Language of document : ECLI:EU:C:2020:143

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑3 ta’ Marzu 2020 (1)

Kawża C24/19

A,

B,

C,

D,

E

vs

Gewestelijke stedenbouwkundige ambtenaar van het departement Ruimte Vlaanderen, afdeling Oost-Vlaanderen

fil-preżenza ta’:

Organisatie voor Duurzame Energie Vlaanderen VZW

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad voor Vergunningsbetwistingen (il-Kunsill tal-Kontenzjuż tal-Permessi, il-Belġju))

“Domanda preliminari — Direttiva 2001/42/KE — L-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Evalwazzjoni ambjentali strateġika — Kunċett ta’ pjanijiet u programmi — Kundizzjonijiet relatati mal-installazzjoni ta’ parks eoliċi stabbiliti permezz ta’ ordni u komunikazzjoni amministrattiva — Effetti legali tal-assenza tal-evalwazzjoni ambjentali strateġika — Setgħa tal-qorti nazzjonali li żżomm temporanjament l-effetti tal-atti nazzjonali”






1.        L-evalwazzjoni tal-effetti (jew effetti sinjifikattivi) ta’ ċerti “proġetti” jew ta’ ċerti “pjanijiet u programmi” fuq l-ambjent hija waħda mill-istrumenti prinċipali tad-dritt tal-Unjoni sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tiegħu.

2.        L-evalwazzjoni ambjentali tal-proġetti hija rregolata mid-Direttiva 2011/92/UE (2); u dik dwar il-pjanijiet u programmi, mid-Direttiva 2001/42/KE (3). Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat, sa issa, u sakemm ma hemmx żball min-naħa tiegħi, sbatax-il sentenza, li minnhom, perċentwali kunsiderevoli jirriżultaw minn domandi preliminari magħmula mill-qrati Belġjani.

3.        Ir-Raad voor Vergunningsbetwistingen (il-Kunsill tal-Kontenzjuż tal-Permessi, il-Belġju) jagħmel sensiela ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja li huma relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ESIE, fejn jissuġġerixxilha, b’mod partikolari, li tikkunsidra mill-ġdid il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li tirriżulta mis-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (4).

4.        Din l-istess qorti teħtieġ tkun taf jekk il-qrati nazzjonali humiex ser ikunu jistgħu jżommu temporanjament l-effetti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża, fl-ipoteżi li ma kinux kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre walonne (5).

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva 2001/42

5.        Skont l-Artikolu 1:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”

6.        Skont l-Artikolu 2:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

–      li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

–      li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;

b)      ‘stima ambjentali’ tfisser il-preparazzjoni ta’ xi rapport ambjentali, l-għemil ta’ konsultazzjonijiet, it-teħid tal-kont tar-rapport ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u d-disposizzjoni ta’ l-informazzjoni dwar id-deċiżjoni skond l-Artikoli 4 sa 9;

[...]”.

7.        L-Artikolu 3 jipprevedi:

“1.      L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.      Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

a)      li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE, jew

b)      li, in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva 92/43/KEE.

3.      Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki żgħar għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu 2 jkunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

[...]”.

B.      Id-dritt Belġjan

1.      Is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II (6)

8.        Id-Digriet tal-Gvern tal-Vlaanderen, tal‑1 ta’ Ġunju 1995, li jipprovdi dispożizzjonijiet ġenerali u settorjali fil-qasam tal-iġjene tal-ambjent (iktar ’il quddiem, il-“VLAREM II”), adottat b’eżekuzzjoni ta’ dispożizzjonijiet preċedenti ta’ dan il-gvern (7), saritlu emenda rilevanti fl‑2011 (8), li tikkonsisti miż-żieda tas-sezzjoni 5.20.6, intitolata “Installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ elettriku permezz ta’ enerġija eolika”.

9.        F’din is-sezzjoni 5.20.6 huma miġbura regoli dwar il-parks eoliċi li jikkonċernaw il-projjezzjoni ta’ dell, aspetti partikolari tas-sigurtà u l-istorbju ta’ dawn l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija eolika.

2.      Komunikazzjoni amministrattiva tal-2006 (9)

10.      Il-Komunikazzjoni hija maħsuba għall-kunsilli tal-gvernijiet lokali, għall-kunsilliera lokali, għall-gvernaturi tal-provinċji, għall-membri tal-kumitati permanenti (provinċjali) u għall-uffiċjali kompetenti fil-qasam tal-awtorizzazzjonijiet.

11.      Hija tistabbilixxi l-linji gwida tal-Gvern tal-Vlaanderen bil-għan li joffri biżżejjed opportunitajiet ta’ żvilupp għall-enerġija eolika tal-art jnaqqsu l-effetti tagħha f’diversi oqsma (b’mod partikolari  fuq in-natura, il-pajsaġġ, l-ambjent tal-ħabitats u tal-ħajja, l-ekonomija, l-istorbju, is-sigurtà, l-effiċjenza enerġetika, eċċ.).

12.      Għal kull wieħed minn dawn l-oqsma huma mfassla regoli li —bħalma jseħħ b’dawk tal-VLAREM II— jindirizzaw b’iktar dettall kwistjonijiet bħall-istorbju, il-projjezzjoni ta’ dell, is-sigurtà u n-natura tal-installazzjonijiet eoliċi.

13.      Il-Komunikazzjoni tistrieħ fuq il-pilastri importanti ta’ żvilupp territorjali u konsum ta’ enerġija sostenibbli, kif ukoll fuq il-vantaġġi tal-enerġija eolika u l-valur miżjud tagħha fir-rigward ta’ sorsi oħra tal-enerġija.

14.      Il-prinċipju territorjali ta’ raggrupament (clustering) jokkupa pożizzjoni ċentrali: permezz tar-raggrupament, fl-ikbar dimensjoni possibbli, tal-arbli eoliċi għandha tiġi ggarantita l-konservazzjoni tal-ispazju miftuħ li jkun jifdal f’reġjun urbanizzat ħafna bħal dak tal-Vlaanderen.

15.      Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi, fl-aħħar nett, ir-rwol tal-hekk imsejjaħ Windwerkgroep (il-Grupp ta’ ħidma eoliku) li xogħlu huwa li jagħżel il-postijiet għall-parks eoliċi ta’ daqs kbir u li jipproponihom lill-Minister van Ruimtelijke Ordening (il-Ministru għall-Ippjanar tat-Territorju tal-Gvern tal-Vlaanderen). Barra minn hekk, dan il-grupp ta’ ħidma jipprovdi konsulenzi rigward it-talbiet ta’ awtorizzazzjonijiet partikolari.

II.    Il-kawża u d-domandi preliminari

16.      Fil‑25 ta’ Marzu 2011, il-kumpannija NV Electrabel (iktar ’il quddiem “Electrabel”) ressqet talba għal awtorizzazzjoni urbanistika quddiem l-amministrazzjoni kompetenti sabiex tinstalla tmien arbli eoliċi. Matul il-proċeduri hija rtirat it-talba għal wieħed minnhom.

17.      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Novembru 2016, l-uffiċjal kompetenti (10) ta l-awtorizzazzjoni, suġġetta għal kundizzjonijiet, għal ħames arbli eoliċi tul l-awtostrada E40, fil-komuni ta’ Aalter u ta’ Nevele (11). Fil-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni riferiment għal-leġiżlazzjoni rilevanti, inklużi l-VLAREM II u l-Komunikazzjoni.

18.      L-awtorizzazzjoni ngħatat wara li ġew eżaminati l-oġġezzjonijiet u l-osservazzjonijiet ippreżentati, li jindirizzaw, fost oħrajn, l-impatt fuq il-valur ta’ pajsaġġi xeniċi, it-tniġġis akustiku, l-ippjanar tat-territorju, il-projjezzjoni ta’ dell u s-sigurtà (12).

19.      Ħames rikorrenti talbu lill-qorti tar-rinviju sabiex tħassar id-deċiżjoni tat‑30 ta’ Novembru 2016. Huma argumentaw li din l-aħħar deċiżjoni kienet ibbażata fuq corpus leġiżlattiv (il-VLAREM II u l-Komunikazzjoni) li ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 2(a), u mal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESIE, minħabba li ġie adottat mingħajr l-evalwazzjoni rilevanti dwar l-impatt fuq l-ambjent.

20.      L-amministrazzjoni tal-Vlaanderen hija tal-opinjoni li dan il-corpus leġiżlattiv ma jikkostitwixxi l-ebda pjan jew programm skont it-tifsira tad-Direttiva ESIE, peress li ma jistabbilixxix sistema koerenti u sħiħa biżżejjed għall-implimentazzjoni tal-proġetti eoliċi.

21.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minkejja l-informazzjoni prodotta mis-sentenza D’Oultremont et (13), dwar il-validità tal-korp leġiżlattiv kollu tal-Vlaanderen (il-VLAREM II u l-Komunikazzjoni) u dwar il-bażi legali tal-permessi inkwistjoni tal-arbli eoliċi, jekk kien jidher li dan il-korp kien jirrikjedi evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent.

22.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra mill-ġdid il-ġurisprudenza stabbilita, li bdiet permezz tas-sentenza Inter-Environnement Bruxelles et, dwar is-sintamma “meħtieġa minħabba dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi” tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva  ESIE (14).

23.      Skont il-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiffavorixxi interpretazzjoni iktar marbuta mal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li ser twasslu sabiex jillimita l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-atti li għandhom jiġu adottati b’mod obbligatorju mil-leġiżlatur nazzjonali u mhux sempliċement għall-atti indikati f’qafas ta’ dispożizzjonijiet legali jew regolatorji nazzjonali. Hija tiddikjara li din l-interpretazzjoni kienet dik li ġiet proposta inizjalment mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha tal-kawża Inter-Environnement Bruxelles et (15).

24.      F’dan il-kuntest, ir-Raad voor Vergunningsbetwistingen (il-Kunsill tal-Kontenzjuż tal-Permessi) jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KEE (iktar ’il quddiem id-‘Direttiva ESIE’) jimponu li l-Artikolu 99 tal-besluit van de Vlamse [Vlaamse] regering [van 23 december 2001] tot wijziging van het besluit van de Vlaamse Regering van 6 februari 1991 houdende de vaststelling van het Vlaams reglement betreffende de milieuvergunning en van het besluit van de Vlaamse regering van 1 juni 1995 houdende algemene en sectorale bepalingen inzake milieuhygiëne (id-digriet li jemenda d-digriet tal-Gvern tal-Vlaanderen tas‑6 ta’ Frar 1999 li jistabbilixxi l-leġiżlazzjoni tal-Vlaanderen li tikkonċerna l-permess tal-ambjent u d-digriet tal-Gvern tal-Vlaanderen tal‑1 ta’ Ġunju 1995 li jipprovdi dispożizzjonijiet ġenerali u settorjali fil-qasam tal-iġjene tal-ambjent) tat-23 ta’ Diċembru 2011 jiġi kklassifikat bħala ‘pjan jew programm’ fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fir-rigward tal-aġġornament tad-digrieti ċċitati iktar ’il fuq għall-iżvilupp tat-teknika, liema artikolu jinserixxi fil-VLAREM II is-Sezzjoni 5.20.6 dwar l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku permezz ta’ enerġija eolika u [l-Omzendbrief ‘Afwegingskader en randvoorwaarden voor de inplanting van windturbines’ van 2006 (i] ċ-ċirkolari ‘qafas ta’ evalwazzjoni u kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu installati arbli eoliċi’ tal-2006 [ikkunsidrati flimkien imsemmija l-‘istrumenti preżenti’] li jinkludu t-tnejn li huma dispożizzjonijiet differenti għall-installazzjoni ta’ arbli eoliċi fosthom miżuri relatati mas-sigurtà, u skont iż-żoni planoloġiċi għall-projjezzjoni ta’ dell iddefinita kif ukoll ir-regoli ta’ storbju? Jekk ikun jidher li kellha titwettaq evalwazzjoni ambjentali qabel l-adozzjoni ta’ dawn l-istrumenti, il-Kunsill jista’ jindika matul iż-żmien l-effetti legali tan-natura illegali ta’ dawn l-istrumenti? Ċertu numru ta’ domandi sekondarji għandhom isiru f’dan ir-rigward:

1)      Aġir li l-amministrazzjoni tipproponi, bħal permezz ta’ din iċ-ċirkolari, li l-awtorità kkonċernata tadotta fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u tal-indipendenza li biha hija mogħnija, b’tali mod li l-awtorità kompetenti ma hijiex effettivament mitluba telabora l-‘pjan jew programm’ u li fir-rigward ta’ dan ma hija prevista ebda proċedura formali ta’ adozzjoni, jista’ jiġi pparagunat ma’ pjan jew programm fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESIE?

2)      Huwa suffiċjenti li aġir li l-amministrazzjoni tipproponi jew regola ġenerali, bħal dawn l-istrumenti, tipprevedi limitazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ awtorità inkarigata milli toħroġ permessi sabiex din tkun tista’ tiġi pparagunata ma’ ‘pjan jew programm’ fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESIE anki jekk dawn l-istrumenti ma jiġġustifikawx kundizzjoni neċessarja meħtieġa sabiex jinħareġ permess jew ma jkunux intiżi sabiex jirregolaw il-ħruġ ulterjuri ta’ permessi, filwaqt li l-leġiżlatur Ewropew indika li dan l-għan jikkontribwixxi għad-definizzjoni ta’ ‘pjanijiet u programmi’?

3)      Aġir li l-amministrazzjoni tipproponi, li ġie stabbilit għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u li għaldaqstant jikkostitwixxi deċiżjoni kompletament libera, bħal fil-każ ta’ din iċ-ċirkolari, jista’ jiġi ddefinit bħala ‘pjan jew programm’ fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESIE u tali interpretazzjoni tmur [ma tmurx] kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikjedi li interpretazzjoni teleoloġika ta’ direttiva ma tistax fundamentalment teskludi r-rieda espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni?

4)      Is-Sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II tista’ tiġi ddefinita, fil-każ li r-regoli li jinsabu fiha ma kellhomx neċessarjament jiġu stabbiliti, bħala ‘pjan jew programm’ fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESIE u tali interpretazzjoni tmur [ma tmurx] kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikjedi li interpretazzjoni teleoloġika ta’ direttiva ma tistax fundamentalment teskludi r-rieda espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni?

5)      Aġir li l-amministrazzjoni tipproponi u digriet ministerjali regolatorju bħal fil-każ ta’ dawn l-istrumenti, li għandhom valur indikattiv limitat, jew minn tal-inqas li ma jistabbilixxux qafas li minnu jista’ jinsilet l-iċken dritt għat-twettiq ta’ proġett u li minnhom ma jista’ jinsilet ebda dritt għal qafas li jindika b’liema mod għandhom jiġu allokati dawn il-proġetti, jistgħu jiġu pparagunati ma’ ‘pjan jew programm’ li jiddefinixxu ‘l-qafas [ta’ implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE] għall-kunsens futur” fis-sens tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva ESIE, u tali interpretazzjoni tmur [ma tmurx] kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikjedi li interpretazzjoni teleoloġika ta’ direttiva ma tistax fundamentalment teskludi r-rieda espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni?

6)      Aġir li l-amministrazzjoni tipproponi, bħaċ-ċirkolari EME/2006/01-RO/2006/02 li għandha sempliċi valur indikattiv jew digriet regolatorju tal-Gvern, bħas-Sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II li tiffissa sempliċement limiti minimi għall-ħruġ ta’ permessi u li barra minn hekk għandha effett perfettament awtonomu bħala regola ġenerali; li jikkomportaw biss numru ristrett ta’ kriterji u modalitajiet; u li ebda minnhom ma huwa esklużivament deċiżiv anki għal kriterju jew modalità waħda u li fir-rigward tagħhom ma jistax jiġi sostnut li wieħed jista’ jeskludi, fuq il-bażi ta’ data oġġettiva, li dawn jistgħu jaffettwaw l-ambjent b’mod sinjifikattiv; jistgħu jiġu pparagunati ma’ ‘pjan jew programm’ taħt interpretazzjoni konġunta tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva ESIE u għaldaqstant jistgħu jiġu pparagunati ma’ atti li jistabbilixxu, billi jiddefinixxu regoli u proċeduri ta’ verifika applikabbli għas-settur ikkonċernat, kollezzjoni sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ proġett jew numru ta’ proġetti li jistgħu jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent?

7)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda preċedenti, qorti tista’ tiddetermina dan minn rajha wara l-adozzjoni tad-digriet jew tal-psewdo-leġiżlazzjoni (bħar-regoli preżenti tal-Vlarem u ċ-ċirkolari)?

8)      Jekk qorti jkollha biss ġurisdizzjoni indiretta inkwantu tkun ġiet adita b’mod eċċezzjonali, fejn l-eżitu tat-tilwima tkun limitata għall-partijiet, u jekk jirriżulta mir-risposta għad-domandi preliminari li dawn l-istrumenti huma illegali, hija tista’ tiddeċiedi li żżomm fis-seħħ l-effetti tad-digriet illegali jew taċ-ċirkolari illegali jekk l-istrumenti illegali jikkontribwixxu għal għan ta’ protezzjoni tal-ambjent li direttiva tkun trid tilħaq fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE u jitqies li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ din iż-żamma fis-seħħ meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni (hekk kif iddefiniti fis-sentenza Association France Nature Environnement)?

9)      Fil-każ li ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda preċedenti, qorti tista’ tiddeċiedi li żżomm fis-seħħ l-effetti ta’ proġett ikkontestat sabiex b’dan il-mod tissodisfa indirettament il-kundizzjonijiet meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni (hekk kif iddefiniti fis-sentenza Association France Nature Environnement) sabiex iżżomm fis-seħħ l-effetti legali tal-pjan jew programm mhux konformi mad-Direttiva ESIE?”

25.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali A et, mill-Gvern Belġjan, dawk tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni.

26.      Fis-seduta tad‑9 ta’ Diċembru 2019 intervjenew A et, l-intervenjenti fil-proċedura nazzjonali Organisatie voor Duurzame Energie Vlaanderen VZM (l-Organizzazzjoni tal-Vlaanderen tal-Enerġija Rinnovabbli VZM), il-Gvern Belġjan u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll il-Kummissjoni.

III. Analiżi tad-domandi preliminari

A.      Rimarka preliminari

27.      Il-qorti tar-rinviju fformulat disa’ domandi, li jistgħu jinġabru fi tnejn:

–      Permezz tal-ewwel sebgħa, hija tixtieq tkun taf jekk il-kunċett ta’ pjanijiet u programmi b’impatti notevoli fuq l-ambjent li jeħtieġu evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, [l-Artikolu 2(a), u l-Artikolu 3(2)(a), tad-Direttiva ESIE] jiġborx fih innisfu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni.

–      Permezz tal-aħħar tnejn tagħmel id-domanda jekk huwiex possibbli li jiġi limitat iż-żmien tal-effetti tal-annullament eventwali ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija taħtu.

28.      Qabel ma tirrispondi għal dawn id-domandi, peress li r-Raad voor Vergunningsbetwistingen (il-Kunsill tal-Kontenzjuż tal-Permessi) jagħmel għall-ewwel darba domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat jekk dan huwiex qorti jew tribunal skont l-Artikolu 267 TFUE (16).

29.      Skont l-informazzjoni pprovduta, dan il-Kunsill huwa qorti stabbilita fl‑2009 permezz tal-Artikolu 4.8.1 tal-Vlaamse Codex Ruimtelijke Ordening (il-Kodiċi tal-Vlaanderen tal-ippjanar tat-territorju), li jirrikonoxxi r-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ reġistrazzjoni u ta’ għoti jew rifjut tal-awtorizzazzjonijiet urbanistiċi jew ta’ diviżjoni ta’ rqajja’ ta’ art, tal-awtorizzazzjonijiet ambjentali u tal-esproprjazzjonijiet.

30.      Hija meqjusa bħala qorti indipendenti, ikkostitwita minn tmien imħallfin tad-dritt amministrattiv, li r-riżoluzzjonijiet tagħha jistgħu jiġu kkontestati f’appell ippreżentat quddiem il-Kunsill tal-Istat. Hija taqta’ l-kawżi permezz ta’ proċedura kontradittorja u billi tapplika r-regoli ġuridiċi tar-Reġjun tal-Vlaanderen fir-rigward tal-ambjent u tal-urbaniżmu.

31.      Dan kollu jindika, għaldaqstant, li tista’ tiġi kklassifikata bħala qorti xierqa sabiex tagħmel użu mill-Artikolu 267 TFUE.

B.      Introduzzjoni għad-Direttiva ESIE

32.      Id-Direttiva ESIE timplimenta l-prinċipju ta’ integrazzjoni u protezzjoni tal-ambjent (l-Artikoli 11 TFUE u 191 TFUE) billi tirrikjedi l-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent fit-tħejjija u fl-approvazzjoni tal-pjanijiet u l-programmi li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

33.      Għalkemm il-kelma “strateġika” ma tidher imkien fit-titolu jew fit-test tad-Direttiva, ġeneralment tissejjaħ id-“Direttiva dwar l-evalwazzjoni ambjentali strateġika”, minħabba li din tal-aħħar tinsab f’livell ogħla (iktar strateġiku) minn dak tad-Direttiva EEA.

34.      Id-Direttiva ESIE ma fihiex rekwiżiti sostantivi għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti, iżda għandha l-għan li tiggarantixxi, fuq kollox, li għall-approvazzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-impatti tagħhom fuq l-ambjent. Għaldaqstant, essenzjalment hija direttiva ta’ proċedura, li tindika lill-Istati Membri l-istadji li għandhom isegwu sabiex jidentifikaw u jevalwaw l-effetti fuq l-ambjent ta’ pjanijiet u programmi partikolari.

35.      Interpretata b’dan il-mod, l-evalwazzjoni ambjentali strateġika (iktar ’il quddiem, l-“ESIE”) għandha l-għan li tassisti lill-uffiċjali politiċi sabiex jieħdu deċiżjonijiet fondati sew, abbażi ta’ informazzjoni oġġettiva u tar-riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-pubbliku, mal-partijiet ikkonċernati u mal-awtoritajiet kompetenti.

36.      Id-Direttiva ESIE u d-Direttiva EEA jikkumplimentaw lil xulxin: l-ewwel waħda tfittex li tantiċipa l-analiżi tal-impatt fuq l-ambjent (17) lejn il-fażi tal-ippjanar strateġiku tal-azzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali. L-istudju tal-impatt fuq l-ambjent li timponi huwa, għaldaqstant, usa’ jew iktar globali minn dak li jikkorrispondi għal proġett partikolari.

37.      Minn din il-premessa huwa diffiċli li jiġi speċifikat sa fejn ir-rekwiżit tad-Direttiva ESIE jista’ jmur. Huwa ċar li dan imur lil hinn mill-evalwazzjoni ta’ proġetti individwali, iżda wkoll li ma għandux jiġi estiż għall-bqija tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jaffettwaw l-ambjent.

38.      Ma huwiex ċertament sempliċi, għaldaqstant, li ssir distinzjoni bejn: i) il-proġetti li jħallu impatt fuq l-ambjent, suġġetti għad-Direttiva EEA; ii) il-pjanijiet u programmi li jħallu impatt sinjifikattivi fuq l-ambjent, suġġetti għad-Direttiva ESIE; u iii) il-leġiżlazzjoni nazzjonali b’xi impatt fuq l-ambjent, li huma esklużi mill-analiżi tal-impatt fuq l-ambjent. Id-delimitazzjonijiet bejn dawn it-tliet kategoriji huma l-bażi tad-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju.

39.      L-implimentazzjoni tad-Direttiva ESIE qajmet ħafna diffikultajiet għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, li l-Kummissjoni ppruvat tnaqqas (18). Huwa essenzjali li jkun hemm distinzjoni dwar x’jiġi mifhum bi pjanijiet u programmi u, li jiġi identifikat liema minn dawn it-tnejn għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

C.      L-ewwel seba’ domandi preliminari: il-kunċett ta’ “pjan u programm” fid-Direttiva ESIE

40.      Ir-regoli li jirregolaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ESIE jinġabru, prinċipalment, f’żewġ artikoli relatati ma’ xulxin:

–      L-Artikolu 2(a) jiddefinixxi r-rekwiżiti akkumulattivi li għandu jkollhom il-pjanijiet u l-programmi sabiex tapplika għalihom id-Direttiva: a) li jkunu ġew imfassla jew adottati, jew it-tnejn li huma, minn awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali, jew li ġew imfassla minn awtorità għall-adozzjoni tagħhom, permezz tal-proċedura leġiżlattiva, minn parlament jew gvern; u b) li jkunu rikjesti permezz ta’ disposizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi.

–      L-Artikolu 3(2)(a) jindika l-kundizzjonijiet sabiex jiġu identifikati, minn dawn il-pjanijiet u l-programmi, dawk li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u, għaldaqstant, għandhom ikunu suġġetti għal ESIE, jiġifieri dawk: a) li t-tfassil tagħhom fir-rigward ta’ ċerti setturi u attivitajiet ekonomiċi u b) ir-rekwiżit li jkollhom il-qafas għall-awtorizzazzjoni tal-proġetti fil-futur.

41.      Mill-kombinazzjoni ta’ dawn il-preċetti joħorġu, fil-verità, erba’ rekwiżiti li l-analiżi tagħhom titwettaq iktar ’il quddiem, kemm sabiex jiġu esposti d-delimitazzjonijiet tagħhom b’mod ġenerali, kif ukoll sabiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni reġjonali bħal din inkwistjoni tissodisfahomx jew le.

1.      Tfassil jew adozzjoni tal-pjan jew tal-programm minn awtorità tal-Istat Membru

42.      L-ewwel rekwiżit, li l-evalwazzjoni tiegħu normalment ma tqajjimx problemi ermenewtiċi, huwa li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ġiet adottata jew imfassla minn awtorità ta’ Stat Membru, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali.

43.      Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-awtoritajiet reġjonali tal-Vlaanderen approvaw is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II fit-tfassil tad-Digriet dwar l-awtorizzazzjonijiet ambjentali. Hija tindika wkoll (19) li kemm l-Artikolu 5.20.6 kif ukoll il-Komunikazzjoni ġew adottati sabiex jimplimentaw id-Direttiva 2009/28/KE (20).

44.      Il-Gvern Belġjan jikkunsidra, madankollu, li din l-ewwel kundizzjoni ma hijiex issodisfatta bl-Artikolu 5.20.6 tal-VLAREM II, mhux għax dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex attribwibbli għall-amministrazzjoni reġjonali iżda għax ma għandhomx dimensjoni programmatika jew ta’ ppjanar. Dan l-argument ser nindirizzah iktar ’il quddiem, għalkemm nippreċiża li n-natura regolatorja ta’ dan l-artikolu jidhirli li ma hijiex ikkontestata.

45.      Fir-rigward tal-komunikazzjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tippreċiża l-karatteristiċi tagħha fid-dritt intern, li dwarhom hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet.

46.      Skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li l-komunikazzjoni ġiet imfassla u approvata bħala att amministrattiv mingħajr ma dan jimplika stricto sensu li r-Reġjun tal-Vlaanderen jeżerċita s-setgħa leġiżlattiva jew regolatorja. B’hekk hija espressa r-rieda tal-amministrazzjoni tal-Vlaanderen sabiex twettaq (fit-termini indikati fil-komunikazzjoni stess) l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-installazzjoni tal-parks eoliċi.

47.      B’mod iktar konkret, skont il-Gvern Belġjan, il-komunikazzjoni tinkorpora l-linji gwida li l-awtorità reġjonali għandha l-għan li ssegwi meta teżerċita setgħa diskrezzjonali f’każijiet partikolari, bħall-għoti ta’ permessi għall-installazzjoni ta’ arbli eoliċi.

48.      Suġġett, ninsisti, għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, inqis li, jekk il-kontenut tal-Komunikazzjoni jorbot lill-amministrazzjoni reġjonali tal-Vlaanderen, li adottatha bħala regola għall-azzjoni futura tagħha (21), tista’ tkun konformi mal-kunċett ta’ pjan jew programm tad-Direttiva ESIE. Dan ma jiġrix jekk ikun test nieqes minn kull obbligatorjetà ġuridika, inkluż ad intra.

2.      Pjanijiet jew programmi li huma rikjesti permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi

a)      Kunsiderazzjonijiet ġenerali

49.      Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESIE, il-pjanijiet jew il-programmi adottati mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, huma dawk “meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi”.

50.      Mis-sentenza Inter-Environnement Bruxelles et, fis-sens u għall-applikazzjoni tad-Direttiva ESIE, għandhom jitqiesu bħala “meħtieġa” l-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom taqa’ f’qafas ta’ dispożizzjonijiet legali jew regolatorji nazzjonali li għandhom jiddeterminaw liema awtoritajiet huma kompetenti sabiex japprovawhom kif ukoll il-proċedura tat-tfassil tagħhom (22).

51.      B’din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet qari ġeneruż tad-Direttiva ESIE, fejn ikkunsidrat li din tapplika għall-pjanijiet u l-programmi koperti mid-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji nazzjonali, kemm jekk l-adozzjoni tagħhom hija obbligatorja kif ukoll fakultattiva.

52.      Fil-kawża Inter-Environnement Bruxelles et, l-Avukat Ġenerali Kokott ipproponiet interpretazzjoni iktar restrittiva: ser tkun rikjesta ESIE biss għall-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom kienet obbligatorja, peress li tkun imposta minn regola tad-dritt intern (23).

53.      Il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja temenda l-ġurisprudenza tagħha u sabiex tallinjaha ma’ din l-interpretazzjoni iktar restrittiva. Il-Gvern Brittaniku jappoġġja din il-proposta, li ġiet kondiviża wkoll mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, ir-Renju Unit) fis-sentenza tal-HS2 Action Alliance (24). Il-Gvern Belġjan ukoll għamel dan, b’mod sussidjarju, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu iżda biddel din il-pożizzjoni fis-seduta. Il-partijiet A, B, C, D u E, il-Kummissjoni u l-Gvern Olandiż jopponu din l-idea u jikkonfermaw l-appoġġ tagħhom għal din il-ġurisprudenza: l-ebda wieħed minnhom, u lanqas, finalment, il-Gvern Belġjan, ma jappoġġjaw tibdil ġurisprudenzjali fis-sens li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju.

54.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tabbanduna l-interpretazzjoni tagħha tal-espressjoni “meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi” jew inkella għandha tikkonfermaha?

55.      Min-naħa tiegħi nirrikonoxxi li f’din il-kontroversja, hemm raġunijiet qawwija favur teżi waħda jew oħra (25).  Jekk, fl-aħħar nett, nagħżel li nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonferma l-ġurisprudenza tagħha, dan nagħmlu għaliex, bħalma ġie enfasizzat f’dan ir-rigward, ma tressaq l-ebda argument ġdid li jxaqleb il-miżien favur it-tibdil tagħha.

56.      L-assenza ta’ argumenti ġodda huwa simili għar-ripetizzjoni, mill-qorti tar-rinviju u minn dawk li jiddefendu din il-pożizzjoni, ta’ dak li diġà ġie espost mill-Avukat Ġenerali Kokott, li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’diversi sentenzi rripetuti sa mill‑2012, ma tikkondividix (26).

57.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma nsibx biżżejjed raġunijiet sabiex nipproponi soluzzjoni oħra. F’okkażjonijiet simili ddikjarajt li (27), fil-konfront ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, nemmen li huwa iktar prudenti li nagħżel l-istabbiltà tal-ġurisprudenza, jiġifieri, li nagħti prevalenza lill-kriterju ta’ stare decisis bħala wieħed iktar adattat għar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali.

58.      Il-punt ewlieni tal-problema jinsab fit-tip ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva ESIE li għandha ssir:

–      Jekk tipprevali interpretazzjoni litterali u storika tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tagħha, jista’ jiġi argumentat li huma l-pjanijiet u l-programmi biss li l-adozzjoni tagħhom hija legalment obbligatorja li jeħtieġu evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent.

–      Min-naħa l-oħra, jekk tipprevali interpretazzjoni sistematika u finali ta’ dan il-preċett, il-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom hija volontarja, iżda li huma previsti mil-liġi jew regolamenti jistgħu wkoll jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ESIE u jeħtieġu ESIE meta jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent.

59.      B’riskju li nirrepeti l-argumenti ta’ kontroversja li, nerġa’ ngħid, ma tantx fiha innovazzjonijiet, ser nillimita ruħi sabiex nenfasizza l-bażijiet ermenewtiċi favur l-interpretazzjoni li sa issa żammet il-Qorti tal-Ġustizzja.

60.      L-interpretazzjoni litterali tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) ma tidhirx konklużiva. Il-kelma “meħtieġa” tista’ tfisser programmi u pjanijiet “rikjesti”, “mitluba”, “imposti”, iżda hija ambigwa dwar jekk tkoprix esklużivament jew le, il-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom hija obbligatorja għall-awtoritajiet nazzjonali (28). Il-massima in claris non fit interpretatio hawnhekk ma tirriżultax applikabbli.

61.      Ladarba l-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ att tal-Unjoni għandhom l-istess valur, sabiex tiġi ppreservata l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, f’każ ta’ diskrepanza bejniethom, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnhom (29). Wieħed għandu jagħmel riferiment, għaldaqstant, għall-kriterji sistematiċi u teleoloċiċi, iżda qabel ser nagħmel riferiment għall-interpretazzjoni storika tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESIE.

62.      Jekk neżamina l-oriġini ta’ dan il-preċett, il-formulazzjoni “meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi” ma tidhirx fil-proposta tal-bidu tal-Kummissjoni (30) u lanqas f’verżjoni emendata sussegwenti (31). Din il-formulazzjoni ġiet miżjuda mill-Kunsill fil-pożizzjoni komuni adottata fit‑30 ta’ Marzu 2020, mingħajr ma biddilha l-Parlament Ewropew (32).

63.      Miż-żieda introdotta mill-Kunsill wieħed jista’ jifhem li din l-istituzzjoni tixtieq tissottometti ċerti pjanijiet u programmi għall-ESIE, iżda l-intenzjoni espressa tagħha ma kinitx sabiex tillimitahom esklużivament għal dawk ta’ adozzjoni obbligatorja. Dawk ta’ adozzjoni volontarja, meta huma previsti f’dispożizzjonijiet legali u regolatorji, jista’ jkollhom effetti tant sinjifikattivi fuq l-ambjent, jew anki ikbar minn dawk obbligatorji. Huwa riskjuż li jiġi preżunt li r-rieda tal-Kunsill kienet sabiex teskludihom mill-ESIE sempliċiment minħabba li xi Stati jargumentaw li din l-evalwazzjoni tista’ tiskoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali milli jadottawhom (33).

64.      Minħabba li la l-interpretazzjoni litterali u lanqas dik storika ma huma konklużivi, jipprevali l-użu ta’ interpretazzjoni sistematika u dik teleoloġika.

65.      Mill-perspettiva sistematika, id-Direttiva ESIE tapplika biss għal “ċerti” pjanijiet u programmi b’effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, iżda mhux għal kollha. L-esklużjonijiet elenkati fl-Artikolu 3(8) u (9) tagħha ma jsemmux dawk ta’ adozzjoni volontarja kkunsidrati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda dawk:

–      li l-għan ewlieni tagħhom hu li jservu d-difiża nazzjonali jew l-emerġenza ċivili;

–      finanzjarji jew tal-baġit; u

–      kofinanzjati għal kumpens mill-fondi strutturali tal-Unjoni.

66.      L-interpretazzjoni wiesgħa tal-aġġettiv “meħtieġa” tippermetti li tinkludi aħjar fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ESIE l-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni u t-tħejjija tagħhom, skont id-drittijiet nazzjonali, ikun diffiċli li jiġu mnaqqsa għad-dikotomija obbligatorja/mhux obbligatorja, sabiex jinkludu diversi ipoteżijiet bejn dawn iż-żewġ estremi.

67.      L-eteroġeneità tal-prattika tal-Istati Membri fit-tħejjija ta’ dawn il-pjanijiet u programmi (34) tissuġġerixxi interpretazzjoni wiesgħa tat-terminu “meħtieġa”. Dan l-argument huwa saħansitra iktar rilevanti sabiex wieħed jinnota li l-emendi tal-pjanijiet u l-programmi, li t-trattament tagħhom għandu jkun ugwali għal dak tal-adozzjoni u t-tħejjija tagħhom, jeħtieġu evalwazzjoni ambjentali, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-kriterji stabbiliti fid-Direttiva (35).

68.      Ġeneralment dawn il-modifiki huma deċiżi mill-awtoritajiet tal-Istati Membri mingħajr ma jkun hemm obbligu legali li jitwettqu. L-interpretazzjoni restrittiva tat-terminu “meħtieġa” ser teskludihom de facto mid-Direttiva ESIE, għalkemm l-impatt ambjentali kien sinjifikanttiv.

69.      L-interpretazzjoni teleoloġika tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESIE wkoll tixhed favur interpretazzjoni usa’ tat-terminu “meħtieġa”, li jippermetti li l-inklużjoni tal-pjanijiet u l-programmi adottati volontarjament mill-awtoritajiet nazzjonali.

70.      B’teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tad-Direttiva ESIE (li tiżgura livell ogħla ta’ ħarsien tal-ambjent), id-dispożizzjonijiet li jiddelimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u preċiżament dawk li jiddefinixxu l-atti li jagħmlu riferiment għalihom, ma għandhomx jiġu interpretati f’sens restrittiv (36).

71.      L-interpretazzjoni favur l-ambjent tad-Direttiva ESIE hija mħarsa wkoll fid-dritt primarju:

–      Abbażi tal-Artikolu 191(2) TFUE, (suċċessur tal-Artikolu 174(2) KE), l-għan tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent huwa l-ksib ta’ “protezzjoni ta’ livell għoli”, li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet eżistenti fid-diversi reġjuni tal-Unjoni.

–      L-Artikolu 3(3) TUE jipprevedi li l-Unjoni għandha taħdem b’mod partikolari favur “livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent” (37).

72.      L-għan tad-Direttiva ESIE (nirrepeti, il-garanzija ta’ protezzjoni ta’ livell għoli tal-ambjent) jista’ jiġi mfixkel b’interpretazzjoni tat-terminu “meħtieġa” li jeskludi minn din id-direttiva l-pjanijiet u l-programmi previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda li huma ta’ adozzjoni volontarja. Din l-interpretazzjoni tnaqqas, mill-inqas parzjalment, l-effett utli ta’ din id-direttiva (38) billi tmur kontra l-intenzjoni tagħha sabiex tistabbilixxi proċedura ta’ kontroll tal-atti regolatorji b’effetti potenzjalment sinjifikattivi fuq l-ambjent.

73.      L-approċċ li sa issa segwiet il-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhirlix li jfixkel jew imur kontra din l-intenzjoni tal-leġiżlatur. Il-possibbiltà li tiġi applikata wkoll id-Direttiva ESIE għall-pjanijiet u l-programmi previsti minn leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda li huma ta’ adozzjoni volontarja, ma tfissirx li dawn il-pjanijiet dejjem jirrikjedu din l-evalwazzjoni: għaldaqstant, huwa meħtieġ li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tad-Direttiva ESIE.

74.      B’mod partikolari, għandha tiġi enfasizzata li dawn il-pjanijiet u l-programmi għandhom jissodisfaw il-kundizzjoni li jintegraw qafas leġiżlattiv għall-awtorizzazzjoni ulterjuri ta’ proġetti b’effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Nemmen li dan huwa l-element ewlieni sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ESIE jasal sal-punt ġust tiegħu, mingħajr ma jkun hemm indħil eċċessiv fuq l-attività leġiżlattiva tal-Istati Membri.

75.      Għaldaqstant, inqis li sabiex isseħħ applikazzjoni raġonevoli, effettiva u omoġenea tad-Direttiva ESIE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha pjuttost tirfina l-ġurisprudenza tagħha fuq id-delimitazzjonijiet ta’ dan il-qafas leġiżlattiv, iktar milli fuq il-formulazzjoni “meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi”.

b)      Applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji għal din il-kawża

76.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II u l-Komunikazzjoni jistgħux jiġu kklassifikati bħala pjanijiet jew programmi “meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi”.

77.      Fir-rigward tas-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II, il-qorti tar-rinviju tikkonferma li l-adozzjoni tagħha kienet prevista fl-Artikolu 20 tad-Digriet dwar l-awtorizzazzjonijiet ambjentali, kif ukoll fl-Artikolu 5.1.1 tad-DABM. Tikkonferma wkoll li, għalkemm kienet legalment prevista, ma kinitx obbligatorja għall-awtoritajiet reġjonali tal-Vlaanderen, li setgħu ma adottawhiex.

78.      Konformement mal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq, u li nipproponi li tinżamm, għandu jitqies li din is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II tinkludi pjan jew programm rikjest permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESIE.

79.      Fir-rigward tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ssostni li ma taqax taħt din il-kategorija peress li r-regoli dwar il-protezzjoni ambjentali applikabbli fir-Reġjun tal-Vlaanderen għall-installazzjoni ta’ parks eoliċi ma kinux jipprevedu speċifikatament l-adozzjoni tagħha. Il-Komunikazzjoni hija r-riżultat ta’ deċiżjoni politika ħielsa tal-amministrazzjoni reġjonali tal-Vlaanderen, li am kinitx prevista legalment (39).

80.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-Komunikazzjoni, minħabba l-kontenut tagħha, tiżviluppax u tikkompletax is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II, sal-punt li tikseb natura ta’ dispożizzjoni regolatorja, ftit jew wisq moħbija (40). Jekk, Konformement mad-dritt Belġjan, il-Komunikazzjoni tillimita awtomatikament l-azzjoni tal-amministrazzjoni nnifisha, billi tistabbilixxi linji gwida li l-individwi għandhom ukoll josservaw, tista’ titqies li kienet prevista mid-Digriet dwar l-awtorizzazzjonijiet ambjentali tal-1985 u mid-DABM.

3.      Pjan jew programm dwar attività jew settur ekonomiku kopert mid-Direttiva ESIE

81.      L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESIE jipprevedi li, bla ħsara għall-paragrafu 3 tad-dispożizzjoni msemmija, għandha ssir evalwazzjoni ambjentali għall-pjanijiet u l-programmi kollha li huma ppreparati, fost oħrajn, “għall-[...] l-enerġija, [...] pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art”.

82.      Is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II u l-Komunikazzjoni jagħmlu riferiment għas-settur tal-enerġija u b’mod partikolari għall-installazzjoni ta’ parks eoliċi. Ir-regoli dwar l-istorbju applikabbli għall-arbli eoliċi jinfluwenzaw il-post fejn jinsabu f’żoni abitati, u għaldaqstant jaffettwaw ukoll l-ippjanar ta’ bliet u l-kampanja, kif ukoll l-użu tal-art.

83.      Ma hemm l-ebda dubju, għaldaqstant, li l-għan ta’ dan il-corpus leġiżlattiv huwa kopert mid-Direttiva ESIE.

4.      Pjan jew programm li jikkostitwixxi qafas ta’ riferiment għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti koperti mid-Direttiva EEA

84.      Minbarra li jikkonċerna wieħed mis-setturi inklużi fl-Artikolu 3(2)(a), sabiex dawn jiġu suġġetti għall-ESIE, din il-dispożizzjoni tirrikjedi li:

–      il-pjanijiet jew il-programmi jistabbilixxu l-qafas għall-awtorizzazzjoni fil-futur tat-twettiq tal-proġetti; u

–      li jkun jirrigwarda proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva EEA (41).

85.      Fir-rigward tat-tieni rekwiżit, is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II u l-Komunikazzjoni jikkonċernaw tip ta’ installazzjoni msemmija b’mod espliċitu fil-punt 3(i) tal-Anness II tad-Direttiva EEA taħt it-taqsima “Stallazzjonijiet li jużaw il-qawwa tar-riħ għall-produzzjoni tal-enerġija (oqsma ta’ mtieħen tar-riħ)” (42).

86.      Fir-rigward tal-ewwel rekwiżit, l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESIE jipprevedi li l-pjan jew il-programm jistabbilixxu qafas ta’ riferiment għall-approvazzjoni futura ta’ proġetti, bħala kundizzjoni essenzjali sabiex ikunu suġġetti għall-ESIE.

87.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” huwa relatat ma’ kull att li jistabbilixxi, billi jiddefinixxi regoli u proċeduri, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (43).

88.      Għaldaqstant, att jitqies bħala qafas għall-awtorizzazzjoni futura tal-eżekuzzjoni ta’ proġetti u, għalhekk, pjan jew programm suġġett għall-ESIE, jekk jistabbilixxi ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u kundizzjonijiet (regoli u proċeduri) għat-twettiq ta’ proġetti b’effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (44).

89.      Din l-interpretazzjoni “hija intiża li tiżgura li rekwiżiti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali (45)” bħala parti minn sekwenza regolatorja; mill-perspettiva kuntrarja, tevita li l-kriterji jew il-kundizzjonijiet stabbiliti b’mod iżolat jimponu ESIE.

90.      F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ kundizzjonijiet” (qafas ta’ riferiment) għandu jinftiehem b’mod kwalitattiv u mhux kwantitattiv. Huwa biżżejjed li l-ġabra tkun sinjifikattiva, u mhux eżawrjenti, sabiex il-pjan jew programm li jistabbilixxiha jirrikjedi ESIE. Dan ikopri wkoll strateġiji possibbli sabiex jiġu evitati l-obbligi stabbiliti mid-Direttiva ESIE, pereżempju, bil-frammentazzjoni tal-miżuri, u b’hekk jitnaqqas l-effett utli ta’ din id-direttiva (46).

91.      Din il-ġurisprudenza għandha tiġi trasposta għal-leġiżlazzjoni tal-Vlaanderen inkwistjoni (is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II u l-Komunikazzjoni, jekk din tal-aħħar ikollha effetti legali), billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi indikati iktar ’il quddiem.

92.      Fl-ewwel lok u, qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li leġiżlazzjoni (f’dan il-każ ta’ Wallonie) dwar l-installazzjoni ta’ parks eoliċi, parzjalment simili għal-leġiżlazzjoni tal-Vlaanderen analizzata bħalissa, kienet tikkostitwixxi qafas għall-adozzjoni ta’ proġetti b’impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent. Is-sentenza D’Oultremont (47) ikkonfermat dan mingħajr ebda ambigwità.

93.      Huwa minnu li hemm xi differenzi bejn dawn iż-żewġ leġiżlazzjonijiet, iżda l-leġiżlazzjoni tal-Vlaanderen inkwistjoni f’din il-kawża tistabbilixxi b’mod iddettaljat rekwiżiti simili għal dawk li kien jikkonċerna d-Digriet ta’ Wallonie fir-rigward ta’ diversi kwistjonijiet sensittivi (l-istorbju, il-projjezzjoni ta’ dell, is-sigurtà u n-natura tal-arbli eoliċi).

94.      Bħala regola ġenerali, l-ebda proġett ta’ installazzjoni ta’ park eoliku fir-Reġjun tal-Vlaanderen ma jista’ jiġi awtorizzat mingħajr ma dan josserva l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din il-leġiżlazzjoni. Għaldaqstant, l-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li dan huwa qafas ta’ riferiment, mhux eżawrjenti iżda sinjifikattiv, għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ta’ parks eoliċi, li l-impatt ambjentali tagħhom ma jistax jiġi miċħud.

95.      Il-Gvern Belġjan innifsu jammetti b’mod impliċitu li s-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II u l-Komunikazzjoni jirrappreżentaw qafas ta’ riferiment sinjifikattiv għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ta’ parks eoliċi, billi jiżgura, fir-rigward tal-limitazzjoni eventwali tal-effetti ratione temporis tas-sentenza, li d-dikjarazzjoni ta’ illegalità tagħhom twassal għar-riżultat li l-kundizzjonijiet ambjentali legalment validi għall-installazzjonijiet eoliċi ma jibqgħux jeżistu (48).

96.      Il-Kummissjoni ssostni li għall-awtorizzazzjoni tal-proġetti ta’ parks eoliċi huma biss rilevanti r-regoli tas-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II dwar l-istorbju tal-arbli eoliċi, minħabba li dawn jiddeterminaw direttament l-allokazzjoni tagħhom fir-rigward tad-djar u ż-żoni residenzjali. Dan ma jseħħx bir-regoli dwar il-projjezzjoni ta’ dell u dwar is-sigurtà ta’ dawn l-arbli eoliċi, li jaffettwaw il-fażi operattiva tal-parks eoliċi rispettivi: l-analiżi tal-impatt tagħhom għandha ssir b’applikazzjoni tad-Direttiva EEA u mhux tad-Direttiva ESIE.

97.      Ma naqbilx ma’ dan l-approċċ peress li huwa ffukat fuq l-analiżi individwali tad-dispożizzjonijiet tal-pjan u l-programm u mhux fl-analiżi tagħhom flimkien. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti dwar il-projjezzjoni ta’ dell u s-sigurtà tal-arbli eoliċi għandhom jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni meta jkunu se jiġu installati, irrispettivament dwar jekk sussegwentement jaffettwawx l-operat tal-park eoliku (bħalma huwa l-każ, wara kollox, tar-regoli dwar l-istorbju).

98.      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” jista’ jkopri atti adottati b’mod leġiżlattiv jew regolatorju.

99.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li teskludi l-miżuri leġiżlattivi tal-kunċett doppju ta’ “pjanijiet u programmi”, peress li dawn il-miżuri huma msemmija b’mod espliċitu fid-definizzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESIE (49). Ċaħdet ukoll l-analoġija għall-kategoriji tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (50) u tal-Protokoll ta’ Kiev (51), li tikkonferma li din id-Direttiva tiddistingwi ruħha miż-żewġ trattati internazzjonali “sa fejn [...] ma tinkludix preċiżament dispożizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ politiki jew ma’ leġiżlazzjonijiet ġenerali li jeħtieġu delimitazzjoni fir-rigward ta’ ‘pjanijiet u programmi’” (52).

100. Għall-Gvern Belġjan, is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II hija leġiżlazzjoni ta’ natura ġenerali nieqsa minn dimensjoni programmatika jew ta’ ppjanar, li ma hijiex mistennija li timmodifika l-qafas eżistenti għall-installazzjoni ta’ parks eoliċi. Din is-sezzjoni ma tidħolx fil-kunċett ta’ pjan jew programm u, għaldaqstant, ma tirrikjedix evalwazzjoni ambjentali strateġika (53).

101. Dan l-argument ser iwassal, fir-realtà, sabiex id-Direttiva ESIE terġa’ tinqara fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Protokoll ta’ Kiev, li taħthom huma eżentati mill-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali d-dispożizzjonijiet legali u dawk regolatorji.

102. Bħalma indikajt iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat din l-interpretazzjoni fis-sentenza tagħha D’Oultremont. Għaldaqstant, regola interna regolatorja (bħalma jseħħ hawnhekk) tkun tirrikjedi l-ESIE sakemm ikun stabbilit qafas ta’ riferiment sinjifikattiv għat-twettiq tal-proġetti tal-parks eoliċi. Hekk ġara, bħalma diġà spjegajt, bir-regoli analizzati fis-sentenza D’Oultremont, li r-rekwiżiti tagħha, intenni, huma parzjlament simili għal dawk inkwistjoni.

103. Fit-tielet lok, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrikjedix li l-pjanijiet u l-programmi “għandhom ikollhom bħala għan l-iżvilupp ta’ territorju partikolari”, iżda li “huma intiżi, b’mod iktar wiesa’, għall-iżvilupp ta’ territorji jew ta’ żoni inġenerali” (54).

104. Is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II, bl-istess mod bħal tal-leġiżlazzjoni ta’ Wallonie dwar il-kawża D’Oultremont, tikkonċerna t-territorju ta’ reġjun (tal-Fjandri) kollu kemm hu. Il-valuri ta’ limitu tal-istorbju li tistabbilixxi jippreżentaw rabta sostanzjali ma’ dan it-territorju, peress li huma ddeterminati skont it-tipi differenti ta’ użi taż-żoni ġeografiċi. Permezz tal-applikazzjoni tagħhom jiġu identifikati l-postijiet fejn jistgħu jiġu installati l-arbli eoliċi, bħalma jseħħ fil-komuni ta’ Aalter u ta’ Nevele.

105. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li jeħtieġ li jiġi evitat li l-istess pjan jew programm ikollu jiġi suġġett għal diversi ESIE. Għaldaqstant, sakemm tkun twettqet minn qabel l-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom, ser ikunu esklużi mir-reġim tal-ESIE dawk il-pjanijiet u l-programmi li huma inklużi f’ġerarkija ta’ atti li, huma nnifishom għaddew minn evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u li f’dan ir-rigward jista’ jitqies raġonevoli li l-interessi li tipproteġi d-Direttiva ESIE ttieħdu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq (55).

106. Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, jekk is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II u l-Komunikazzjoni kienu jiffurmaw parti minn sekwenza regolatorja li l-adozzjoni tagħha kienet diġà s-suġġett ta’ ESIE, ma għandhomx għalfejn jgħaddu minn evalwazzjoni oħra speċifika.

107. Ma hemmx informazzjoni fil-proċess tal-kawża li tippermetti l-verifika ta’ din iċ-ċirkustanza. Is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II hija bbażata fuq id-Digriet dwar l-awtorizzazzjonijiet ambjentali, iżda l-kundizzjonijiet li tistabbilixxi għall-installazzjoni tal-impjanti eoliċi lanqas jikkoinċidu ma’ dawk tar-regola bażika. Is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II hija, bħalma kkonfermat il-Kummissjoni f’dan ir-rigward, pjan jew programm ġdid għall-finijiet tad-Direttiva ESIE.

108. Iktar ’il fuq indikajt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tispjega jekk il-Komunikazzjoni, permezz tal-kontenut tagħha, tiżviluppax u tikkompletax is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II bħala dispożizzjoni regolatorja moħbija (56). Jekk dan huwa l-każ, hija għandha tkun suġġetta wkoll għad-Direttiva ESIE, minħabba li, mal-ewwel daqqa t’għajn, fiha regoli ta’ kwalità ambjentali dwar l-istorbju inqas stretti mis-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II, billi tippermetti l-installazzjoni ta’ arbli eoliċi f’postijiet mhux imħejjija għal dan l-għan minn din ir-regola tal-aħħar.

109. Il-Komunikazzjoni tidher li tagħti lill-awtoritajiet amministrattivi tal-Vlaandereni l-possibbiltà li taċċetta iktar faċilment l-eċċezzjonijiet għar-regoli fis-seħħ tal-VLAREM II relatati mal-installazzjoni tal-arbli eoliċi. Dan jikkonferma li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jiġu koperti bl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESIE (57).

110. Fil-qosor, corpus leġiżlattiv bħal dan inkwistjoni, li r-regoli tiegħu jirregolaw il-qafas sabiex wieħed jikseb l-awtorizzazzjonijiet tal-parks eoliċi, f’termini tal-projjezzjoni ta’ dell, is-sigurtà u l-istorbju, jaqa’ fil-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESIE u jista’ jħalli impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent. F’dan is-sens, jirrikjedi t-twettiq ta’ ESIE, konformement mal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva.

D.      It-tmien u d-disa’ domanda preliminari

111. Il-qorti tar-rinviju titlob li jiġi ċċarat kif is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ser taffettwa l-pjanijiet u l-programmi (u d-deċiżjonijiet individwali adottati minnhom), jekk is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II u l-Komunikazzjoni kellhom jiġu suġġetti għal ESIE. B’mod partikolari, tixtieq tkun taf jekk jistgħux jiġu limitati l-effetti ta’ annullament eventwali sabiex jinżammu temporanjament l-effetti ta’ dawn ir-regoli, sabiex jiġi protett l-ambjent u tiġi żgurata l-provvista tal-elettriku.

112. Barra minn hekk, tistaqsi jekk din il-limitazzjoni ratione temporis tistax topera mhux biss fir-rimedji (diretti) ta’ annullament, iżda wkoll fir-rimedji (indiretti) fejn in-nullità allegata ta’ dawn il-pjanijiet u l-programmi huwa l-motiv —jew wieħed mill-motivi— sabiex jiġu kkontestati deċiżjonijiet individwali li jawtorizzaw il-proġetti li japplikawhom.

113. Ninnota li l-qorti tar-rinviju tifformula din l-aħħar domanda filwaqt li tiżgura li ma għandhiex ġurisdizzjoni, skont id-dritt Belġjan, sabiex tannula s-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II u l-Komunikazzjoni (58). Hija għandha tagħti sentenza biss dwar ir-rikors ta’ annullament ippreżentat kontra deċiżjoni individwali ta’ awtorizzazzjoni ta’ arbli eoliċi (59), iżda fih tqajmet, bħala eċċezzjoni għall-illegalità, in-nullità possibbli tas-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II u tal-Komunikazzjoni.

114. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[f]in-nuqqas, f’din id-direttiva, ta’ dispożizzjonijiet dwar il-konsegwenzi li għandhom jitnisslu minn ksur tad-dispożizzjonijiet proċedurali li hija tistabbilixxi, huma l-Istati Membri li għandhom, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, ġenerali jew partikolari sabiex il-‘pjanijiet’ u ‘programmi’ kollha li jistgħu jkollhom ‘effett sinjifikattiv fuq l-ambjent’ fis-sens tad-Direttiva 2001/42 jiġu, qabel l-adozzjoni tagħhom, suġġetti għal evalwazzjoni [tal-impatt] ambjentali, skont il-modalitajiet proċedurali u l-kriterji previsti bl-imsemmija direttiva” (60).

115. Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jeliminaw il-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, u dan l-obbligu huwa impost, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, fuq kull korp tal-Istat Membru.

116. B’mod partikolari, fir-rigward tal-obbligu sabiex tiġi rrimedjata l-assenza tal-evalwazzjoni rikjesta mid-Direttiva ESIE, minn din il-ġurisprudenza huwa konkluż li:

–      is-sospensjoni jew l-annullament tal-att ivvizzjat minn tali difett jikkonċerna wkoll lill-qrati nazzjonali aditi b’rikors ippreżentat kontra att ta’ dritt nazzjonali adottat bi ksur tad-Direttiva ESIE.

–      hija r-responsabbiltà tal-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li tistabbilixxi tali modalità proċedurali applikabbli għal tali rikorsi, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li, fil-prattika, ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

–      fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali tagħhom, dawn il-qrati għandhom jieħdu l-miżuri intiżi għas-sospensjoni jew għall-annullament tal-pjan jew tal-programm adottat bi ksur tal-obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali strateġika, kif preskritt mill-imsemmija direttiva (61).

117. Konformement ma’ dan l-obbligu ġenerali, pjan jew programm adottat mingħajr ESIE, bi ksur tad-Direttiva ESIE, għandu jiġi sospiż, annullat jew jitħalla mhux applikat mill-qorti nazzjonali sabiex tibda tingħata effett utli lis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. A fortiori, l-awtorizzazzjonijiet ta’ proġetti bbażati fuqhom għandu jkollhom l-istess riżultat.

118. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li “tista’, eċċezzjonalment u għal kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, tagħti sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ esklużjoni li għandha dispożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontriha” (62).

119. Din il-prerogattiva hija rriservata esklużivament mill-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha billi tiddikjara li, li kieku l-qrati nazzjonali kellhom is-setgħa li jagħtu supremazija lil dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jiksru, anki fuq bażi provviżorja, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni tiġi ppreġudikata.

120. Il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta, għaldaqstant li, jekk id-dritt intern jawtorizza dan, qorti nazzjonali tista’ tillimita, b’mod eċċezzjonali u wara eżami ta’ każ b’każ, l-effikaċja temporanja ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali adottata bi ksur tal-obbligi tad-Direttiva ESIE.

121. Sabiex tintuża din il-possibbiltà, f’każijiet bħal dan, il-limitazzjoni għandha tkun iġġustifikata minn kunsiderazzjoni imperattiva relatata mal-protezzjoni tal-ambjent, u għandhom ladarba jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża li għandha tirriżolvi l-qorti nazzjonali. Din is-setgħa eċċezzjonali tista’ tiġi eżerċitata biss jekk jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza Inter-Environnement Wallonie (63), li ser nirreferi għaliha iktar ’il quddiem (64).

122. Fir-rigward tad-Direttiva EEA, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll (65) li fil-każ ta’ omissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent meħtieġa minn din id-direttiva, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom iħassru l-konsegwenzi illegali ta’ din l-ommissjoni, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li ssir tali evalwazzjoni bħala regolarizzazzjoni meta l-proġett ikun qiegħed jitwettaq jew wara li jkun twettaq, sakemm jiġu ssodisfatti ċerti rekwiżiti (66).

123. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tammetti b’mod eċċezzjonali li l-qrati nazzjonali jissospendu temporanjament, u taħt kundizzjonijiet stretti, “l-effett ta’ esklużjoni” tas-supremazija tad-Direttiva ESIE, sabiex jiġi protett interess imperattiv ta’ interess ġenerali, bħall-ambjent jew il-garanzija tal-provvista tal-elettriku ta’ pajjiż.

124. Sa issa, din il-possibbiltà ġiet irrikonoxxuta f’każijiet ta’ rikorsi ta’ annullament ippreżentati quddiem qrati nazzjonali kontra pjanijiet u programmi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ESIE, li l-adozzjoni tagħhom ma ġietx suġġetta għall-ESIE (67). Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk din il-possibbiltà tistax tiġi estiża għar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet individwali ta’ awtorizzazzjoni ta’ installazzjoni ta’ arbli eoliċi li japplikaw dawn il-pjanijiet u l-programmi (68).

125. Il-partijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet juru l-pożizzjonijiet li nstabu dwar din il-kwistjoni:

–      Il-Kummissjoni tqis li l-possibbiltà li jinżammu eċċezzjonalment l-effetti tal-pjanijiet u l-programmi kontra d-Direttiva ESIE hija ammissibbli biss fil-kuntest ta’ rikors ta’ annullament dirett ippreżentat kontra dawn il-pjanijiet u l-programmi. Hija ma tarax raġunijiet sabiex tiġi estiża għad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni individwali.

–      Il-Gvern Belġjan jappoġġja t-teżi opposta. Fil-fehma tiegħu, l-istatus proċedurali ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità (li biha jiġi kkontestat indirettament il-pjan jew programm stess, bi ksur tad-Direttiva ESIE, bħala mezz sabiex tiġi kkontestata l-validità tal-awtorizzazzjoni ta’ proġett individwali) jissuġġerixxi l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (69).

126. L-argument tal-Gvern Belġjan jidhirli li huwa, fis-sens astratt, iktar konvinċenti. Fl-aħħar nett, biż-żewġ modalitajiet ta’ kontestazzjoni (rikorsi diretti jew indiretti) huwa mistenni l-istess għan, jiġifieri, li mill-ordinament ġuridiku jitneħħew ir-riżoluzzjonijiet u r-regoli li, sa fejn huma kkonċernati, imorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

127. Waħda mill-kunsiderazzjonijiet li ġiegħlet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar iż-żamma temporanja tal-effetti ta’ att nazzjonali mhux kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni huwa t-tħassib għaċ-ċertezza legali. Is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ċertezza (jew lakuna leġiżlattiva) ikkawżata mid-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ dan l-att qiegħda tiżdied meta jintlaqgħu erga omnes ir-rikorsi (diretti) ta’ annullament, iżda sseħħ ukoll fir-rikorsi indiretti, fl-aċċettazzjoni tal-eċċezzjonijiet ta’ illegalità (70). Il-multiplikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar tista’ toħloq, għaldaqstant, l-istess konsegwenzi bħal dawk tal-annullament dirett tad-dispożizzjoni korrispondenti (71)

128. L-applikazzjoni tal-paralleliżmu li ħadet inkunsiderazzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Winner Wetten għandha tiġġustifika, għaldaqstant, li s-sospensjoni temporanja tal-“effett ta’ esklużjoni” tas-supremazija mill-qorti nazzjonali tista’ sseħħ ukoll fil-kuntest tal-eċċezzjonijiet ta’ illegalità, fil-konfront ta’ deċiżjonijiet individwali ta’ applikazzjoni ta’ pjanijiet jew programmi adottati bi ksur tad-Direttiva ESIE (72).

129. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu li titwettaq ESIE huwa rekwiżit proċedurali li għandu jiġi ssodisfatt meta jiġu approvati ċerti pjanijiet u programmi. Jista’ jkun li dawn tal-aħħar, għalkemm ma ġewx suġġetti għal dan ir-rekwizit, għandhom kontenut materjali li jirrifletti livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent.

130. Din iċ-ċirkustanza (li tispjega, minn naħa, il-ġurisprudenza “permissiva” tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq) tikkonċerna kemm ir-rikorsi ta’ annullament diretti kontra l-pjan jew programm adottat mingħajr ir-rekwiżit tal-ESIE, kif ukoll ir-rikorsi indiretti, fejn jitqajjem il-ksur tad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità kontra d-deċiżjonijiet individwali ta’ applikazzjoni tal-pjan jew programm.

131. Fl-aħħar nett, il-protezzjoni tal-ambjent u l-garanzija tal-provvista tal-elettriku fi Stat Membru huma raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala ġustifikazzjoni għas-sospensjoni tal-“effett ta’ esklużjoni” tas-supremazija fuq id-dritt nazzjonali adottat bi ksur tad-Direttiva ESIE.

132. F’dan il-każ, mill-inqas waħda minn dawn ir-raġunijiet imperattivi (il-ħarsien tal-ambjent) (73) tista’ tiġġustifika ż-żamma temporanja tal-effetti tal-awtorizzazzjonijiet ta’ kostruzzjoni tal-ħames arbli eoliċi fil-komuni ta’ Aalter u ta’ Nevele u, indirettament, tar-regoli li jikkonċernawhom.

133. Din is-setgħa eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrikonoxxi lill-qorti nazzjonali tista’ tiġi eżerċitata biss jekk jingħaqdu r-rekwiżiti kolha stabbiliti fis-sentenza Inter-Environnement Wallonie (74), jiġifieri:

–      Id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kkontestata tkun tikkostitwixxi miżura ta’ traspożizzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent.

–      L-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjoni ġdida tad-dritt nazzjonali ma jkunux jippermettu li jiġu evitati l-effetti dannużi fuq l-ambjent li jirriżultaw mill-annullament tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kkontestata.

–      L-annullament ta’ din tal-aħħar ikollu bħala konsegwenza li joħloq lakuna ġuridika fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent li tkun ta’ dannu ikbar għall-ambjent, fis-sens li dan l-annullament ikun jipprovdi inqas protezzjoni u għalhekk ikun imur preċiżament kontra l-għan fundamentali tad-dritt tal-Unjoni.

–      Iż-żamma eċċezzjonali tal-effetti tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kkontestata tkun tkopri biss il-perijodu ta’ żmien strettament meħtieġ għall-adozzjoni tal-miżuri li jippermettu li tiġi rrimedjata l-irregolarità kkonstatata.

134. Skont l-indikazzjonijiet tad-digriet tar-rinviju u l-osservazzjonijiet ippreżentati, f’din il-kawża huma ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti:

–      Is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II u l-Komunikazzjoni jikkostitwixxu miżura ta’ traspożizzjoni xierqa ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-ħarsien tal-ambjent, li hija d-Direttiva 2009/28. L-iżvilupp tal-produzzjoni tal-elettriku permezz tal-parks eoliċi huwa element indispensabbli tal-istrateġija tal-Istat Belġjan sabiex tinkiseb iż-żieda fil-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli għall‑2020.

–      Is-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II u l-Komunikazzjoni kienu element importanti tal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar l-installazzjoni ta’ parks eoliċi u mill‑31 ta’ Marzu 2012, skont il-qorti tar-rinviju, servew bħala bażi, fuq skala kbira, għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet individwali ta’ installazzjoni ta’ arbli eoliċi.

–      L-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjoni ġdida tad-dritt nazzjonali ma jkunux jistgħu jevitaw l-effetti dannużi fuq l-ambjent li jirriżultaw mill-annullament tas-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II u tal-Komunikazzjoni. Dan l-annullament jiftaħ il-possibbiltà li tiġi kkontestata, f’forma ta’ kaskata, il-legalità tal-permessi ta’ installazzjoni ta’ arbli eoliċi fir-Reġjun tal-Vlaanderen mill‑31 ta’ Marzu 2012, bil-konsegwenza li din tista’ titwaqqaf.

–      L-annullament tas-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II u tal-Komunikazzjoni ser jirriżulta fil-ħolqien ta’ lakuna legali fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent li mbagħad ikun ta’ iktar dannu għalih. B’mod partikolari, ir-regoli ta’ riferiment dwar l-istorbju, il-projjezzjoni ta’ dell u s-sigurtà tal-arbli eoliċi jisparixxu mir-reġjun tal-Vlaanderen, bir-riskju li dawn ikunu jistgħu jiġu installati bi standards ta’ protezzjoni ambjentali iktar baxxi.

135. Fil-qosor, jidher iktar loġiku li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li l-qorti nazzjonali, jekk id-dritt intern tagħha jkopri dan (75), tista’ żżomm b’mod eċċezzjonali l-effetti tas-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II u tal-Komunikazzjoni, kif ukoll tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-installazzjoni tal-arbli eoliċi abbażi ta’ dawn ir-regoli, matul il-perijodu ta’ żmien strettament neċessarju sabiex jiġu adottati l-miżuri li jirrimedjaw l-irregolarità msemmija, jiġifieri, matul il-perijodu ta’ żmien meħtieġ sabiex l-awtoritajiet reġjonali kompetenti jwettqu l-ESIE ta’ dan il-corpus leġiżlattiv.

136. Barra minn hekk, jekk din l-evalwazzjoni tkun favorevoli, il-leġiżlazzjoni tal-Vlaanderen tkun tista’ tkompli tapplika bħala pjan jew programm adattat għad-Direttiva ESIE, ladarba tiġi rrimedjata l-assenza tal-ESIE.

IV.    Konklużjoni

137. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tar-Raad voor Vergunningsbetwistingen (il-Kunsill tal-Kontenzjuż tal-Permessi, il-Belġju) fit-termini li ġejjin:

“1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali li fiha regoli preċiżi dwar il-projjezzjoni ta’ dell, is-sigurtà u l-istorbju tal-parks eoliċi, bħala qafas ta’ riferiment għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid u l-karatteristiċi ta’ proġetti futuri ta’ installazzjoni ta’ arbli eoliċi tal-elettriku, hija koperta fil-kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, u għandha impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, b’mod li teħtieġ it-twettiq minn qabel ta’ evalwazzjoni ambjentali strateġika skont l-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva.

2)      Il-qorti nazzjonali tista’ tillimita l-effetti ratione temporis fis-sentenza tagħha fil-kawża prinċipali jekk tilqa’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-leġiżlazzjoni interna inkwistjoni, sabiex iżżomm temporanjament l-effetti tal-awtorizzazzjonijiet ta’ installazzjoni ta’ arbli eoliċi bl-għan li jiġi protett l-ambjent u, fejn ikun meħtieġ, tiġi ggarantita l-provvista tal-elettriku. Din il-possibbiltà hija suġġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, relatati, sa fejn huma kkonċernati, mad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva 2001/77/KE u 2003/30/KE.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEA”).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157). Magħrufa wkoll bħala d-Direttiva dwar “l-evalwazzjoni ambjentali strateġika” (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ESIE”).


4      Kawża C‑567/10 (iktar ’il quddiem, is-“sentenza Inter-Environnement Bruxelles et”, EU:C:2012:159. Skont din is-sentenza, essenzjalment, id-Direttiva ESIE tkopri mhux biss il-pjanijiet u l-programmi imposti minn leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda wkoll dawk li l-adozzjoni tagħhom hija prevista iżda ma hijiex obbligatorja.


5      Kawża C‑41/11 (iktar ’il quddiem, is-“sentenza Inter-Environnement Wallonie”, EU:C:2012:103).


6      Besluit van de Vlaamse regering van 1 juni 1995 houdende algemene en sectorale bepalingen inzake milieuhygiëne


7      Vlaams decreet van 5 april 1995 houdende algemene bepalingen inzake milieubeleid (id-Digriet tal-Vlaanderen tal‑5 ta’ April 1995 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-politika ambjentali; iktar ’il quddiem id-“DABM tal‑1995”), li emenda l-Vlaams decreet betreffende de milieuvergunning van 28 juni 1985 (id-Digriet tal-Vlaanderen tat‑28 ta’ Ġunju 1985 li jikkonċerna l-permess tal-ambjent; iktar ’il quddiem, id-“Digriet dwar l-awtorizzazzjonijiet ambjentali”).


8      L-Artikolu 99 tal-besluit van 23 december 2011 tot wijziging van het besluit van de Vlaamse Regering van 6 februari 1991 houdende de vaststelling van het Vlaams reglement betreffende de milieuvergunning en van het besluit van de Vlaamse regering van 1 juni 1995 houdende algemene en sectorale bepalingen (Ordni tat‑23 ta’ Diċembru 2011, li temenda l-Ordni tal-Gvern tal-Vlaanderen tas‑6 ta’ Frar 1991, li tadotta r-Regolament tal-Vlaanderen dwar l-awtorizzazzjonijiet ambjentali u l-Ordni tal-Gvern tal-Vlaanderen, tal‑1 ta’ Ġunju 1995, li tipprovdi dispożizzjonijiet ġenerali u settorjali).


9      Omzendbrief van 12 mei 2006 EME/2006/01 – RO/2006/02 “afweginskader en randvoorwaarden voor de inplanting van windturbines” (Komunikazzjoni tat‑12 ta’ Mejju 2006 EME/2006/01 – RO/2006/02 rigward il-kuntest ta’ evalwazzjoni u l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinbnew arbli eoliċi; iktar ’il quddiem, il-“Komunikazzjoni”). Ġiet issotitwita bl-Omzendbrief R0/2014/02 van 25 april 2014 betreffende het afwegingskader en randvoorwaarden voor de oprichting van windturbines (Komunikazzjoni R0/2014/02 tal‑25 ta’ April 2014 rigward il-kuntest ta’ evalwazzjoni u l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinbnew arbli eoliċi).


10      B’mod partikolari, il-gewestelijke stedenbouwkundige ambtenaar van het departement Ruimte Vlaanderen (afdeling Oost-Vlaanderen) (l-uffiċjal reġjonali inkarigat bi kwistjonijiet urbanistiċi tad-Dipartiment tat-territorju tal-Vlaanderen — is-Sezzjoni tal-Vlaanderen tal-Lvant; iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni tal-Vlaanderen”),


11      Il-partijiet fejn kienet prevista l-kostruzzjoni tal-arbli eoliċi jinsabu, minn naħa, f’konformità mal-pjanijiet reġjonali fis-seħħ, fuq art għal użu agrikolu u, min-naħa l-oħra, fuq art għal użu agrikolu ta’ valur ta’ pajsaġġ xeniku.


12      Ġew studjati b’mod iddettaljat l-analiżi tal-ilma, ir-rapport dwar l-impatti fuq l-ambjent, l-evalwazzjoni tal-ippjanar territorjali u d-diversi opinjonijiet miġbura.


13      Sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, iktar ’il quddiem, is-“sentenza D’Oultremont et”, EU:C:2016:816).


14      Sentenza Inter-Environnement Bruxelles et, punt 31.


15      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2011:775, punti 14 sa 20).


16      Sabiex jiġi evalwat jekk il-qorti tar-rinviju hijiex “qorti jew tribunal” skont it-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni diversi fatturi, bħall-oriġini legali tagħha, il-permanenza tagħha, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tagħha, in-natura kontradittorja tal-proċeduri, li tapplika regoli legali, kif ukoll l-indipendenza tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 17); tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, EU:C:2015:664, punt 17); u tas‑16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello (C‑503/15, EU:C:2017:126, punt 27).


17      Meta tinftiehem fis-sens l-iktar wiesa’ tagħha (li jiġbor flimkien kemm il-pjanijiet u l-programmi kif ukoll il-proġetti), l-evalwazzjoni ambjentali hija ġġustifikata permezz tal-ħtieġa li, qabel ma tieħu deċiżjoni, l-awtorità kompetenti tanalizza l-impatt fuq l-ambjent tal-proċessi tekniċi korrispondenti tal-ippjanar u tad-deċiżjonijiet. L-objettiv tagħha huwa li tevita, mill-bidu, it-tniġġiż jew il-ħsara eventwali fuq l-ambjent, iktar milli tiġġilidhom wara li jkunu tfaċċaw. Ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs l-Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 58); tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et (kawżi magħquda C‑196/16 u C‑197/16, iktar il quddiem “Comune di Corrdonia et”, EU:C:2017:589, punt 33); tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs Polonja (C‑526/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:356, punt 75); u tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 73).


18      Il-Kummissjoni Ewropea, Guía para la aplicación de la Directiva 2001/42 relativa a la evaluación de los efectos de determinados planes y programas en el medio ambiente (Gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent), 2006, https://ec.europa.eu/environment/archives/eia/pdf/030923_sea_guidance_es.pdf. Ara wkoll id-Dokument COM(2017) 234 finali tal‑15 ta’ Mejju 2018 Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent. Fil-kummentarji, McGuinn, J., Oulès, L., Banfi, P., McNeill, A., O’Brien, S., Lukakova, Z.,Sheate, W., Kolaric, S. u Sadauskis R. Study to support the REFIT evaluation of Directive 2001/42/EC on the assessment of the effects of certain plans and programmes on the environment (SEA Directive), 2019, https://ec.europa.eu/environment/eia/pdf/REFIT%20Study.pdf.


19      Punt 10(2) tad-digriet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.


20      Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16).


21      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2016, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li: “bl-adozzjoni ta’ regoli ta’ kondotta u bit-tħabbir, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn dak il-mument għall-każijiet koperti minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali tagħha u, bħala prinċipju, ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tinstab fi ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”.


22      Sentenzi Inter-Environnement Bruxelles et, punt 31; tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et (C‑160/17, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Thybaut et”, EU:C:2018:401, punt 43); u tat‑12 ta’ Ġunju 2019, CFE (C‑43/18, EU:C:2019:483, punt 54).


23      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2011:755, punti 18 sa 19). Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:39, punti 41 u 42) l-Avukat Ġenerali Kokott tenniet it-teżi tagħha, billi żgurat li l-Qorti tal-Ġustizzja estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ESIE lil hinn minn dak li kellu intenzjoni jagħmel il-leġiżlatur u milli setgħu jipprevedu l-Istati Membri.


24      HS2 Action Alliance Ltd, R (on the application of) v The Secretary of State for Transport & Anor [2014] UKSC 3, punti 175 sa 189.


25      Ara l-analiżi tal-ġurisprudenza ta’ Ricketts, S. u Munn, J., “The Meaning of ‘Required by Legislative, Regulatory or Administrative Provisions’”, f’Jones, G., Scotford, E. (edituri.), The Strategic Environmental Assessment Directive. A plan for success? Hart Publishing, Oxford, 2017, pp. 63 sa 79.


26      Fir-rigward tal-approċċi li jinsabu fil-kawża Inter-Environnement Bruxelles et, id-duttrina kkunsidrat li “for AG Kokott, the focus was upon the Directive as a legal instrument negotiated by the Member States. By contrast, the Court focused on the Directive as an effective legal device that operates according its own legal integrity” (Fisher, E., “Blazing Upstream? Strategic Environmental Assessment as ‘Hot’ Law”, Jones, G. u Scotford, E. (edituri.), The Strategic Environmental Assessment Directive. A plan for success?, Hart Publishing, Oxford, 2017, p. 174.


27      Reċentement, fil-konklużjonijiet tal-kawżi magħquda La Quadrature du net et (C‑511/18 u C‑512/18, EU:C:2020:6, punt 123).


28      Il-kliem “exigé” bil-Franċiż u “exigibo” bil-Portugiż jippreżentaw l-istess ambigwità bħall-kelma Spanjol “exigidos”. Iż-żewġ verżjonijiet fil-lingwa Ingliża (“required”), Rumena (“impuse”), jew Ġermaniża (“erstellt werden müssen”) jidhru li jirreferu għal pjanijiet u programmi li l-adozzjoni tagħhom hija obbligatorja. Min-naħa l-oħra, l-aġġettiv Taljan “previsti” ifisser li jinkludi wkoll il-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom ma hijiex obbligatorja.


29      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, EMU Tabac et (C‑296/95, EU:C:1998:152, punt 36); tal‑20 ta’ Novembru 2003, Kyocera (C‑152/01, EU:C:2003:623, punti 32 u 33); u tal‑20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punti 48 u 49).


30      Proposta għal direttiva tal-Kunsill rigward l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (COM/96/0511 finali - SYN 96/0304 (ĠU 1997, C 129, p. 14).


31      Proposta emendata għal direttiva tal-Kunsill rigward l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (COM/99/0073 finali, - SYN 96/0304) (ĠU 1999, C 83, p. 13).


32      Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 25/2000, tat‑30 ta’ Marzu 2000, approvata mill-Kunsill konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bl-għan li tiġi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill relatata mal-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU 2000, C 137, p. 11) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fiha huwa stabbilit li “ġiet emendata d-definizzjoni ta’ ‘pjanijiet u programmi’ fejn b’hekk ġie ċċarat li din tagħmel riferiment biss għall-pjanijiet u l-programmi rikjesti minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi, li t-tħejjija jew l-adozzjoni tagħhom, jew it-tnejn li huma, jinvolvu awtorità, jew li awtorità tipprepara għall-adozzjoni tagħhom permezz ta’ proċedura leġiżlattiva, fir-rigward tal-proċeduri u r-regoli differenti tal-Istati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


33      It-teżi kuntrarja ġiet difiża mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha tas‑17 ta’ Novembru 2011, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2011:755, punti 15 sa 21).


34      Id-Direttiva ESIE ma tiddefinixxix it-termini “pjanijiet” u “programmi”, li t-trattament tagħhom huwa identiku. Għad-definizzjoni ta’ dawn iż-żewġ termini (għalkemm mhux daqshekk preċiża minħabba d-differenzi bejn l-Istati Membri), tista’ tkun utli l-Gwida [tal-Kummissjoni Ewropea] għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent [traduzzjoni mhux uffiċjali], 2006, https://ec.europa.eu/environment/archives/eia/pdf/030923_sea_guidance_es.pdf, li skontha, “it-tip ta’ dokument li f’xi Stati Membri huwa interpretat bħala pjan huwa dak li fih jintwera kif inhu maħsub li jitwettqu jew jiġu implimentati proġett jew politika. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, pjanijiet dwar l-użi tal-art li jiddefinixxu kif ser tintuża l-art, jew li jistabbilixxu regoli jew jagħtu gwida dwar it-tip ta’ proġett li jista’ jkun xieraq jew jiġi awtorizzat f’żoni speċifiċi, jew li jistabbilixxu kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jitfasslu proġetti ġodda. Il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-iskart, il-pjanijiet idroloġiċi, eċċ. [...] F’xi Stati Membri, normalment, il-kelma programm tfisser il-pjan li jkopri ġabra ta’ proġetti f’żona partikolari; pereżempju, jista’ jiġi kklassifikat bħala pjan ta’ riġenerazzjoni ta’ żona urbana li jikkonsisti f’diversi proġetti ta’ kostruzzjoni differenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


35      Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddikjarat li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” jinkludi mhux biss il-preparazzjoni tagħhom, iżda wkoll il-modifika tagħhom, u għandu l-għan li jiżgura li rekwiżiti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali (sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2019, “Verdi Ambiente e Società (VAS) - Aps Onlus” et (C‑305/18, EU:C:2019:384, punt 52); u CFE, (punt 71).


36      Sentenzi Inter-Environnement Bruxelles et, punt 37; Thubaut et, punt 37; CFE, punti 36 u 37; u tat‑12 ta’ Ġunju 2019, Terre wallonne (C‑321/18, EU:C:2019:484, punti 23 u 24).


37      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus (C‑444/15, EU:C:2016:978, punti 41 u 42).


38      Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et (C‑295/10, EU:C:2011:608, punt 42).


39      Loġikament, il-possibbiltà li jiġu adottati ċirkulari amministrattivi hija rrikonoxxuta mid-dritt amministrattiv Belġjan b’mod ġenerali. Ara iktar ’il quddiem in-nota ta’ qiegħ il-paġna 56.


40      Il-qorti tar-rinviju tasal sabiex tikklassifikaha bħala “psewdo-leġiżlazzjoni”.


41      L-importanza ta’ dan ir-rekwiżit hija tirriżulta wkoll minħabba li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva ESIE jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti”. Għall-finijiet ta’ kompletezza, ta’ min jinnota li jeżisti mill-inqas obbligu ieħor sabiex titwettaq evalwazzjoni ambjentali strateġika ta’ pjanijiet u programmi, li ma jiddependix minn qafas għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti. Dan jirrigwarda l-obbligu tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva ESIE, li skontu għandhom ikunu eżaminati l-pjanijiet u l-programmi suġġetti għal evalwazzjoni speċifika ta’ impatti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), li tkopri biss parti waħda tal-effetti fuq l-ambjent.


42      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan is-sens fis-sentenza D’Oultremont, punti 42 sa 44.


43      Is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 95); D’Oultremont et, punt 49; tat‑8 ta’ Mejju 2019, “Verdi Ambiente e Società (VAS) — Aps Onlus” et (C‑305/18, EU:C:2019:384, punt 50); u CFE, punt 61.


44      In-natura estensiva ta’ din l-interpretazzjoni hija enfasizzata minn Gonthier, E., “La Cour de justice de l’Union europénne définit la notion de ‘plan et programme’”, Aménagement-Environnement, 2017, Nru 3, p. 184 u 185.


45      Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:403), punt 54.


46      Sentenzi D’Oultremont, punt 48; Thybaut et, punt 55; Inter-Environnement Bruxelles et, punt 55; kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokkot f’din l-aħħar kawża (EU:C:2011:755, punti 25 u 26).


47      Sentenza D’Oultremont, punt 50: “[...] [i]d-digriet tat‑13 ta’ Frar 2014 jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-regoli tekniċi, il-modalitajiet ta’ użu (b’mod partikolari d-dellijiet stroboskopiċi), il-prevenzjoni ta’ inċidenti u ta’ nirien (fost oħrajn il-waqfien tat-turbina), ir-regoli ta’ livell ta’ ħsejjes, it-tiswija kif ukoll il-kostituzzjoni ta’ garanziji finanzjarji għall-eoliċi. Tali regoli għandhom importanza u portata suffiċjentement sinjifikattivi għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet applikabbli għas-settur ikkonċernat u l-għażliet b’mod partikolari ta’ natura ambjentali magħmula permezz ta’ dawn ir-regoli huma mitluba sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom il-proġetti konkreti ta’ kostruzzjoni u ta’ użu ta’ siti eoliċi jistgħu jiġu awtorizzati fil-futur.”


48      Osservazzjonijiet bil-miktub, punt 97.


49      Sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (Kawżi magħquda C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355, punt 47); u D’Oultremont, punt 52.


50      Il-Konvenzjoni tal‑1998 dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17).


51      Il-Protokoll tal‑2003 dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni ta’ Espoo ta’ l-UN/ECE tal‑1991 dwar il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali (ĠU 2008, L 308, p. 35), adottat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/871/KE, tal‑20 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 308, p. 33).


52      Sentenza D’Oultremont, punt 53. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:39, punti 32 sa 37).


53      Il-Gvern Belġjan jiċċita, favur it-teżi tiegħu, sentenza tal-Cour constitutionnelle belge (il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana) (sentenza Nru 33/2019, tat‑28 ta’ Frar 2019, rôle 6662, pp. 43 u ss., disponibbli fuq https://www.const-court.be/public/f/2019/2019-033f.pdf; u żewġ sentenzi tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat (Taqsima Amministrattiva), il-Pajjiżi l-Baxxi) (Nri 201709167/1/R3 u 201807375/1/R3), tat‑3 ta’ April 2019 (ECLI:NL:RVS:2019:1064).


54      Sentenza D’Oultremont, punti 45 u 46.


55      Sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis (C‑473/14, EU:C:2015:582, punt 55); Inter-Environnement Bruxelles et, punt 42; u CFE, punt 73.


56      Ma iniex f’pożizzjoni li niddeċiedi dwar in-natura u l-effetti ġuridiċi tal-komunikazzjonijiet fid-dritt Belġjan, kwistjoni li wieħed irid jaċċettaha kif inhi riżolta mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).


57      Fir-rigward ta’ żona ta’ rikompożizzjoni urbana fir-rigward taċ-ċentru ta’ Orp-le-Petit, raħal li jappartjeni lill-komun ta’ Orp-Jauche (il-Belġju), li kien emenda l-pjan ta’ settur, il-pjan ta’ żvilupp komunali u r-regolament komunali dwar l-ippjanar urban (minnhom innifishom, pjanijiet u programmi fis-sens tad-Direttiva ESIE), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan kellu jingħata l-istess klassifikazzjoni u jkun suġġett għall-istess sistema ġuridika, billi tiżgura li “għalkemm tali att ma fihx u ma jistax ikun fih dispożizzjonijiet pożittivi, il-fakultà li huwa jistabbilixxi li tippermetti li jinkisbu iktar faċilment derogi mir-rekwiżiti tal-ippjanar urban fis-seħħ temenda l-awtorizzazzjoni legali u għandha l-effett li tpoġġi liż-ŻKU inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(a) [u tal-Artikolu 3(2)a)] tad-Direttiva ESA” (sentenza Thybaut et, punti 57 u 58).


58      Ara n-nota 68 iktar ’il fuq.


59      Jiġifieri d-deċiżjoni li tagħti lil Electrabel permess ta’ bini għall-installazzjoni ta’ ħames arbli eoliċi fit-territorji tal-komuni ta’ Aalter u ta’ Nevele.


60      Is-Sentenzi Inter-Environnement Wallonie, punt 42; Association France Nature Environnement, punt 29; Comune di Corridonia et, punt 34; u tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Wasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 75).


61      Sentenzi Inter-Environnement Wallonie, punti 43 sa 46; tat‑28 ta’ Lulju 2012, Association France Nature Environnement (C‑379/15, iktar il quddiem “Association France Nature Environnement”, EU:C:2016:603, punti 30 sa 32); Comune di Corridonia et; u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punti 171 u 172).


62      Sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza Winner Wetten”, EU:C:2010:503, punti 66 u 670; u Association France Nature Environnement, punt 33.


63      Punti 59 sa 63. Fl-istess linja, is-sentenza Association France Nature Environnement, punt 43.


64      Fi studju reċenti ġew analizzati s-similaritajiet u d-differenzi bejn il-ġurisprudenza Winner Wtten, li tistabbilixxi proċedura ċentralizzata, f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tissospendi l-applikazzjoni tal-effett ta’ esklużjoni tal-prinċipju ta’ supremazija fuq ir-regoli nazzjonali li jmorru kontriha, u l-ġurisprudenza Association France Nature Environnement, li tistabbilixxi proċedura deċentralizzata sabiex twettaq din is-sospensjoni, attribwita lill-qrati nazzjonali f’kundizzjonijiet stretti ħafna. Dan l-istudju jinsisti fl-importanza ta’ din il-ġurisprudenza sabiex jiġu evitati l-lakuni legali li jistgħu jiġu applikati b’mod strett permezz tal-effett ta’ esklużjoni tal-prinċipju ta’ supremazija (Dougan, M, “Primacy and the remedy of disaplication”, Common Market Law Review, 2019, Nru 4, p. 1490 sa 1505).


65      Sentenzi Comune di Corridonia et, punt 43; tat‑28 ta’ Frar 2018, Comune di Castelbellino (C‑117/17, EU:C:2018:129, punt 30); u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 175).


66      Minn naħa, li r-regoli nazzjonali li jippermettu din ir-regolarizzazzjoni ma joffrux lill-persuni kkonċernati l-possibbiltà li jevitaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni jew li jevitaw li japplikawhom u, min-naħa l-oħra, li l-evalwazzjoni mwettqa bħala regolarizzazzjoni ma tirrigwardax biss l-effetti futuri ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent, iżda tieħu inkunsiderazzjoni l-impatti ambjentali kollha li seħħew wara t-twettiq tal-imsemmi proġett.


67      Sentenzi Inter-Environnement Wallonie u Association France Nature Environnement.


68      Bħalma diġà indikajt, skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt Belġjan fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fit-tilwima li hija adita minnha, jirrikonoxxi biss is-setgħa li jiġu annullati d-deċiżjonijiet individwali, iżda mhux il-pjanijiet u l-programmi.


69      F’dan ir-rigward jiddikjara li r-rikorsi diretti ta’ annullament ippreżentati kontra l-pjanijiet u l-programmi għandhom jiġu ppreżentati fi żmien qasir, filwaqt li l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità jistgħu jiġu invokati mingħajr limitu temporanju. F’dan il-każ tal-aħħar, iċ-ċertezza legali għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’, peress li l-pjanijiet u l-programmi ġew applikati f’numru ikbar ta’ deċiżjonijiet individwali.


70      F’xi Stati Membri, il-mekkaniżmi proċedurali tagħhom jawtorizzaw l-estensjoni tal-effetti ta’ sentenza ta’ annullament, magħmula f’rikors indirett, għal każijiet simili oħra. Jekk fid-dritt Belġjan jeżisti wieħed minn dawn il-mekkaniżmi, ser tkun tista’ “titwessa’” n-nullità tal-awtorizzazzjoni għal oħrajn simili, abbażi tan-nullità tas-sezzjoni 5.20.6 tal-VLAREM II u tal-Komunikazzjoni, li jkun ekwivalenti għall-preklużjoni, b’effetti erga omnes, tal-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, wara li jkunu għarfu li dawn ma jikkonformawx mad-Direttiva ESIE.


71      Il-punt 65 tas-sentenza Winner Wetten jindika: “[f]it-twettiq ta’ din il-kompetenza, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari tista’ tissospendi l-effetti tal-annullament jew tal-konstatazzjoni ta’ invalidità ta’ att bħal dan sal-adozzjoni ta’ att ġdid li jirrimedja l-illegalità kkonstatata”.


72      Sentenza Winner Wetten, punti 67 u 68.


73      Għalkemm, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni, ma jidhirx li l-waqfien tal-attività tal-ħames arbli eolici ta’ Aalter u ta’ Nevele ser ikollu impatt sinjifikattiv fuq il-provvista tal-elettriku fil-Belġju, bħalma indikat il-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Dan ikun differenti, jekk minħabba l-multiplikazzjoni tar-rikorsi ppreżentati kontra l-awtorizzazzjonijiet simili, l-annullament jaffettwa lill-installazzjonijiet eoliċi kollha tal-Fjandri.


74      Punti 59 sa 63. Fl-istess sens, is-sentenza Association France Nature Environnement, punt 43.


75      Għaldaqstant, dan jiddependi fuq mekkaniżmi, kemm legali kif ukoll ġurisprudenzjali, skont il-punt 10.1 tad-digriet tar-rinviju.