Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fit-2 ta’ Frar 2021 – Leinfelder Uhren München GmbH & Co. KG vs E. Leinfelder GmbH, TL, SW, WL

(Kawża C-62/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Leinfelder Uhren München GmbH & Co. KG

Konvenuti: E. Leinfelder GmbH, TL, SW, WL

Domandi preliminari

Il-fatt li l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 tas-6 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja 1 u l-Artikolu 63(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea 2 jipprovdu li applikazzjoni għal revoka ta’ trade mark tal-Unjoni abbażi ta’ nuqqas ta’ użu tista’ tiġi ppreżentata minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika kif ukoll minn kwalunkwe grupp ta’ interessi li għandu locus standi in judicio, jimplika l-ineffettività ta’ ftehim kuntrattwali, li permezz tiegħu terz jinkariga ruħu, fil-konfront ta’ proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni, li ma jippreżentax applikazzjoni għal revoka ta’ dik it-trade mark tal-Unjoni abbażi ta’ nuqqas ta’ użu quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea?

Il-fatt li l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 63(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 jipprovdu li applikazzjoni għal revoka ta’ trade mark tal-Unjoni abbażi ta’ nuqqas ta’ użu tista’ tiġi ppreżentata minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika kif ukoll minn kwalunkwe grupp ta’ interessi li għandu locus standi in judicio, jimplika li sentenza finali ta’ qorti ta’ Stat Membru li tobbliga lill-konvenut jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal revoka ta’ trade mark tal-Unjoni abbażi ta’ nuqqas ta’ użu mressqa minnu stess jew permezz ta’ persuna li tkun ingħatat mandat mingħandu, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fi proċedimenti ta’ revoka quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea u quddiem il-qrati tal-Unjoni?

____________

1     ĠU 2009, L 78, p. 1.

2     ĠU 2017, L 154, p. 1.