Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tallinna Halduskohus (l-Estonja) fit-28 ta’ Jannar 2021 – Aktsiaselts M.V.WOOL vs Põllumajandus- ja Toiduamet

(Kawża C-51/20)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Qorti tar-rinviju

Tallinna Halduskohus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Aktsiaselts M.V.WOOL

Konvenut: Põllumajandus- ja Toiduamet (früher Veterinaar- ja Toiduamet)

Domandi preliminari

It-tieni kriterju mikrobijoloġiku, jiġifieri li “ma jinstabx f’25g”, kif stabbilit fl-Artikolu 3(1) u fil-punt 1.2 tat-tabella fil-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi applikabbli għall-prodotti tal-ikel 1 , għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dak ir-regolament u tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel 2 u mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar s-saħħa ta’ l-annimali u l-welfare ta’ l-annimali 3 , fis-sens li, fejn l-operatur fis-settur tal-ikel ma kienx fil-pożizzjoni li juri għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-prodotti tal-ikel lesti sabiex jittieklu għajr dawk intiżi għat-trabi jew għal skopijiet mediċi speċjali li jistgħu jiffavorixxu l-multiplikazzjoni ta’ L. monocytogenes ma jaqbżux il-valur ta’ limitu ta’ 100 CFU/g matul il-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa, allura l-kriterju mikrobijoloġiku li “ma jinstabx f’25g” japplika wkoll fi kwalunkwe każ għal prodotti mqiegħda fis-suq matul il-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv: It-tieni kriterju mikrobijoloġiku, jiġifieri li “ma jinstabx f’25g”, kif stabbilit fl-Artikolu 3(1) u fil-punt 1.2 tat-tabella fil-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 2073/2005, għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dak ir-regolament u tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-Regolamenti Nru 178/2002 u Nru 882/2004, fis-sens li, irrispettivament minn jekk l-operatur fis-settur tal-ikel jistax juri għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-prodott tal-ikel ma jaqbiżx il-limitu ta’ 100 CFU/g matul il-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa, allura żewġ kriterji mikrobijoloġiċi alternattivi japplikaw għal dan il-prodott tal-ikel, jiġifieri (1) sakemm il-prodott tal-l-ikel ikun taħt il-kontroll tal-operatur fis-settur tal-ikel, il-kriterju li “ma jinstabx f’25g”, u (2) wara li l-prodott tal-ikel ikun ħalla l-kontroll tal-operatur fis-settur tal-ikel, il-kriterju ta’ “100 CFU/g”?

____________

1     ĠU 2005, L 388, p. 1.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9, u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5.

3     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 200, rettifika fil-ĠU 2015, L 187, p. 91.