Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ġunju 2013 – Adorisio et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-321/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Stefania Adorisio (Ruma, l-Italja) u 367 oħra (rappreżentanti: F. Sciaudone, L. Dezzani, D. Contini, R. Sciaudone u S. Frazzani, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Frar 2013 (C(2013) 1053 finali), dwar għajnuna mill-Istat SA.35382 (2013/N) – Il-Pajjiżi l-Baxxi (Għajnuna SNS REAAL 2013), (ĠU 2013 C 104, p. 3);

tordna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li:

il-miżuri ta’ għajnuna kkontestati ma jirrigwardawx ċirkustanzi eċċezzjonali, iżda pjuttost mal-falliment fil-ġestjoni tal-SNS REAAL u mal-kapaċitajiet limitati ta’ negozju tiegħu;

it-tfixkil allegat fl-ekonomija tal-Pajjiżi l-Baxxi ma hijiex serja. L-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi ma pproduċewx prova dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet soċjali u ekonomiċi serji;

L-allegat tfixkil ma jikkonċernax lanqas settur wieħed sħiħ mill-ekonomija kollha, aħseb u ara kemm jikkonċerna l-ekonomija kollha tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-fatt, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ma pproduċix prova li l-falliment tal-SNS Bank kien ser ikollu implikazzjonijiet sistematiċi fuq l-iskema finanzjarja tal-Pajjiżi l-Baxxi u, iktar globalment, fuq l-ekonomija tal-Pajjiżi l-Baxxi kollha u, f’dan ir-rigward, ma pproduċix stima kwantitattiva tal-konsegwenzi potenzjali ta’ insolvenza tal-bank fuq l-ekonomija kollha.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/99 1 , peress li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi numru ta’ kundizzjonijiet imposti mill-Kummissjoni u intiżi li jemendaw il-miżuri nnotifikati ta’ għajnuna, fatt li jmur kontra l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/99. Fil-fatt, skont dispożizzjoni bħal din, il-Kummissjoni ma tingħatax, waqt il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, is-setgħa sabiex tintervjeni fuq il-miżura nnotifikata ta’ għajnuna mill-Istat u sabiex tbiddilha permezz ta’ kundizzjonijiet jew talbiet oħra imposti fuq l-Istati Membru.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/99, peress li kien hemm elementi u ċirkustanzi li jipproduċu l-prova li kien hemm dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri mas-suq intern, bħal pereżempju l-inkonsistenza bejn id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni “li l-banek tal-Pajjiiżi l-Baxxi marru tajjeb fl-aħħar rawnd tat-testijiet tal-istress tal-ABE (NB: Awtorità Bankarja Ewropea) grazzi għal piż favorevoli tal-assi mwieżna skont ir-riskju (inkluż self ipotekarju) u għandhom ikunu jifilħu livell għoli ta’ nuqqasijiet” u l-aċċettazzjoni passiva tal-argument tal-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi li s-settur Bankarju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa minflok dgħajjef u li l-użu tal-SGD tal-Pajjiżi l-Baxxi (Skema tal-Garanziji tad-Depożiti) kien ser idgħajjef is-settur, jew il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata fiha kundizzjonijiet li jirrappreżentaw indikazzjoni oħra ċara li l-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni kien neċessarju.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti, peress li:

ma hemm l-ebda evidenza li l-ilment tar-rikorrenti kontra l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat kien jagħmel parti minn xi investigazzjoni u analiżi. Fil-fatt, ma sar l-ebda riferiment għalih fid-deċiżjoni kkontestata;

ir-rikorrenti ma kinux informati bi kwalunkwe mod dwar id-deċiżjoni kkontestata.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li:

l-implementazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma jistgħux jiksru d-drittijiet l-oħra tal-UE, bħad-dritt għall-proprjetà. Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ma setatx tistrieħ fuq l-esproprjazzjoni tal-investiment mingħajr ma tanalizza għal tal-inqas jekk dik l-azzjoni kinitx qiegħdha ssir skont il-liġi. L-esproprjazzjoni hija minnha nnifisha ksur tad-dritt għall-proprjetà u l-Kummissjoni ma setatx tinjora din iċ-ċirkustanza fl-evalwazzjoni tagħha;

il-Kummissjoni missha vverifikat il-kundizzjonijiet u t-termini ta’ din it-tip ta’ esproprjazzjoni, sabiex tiddeċiedi jekk hija kinitx element li setgħat tistrieħ fuqha fl-evalwazzjoni tal-miżuri għall-għajnuna.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 8, Vol. 1, p. 339).