Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fit-28 ta’ Jannar 2021 – Direktor na Agentsia “Mitnitsi” vs “IMPERIAL TOBACCO BULGARIA” EOOD

(Kawża C-55/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Direktor na Agentsia “Mitnitsi”

Konvenut: “IMPERIAL TOBACCO BULGARIA” EOOD

Domandi preliminari

L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE 1 u l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat 2 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill-Istati Membri jadottaw qafas ġuridiku li jipprevedi r-rimbors tad-dazji tas-sisa fir-rigward tal-merkanzija, inkluż it-tabakk immanifatturat, li tkun ġiet rilaxxata għall-konsum u li tkun ġiet meqruda taħt sorveljanza doganali?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u fil-każ li l-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw tali qafas ġuridiku ma jitwettaqx, il-persuni kkonċernati jistgħu jinvokaw l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi kif ukoll il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel żewġ domandi u fid-dawl tal-fatti stabbiliti f’din il-kawża, l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jagħti dritt għar-rimbors, fuq sempliċi talba u mingħajr ebda formalità oħra, tad-dazji tas-sisa mħallsa?

____________

1     ĠU 2009, L 9, p. 12.

2     ĠU 2011, L 176, p. 24.