Language of document : ECLI:EU:T:2015:595

Kawża T‑245/13

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“FAEGG – Sezzjoni ‘Garanzija’ – FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Skema ta’ pagament uniku – Verifiki ewlenin – Verifiki sekondarji – Artikoli 51, 53, 73 u 73a tar-Regolament (KE) Nru 796/2004”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Settembru 2015

1.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEGG, mill-FAEG u mill-FAEŻR – Clearance tal-kontijiet – Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż li jirriżultaw minn irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Kontestazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat – Oneru tal-prova – Tqassim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru

(Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, Artikolu 31(1))

2.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Skemi ta’ għajnuna diretta – Regoli komuni – Skema ta’ pagament uniku – Allokazzjoni indebita ta’ ċerti drittijiet għall-pagament li affettwaw il-valur totali tad-drittijiet allokati – Konsegwenzi – Obbligu għall-Kummissjoni li twettaq evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur unitarju tal-imsemmija drittijiet – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 73/2009; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 796/2004, Artikoli 73 u 73a, u Nru 239/2005, premessa 15)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika

4.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Skemi ta’ għajnuna diretta – Regoli komuni – Skema ta’ pagament uniku – Allokazzjoni indebita tal-għajnuna abbażi ta’ drittijiet għall-pagament indebitament allokati minħabba żbalji fir-rigward tas-superfiċji eliġibbli – Konsegwenzi – Obbligu li l-ammont tal-għajnuna mħallsa jiġi rimborsat – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 729/70, Nru 1258/1999, Nru 1290/2005 u Nru 73/2009, Artikolu 34(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2004, Artikoli 73 u 73a)

5.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll dwar ċerti skemi ta’ għajnuna – Tnaqqis u esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet żejda – Superfiċji ddikjarata f’talba għal għajnuna li teċċedi dik stabbilita waqt verifika – Sanzjoni – Kalkolu abbażi tad-drittijiet għall-pagament iddikjarati mill-bidwi – Obbligu li jittieħed kont ta’ evalwazzjoni mill-ġdid minn qabel tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament fil-każ ta’ allokazzjoni indebita ta’ dawn id-drittijiet – Assenza

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2004, punt 22 tal-Artikolu 2, u Artikoli 50(2) u (3), u 51(1))

6.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll dwar ċerti skemi ta’ għajnuna – Tnaqqis u esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet żejda – Nuqqas ta’ applikazzjoni fil-każ ta’ dikjarazzjoni f’talba għal għajnuna ta’ superfiċji ogħla mid-drittijiet għall-pagament iddikjarati, iżda tissodisfa l-kriterji l-oħra kollha ta’ ammissibbiltà – Teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet għall-pagament kif evalwati mill-ġdid wara l-konstatazzjoni tan-natura indebita tal-allokazzjoni ta’ dawn id-drittijiet – Esklużjoni

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2004, Artikoli 50(2), 51(2a), u 73a)

7.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll dwar ċerti skemi ta’ għajnuna – Tnaqqis u esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet żejda – Miżuri li jikkostitwixxu sanzjoni amministrattiva – Possibbiltà ta’ applikazzjoni retroattiva tar-regoli previsti mir-Regolament Nru 1122/2009 bħala sanzjonijiet inqas severi – Assenza – Nuqqas ta’ natura ta’ sanzjoni tal-imsemmija regoli

(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 2(2); Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 796/2004, Artikolu 51, u Nru 1122/2009, it-tieni inċiż tal-Artikolu 57(2))

8.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEGG, mill-FAEG u mill-FAEŻR – Clearance tal-kontijiet – Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż li jirriżultaw minn irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa deċiża mill-Kummissjoni konformement mal-linji gwida interni adottati dwar il-qasam – Applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-imsemmija linji gwida interni fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet tal-fondi li ma humiex il-FAEGG – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, Artikolu 31(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 64-67, 173, 183)

2.      Ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 73/2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, ma tipprevedi espressament il-possibbiltà li timmodifika d-drittijiet għall-pagament ta’ bidwi li rċieva numru għoli wisq ta’ drittijiet għall-pagament meta saret l-allokazzjoni inizjali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, jipprovdi regoli relatati mal-irkupru tad-drittijiet allokati indebitament li minnhom jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi li huma jsemmu, id-drittijiet għall-pagament jistgħu jkunu suġġetti għal kalkolu ġdid. Din id-dispożizzjoni tipproċedi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 239/2005 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament Nru 796/2004, li permezz tiegħu hija ġiet inkluża fir-Regolament Nru 796/2004, mir-rieda li jiġu ffissati regoli għall-każ fejn bidwi indebitament irċieva ċerta kwantità ta’ drittijiet għall-pagament jew għall-każ fejn il-valur ta’ kull wieħed mid-drittijiet għall-pagament ġie stabbilit fuq livell żbaljat.

F’każ fejn l-allokazzjoni indebita ta’ ċerti drittijiet għall-pagament tkun affetwat kemm il-valur unitarju kif ukoll il-valur totali tad-drittijiet għall-ħlas allokati lil bidwi, fis-sens li l-valur unitarju saritlu evalwazzjoni mnaqqsa filwaqt li l-valur totali saritlu evalwazzjoni żejda, l-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004 ma jipprevedi ebda evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 73a(1) tar-Regolament Nru 796/2004, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni la tipprovdi u lanqas teskludi espliċitament evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-ħlas wara li jkun sar l-irkupru tad-drittijiet allokati indebitament. F’dan ir-rigward, il-preċiżazzjoni, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 73a(1) ta’ dan ir-regolament, li d-drittijiet allokati indebitament għandhom jitqiesu li ma ġewx attribwiti sa mill-bidu ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija timponi li ssir tali evalwazzjoni mill-ġdid. Min-naħa l-oħra, din il-preċiżazzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 73a(4) tal-imsemmi regolament u għandha tiġi interpretata fis-sens li għandha bħala għan waħdieni li tindika li l-għajnuna, jekk ikun il-każ, mogħtija abbażi ta’ drittijiet allokati indebitament hija min-naħa tagħha indebita, inkwantu għandha, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 796/2004, tiġi rrestitwita.

Tali evalwazzjoni mill-ġdid ’il fuq lanqas ma tista’ tirriżulta mill-Artikolu 73a(2), tar-Regolament Nru 796/2004. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi biss evalwazzjoni mill-ġdid l-isfel tad-drittijiet għall-pagament. Din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija timponi evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid ’il fuq tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament meta, fil-każ ta’ allokazzjoni indebita ta’ ċerti drittijiet għall-pagament u ta’ evalwazzjoni mnaqqsa tal-valur unitarju tad-drittijiet allokati, tkun saret evalwazzjoni żejda tal-valur totali tad-drittijiet allokati.

(ara l-punti 82, 83, 87, 88, 93, 95-97)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 85)

4.      Meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għoti ta’ għajnuna, l-esklużjoni li twassal għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tammontax għal sanzjoni, iżda għal sempliċi konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet previsti mil-liġi. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-Artikolu 73(1) tar-Regolament Nru 796/2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament Nru 1782/2003, mingħajr ma ssir evalwazzjoni mill-ġdid minn qabel tad-drittijiet għall-pagament ma tikkostitwixxix sanzjoni għall-bidwi, meta din tkun twassal għall-irkupru tal-ammonti ogħla mir-riskju reali għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FEAG). Fil-fatt, minn naħa, konformement mal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 73/2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, l-għajnuna tingħata għad-drittijiet għall-pagament attivati, jew għad-drittijiet għall-pagament li jinkludu numru korrispondenti ta’ ettari eliġibbli. Għalhekk, żball fir-rigward tas-superfiċji eliġibbli fi kwalunkwe każ jaffettwa l-ammont tal-għajnuna mħallsa kollha kemm hi. Min-naħa l-oħra, għajnuna mogħtija abbażi ta’ drittijiet għall-pagament indebitament allokati tikkostitwixxi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet magħquda tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 73a(1) tar-Regolament Nru 796/2004 u tal-Artikolu 73a(4) tal-istess regolament, għajnuna indebita li għandha tiġi rkuprata konformement mal-Artikolu 73 tal-imsemmi regolament.

Barra minn hekk, fl-assenza ta’ kull dispożizzjoni li tipprevedi, fil-każ ta’ allokazzjoni indebita ta’ ċerti drittijiet għall-pagament li affettwaw il-valur totali tad-drittijiet għall-pagament, l-evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur unitarju tagħhom ’il fuq, interpretazzjoni li skontha għandha ssir evalwazzjoni mill-ġdid qabel ma jiġi applikat l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 796/2004 hija inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tal-kundizzjonijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż fil-kuntest tar-Regolament Nru 729/70, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1258/1999, li, min-naħa tiegħu, ġie ssostitwit bir-Regolament 1290/2005. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 73(4) tar-Regolament Nru 796/2004 jipprovdi li l-obbligu ta’ rimbors imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni ma japplikax jekk il-pagament ikun sar wara żball tal-awtorità kompetenti jew ta’ awtorità oħra u jekk l-iżball ma setax jiġi raġonevolment identifikat mill-bidwi. Għalhekk il-bidwi in bona fide huwa protett mill-irkupru tal-għajnuna indebita meta l-iżball li affettwa s-superfiċji eliġibbli jew saħansitra l-għoti tad-drittijiet għall-pagament ikun imputabbli lill-awtoritajiet u li huwa ma setax raġonevolment jidentifikah.

(ara l-punti 105, 110-112, 115, 119)

5.      Ma jirriżulta la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament Nru 1782/2003, u lanqas mill-interpretazzjoni tiegħu fid-dawl tad-definizzjoni, fil-punt 22 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, tal-kunċett ta’ superfiċji stabbilita li s-sanzjoni prevista fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda ta’ superfiċji prevista fl-imsemmi Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004 għandha tiġi ddeterminata abbażi tad-drittijiet għall-pagament retrospettivament ikkalkolati mill-ġdid. Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 51(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li t-tnaqqis u esklużjonijiet li huma previsti fih japplikaw ladarba s-superfiċji ddikjarata mill-bidwi hija ogħla mis-superfiċji stabbilita konformement, b’mod partikolari, għall-Artikolu 50(3) tal-istess regolament u li d-differenza bejn iż-żewġ superfiċji taqbeż il-marġni indikati minn din id-dispożizzjoni.

Issa, għalkemm minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li dikjarazzjoni żejda hija ssanzjonata bit-tnaqqis, fil-kundizzjonijiet imsemmija fiha, tas-superfiċji stabbilita li abbażi tagħha huwa kkalkolat l-ammont tal-għajnuna, madankollu għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-formulazzjoni nnifisha ta’ din id-dispożizzjoni, l-applikazzjoni tagħha bl-ebda mod ma hija suġġetta għal evalwazzjoni mill-ġdid minn qabel tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament fil-każ ta’ allokazzjoni indebita ta’ tali drittijiet. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jippreżupponi li l-punt 22 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 jiddefinixxi s-superfiċji b’rabta mas-superfiċji li tinkludi numru ta’ drittijiet għall-pagament li l-bidwi realment għandu u li din id-definizzjoni hija rilevanti fil-kuntest tal-Artikolu 51 tal-imsemmi regolament, din id-definizzjoni ma hijiex tali li timponi l-kalkolu tas-sanzjoni applikabbli skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004 abbażi ta’ valur ikkalkolat mill-ġdid tad-drittijiet għall-pagament. Fil-fatt, il-punt 22 tal-Artikolu 2 ma jinkludi ebda indikazzjoni fir-rigward tal-valur tad-drittijiet għall-pagament li għandu, jekk ikun meħtieġ, jittieħed inkunsiderazzjoni.

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004 hija wisq iżjed meħtieġa fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tal-istess regolament u, b’mod partikolari tal-paragrafu 2 ta’ dan tal-aħħar. Mill-Artikolu 50(2) tar-Regolament Nru 796/2004, li jiddefinixxi l-bażi ta’ kalkolu tal-għajnuna, jirriżulta li, fil-każ ta’ differenza bejn id-drittijiet għall-pagament iddikjarati u s-superfiċji ddikjarata, il-kalkolu tal-għajnuna jsir fuq il-bażi l-iktar baxxa. Fi kliem ieħor, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kalkolu tal-għajnuna jsir, fl-assenza ta’ kull indikazzjoni kuntrarja, abbażi tad-drittijiet għall-pagament iddikjarati mill-bidwi, mingħajr ma jkun hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni evalwazzjoni eventwali mill-ġdid ’il fuq tal-valur unitarju tagħhom.

(ara l-punti 134-136, 138, 139)

6.      Fid-dawl tal-istruttura ġenerali tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 796/2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003, li tagħmel parti mill-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi, l-inklużjoni tal-paragrafu 2a f’din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li, fil-każ ta’ differenza bejn is-superfiċji ddikjarata u d-drittijiet għall-pagament iddikjarati, ma jeżisti, bħala prinċipju, ebda riskju ta’ irregolarità jew ta’ frodi sakemm is-superfiċji ddikjarata tissodisfa l-kriterji l-oħra kollha ta’ ammissibbiltà. Fil-fatt, fil-każ ta’ tali differenza bejn is-superfiċji ddikjarata u n-numru ta’ drittijiet iddikjarati, l-ammont tal-għajnuna huwa, fi kwalunkwe każ, iddeterminat, konformement mal-Artikolu 50(2) tal-imsemmi regolament, fuq il-bażi l-iktar baxxa, b’tali mod li, fi kwalunkwe każ, huwa eskluż li titħallas għajnuna abbażi ta’ superfiċji mhux stabbilita. Għalhekk, bħala prinċipju, f’każ bħal dan, ma hemm ebda riskju ta’ ħlas indebitu mogħti abbażi ta’ superfiċji mhux stabbilita.

Fir-rigward tat-tnaqqis u esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda ta’ superfiċji agrikola, huwa biss fl-ipoteżi fejn is-superfiċji ddikjarata hija ogħla min-numru ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati u li l-imsemmija superfiċji tissodisfa l-kriterji l-oħra kollha ta’ ammissibbiltà li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 51(2a) tar-Regolament Nru 796/2004, li t-tnaqqis u esklużjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 51(1) ma japplikawx. F’dan ir-rigward, il-paragun bejn is-superfiċji ddikjarata u d-drittijiet għall-pagament iddikjarati ssir, fil-kuntest tal-Artikolu 51(2a) tar-Regolament Nru 796/2004, mingħajr kunsiderazzjoni għan-numru ta’ drittijiet għall-pagament li l-bidwi realment għandu, jekk ikun il-każ wara l-irkupru tad-drittijiet indebitament allokati abbażi tal-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004.

(ara l-punti 144, 145, 151)

7.      It-tieni inċiż tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 1122/2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti Nru 73/2009 u Nru 1234/2007, ma jikkostitwixxix regola ġdida relatata mal-applikazzjoni tat-tnaqqis u esklużjonijiet fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda ta’ superfiċji agrikola, li, bħala regola inqas severa minn dik li tirriżulta mill-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 796/2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament Nru 1782/2003, hija għandha tapplika retroattivament. Fil-fatt, minkejja li t-tnaqqis u esklużjonijiet tal-għajnuna, bħal dawk previsti fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 796/2004, jikkostitwixxu sanzjoni amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-definizzjoni ta’ bażi ta’ kalkolu, bħat-tieni inċiż tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 1122/2009.

Barra minn hekk, it-tieni inċiż tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 1122/2009 bl-ebda mod ma jemenda r-regoli relatati mat-tnaqqis u esklużjonijiet, hekk kif jirriżultaw mill-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament. Dan l-aħħar artikolu barra minn hekk jirriproduċi r-regoli li jinsabu fl-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004, fejn madankollu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51(2a) tar-Regolament Nru 796/2004, li kienu jifformaw eċċezzjoni għat-tnaqqis u esklużjonijiet tal-Artikolu 51(1) tal-istess regolament, ma humiex riprodotti fl-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009.

(ara l-punti 160, 162-166)

8.      Filwaqt li d-dokument Nru VI/5330/97, li jiddefinixxi l-linji gwida tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji, ġie adottat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u jinkludi, hekk kif jindika t-titolu tiegħu, il-linji gwida li jirrigwardaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija, xejn ma jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tapplika dan id-dokument ukoll fl-eżerċizzju tal-kompetenzi li l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1290/2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, jagħtiha għall-clearance tal-kontijiet tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG).

(ara l-punt 189)