Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Lulju 2011 - Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill

(Kawża T-384/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Safa Nicu Sepahan (Isfahan, l-Iran) (rappreżentant: A. Bahrami, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara nulla u bla effett l-entrata Nru°19 tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta' Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010 L 281, p. 1) kif emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 503/2011, tat-23 ta' Mejju 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2011 L 136, p. 26);

tiddikjara li l-konvenut kiser l-Artikolu 265 TFUE billi naqas milli jeżamina t-talba għal eżami mill-ġdid tal-entrata Nru°19 ippreżentata mir-rikorrenti fis-7 ta' Ġunju 2011;

tordna t-tneħħija ta' isem ir-rikorrenti mil-lista ta' sanzjonijiet adottati mill-Unjoni Ewropea;

tagħti lir-rikorrenti kumpens ta' ammont li jiġi stabbilit fil-kuntest tal-proċeduri preżenti iżda ta' minimu ta' EUR 2 000 000, u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni mwettaq mill-Kunsill peress li l-inklużjoni ta' isem ir-rikorrenti fil-lista ta' persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi hija żbaljata, ekwivoka, mhux preċiża, inkompleta u b'hekk totalment illegali.

It-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas manifest ta' indikazzjoni mill-Kunsill tar-raġunijiet tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-lista ta' persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi.

____________