Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajowa Izba Odwolawcza (il-Polonja) fid-29 ta’ Jannar 2021 – Konsorcjum: ANTEA POLSKA S.A., “Pectore-Eco” sp. z o.o., Instytut Ochrony Środowiska - Państwowy Instytut Badawczy vs Państwowe Gospodarstwo Wodne Wody Polskie

(Kawża C-54/21)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Krajowa Izba Odwolawcza

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Konsorcjum: ANTEA POLSKA S.A., “Pectore-Eco” sp. z o.o., Instytut Ochrony Środowiska - Państwowy Instytut Badawczy

Konvenut: Państwowe Gospodarstwo Wodne Wody Polskie

Domandi preliminari

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza espressi fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”) jippermettu li l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24 u l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom 2 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2016/943”), b’mod partikolari t-termini “mhux, bħala korp jew fil-konfigurazzjoni preċiża u l-assemblaġġ tal-komponenti tagħha, magħrufa ġeneralment jew aċċessibbli b’mod faċli” u “għandha valur kummerċjali minħabba li hija sigrieta” kif ukoll l-indikazzjoni li “l-awtorità kontraenti ma għandhiex tiddivulga informazzjoni mgħoddija lilha minn operaturi ekonomiċi li hija mniżżla bħala kunfidenzjali”, jiġu interpretati fis-sens li operatur ekonomiku jista’ jikklassifika bħala sigriet kummerċjali kull informazzjoni fuq il-bażi li ma jixtieqx jiżvelaha mal-operaturi ekonomiċi li jikkompetu miegħu?

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza espressi fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 jippermettu li l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24 u l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/943 jiġu interpretati fis-sens li operaturi ekonomiċi li jikkompetu għal kuntratt pubbliku jistgħu jikklassifikaw id-dokumenti indikati fl-Artikoli 59 u 60 tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll fl-Anness XII għad-Direttiva 2014/24, kompletament jew parzjalment, bħala sigriet kummerċjali, b’mod partikolari l-lista ta’ esperjenza miksuba, ir-referenzi, il-lista ta’ persuni proposti biex jimplimentaw il-kuntratt u l-kwalifiki professjonali tagħhom, l-ismijiet u l-kapaċitajiet tal-entitajiet li fuq il-kapaċitajiet tagħhom huma jistrieħu jew is-subappaltaturi tagħhom, fejn dawn id-dokumenti huma meħtieġa bil-għan li jintwera li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-proċedura jew għall-evalwazzjoni konformement mal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-offerta jew għad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-offerta ma’ rekwiżiti oħra tal-awtorità kontraenti inklużi fid-dokumentazzjoni tal-proċedura (avviż tal-kuntratt, speċifikazzjonijiet tal-kuntratt)?

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi, kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza espressi fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 moqrija flimkien mal-Artikoli 58(1), 63(1) u 67(2)(b) tad-Direttiva 2014/24 jippermettu lill-awtorità kontraenti taċċetta d-dikjarazzjoni tal-operatur ekonomiku li tgħid li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi f’persunal meħtieġa mill-awtorità kontraenti jew iddikjarati minnu stess, l-entitajiet li fuq ir-riżorsi tagħhom għandu l-intenzjoni jibbaża lilu nnifsu, jew subappaltaturi, li, konformement mad-dispożizzjonijiet legali għandu juri lill-awtorità kontraenti, kif ukoll simultanjament taċċetta d-dikjarazzjoni tiegħu li l-iżvelar innifsu lill-operaturi ekonomiċi li jikkompetu miegħu tad-data li tirrigwarda lill-imsemmija persuni jew entitajiet (kunjom, isem kummerċjali, esperjenza u kwalifiki) jistgħu jikkawżaw il-“ħtif” tagħhom minn dawn l-operaturi ekonomiċi fejn għaldaqstant ikun meħtieġ li din l-informazzjoni titqies bħala sigriet kummerċjali? Fid-dawl tas-suespost, tali rabta impermanenti bejn l-operatur ekonomiku u dawn il-persuni u entitajiet tista’ titqies bħala prova tad-disponibbiltà ta’ dawn ir-riżorsi u, b’mod partikolari, l-operatur ekonomiku jista’ jingħata punti addizzjonali fejn jidħlu l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-offerta?

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza espressi fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 jippermettu li l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24 u l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/943 jiġu interpretati fis-sens li operaturi ekonomiċi li jikkompetu għal kuntratt pubbliku jistgħu jikklassifikaw bħala sigriet kummerċjali dokumenti meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-konformità tal-offerta mar-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (inkluża fid-deskrizzjoni tas-suġġett tal-kuntratt) jew għall-evalwazzjoni tal-offerta fuq il-bażi tal-kriterji ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari jekk dawn id-dokumenti jikkonċernaw l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, f’dispożizzjonijiet legali jew f’dokumenti oħra aċċessibbli għall-pubbliku b’mod ġenerali jew aċċessibbli għall-persuni interessati, b’mod partikolari jekk din l-evalwazzjoni ma titwettaqx konformement ma’ mudelli oġġettivament paragunabbli kif ukoll indikaturi matematiċi jew fiżiċi li jistgħu jitkejlu u li jistgħu jiġu pparagunati, iżda konformement mal-ġudizzju personali tal-awtorità kontraenti? Konsegwentement, l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24 u l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/943 jistgħu jiġu interpretati fis-sens li dikjarazzjoni ppreżentata mill-operatur ekonomiku flimkien mal-offerta li skontha huwa ser jeżegwixxi s-suġġett speċifiku tal-kuntratt konformement mal-indikazzjonijiet tal-awtorità kontraenti li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt eżaminati u evalwati mill-awtorità kontraenti fid-dawl tal-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti, tista’ tiġi kkunsidrata bħala sigriet kummerċjali ta’ operatur ekonomiku speċifiku, anki jekk l-għażla tal-metodi sabiex jintlaħaq l-effett meħtieġ mill-awtorità kontraenti (is-suġġett tal-kuntratt) hija tal-operatur ekonomiku?

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza espressi fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 moqri flimkien mal-Artikolu 67(4) tad-Direttiva 2014/24 li jiddikjara li l-kriterji tal-għoti ma għandhomx ikollhom l-effett li jagħtu lill-awtorità kontraenti libertà mingħajr restrizzjonijiet għall-għażla, li għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ kompetizzjoni effettiva u li għandhom jippermettu li l-informazzjoni mogħtija mill-offerenti tiġi vverifikata b’mod effettiv sabiex jiġi evalwat kemm l-offerti jissodisfaw il-kriterji tal-għoti, jippermettu lill-awtorità kontraenti tistabbilixxi kriterju ta’ evalwazzjoni tal-offerti speċifiku, b’mod partikolari kriterju li huwa evalwat konformement mal-ġudizzju personali tal-awtorità kontraenti, anki jekk diġà fil-mument ta’ introduzzjoni ta’ dan il-kriterju jkun magħruf li l-operaturi ekonomiċi ser ikopru bis-sigriet kummerċjali l-parti tal-offerta relatata ma’ dan il-kriterju, mingħajr ma l-awtorità kontraenti topponi dan, fejn konsegwentement l-operaturi ekonomiċi kompetituri, li ma jkunux jistgħu jivverifikaw l-offerti tal-kompetitur u ma jkunux jistgħu jipparagunawhom mal-offerti tagħhom infushom, jistgħu jieħdu l-impressjoni li l-eżami u l-evalwazzjoni tal-offerti mill-awtorità kontraenti hija kompletament diskrezzjonali?

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza espressi fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 moqri flimkien mal-Artikolu 67(4) tad-Direttiva 2014/24 li jiddikjara li l-kriterji tal-għoti ma għandhomx ikollhom l-effett li jagħtu lill-awtorità kontraenti libertà mingħajr restrizzjonijiet għall-għażla, li għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ kompetizzjoni effettiva u li għandhom jippermettu li l-informazzjoni mogħtija mill-offerenti tiġi vverifikata b’mod effettiv sabiex jiġi evalwat kemm l-offerti jissodisfaw il-kriterji tal-għoti, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-awtorità kontraenti tistabbilixxi tali kriterju ta’ evalwazzjoni tal-offerta bħalma, fil-proċeduri ta’ sejħa għal offerti preżenti, huma l-kriterji ta’ “kunċett ta’ żvilupp ta’ proġett” u “deskrizzjoni tal-modalitajiet tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt”?

L-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi 3 , iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar proċeduri ta’ reviżjoni”, li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw lill-operaturi ekonomiċi l-possibbiltà ta’ reviżjoni effettiva mid-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet kontraenti kif ukoll id-disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni għall-persuna li għandha interess li tikseb il-kuntratt speċifiku u li ġarrbet danni jew li tista’ ġġarrab danni b’riżultat ta’ ksur allegat, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni mill-organu ta’ arbitraġġ, li d-dokumenti kklassifikati bħala kunfidenzjali mill-operaturi ekonomiċi fi proċedura speċifika ma jikkostitwixxux sigriet kummerċjali, liema konstatazzjoni tirriżulta fil-fatt li l-awtorità kontraenti tiġi ordnata tiżvelahom u tqegħedhom għad-dispożizzjoni tal-operaturi ekonomiċi kompetituri – jekk dan l-effett ma jirriżultax direttament mid-dispożizzjonijiet tal-liġi – toħloq l-obbligu għall-organu ta’ arbitraġġ li jagħti deċiżjoni li tippermetti lill-operatur ekonomiku jressaq talba għal reviżjoni mill-ġdid – fid-dawl tal-portata li tirriżulta mill-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, li dwarhom preċedentement huwa ma kellux għarfien u fejn għaldaqstant ma setax jagħmel użu effettiv mir-rimedji legali – fil-konfront ta’ att li minnu reviżjoni ma tkunx possibbli inkwantu t-terminu għat-tressiq ta’ din ir-reviżjoni jkun skada, pereżempju billi jkunu ġew annullati l-eżami u l-evalwazzjonijiet tal-offerti li fir-rigward tagħhom id-dokumenti inkwistjoni ġew ikklassifikati bħala sigriet kummerċjali?

____________

1 ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68.

2 ĠU 2016, L 157, p. 1.

3 ĠU 2007, L 335, p. 31, rettifika fil-ĠU 2018, L 176, p. 23.