Language of document : ECLI:EU:F:2013:64

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

16 ta’ Mejju 2013

Kawża F‑104/10

Mario Alberto de Pretis Cagnodo

Serena Trampuz de Pretis Cagnodo

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Sigurtà soċjali – Marda gravi – Kunċett – Rikoveru l-isptar – Teħid ta’ responsabbiltà – Ħlas dirett mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet – Assenza ta’ limiti massimi fid-Dispożizzjonijiet Ġenerali tal-Implementazzjoni (DĠI) għall-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni – Obbligu li l-affiljat jiġi informat minn qabel fil-każ ta’ fatturazzjoni eċċessiva”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu M.A.  de Pretis Cagnodo u l-konjuġi tiegħu S. Trampuz de Pretis Cagnodo, jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ta’ Ispra (l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet”) tal-iskema komuni tal-assigurazzjoni tal-mard (iktar ’il quddiem l-“iSKAM”), hekk kif jirriżultaw mill-karta li tindika l-ħlas Nru 10, tal‑1 ta’ Ottubru 2009, li jiċħdu r-rimbors ta’ 100 % tal-ispejjeż ta’ rikoveru l-isptar tar-rikorrenti, inkorsi bejn it‑13 ta’ Frar 2009 u l‑25 ta’ Marzu 2009, u li jżommu lir-rikorrenti responsabbli għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 28 800 għall-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni matul ir-rikoveru l-isptar ikkunsidrati bħala eċċessivi.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ta’ Ispra (l-Italja), kif tirriżulta mill-karta li tindika l-ħlas Nru 10, tal‑1 ta’ Ottubru 2009, li M.A. de Pretis Cagnodo jinżamm responsabbli għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 28 800 għall-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni ta’ S. Trampuz de Pretis Cagnodo, meqjusa bħala eċċessivi, hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati l-ispejjeż kollha sostnuti minn M.A. de Pretis Cagnodo u S. Trampuz de Pretis Cagnodo.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Locus standi – Persuni li jaqgħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal – Kunċett – Konjuġi ta’ ex uffiċjal – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1), u l-Artikolu 90)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni ċara u preċiża tal-motivi invokati – Interpretazzjoni flessibbli

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 19, subparagrafu 4 u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(e))

3.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Mard rikonoxxut bħala ta’ “serjetà komparabbli” għal dak espressament imsemmi fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal – Kriterji ffissati mill-Kummissjoni – Natura kumulattiva

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu72)

4.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Marda gravi – Rifjut ta’ rikonoxximent – Stħarriġ ġudizzjarju – Limitu – Tqegħid inkunsiderazzjoni ta’ evalwazzjonijiet mediċi maħruġa regolarment

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 72(1), 73 u 78)

5.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Spejjeż tal-mard – Rimbors – Teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż relatati ma’ rikoveru l-isptar – Obbligu li mat-talba għal teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tiġi annessa kwotazzjoni tal-ispejjeż eżiġibbli – Assenza

(Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ mard, Artikolu 52)

6.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Spejjeż tal-mard – Rimbors – Obbligi tal-istituzzjonijiet – Rispett tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura fil-każ ta’ fatturazzjoni eċċessiva – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ mard, Artikoli 43 u 52; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 27)

1.      Istituzzjoni ma tistax validament tallega li l-konjuġi ta’ ex uffiċjal ma għandux locus standi sabiex jippreżenta waħdu, b’konjizzjoni tal-fatti, osservazzjonijiet dwar deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rimbors tal-ispejjeż tiegħu ta’ rikoveru l-isptar, jew saħansitra biex iressaq ilment kontra l-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-konjuġi ta’ ex uffiċjal huwa kopert kontra r-riskji ta’ mard. Għalhekk l-imsemmi konjuġi huwa persuna msemmija mir-Regolamenti tal-Persunal fis-sens tal-Artikolu 90 ta’ dan it-test u jista’ jew iressaq talba quddiem l-Awtorità tal-Ħatra fejn jistedinha tieħu deċiżjoni fir-rigward tiegħu, jew iressaq ilment dirett kontra att li jikkawżalu preġudizzju.

(ara l-punti 51 u 56)

2.      Skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża kif ukoll il-motivi u l-argumenti fattwali u legali invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra.

Sa fejn l-użu tal-mudell ta’ rikors li jidher fuq Curia, is-sit elettroniku tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-parti rriżervata għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, taħt ir-rubrika “Informazzjoni utli”, ma huwiex obbligatorju għall-partijiet, meta jeżamina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 35(1)(e) ġewx issodisfatti, u sakemm il-motivi u l-argumenti fattwali u legali invokati jistgħu jiġu identifikati, it-Tribunal għandu jagħti lil din id-dispożizzjoni interpretazzjoni flessibbli biżżejjed sabiex jiġi rrispettat id-dritt, mogħti lir-rikorrenti permezz tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I għall-istess statut, li jagħżlu bil-libertà kollha l-avukat tagħhom, indipendentement mill-Istat fejn dan l-avukat jista’ jeżerċita l-professjoni tiegħu.

(ara l-punti 57 u 59)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 1 ta’ Diċembru 2010, Gagalis vs Il‑Kunsill, F‑89/09, punti 36 u 37

3.      Fir-rigward tal-għarfien ta’ marda gravi, il-kriterji msemmija fil-punt 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni dwar ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi, adottati mill-Kummissjoni, jiġifieri pronjożi li ħajjet il-pazjent tinsab f’perikolu, żvilupp kroniku, il-ħtieġa għal miżuri dijanjostiċi u/jew terapewtiċi serji, u l-preżenza jew ir-riskju ta’ diżabbiltà gravi, huma kriterji kumulattivi. B’hekk, il-fatt li kriterju wieħed biss minnhom ma ġiex issodisfatt jiġġustifika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrifjuta li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ marda gravi.

Dawn il-kriterji ma jidhrux li huma manifestament inadegwati jew żbaljati fid-dawl tal-għan imfittex, jiġifieri li jiġi identifikat il-mard ta’ “serjetà [gravità] komparabbli” għal dak espressament imsemmi fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, l-erba’ mardiet espressament imsemmija fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu, f’ċertu numru ta’ każijiet, ikollhom konsegwenzi fiżiċi jew psikiċi ta’ ċerta gravità, konsegwenzi li jieħdu fit-tul jew li jkunu kroniċi u li jeżiġu miżuri terapewtiċi serji li jeħtieġu li d-dijanjożi ta’ qabel tkun waħda ċara, liema fatt jippresupponi analiżi jew investigazzjonijiet speċifiċi. Dan il-mard jista’ wkoll jesponi lill-persuna kkonċernata għal riskju ta’ diżabbiltà serja. Barra minn hekk, mill-kliem innifsu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, anki jekk ikunu waħda mill-erba’ mardiet imsemmija espressament f’dak l-artikolu, huma biss dawk il-każijiet li jkunu ta’ ċerta gravità li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala marda gravi u b’hekk il-persuna kkonċernata tkun tista’ tibbenefika mill-iktar skema favorevoli applikabbli f’każ li tiġi rikonoxxuta tali marda.

(ara l-punti 75 sa 78)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 28 ta’ Settembru 2011, Allen vs Il‑Kummissjoni, F-23/10, punti 49 sa 51

4.      Fir-rigward, ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tan-natura gravi tal-marda tal-konjuġi ta’ ex uffiċjal, huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jeżamina jekk l-Awtorità tal-Ħatra evalwatx korrettement il-fatt u applikatx eżattament id-dispożizzjonijiet legali rilevanti. Għaldaqstant, għandu jkun it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju limitat li huwa mitlub jeżerċita fil-qasam mediku, li jeżamina jekk, sabiex tirrifjuta li tikkwalifika bħala gravi l-marda li kienet teħtieġ ir-rikoveru l-isptar tar-rikorrenti, l-imsemmija awtorità wettqitx żball manifest meta mill-konstatazzjonijiet mediċi li ġiet mgħarrfa bihom, li dwarhom it-Tribunal ma jistax jagħti deċiżjoni sakemm l-amministrazzjoni ma tkunx żnaturat il-portata tagħhom, iddeduċiet li dawn il-kriterji ma kinux ġew issodisfatti b’mod kumulattiv.

F’dan ir-rigward, fejn jikkonċerna l-hekk imsejħa evalwazzjonijiet mediċi li jsiru minn kummissjoni medika, jew anki minn kummissjoni ta’ invalidità, kummissjonijiet li r-regoli operattivi tagħhom joffru garanziji ta’ ekwilibriju bejn il-partijiet u ta’ oġġettività, fejn l-opinjonijiet espressi b’mod unilaterali jirriżultaw mill-uffiċjali mediċi tal-istituzzjonijiet, ma jagħtux l-istess livell ta’ garanzija fir-rigward tal-ekwilibriju bejn il-partijiet.

Għaldaqstant, għandu jkun it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta jagħti deċiżjoni dwar rifjut ta’ rikonoxximent tal-eżistenza ta’ marda gravi, li jwettaq stħarriġ iktar iddettaljat minn dak li jagħmel fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 73 jew tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, wara l-intervent tal-kummissjoni medika jew tal-kummissjoni ta’ invalidità. Madankollu, jidher ċar li qorti ma għandhiex il-kompetenzi meħtieġa fil-qasam mediku sabiex tkun tista’ tivvalida jew tinvalida evalwazzjoni medika, jiġifieri tarbitra bejn diversi evalwazzjonijiet mediċi kontradittorji.

Madankollu, anki jekk l-istħarriġ tagħha ma jkoprix l-evalwazzjonijiet strettament mediċi bħal dawk li jirrigwardaw il-gravità ta’ marda, il-qorti – meta rikorrent jikkontesta l-evalwazzjoni li tkun saret tas-sitwazzjoni tiegħu mill-amministrazzjoni billi jikkritika l-opinjoni medika li fuqha hija tkun ibbażat ruħha – għandha tiżgura ruħha li l-uffiċjal mediku jkun wettaq eżami konkret u ddettaljat tas-sitwazzjoni sottomessa lilha. Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li hija l-amministrazzjoni li għandha tistabbilixxi li tkun saret tali evalwazzjoni.,

(ara l-punt 79 sa 81, 84, 85 u 87)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Jannar 1988, Biedermann vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 2/87, punt 8

Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ Marzu 1993, Blackman vs Il‑Parlament, T‑33/89 u T‑74/89, punt 44; 7 ta’ Novembru 2002, G vs Il‑Kummissjoni, T‑199/01 punt 59; 12 ta’ Mejju 2004, Hecq vs Il‑Kummissjoni, T‑191/01, punt 63

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 18 ta’ Settembru 2007, Botos vs Il‑Kummissjoni, F‑10/07, punt 41, Allen vs Il‑Kummissjoni, ċċitata iktar ’il-fuq, punti 68 sa 71 u 76

5.      Fir-rigward ta’ talba ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-ispejjeż ta’ rikoveru l-isptar taħt id-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 52 tal-leġiżlazzjoni komuni dwar il-kopertura tar-riskji ta’ mard tal-uffiċjali, ma jistax jiġi lmentat li l-persuna kkonċernata ma pprovdietx dokument bil-miktub li għandu valur probatorju relatat mal-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni li kien ser isostni. Fil-fatt, anki jekk ikun aħjar li l-persuni affiljati jkollhom tali dokument, ma hemmx dispożizzjoni, la fir-Regoli Komuni u lanqas fid-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni, li tobbligahom jiksbu kwotazzjoni xierqa u li jibagħtuha lill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet flimkien mat-talba għal teħid ta’ responsabbiltà.

(ara l-punt 108)

6.       Abbażi tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni u, b’estensjoni, l-Uffiċċji responsabbli għall-ħlasijiet tal-iskema komuni tal-assigurazzjoni tal-mard (SKAM), li l-ħolqien tagħhom jirriżulta fost il-missjonijiet tal-amministratur ta’ din tal-aħħar u li l-kontroll tagħha, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, huwa żgurat mill-uffiċċju ċentrali, għandhom għalhekk joqgħodu attenti sabiex ma jużawx il-fondi tal-iSKAM biex iħallsu fatturi relatati ma’ rikoveru l-isptar li l-ammonti tagħhom ikunu, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, sproporzjonati meta pparagunati mal-medja tan-nefqa għal servizzi simili fil-pajjiż fejn ikunu ġew sostnuti l-ispejjeż. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, applikabbli b’analoġija għall-ġestjoni tal-iSKAM skont l-Artikolu 43 tal-leġiżlazzjoni komuni dwar il-kopertura tar-riskji ta’ mard tal-uffiċjali, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-implementazzjoni tad-dħul u tal-ħruġ skont prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u f’konformità mal-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effikaċja.

Bl-istess mod, fil-kuntest tat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż minħabba rikoveru l-isptar, il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, għandha d-dmir ta’ premura fir-rigward tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, benefiċjarju tal-iSKAM. Dan id-dmir ta’ premura jobbliga lill-Kummissjoni u b’estensjoni lill-Uffiċċji responsabbli għall-ħlasijiet tal-iSKAM, f’każ li jirċievu fattura ta’ ammont għoli ħafna li fiha, filwaqt li s-servizzi mediċi huma elenkati u deskritti, l-akkomodazzjoni tiġi sempliċement iffatturata għal ammont speċifiku għal kull jum, mingħajr ebda dettall dwar it-tip ta’ kamra jew is-servizzi supplimentari li jistgħu jiġġustifikaw ammont daqstant għoli, li ma jħallsux immedjatament tali fattura, anki jekk ikunu ħadu r-responsabbiltà għall-ispejjeż, iżda li jiksbu informazzjoni bil-miktub min-naħa tal-isptar awtur tal-fattura u, ukoll, li jinformaw lill-persuna affiljata li, fl-aħħar mill-aħħar, l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet għandu jimputalha, fil-parti l-kbira tal-każijiet, mill-inqas perċentwali tal-ispejjeż ta’ rikoveru l-isptar iffatturati u, possibbilment, kif ġara f’dan il-każ, l-ispejjeż kollha kkunsidrati bħala eċċessivi.

(ara l-punti 111 sa 114)