier u l-familja tiegħu, jiffurmaw entità ekonomika waħda.

76     Fir-rigward ta' l-akkuża li r-rikorrenti tagħmel lill-Konvenuta, li din ta' l-aħħar naqset milli turi b'mod adegwat il-fatti dwar dan il-punt waqt il-proċedura amministrattiva, hu biżżejjed li jiġi indikat li, jirriżulta mit-talba sabiex jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 88(2) KE dwar l-għajnuna in kwistjoni, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fid-9 ta' Ġunju 2001, li l-konvenuta kkonstatat fil-parti intitolata "Evalwazzjoni" fis-sunt ta' din il-komunikazzjoni li, "skond ċerti indikazzjonijiet l-entitajiet legali differenti li jaħdmu taħt l-istess direzzjoni u [li] l-attivitajiet tagħhom ta' produzzjoni huma kkoordinati daqs li huma impriża waħda". Il-konvenuta żżid li hi " kienet [tiddubita] li l-persuna morali Pollmeier Malchow GmbH biss setgħet titqies bħala l-benefiċjarja ta' l-għajnuna". Barra min hekk kif jirriżulta mill-ittra tat-13 ta' Marzu 2001 li biha l-konvenuta nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 88(2)KE u b'mod partikulari l-kwistjoni Nru 8 li tinsab fiha, li l-konvenuta stiednet lir-Repubblika Federali Ġermaniża sabiex tagħtihom l-informazzjonijiet f'dak li jikkonċerna r-rapporti bejn [is-Sur] Pollmeier, [is-Sur] Ekkerhard Pollmeier u [is-Sinjura] Doris Tegelkamp, b'din ta' l-aħħar li tidher bħala azzjonista u/jew amministratriċi ta' kumpanniji li jiffurmaw parti mill-grupp Pollmeier. L-argument tar-rikorrenti jrid għaldaqstant jiġi mwarrab minħabba li nieqes fil-fatt. 

77     Il-konvenuta setgħet, għaldaqstant, tqis mingħajr ma tikkommetti żball manifest ta' evalwazzjoni, li minħabba r-rabtiet ekonomiċi tagħhom, l-integrazzjoni ta' wħud mill-istrutturi tagħhom u mill-kompożizzjoni tal-kapital tagħhom, ir-rikorrenti, kif ukoll il-kumpanniji WS, Pollmeier GmbH, Holzverarbeitungsbetrieb, Rietberg, u Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG, Creuzburg, iffurmaw l-stess unika unità ekonomika u li għaldaqstant IWS trid tittieħed in kunsiderazzjoni fid-definizzjoni ta' benefiċjarju ta' l-għajnuna.

78     Minħabba li r-rikorrenti ma kkontestatx li bil-figuri dwar IWS il-grupp ma kienx jissodisfa l-kriterji tad-definizzjoni ta' SME, il-konvenuta ġustament ikkonkludiet li l-benefiċjarja ta' l-għajnuna kienet impriża kbira.

79     Jirriżulta li l-konvenuta kellha d-dritt tikkonkludi, fil-punt 86 tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li, " minħabba li l-benefiċjarja ta' l-għajnuna [kienet] impriża kbira, l-għajnuna mogħtija kienet tikkorrispondi mal-kundizzjonijiet tal-programm ta' għajnuna biss sa 35% u setgħat għaldaqstant jiġi kkunsidrat għajnuna valida biss sa dan il-limitu, 13.18% li kien baqa' [kellu] jitqies bħala għajnuna ġdida" u li minħabba li ngħata mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni [kien] illegali".

80     Fl-aħħar nett, minħabba li l-konvenuta setgħet tiddeċiedi, mingħajr ma tagħmel żball ta' dritt u lanqas żball manifest ta' evalwazzjoni, li l-kumpanniji differenti miżmuma mis-Sur Pollmeier u l-familja tiegħu kien jikkostitwixxu unità ekonomika, jirriżulta li independentement mill-applikazzjoni tar-regola li timponi li għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni żewġ snin finanzjarji konsekuttivi, il-benefiċjarju ta' għajnuna qabeż il-limiti previsti mill-kriterji ta' definizzjoni tal-SMEs minħabba li għandha tiġi kkunsidrata l-informazzjoni fuq IWS. Għaldaqstant l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegat ksur ta' l-Artikolu 1(6) ta' l-Anness tar-rakkomandazzjoni 96/280 huma fil-każ in kwistjoni rrilevanti.

81     Jirriżulta li l-ewwel u t-tielet domanda għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni domanda, dwar żball ta' evalwazzjoni li jirrigwarda l-applikazzjoni ħażina tal-kriterji tad-definizzjoni ta' SME.

82     Jirriżulta mill-analiżi ta' l-ewwel u t-tielet domanda tal-Qorti tal-Prim' Istanza li l-kwistjoni ta' l-eventwali applikazzjoni ħażina tal-kriterji tad-definizzjoni ta' SMEs hija mingħajr rilevanza. Fil-fatt il-konvenuta setgħet tikkunsidra, mingħajr ma tagħmel żball ta' dritt u l-anqas żball manifest ta' evalwazzjoni, li l-kumpanniji differenti miżmuma mis-Sur Pollmeier u l-familja tiegħu kienu jikkostitwixxu unità ekonomika, li ma setgħetx titqies bħala SME, jirriżulta minn dan li m'għadux aktar neċessarju li tiġi eżaminata l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' applikazzjoni ħażina.

83     Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, hemm lok li tiġi miċħuda wkoll it-tieni raġuni u għaldaqstant ir-rikors fit-totalità tiegħu.

 Dwar l-ispejjeż

84     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-konvenuta.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-PRIM’ ISTANZA (Ir-Raba’ Sezzjoni Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors għandu jiġi miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Legal

Tiili

Meij

Vilaras

 

       Forwood

Mogħtija f'seduta pubblika fil-Lussemburgu fl-14 ta' Ottubru 2004

Reġistratur

 

       Il-President

H. Jung

 

       H. Legal


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.