Language of document : ECLI:EU:C:2020:503

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

25 ta’ Ġunju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/42/KE – Stima tal-effetti fuq l-ambjent – Permess ta’ żvilupp urban għall-installazzjoni u għall-użu ta’ eoliċi – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ – Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ permess stabbiliti b’digriet u ċirkulari – Artikolu 3(2)(a) – Atti nazzjonali li jiddefinixxu qafas li fih l-implimentazzjoni ta’ proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur – Assenza ta’ evalwazzjoni ambjentali – Żamma tal-effetti tal-atti nazzjonali u tal-permessi maħruġa abbażi tagħhom wara li tkun ġiet ikkonstatata n-nuqqas ta’ konformità ta’ dawn l-atti mad-dritt tal-Unjoni – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑24/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Permessi, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

A et

vs

Gewestelijke stedenbouwkundige ambtenaar van het departement Ruimte Vlaanderen, afdeling Oost-Vlaanderen,

fil-preżenza ta’:

Organisatie voor Duurzame Energie Vlaanderen VZW,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur), F. Biltgen, A. Kumin, N. Jääskinen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Diċembru 2019,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A et, minn T. Swerts, W.‑J. Ingels, u L. Nijs, advocaten,

–        għall-Organisatie voor Duurzame Energie Vlaanderen VZW, minn T. Malfait u V. McClelland, advocaten,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, M. Jacobs u P. Cottin, bħala aġenti, assistiti minn J. Vanpraet, advocaat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, M. Gijzen u M. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery, bħala aġent, assistita minn R. Warren, QC, u minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) kif ukoll tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A et u l-Gewestelijke stedenbouwkundige ambtenaar van het departement Ruimte Vlaanderen, afdeling Oost-Vlaanderen (l-uffiċjal reġjonali inkarigat bi kwistjonijiet urbanistiċi tad-Dipartiment tat-territorju tal-Vlaanderen, is-Sezzjoni tal-Vlaanderen tal-Lvant, il-Belġju), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jagħti permess ta’ żvilupp urban lil produttur u fornitur tal-elettriku għall-finijiet tal-installazzjoni u tal-użu ta’ ħames eoliċi fuq sit fejn A et huma  r-residenti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent f’kuntest transkonfinali, iffirmata f’Espoo (il-Finlandja) fis‑26 ta’ Frar 1991 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Espoo”), ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea fl‑24 ta’ Ġunju 1997 u daħlet fis-seħħ fl‑10 ta’ Settembru tal-istess sena.

4        L-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Espoo jistipula li:

“L-istimi tal-impatt fuq l-ambjent stabbiliti minn din il-konvenzjoni għandhom jitwettqu, bħala kundizzjoni minima, fil-livell tal-proġett tal-attività proposta. Sa fejn xieraq, il-partijiet għandhom jipprovaw japplikaw il-prinċipji tal-istima tal-impatt fuq l-ambjent għall-politika, pjanijiet u programmi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

5        Skont il-premessa 4 tad-Direttiva 2001/42:

“L-istima ambjentali hi għodda mportanti biex ikunu integrati l-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent fl-Istati Membri, minħabba li din tassigura li dawn l-effetti ta’ pjanijiet u programmi li jkunu ser jiġu mplimentati jkunu kkunsidrati matul il-preparazzjoni tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom.”

6        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għanijiet”, jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”

7        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat b’dan il-mod:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

–        li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

–        li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;

(b)      ‘stima ambjentali’ tfisser il-preparazzjoni ta’ xi rapport ambjentali, l-għemil ta’ konsultazzjonijiet, it-teħid tal-kont tar-rapport ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u d-disposizzjoni ta’ l-informazzjoni dwar id-deċiżjoni skond l-Artikoli 4 sa 9;

[…]”

8        Skont l-Artikolu 3, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni” tal-istess direttiva:

“1.      L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.      Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

(a)      li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva [tal-Kunsill 85/337/KE tas‑27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248).]

[…]”

9        Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 85/337.

10      Il-punt 3(i) tal-Anness II tad-Direttiva 2011/92 jirreferi għall-“[is]tallazzjonijiet li jużaw il-qawwa tar-riħ għall-produzzjoni tal-enerġija (oqsma ta’ mtieħen tar-riħ)”.

 Id-dritt Belġjan

 Il-Vlarem II

11      Il-besluit van de Vlaamse regering houdende algemene en sectorale bepalingen inzake milieuhygiënec (id-Digriet tal-Gvern tal-Vlaanderen li jistabbilixxi d-Dispożizzjonijiet Ġenerali u Settorjali fil-Qasam tal-Iġjene tal-Ambjent) tal‑1 ta’ Ġunju 1995 (Belgisch Staatsblad, tal‑31 ta’ Lulju 1995, p. 20526), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Vlarem II”), ġie adottat b’eżekuzzjoni, b’mod partikolari, tad-decreet van de Vlaamse Raad betreffende de milieuvergunning (id-Digriet tal-Kunsill tal-Vlaanderen dwar il-Permessi Ambjentali), tat‑28 ta’ Ġunju 1985 (Belgisch Staatsblad, tas‑17 ta’ Settembru 1985, p. 13304), kif ukoll id-decreet van de Vlaamse Raad houdende algemene bepalingen inzake milieubeleid (id-Digriet tal-Kunsill tal-Vlaanderen li jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Ġenerali fir-rigward tal-Politika Ambjentali, iktar ’il quddiem id-“DABM”) tal‑5 ta’ April 1995 (Belgisch Staatsblad, tat‑3 ta’ Ġunju 1995, p. 15971). Il-Vlarem II jipprevedi kundizzjonijiet ambjentali ġenerali u settorjali dwar, minn naħa, l-inkonvenjenzi u r-riskji li jistgħu jikkawżaw ċerti installazzjonijiet u attivitajiet u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għall-eventwali danni kkawżati lill-ambjent mill-użu tagħhom.

12      Permezz tal-Artikolu 99 tal-besluit van de Vlaamse regering tot wijziging van het besluit van de Vlaamse regering houdende de vaststelling van het Vlaams reglement betreffende de milieuvergunning en van het [Vlarem II], wat betreft de actualisatie van voormelde besluiten aan de evolutie van de techniek (id-Digriet tal-Gvern tal-Vlaanderen li jemenda d-Digriet tal-Gvern tal-Vlaanderen tas‑6 ta’ Frar 1991 li jistabbilixxi r-Regolament tal-Vlaanderen dwar il-Permessi Ambjentali u li jemenda [l-Vlarem II], fir-rigward tal-aġġornament tad-digrieti ċċitati iktar ’il fuq għall-iżvilupp tat-teknika) tat‑23 ta’ Diċembru 2011 (Belgisch Staatsblad, tal‑21 ta’ Marzu 2012, p. 16474), Sezzjoni 5.20.6 żdied mal-Vlarem II, fir-rigward tal-installazzjonijiet eoliċi għall-produzzjoni ta’ elettriku permezz tal-enerġija eolika.

13      Din is-sezzjoni, intitolata “Installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku permezz ta’ enerġija eolika”, tinkludi b’mod partikolari dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-projezzjoni ta’ dell mill-pali (limitazzjoni tal-effetti stroboskopiċi kkawżati minn dan id-dell), is-sigurtà tal-eoliċi (preżenza ta’ ċerti sistemi ta’ detezzjoni u ta’ waqfien awtomatiku) u l-istorbju (eżekuzzjoni ta’ kejl akustiku).

14      Fil-qasam tal-projezzjoni ta’ dell, l-Artikolu 5.20.6.2.1 tal-Vlarem II jiddisponi:

“Jekk oġġett sensittiv għall-projezzjoni tad-dell jinsab fil-perimetru ta’ erba’ sigħat ta’ dell li jkunu mistennija fis-sena minħabba fl-eolika, din tal-aħħar tkun mgħammra b’modulu ta’ waqfien awtomatiku.”

15      L-Artikolu 5.20.6.2.2 tal-Vlarem II jobbliga lill-operatur iżomm ġurnal għal kull eolika u jindika fih ċerta data dwar il-projezzjoni tad-dell, kif ukoll li jistabbilixxi rapport ta’ kontroll tal-inqas matul l-ewwel sentejn ta’ operat.

16      Skont l-Artikolu 5.20.6.2.3 tal-Vlarem II:

“Massimu ta’ 30 siegħa ta’ projezzjoni ta’ dell effettiv fis-sena, b’massimu ta’ 30 minuta ta’ projezzjoni ta’ dell effettiv kuljum, japplika għal kull oġġett rilevanti sensittiv għall-projezzjoni ta’ dell f’żona industrijali, bl-eċċezzjoni tad-djar.

Massimu ta’ tmien sigħat ta’ projezzjoni ta’ dell effettiv fis-sena, b’massimu ta’ 30 minuta ta’ projezzjoni ta’ dell effettiv kuljum, japplika għal kull oġġett rilevanti sensittiv għall-projezzjoni ta’ dell fiż-żoni l-oħra kollha u għal djar f’żona industrijali.”

17      Fil-qasam tas-sigurtà, l-Artikolu 5.20.6.3.1 tal-Vlarem II jipprevedi li l-eoliċi kollha għandhom jinbnew konformement mar-rekwiżiti ta’ sigurtà ddefiniti mill-istandard IEC61400 jew ekwivalenti u jiġu ċċertifikati. L-Artikolu 5.20.6.3.2 tiegħu jipprevedi li l-eoliċi kollha għandhom jiġu mgħammra b’apparat ta’ sigurtà kompost b’mod partikolari minn tagħmir ta’ protezzjoni kontra r-riskji marbuta mas-silġ u mas-sajjetti kif ukoll minn sistema awżiljarja ta’ bbrejkjar u minn sistema ta’ kontroll online li tidentifika l-anomaliji filwaqt li tittrażmettihom lill-unità ta’ kontroll speċifika għall-eolika.

18      Fir-rigward tal-ħsejjes, l-Artikolu 5.20.6.4.2 tal-Vlarem II jistabbilixxi valuri massimi ta’ ħsejjes fil-beraħ fil-viċinanza tad-djar:

“Il-ħoss speċifiku tal-eolika fil-beraħ huwa, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-permess ekoloġiku, limitat għal perijodu ta’ evalwazzjoni u fil-viċinanza tad-dar jew żona residenzjali oħra l-iktar qrib, għall-valur gwida msemmi fl-Anness 5.20.6.1, jew għall-ħoss tal-isfond, imsemmi fl-Anness 4B, punt F14, 3, tat-Titolu I ta’ dan id-digriet. LSP ≤ MAX (valur gwida, LA 95).

Fil-każ fejn il-ħoss tal-isfond jiddefinixxi l-istandard, id-distanza bejn l-eoliċi u d-djar għandha tkun ta’ iktar minn tliet darbiet id-dijametru tar-rotor.”

19      L-Anness 5.20.6.1 tal-Vlarem II jinkludi l-indikazzjonijiet li ġejjin:

“Destinazzjoni taż-żona skont il-permess

Valur indikattiv tal-ħoss speċifiku fil-beraħ f’dB(A)


Filgħodu

Filgħaxija

Billejl

1° Żoni agrikoli u żoni ta’ rikreazzjoni u residenzjali

44

39

39

2a° Żoni jew partijiet ta’ żoni, bl-eċċezzjoni ta’ żoni residenzjali jew partijiet minn żoni residenzjali, li jinsabu inqas minn 500 m minn żoni industrijali

50

45

45

2b Żoni residenzjali jew partijiet minn żoni residenzjali li jinsabu inqas minn 500 m minn żoni industrijali

48

43

43

3a° Żoni jew partijiet minn żoni, bl-eċċezzjoni ta’ żoni residenzjali jew partijiet ta’ żoni residenzjali, li jinsabu inqas minn 500 m minn żoni intiżi għall-impriżi artiġġjanali u għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, żoni ta’ servizz jew żoni ta’ estrazzjoni matul l-estrazzjoni

48

43

43

3b° Żoni residenzjali jew partijiet minn żoni residenzjali li jinsabu inqas minn 500 m minn żoni intiżi għall-impriżi artiġġjanali u għall-impriżi żgħar u medji, żoni ta’ servizz jew żoni ta’ estrazzjoni matul l-estrazzjoni

44

39

39

4° Żoni residenzjali

44

39

39

5° Żoni industrijali, żoni ta’ servizzi, żoni intiżi għal tagħmir kollettiv u tagħmir ta’ servizz pubbliku u żoni ta’ estrazzjoni matul l-estrazzjoni

60

55

55

5bis° Żoni agrikoli

48

43

43

6° Żoni ta’ divertiment bl-eċċezzjoni ta’ żoni ta’ rikreazzjoni u residenzjali

48

43

43

7° Iż-żoni l-oħra kollha, bl-eċċezzjoni ta’ żoni ta’ buffer, ta’ żoni militari u ta’ żoni li huma s-suġġett ta’ valuri indikattivi stabbiliti f’digrieti speċjali

44

39

39

8° Żoni ta’ buffer

55

50

50

9° Żoni jew partijiet minn żoni li jinsabu inqas minn 500 m minn żoni intiżi għall-estrazzjoni ta’ żrar matul l-estrazzjoni

48

43

43

10° Żoni agrikoli

48

43

43”

 Iċ-ċirkulari tal2006

20      L-omzendbrief EME/2006/01‑RO/2006/02 (iċ-ċirkulari EME/2006/01-RO/2006/02) tat‑12 ta’ Mejju 2006, intitolata “Qafas ta’ Evalwazzjoni u Kundizzjonijiet Meħtieġa Sabiex jiġu Installati Eoliċi” (Belgisch Staatsblad, tal‑24 ta’ Ottubru 2006, p. 56705), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari tal‑2006”), tikkostitwixxi, kif jindika l-punt 3 tagħha, l-aġġornament ta’ ċirkulari tas‑17 ta’ Lulju 2000.

21      Skont il-punt 3.1 taċ-ċirkulari tal‑2006, din fiha ċertu numru ta’ elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-għażla tal-installazzjoni ta’ eolika. Il-punti 3.1.1 sa 3.1.14 jinkludu kunsiderazzjonijiet differenti fil-qasam tal-ġbir flimkien, tal-użu tal-ħamrija, tal-habitats, tal-agrikoltura, tal-artijiet industrijali, taż-żoni portwali, tal-isport u tar-rikreazzjoni, tal-pajżaġġ, tal-impatt tal-ħoss, tal-projezzjoni ta’ dell u ta’ riflessi ta’ dawl, ta’ sigurtà, ta’ natura, ta’ studju tal-impatt fuq l-ambjent u tal-avjazzjoni.

22      B’mod partikolari, il-punt 3.1.9 ta’ din iċ-ċirkulari, intitolat “Impatt fuq il-ħoss”, huwa fformulat kif ġej:

“Il-miżura li fiha l-eoliċi jistgħu joħolqu inkonvenjent tiddependi fuq fatturi differenti bħas-saħħa tas-sors tal-eoliċi, il-forma, l-għoli tal-assi u n-numru ta’ eoliċi. In-natura tal-ħamrija (ilma, art), id-distanza mid-djar tal-madwar u l-livell tal-ħoss tal-isfond għandhom rwol. Globalment, il-ħsejjes tal-isfond jiżdiedu iktar bir-riħ milli bl-intensità tas-sors tal-eolika.

Skont l-Artikolu 5.20(2) tat-Titolu II tal-Vlarem [II], ebda standard ta’ ħoss ma huwa applikabbli. Il-permess ambjentali jista’ madankollu jimponi limiti ta’ emissjoni tal-ħoss skont is-sitwazzjoni ta’ madwar. Il-miżuri neċessarji li għandhom jittieħdu f’ras il-għajn għandhom jissodisfaw l-istat attwali tat-teknika. Softwer irrikonoxxut internazzjonalment jista’ jintuża sabiex jiġi evalwat il-ħoss speċifiku tal-eoliċi. Id-determinazzjoni tal-ħoss għandha ssir minn espert fl-ambjent approvat fid-dixxiplina tal-ħoss u tal-vibrazzjonijiet.

Meta d-dar barranija l-iktar qrib jew iż-żona residenzjali l-iktar qrib tkun tinsab f’distanza ta’ 250 metru mill-arblu tal-eolika, jista’ jitqies li kull perturbazzjoni kkawżata mill-eolika jew mill-park ta’ eoliċi tista’ tkun limitata għal livell aċċettabbli.

Meta d-distanza tkun ta’ 250 metru jew inqas, l-approċċ li ġej għandu jiġi adottat.

Il-ħoss speċifiku għandu jiġi ddeterminat fil-viċinanza tal-eqreb dar barranija jew tal-eqreb żona residenzjali. Fl-evalwazzjoni ta’ jekk eolika jew park ta’ eoliċi f’post speċifiku hijiex ammissibbli, għandu jiġi evalwat, b’deroga mill-Anness 2.2.1 tat-Titolu II tal-Vlarem [II], il-ħoss speċifiku fid-dawl tal-istandards ta’ kwalità tal-ambjent li ġejjin għall-ħoss fil-beraħ:

Valuri ta’ referenza f’dB(A) fil-beraħ

Żona

Standards ta’ kwalità tal-ambjent f’dB(A) fil-beraħ


Filgħodu

Filgħaxija

Billejl

1° Żoni agrikoli u żoni ta’ rikreazzjoni u residenzjali

49

44

39

2° Żoni jew partijiet minn żoni li jinsabu inqas minn 500 metru minn żoni industrijali mhux imsemmija fil-punt 3° jew minn żoni intiżi għal tagħmir kollettiv u tagħmir ta’ servizz pubbliku

54

49

49

3° Żoni jew partijiet minn żoni li jinsabu inqas minn 500 metru minn żoni intiżi għal impriżi industrijali u impriżi żgħar u ta’ daqs medju, ta’ żoni ta’ servizzi jew ta’ żoni ta’ estrazzjoni matul l-estrazzjoni

54

49

44

4° Żoni residenzjali

49

44

39

5° Żoni industrijali, żoni ta’ servizz, żoni intiżi għal tagħmir kollettiv u tagħmir ta’ servizz pubbliku u żoni ta’ estrazzjoni matul l-estrazzjoni

64

59

59

6°Żoni ta’ divertiment bl-eċċezzjoni ta’ żoni ta’ rikreazzjoni u residenzjali

54

49

44

7° Iż-żoni l-oħra kollha, bl-eċċezzjoni: ta’ żoni ta’ buffer, ta’ żoni militari u ta’ żoni li huma s-suġġett ta’ valuri indikattivi stabbiliti f’digrieti speċjali

49

44

39

8° Żoni ta’ buffer

59

54

54

9° Żoni jew partijiet minn żoni li jinsabu inqas minn 500 metru minn żoni intiżi għall-estrazzjoni ta’ żrar matul l-estrazzjoni

59

54

49


Id-determinazzjoni ta’ ħoss speċifiku għandu jsir b’veloċità tar-riħ ta’ 8 metri/sekonda u fid-direzzjoni l-inqas favorevoli tar-riħ, jiġifieri meta l-impatt tal-ħoss tal-eoliċi jkun l-ogħla fil-punt ikkunsidrat.

Jekk il-ħoss speċifiku jissodisfa l-istandards ta’ kwalità tal-ambjent imsemmija iktar ’il fuq jew jekk il-ħoss speċifiku fil-viċinanza tal-eqreb dar barranija jew taż-żona residenzjali l-iktar qrib huwa inqas minn 5 dB(A) mill-ħoss tal-isfond, jista’ jitqies li l-perturbazzjonijiet kkawżati mill-eolika jew mill-park ta’ eoliċi jista’ jiġi limitat għal livell aċċettabbli.”

23      Skont il-punt 3.1.10 taċ-ċirkulari tal‑2006, intitolat “Projezzjoni ta’ dell – riflessi ta’ dawl”:

“Il-pali tal-eoliċi li jkunu qed jiċċaqalqu jistgħu jikkawżaw perturbazzjonijiet billi sseħħ projezzjoni ta’ dell u ta’ riflessi ta’ dawl kemm għall-persuni li jgħixu madwar kif ukoll għal dawk li jaħdmu hemmhekk kif ukoll għall-uċuħ tar-raba’ (serer).

Id-delimitazzjonijiet tal-projezzjonijiet ta’ dell jistgħu jiġu kkalkolati permezz ta’ softwer speċjali disponibbli madwar id-dinja kollha. Fl-evalwazzjoni tal-perturbazzjonijiet minħabba fil-projezzjonijiet ta’ dell, wieħed iqis aċċettabbli massimu ta’ 30 siegħa ta’ projezzjoni effettiva ta’ dell fis-sena għad-djar li huma abitati. Jekk l-effett ta’ dell huwa ogħla, għandu jiġi eżaminat sa fejn jistgħu jittieħdu miżuri korrettivi (pereżempju persjani, film fuq it-twieqi). […]

L-effetti eventwali għandhom jiġu deskritti fin-nota ta’ lokalizzazzjoni.”

24      Għal dak li jirrigwarda l-għażla tal-installazzjoni, iċ-ċirkulari tal‑2006 tindirizza wkoll il-prinċipju tal-approċċ planoloġiku (punt 3.2.1), intiż sabiex jiddelimita s-siti ideali mill-perspettiva urbanistika, ambjentali u eolika, u jagħti stampa tat-territorji li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-ħruġ ta’ permess għall-bini ta’ installazzjonijiet eoliċi (punt 3.2.2). Fl-aħħar nett, din iċ-ċirkulari tagħti deskrizzjoni sħiħa tar-rwol tal-grupp ta’ ħidma dwar l-enerġija eolika (punt 4).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25      Fit‑30 ta’ Novembru 2016, wara proċedura li bdiet matul is-sena 2011, l-uffiċjal reġjonali inkarigat bi kwistjonijiet urbanistiċi tad-Dipartiment tat-territorju tal-Vlaanderen, is-Sezzjoni tal-Vlaanderen tal-Lvant, ħareġ, taħt ċerti kundizzjonijiet, permess ta’ żvilupp urban (iktar ’il quddiem il-“permess tat‑30 ta’ Novembru 2016”) lil Electrabel SA, għall-installazzjoni u għall-użu ta’ ħames eoliċi fit-territorju tal-komuni ta’ Aalter (il-Belġju) u ta’ Nevele (il-Belġju) (iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ park eoliku”). Dan il-permess jeħtieġ, b’mod partikolari, l-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet stabbiliti rispettivament mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fis-Sezzjoni 5.20.6 tal-Vlarem II u miċ-ċirkulari tal‑2006 (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“digriet u ċ-ċirkulari tal‑2006”).

26      A et, fil-kwalità tagħhom ta’ residenti li jgħixu fis-sit previst għat-twettiq tal-proġett ta’ park eoliku, adixxew lill-qorti tar-rinviju, jiġifieri r-Raad voor Vergunningsbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Permessi, il-Belġju), b’rikors intiż għall-annullament tal-permess tat‑30 ta’ Novembru 2016. Insostenn tat-talba tagħhom, A et isostnu li d-digriet u ċ-ċirkulari tal‑2006, li abbażi tagħhom inħareġ dan il-permess, jiksru l-Artikolu 2(a) kif ukoll l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42, minħabba li dawn l-atti nazzjonali ma kinux suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816). Skont A et, minn din is-sentenza jirriżulta li att regolatorju nazzjonali li jinkludi diversi dispożizzjonijiet dwar l-installazzjoni ta’ eoliċi, li għandhom jiġu osservati fil-kuntest tal-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-istabbiliment u l-użu ta’ tali installazzjonijiet, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens ta’ din id-direttiva, u għandu, għaldaqstant, jiġi suġġett għal evalwazzjoni ambjentali.

27      Min-naħa tiegħu, l-uffiċjal reġjonali inkarigat bi kwistjonijiet urbanistiċi tad-Dipartiment tat-territorju tal-Vlaanderen, is-Sezzjoni tal-Vlaanderen tal-Lvant, iqis, essenzjalment, li d-digriet u ċ-ċirkulari tal‑2006 ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens tad-Direttiva 2001/42, sa fejn dawn l-atti ma jikkostitwixxux qafas suffiċjentement komplet sabiex jitqiesu bħala sistema koerenti għall-proġetti ta’ installazzjoni ta’ eoliċi.

28      Fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet magħmula mis-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816), il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk id-digriet u ċ-ċirkulari tal‑2006 kellhomx ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali. Għaldaqstant, hija tistaqsi dwar il-konformità mad-Direttiva 2001/42 kemm ta’ dawn l-atti kif ukoll tal-permess tat‑30 ta’ Novembru 2016, li ġie adottat abbażi tagħhom.

29      Barra minn hekk, din il-qorti tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra mill-ġdid il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, mibdija mis-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159), u sussegwentement ikkonfermata fis-sentenzi tagħha tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:403), tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et (C‑160/17, EU:C:2018:401), tat‑8 ta’ Mejju 2019, “Verdi Ambiente e Società (VAS) – ApS Onlus” et (C‑305/18, EU:C:2019:384), tat‑12 ta’ Ġunju 2019, CFE (C‑43/18, EU:C:2019:483), kif ukoll tat‑12 ta’ Ġunju 2019, Terre wallonne (C‑321/18, EU:C:2019:484), li tipprovdi li l-frażi “li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi”, li tinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42, għandha tiġi interpretata fis-sens li huma “meħtieġa”, fis-sens u għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, suġġetta għall-evalwazzjoni ambjentali fil-kundizzjonijiet li hija tistabbilixxi, bi pjanijiet u programmi li l-adozzjoni tagħhom taqa’ f’“qafas” ta’ liġijiet jew regolamenti nazzjonali.

30      Issa, skont il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tagħmel riferiment f’dan ir-rigward għall-punti 18 u 19 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2011:755), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiffavorixxi interpretazzjoni eqreb tal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni u li tillimita l-portata tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 għall-atti li għandhom jiġu adottati b’mod obbligatorju bis-saħħa ta’ liġijiet jew regolamenti.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad voor Vergunningsbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Permessi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva [2001/42] jimponu li l-Artikolu 99 [ta]d-digriet li jemenda d-digriet tal-Gvern Fjamming tas‑6 ta’ Frar 199[1] li jistabbilixxi l-leġiżlazzjoni Fjamminga li tikkonċerna l-permess tal-ambjent u [li jemenda l-Vlarem II] fir-rigward tal-aġġornament tad-digrieti ċċitati iktar ’il fuq għall-iżvilupp tat-teknika, liema artikolu jinserixxi fil-[Vlarem II] is-Sezzjoni 5.20.6 dwar l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku permezz ta’ enerġija eolika u ċ-ċirkolari [tal‑2006] li jinkludu t-tnejn li huma dispożizzjonijiet differenti għall-installazzjoni ta’ arbli eoliċi fosthom miżuri relatati mas-sigurtà, u skont iż-żoni planoloġiċi għall-projjezzjoni ta’ dell iddefinita kif ukoll ir-regoli ta’ storbju?

2)      Jekk ikun jidher li kellha titwettaq evalwazzjoni ambjentali qabel l-adozzjoni [tad-digriet u taċ-ċirkulari tal‑2006, ir-Raad voor Vergunningsbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Permessi)] jista’ jindika matul iż-żmien l-effetti legali tan-natura illegali [tad-digriet u taċ-ċirkulari tal‑2006]? Ċertu numru ta’ domandi sekondarji għandhom isiru f’dan ir-rigward:

a)      Aġir li l-amministrazzjoni tipproponi, bħal permezz ta’ din iċ-ċirkolari [tal‑2006], li l-awtorità kkonċernata tadotta fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u tal-indipendenza li biha hija mogħnija, b’tali mod li l-awtorità kompetenti ma hijiex effettivament mitluba telabora l-‘pjan jew programm’ u li fir-rigward ta’ dan ma hija prevista ebda proċedura formali ta’ adozzjoni, jista’ jiġi pparagunat ma’ pjan jew programm fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva [2001/42]?

b)      Huwa suffiċjenti li aġir li l-amministrazzjoni tipproponi jew regola ġenerali, [bħad-digriet u ċ-ċirkulari tal‑2006], tipprevedi limitazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ awtorità inkarigata milli toħroġ permessi sabiex din tkun tista’ tiġi pparagunata ma’ ‘pjan jew programm’ fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva [2001/42] anki jekk [dan id-digriet u ċ-ċirkulari] ma jiġġustifikawx kundizzjoni neċessarja meħtieġa sabiex jinħareġ permess jew ma jkunux intiżi sabiex jirregolaw il-ħruġ ulterjuri ta’ permessi, filwaqt li l-leġiżlatur Ewropew indika li dan l-għan jikkontribwixxi għad-definizzjoni ta’ ‘pjanijiet u programmi’?

c)      Aġir li l-amministrazzjoni tipproponi, li ġie stabbilit għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u li għaldaqstant jikkostitwixxi deċiżjoni kompletament libera, bħal fil-każ [taċ-ċirkolari tal‑2006], jista’ jiġi ddefinit bħala ‘pjan jew programm’ fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva [2001/42] u tali interpretazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikjedi li interpretazzjoni teleoloġika ta’ direttiva ma tistax fundamentalment teskludi r-rieda espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni?

d)      Is-Sezzjoni 5.20.6 tal-[Vlarem II] tista’ tiġi ddefinita, fil-każ li r-regoli li jinsabu fiha ma kellhomx neċessarjament jiġu stabbiliti, bħala ‘pjan jew programm’ fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva [2001/42] u tali interpretazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikjedi li interpretazzjoni teleoloġika ta’ direttiva ma tistax fundamentalment teskludi r-rieda espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni?

e)      Aġir li l-amministrazzjoni tipproponi u digriet ministerjali regolatorju bħal fil-każ [tad-digriet u ċ-ċirkolari tal‑2006], li għandhom valur indikattiv limitat, jew minn tal-inqas li ma jistabbilixxux qafas li minnu jista’ jinsilet l-iċken dritt għat-twettiq ta’ proġett u li minnhom ma jista’ jinsilet ebda dritt għal qafas li jindika b’liema mod għandhom jiġu allokati dawn il-proġetti, jistgħu jiġu pparagunati ma’ ‘pjan jew programm’ li jiddefinixxu ‘l-qafas [ta’ implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337] għall-kunsens futur’ fis-sens tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(2)[(a)] tad-Direttiva [2001/42], u tali interpretazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikjedi li interpretazzjoni teleoloġika ta’ direttiva ma tistax fundamentalment teskludi r-rieda espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni?

f)      Aġir li l-amministrazzjoni tipproponi, bħaċ-ċirkolari [tal‑2006] li għandha sempliċi valur indikattiv jew digriet regolatorju tal-Gvern, bħas-Sezzjoni 5.20.6 tal-[Vlarem II] li tiffissa sempliċement limiti minimi għall-ħruġ ta’ permessi u li barra minn hekk għandha effett perfettament awtonomu bħala regola ġenerali;

–        li jikkomportaw biss numru ristrett ta’ kriterji u modalitajiet;

–        u li ebda minnhom ma huwa esklużivament deċiżiv anki għal kriterju jew modalità waħda u li fir-rigward tagħhom ma jistax jiġi sostnut li wieħed jista’ jeskludi, fuq il-bażi ta’ data oġġettiva, li dawn jistgħu jaffettwaw l-ambjent b’mod sinjifikattiv;

–        jistgħu jiġu pparagunati ma’ ‘pjan jew programm’ taħt interpretazzjoni konġunta tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva [2001/42] u għaldaqstant jistgħu jiġu pparagunati ma’ atti li jistabbilixxu, billi jiddefinixxu regoli u proċeduri ta’ verifika applikabbli għas-settur ikkonċernat, kollezzjoni sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ proġett jew numru ta’ proġetti li jistgħu jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent?

g)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv [għall-punt (f) tat-tieni domanda], qorti tista’ tiddetermina dan minn rajha wara l-adozzjoni tad-digriet jew tal-psewdo-leġiżlazzjoni ([bħad-digriet u ċ-ċirkulari tal‑2006])?

h)      Jekk qorti jkollha biss ġurisdizzjoni indiretta inkwantu tkun ġiet adita b’mod eċċezzjonali, fejn l-eżitu tat-tilwima tkun limitata għall-partijiet, u jekk jirriżulta mir-risposta għad-domandi preliminari li [d-digriet u ċ-ċirkulari tal‑2006] huma illegali, hija tista’ tiddeċiedi li żżomm fis-seħħ l-effetti tad-digriet illegali jew taċ-ċirkolari illegali jekk l-istrumenti illegali jikkontribwixxu għal għan ta’ protezzjoni tal-ambjent li direttiva tkun trid tilħaq fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE u jitqies li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ din iż-żamma fis-seħħ meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni (hekk kif iddefiniti fis-sentenza [tat‑28 ta’ Lulju 2016,] Association France Nature Environnement [(C‑379/15, EU:C:2016:603)])?

i)      Fil-każ li ta’ risposta fin-negattiv [għall-punt (h) tat-tieni domanda], qorti tista’ tiddeċiedi li żżomm fis-seħħ l-effetti ta’ proġett ikkontestat sabiex b’dan il-mod tissodisfa indirettament il-kundizzjonijiet meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni (hekk kif iddefiniti fis-sentenza [tat‑28 ta’ Lulju 2016], Association France Nature Environnement [(C-379/15, EU:C:2016:603)]) sabiex iżżomm fis-seħħ l-effetti legali tal-pjan jew programm mhux konformi mad-Direttiva [2001/42]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42, imsemmi fl-ewwel domanda u fil-punti (a) sa (d) tat-tieni domanda

32      Permezz tal-ewwel domanda tagħha u tal-punti (a) sa (d) tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” digriet u ċirkulari, adottati mill-gvern ta’ entità federali ta’ Stat Membru, li t-tnejn li huma jinkludu dispożizzjonijiet differenti dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ eoliċi.

33      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 jiddefinixxi l-“pjanijiet u programmi” koperti minnha bħala dawk li jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, stabbiliti rispettivament fiż-żewġ inċiżi inklużi f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri, minn naħa, li jkunu ġew ippreparati u/jew adottati minn awtorità fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew li jkunu ġew ippreparati minn awtorità bil-għan tal-adozzjoni tagħhom mill-parlament jew mill-gvern, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva, u, min-naħa l-oħra, li jkunu meħtieġa mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi.

34      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, din hija ssodisfatta peress li mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-digriet u ċ-ċirkulari tal‑2006 ġew adottati mill-Gvern tal-Vlaanderen, li jikkostitwixxi awtorità reġjonali.

35      Fir-rigward tat-tieni waħda mill-imsemmija kundizzjonijiet, stabbilita fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandhom jitqiesu bħala “meħtieġa”, fis-sens u għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42, il-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom hija rregolata minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali, li jiddeterminaw l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawhom kif ukoll il-proċedura ta’ żvilupp tagħhom (sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 31; tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et, C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 43, kif ukoll tat‑12 ta’ Ġunju 2019, Terre wallonne, C‑321/18, EU:C:2019:484, punt 34). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi ppreservat l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni, fid-dawl tal-għan tagħha, miżura għandha titqies li hija “meħtieġa” meta s-setgħa li tiġi adottata l-miżura ssib il-bażi legali tagħha f’dispożizzjoni partikolari, anki jekk ma jeżisti, fil-veru sens tal-kelma, ebda obbligu li tiġi elaborata din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑671/16, EU:C:2018:403, punti 38 sa 40).

36      Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju l-istess bħall-Gvern tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra mill-ġdid din il-ġurisprudenza.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-għan tal-att li minnu hija tagħmel parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2019, BGL BNP Paribas, C‑548/18, EU:C:2019:848, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Qabel kollox, fir-rigward tal-ifformular tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, li paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 juri tifsiriet differenti minn verżjoni għall-oħra. Fil-fatt, filwaqt li l-kelma “exigés” użata fil-verżjoni bil-Franċiż bl-istess bħal, b’mod partikolari, it-termini użati fil-verżjonijiet bl-Ispanjol (“exigidos”), bil-Ġermaniż (“erstellt werden müssen”), bl-Ingliż (“required”), bl-Olandiż (“zijn voorgeschreven”), bil-Portugiż (“exigido”) u bir-Rumen (“impuse”) jirreferu għal tip ta’ rekwiżit jew ta’ obbligu, il-verżjoni Taljana tuża t-terminu inqas vinkolanti “previsti” (“ippjanati”).

39      Issa, il-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea jikkostitwixxu lingwi awtentiċi tal-atti li fihom ikunu redatti, b’tali mod li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ att tal-Unjoni għandhom, bħala prinċipju, jingħataw l-istess valur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 2011, Homawoo, C‑412/10, EU:C:2011:747, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Minn dan isegwi li l-eżami tal-kliem tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 ma huwiex konklużiv peress li ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk il-“pjanijiet u programmi” msemmija f’din id-dispożizzjoni humiex esklużivament dawk li l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati jadottaw skont liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi.

41      Sussegwentement, fir-rigward tal-oriġini tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42, din id-dispożizzjoni, li ma kinitx tidher la fil-proposta inizjali għal direttiva tal-Kummissjoni Ewropea, u lanqas fil-verżjoni emendata ta’ din ta’ l-aħħar, ġiet miżjuda bil-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 25/2000 tat‑30 ta’ Marzu 2000 approvata mill-Kunsill konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bl-għan li tiġi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill relatata mal-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU 2000, C 137, p. 11). Kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 u 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni, permezz ta’ din iż-żieda, ried jillimita għal ċerti pjanijiet u programmi biss l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali, mingħajr ma jkun possibbli li jiġi ddikjarat li l-intenzjoni tiegħu kienet li jillimita din it-tip ta’ evalwazzjoni biss għall-pjanijiet u programmi li l-adozzjoni tagħhom hija obbligatorja.

42      Fir-rigward tal-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, li kunċett binarju li jwettaq distinzjoni skont jekk l-adozzjoni ta’ pjan jew ta’ programm hijiex obbligatorja jew fakultattiva ma tistax turi b’mod suffiċjentement preċiż, u għalhekk sodisfaċenti, id-diversità tas-sitwazzjonijiet u l-eteroġenità tal-prattiki tal-awtoritajiet nazzjonali. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ pjanijiet jew ta’ programmi, li tista’ tirriżulta minn numru kbir ta’ każijiet, spiss la hija imposta b’mod ġenerali, u lanqas titħalla kompletament fid-diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti.

43      It-tieni nett, l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 jinkludi mhux biss it-tfassil jew l-adozzjoni tal-“pjanijiet u programmi”, iżda wkoll l-emendi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 36, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis, C‑473/14, EU:C:2015:582, punt 44). Issa, kif ippreċiża l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-aħħar każ, li fih l-emenda tal-pjan jew programm ikkonċernat jista’ wkoll ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/42, huwa l-iktar frekwenti meta awtorità tiddeċiedi minn rajha li tipproċedi għal tali emenda, mingħajr ma tkun kostretta.

44      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma konformi mal-għan u mal-għanijiet tad-Direttiva 2001/42, li hija stess tagħmel parti mill-kuntest previst fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tiegħu għandhom jiġu integrati fil-politiki tal-Unjoni u żgurati, konformement mal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli.

45      L-għan ta’ din id-direttiva huwa fil-fatt, kif ifakkar l-Artikolu 1 tagħha, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, u li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u fl-adozzjoni ta’ pjanijiet u ta’ programmi bil-għan li jiġi promoss żvilupp sostenibbli.

46      Għal dan il-għan, kif jirriżulta mill-imsemmi Artikolu 1, l-għan essenzjali tad-Direttiva 2001/42 huwa li l-pjanijiet u l-programmi li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali matul it-tfassil tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom (sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et, C‑295/10, EU:C:2011:608, punt 37, kif ukoll tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et, C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47      Għandu jiġi mfakkar ukoll li d-Direttiva 2001/42 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 175(1) KE, dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Komunità fil-qasam tal-ambjent sabiex jitwettqu l-għanijiet ikkunsidrati fl-Artikolu 174 KE. L-Artikolu 191 TFUE, li jikkorrispondi għall-Artikolu 174 KE, jiddisponi fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent timmira lejn “protezzjoni ta’ livell għoli”, billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-diversità tas-sitwazzjonijiet fir-reġjuni differenti tal-Unjoni. L-Artikolu 191(1) TFUE jawtorizza l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi b’mod partikolari għal ċerti aspetti ddefiniti tal-ambjent, bħall-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tiegħu, il-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni kif ukoll l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali. Fl-istess sens, l-Artikolu 3(3) TUE jipprevedi li l-Unjoni taħdem b’mod partikolari favur “livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus, C‑444/15, EU:C:2016:978, punti 41 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Issa, tali għanijiet jistgħu jiġu kompromessi jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 jiġi interpretat fis-sens li huma biss il-pjanijiet jew il-programmi li l-adozzjoni tagħhom hija obbligatorja li huma koperti mill-obbligu ta’ evalwazzjoni ambjentali stabbilit minn din id-direttiva. Fil-fatt, minn naħa, kif ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-adozzjoni tal-imsemmija pjanijiet jew programmi spiss ma hijiex imposta b’mod ġenerali. Min-naħa l-oħra, tali interpretazzjoni tippermetti li Stat Membru jevita faċilment dan l-obbligu ta’ evalwazzjoni ambjentali billi deliberatament jevita li jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati li jadottaw tali pjanijiet jew programmi.

49      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni estiża tal-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” hija konformi mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni, kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Espoo.

50      Minn dan isegwi li, filwaqt li interpretazzjoni restrittiva, li tillimita t-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 biss għall-“pjanijiet u programmi” li l-adozzjoni tagħhom hija obbligatorja, tirriskja li tagħtiha portata marġinali, il-Qorti tal-Ġustizzja ffavorixxiet in-neċessità li tiżgura l-effettività ta’ din il-kundizzjoni billi adottat kunċett iktar wiesa’ tat-terminu “meħtieġa” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 30).

51      Għaldaqstant, ma jeżisti ebda element ta’ natura li jiġġustifika bidla fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

52      Minn dan jirriżulta li t-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom jitqiesu bħala “meħtieġa”, fis-sens u għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom hija rregolata minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali, li jiddeterminaw l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawhom u l-proċedura ta’ żvilupp tagħhom.

53      Fir-rigward tal-punt dwar jekk id-digriet u ċ-ċirkulari tal‑2006 jissodisfawx din il-kundizzjoni, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Vlarem II huwa digriet adottat mill-poter eżekuttiv ta’ entità federali Belġjana, jiġifieri l-Gvern tal-Vlaanderen, b’eżekuzzjoni ta’ regoli ġerarkikament superjuri li joħorġu mis-setgħa leġiżlattiva ta’ din l-istess entità, jiġifieri l-Parlament tal-Vlaanderen. Issa, mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar id-digriet tal-Kunsill tal-Vlaanderen li fih dispożizzjonijiet dwar il-politika ambjentali li dawn illimitaw l-adozzjoni tal-Vlarem II mill-Gvern tal-Vlaanderen, b’mod partikolari billi taw lill-imsemmi gvern il-kompetenza sabiex jadotta tali att u billi indikaw li l-kundizzjonijiet settorjali previsti minnu huma intiżi sabiex jipprevjenu u jillimitaw perturbazzjonijiet u riskji inaċċettabbli għall-ambjent mill-installazzjonijiet u l-attivitajiet ikkonċernati.

54      Fir-rigward taċ-ċirkulari tal‑2006, mill-imsemmija talba jirriżulta li din iċ-ċirkulari toriġina, f’dan il-każ, mill-Gvern tal-Vlaandaren u ġiet iffirmata mill-Ministru-President u minn żewġ ministri kompetenti f’dan il-qasam.

55      Il-qorti tar-rinviju tindika f’dan ir-rigward li ċ-ċirkulari tal‑2006, li, bħall-Vlarem II, tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet u tar-regoli li għandhom jintlaħqu li jirriżultaw mid-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16), għandha l-bażi legali tagħha fuq il-kompetenza ta’ ġestjoni u ta’ evalwazzjoni li l-awtoritajiet għandhom, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, għall-finijiet tal-ħruġ tal-permess magħruf bħala “ambjentali”, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni.

56      Għalhekk, ir-raġuni għaċ-ċirkulari tal‑2006 tinsab fl-għażla magħmula mill-awtoritajiet ministerjali ta’ din l-entità federali li jillimitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom, billi jobbligaw ruħhom li jsegwu r-regoli li huma jiffissaw b’dan il-mod. Għalhekk jidher li l-adozzjoni taċ-ċirkulari tal‑2006 tagħmel parti mill-prerogattivi li jibbenefikaw minnhom tali awtoritajiet ministerjali skont id-dritt Belġjan, bla ħsara għall-verifiki li, f’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq fir-rigward tan-natura ġuridika eżatta ta’ tali ċirkulari fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” ma jinkludix biss it-tfassil tagħhom, iżda wkoll l-emenda tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2019, CFE, C‑43/18, EU:C:2019:483, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, anki jekk att ma jkunx fih u ma jistax ikollu rekwiżiti pożittivi, il-fakultà li dan l-att jistabbilixxi li jippermetti li jinkisbu iktar faċilment derogi mir-rekwiżiti fis-seħħ temenda l-ordinament ġuridiku u għandha bħala effett li tali att jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et, C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 58).

59      Issa, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 108 u 109 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, il-punt 3 taċ-ċirkulari tal‑2006 jidher li jippermetti li jiġu inklużi żoni li inizjalment ma kinux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-produzzjoni tal-enerġija eolika. Min-naħa l-oħra, l-anness ta’ din iċ-ċirkulari tidher li tinkludi valuri inqas eżiġenti meta mqabbla ma’ dawk fl-anness tas-Sezzjoni 5.20.6.1 tal-Vlarem II dwar il-kwalità tal-ambjent fir-rigward tal-ħsejjes u l-projezzjoni ta’ dell fiż-żoni residenzjali, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

60      Għaldaqstant, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, u bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, iċ-ċirkulari tal‑2006 temenda, billi tiżviluppa jew tidderoga minnhom, id-dispożizzjonijiet tal-Valem II, b’tali mod li tista’ titqies li tissodisfa l-kundizzjoni mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza.

61      Għandu jiġi rrilevat ukoll li n-natura ġenerali tad-digriet u taċ-ċirkolari tal‑2006 ma tipprekludix li dawn l-atti jiġu kklassifikati bħala “pjanijiet u programmi”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42. Fil-fatt, għalkemm mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” jista’ jkopri atti normattivi adottati permezz tal-proċess leġiżlattiv, regolatorju jew amministrattiv, din id-direttiva ma tinkludix preċiżament dispożizzjonijiet speċifiċi dwar politiki jew dwar regolamenti ġenerali li jeħtieġu delimitazzjoni fil-konfront tal-pjanijiet u tal-programmi, fis-sens tal-imsemmija direttiva. Il-fatt li att nazzjonali jkollu ċertu livell astratt u li jfittex għan ta’ trasformazzjoni ta’ żona ġeografika jikkostitwixxi illustrazzjoni tad-dimensjoni programmatika jew pjanifikatriċi tagħha u ma jipprekludix l-inklużjoni tiegħu fil-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62      Minn dan isegwi li l-Vlarem II u, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, iċ-ċirkulari tal‑2006, jissodisfaw ukoll it-tieni kundizzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42.

63      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda u għall-punti (a) sa (d) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” digriet u ċirkulari, adottati mill-gvern ta’ entità federali ta’ Stat Membru, li t-tnejn li huma jinkludu dispożizzjonijiet differenti dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ eoliċi.

 Fuq il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42, imsemmi fil-punti (e) sa (g) tat-tieni domanda

64      Permezz tal-punti (e) sa (g) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu pjanijiet u programmi li għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali skont din id-dispożizzjoni, digriet u ċirkulari, li t-tnejn li huma jinkludu dispożizzjonijiet differenti dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ eoliċi, fosthom miżuri dwar il-projezzjoni ta’ dell, is-sigurtà kif ukoll l-istandards dwar il-ħoss.

65      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/42 jissuġġetta l-obbligu li pjan jew programm partikolari jkun suġġett għal evalwazzjoni ambjentali għall-kundizzjoni li l-pjan jew il-programm, previst minn din id-dispożizzjoni, ikun jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 30). B’mod iktar partikolari, skont l-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva, huma suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali sistematika dawk il-pjanijiet u programmi li, minn naħa, huma mfassla għal ċerti setturi u li, min-naħa l-oħra, jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92 tista’ tiġi awtorizzata fil-futur (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, “Verdi Ambiente e Società (VAS) – Aps Onlus” et, C‑305/18, EU:C:2019:384, punt 47).

66      Fl-ewwel lok, huwa stabbilit, f’dan il-każ, li d-digriet u ċ-ċirkulari tal‑2006 jirrigwardaw is-settur tal-enerġija, imsemmi fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42, u li dawn l-atti nazzjonali jikkonċernaw il-proġetti ta’ parks eoliċi, li jagħmlu parti minn dawk elenkati fil-punt 3(i) tal-Anness II tad-Direttiva 2011/92.

67      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk tali atti jiddefinixxux il-kuntest li fih l-implimentazzjoni ta’ proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” huwa relatat ma’ kull att li jistabbilixxi, billi jiddefinixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll applikabbli għas-settur ikkonċernat, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et, C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 49; tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 53, kif ukoll tat‑12 ta’ Ġunju 2019, CFE, C‑43/18, EU:C:2019:483, punt 61).

68      Tali interpretazzjoni hija intiża sabiex tiżgura li rekwiżiti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 42, kif ukoll tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 54).

69      F’dan il-każ, id-digriet u ċ-ċirkulari tal‑2006 jistabbilixxu kundizzjonijiet dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ eoliċi fir-reġjun tal-Vlaandaren, inkluż il-lokalizzazzjoni tagħhom, kif ukoll l-użu tagħhom, li jirrigwarda b’mod partikolari l-projezzjonijiet ta’ dell, l-istruzzjonijiet ta’ sigurtà kif ukoll l-emissjonijiet tal-ħoss.

70      Għalkemm id-digriet u ċ-ċirkulari tal‑2006 ma jidhrux li jikkostitwixxu sett komplet ta’ regoli dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ eoliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li l-kunċett ta’ “ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet” għandu jinftiehem b’mod kwalitattiv u mhux kwantitattiv. Fil-fatt, għandhom jiġu evitati strateġiji possibbli ta’ evitar tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva 2001/42 li jistgħu jimmaterjalizzaw ruħhom minn frammentazzjoni ta’ miżuri, li għalhekk inaqqsu l-effett utli ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 55; kif ukoll tat‑12 ta’ Ġunju 2019, CFE, C‑43/18, EU:C:2019:483, punt 64).

71      L-importanza u l-portata tar-rekwiżiti stabbiliti mid-digriet u ċ-ċirkulari tal‑2006 jindikaw, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dawn l-atti jikkostitwixxu kuntest, ċertament mhux eżawrjenti, iżda suffiċjentement sinjifikattiv sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett il-ħruġ ta’ permess għall-installazzjoni ta’ parks eoliċi fiż-żona ġeografika kkonċernata, proġetti li l-effetti ambjentali tagħhom ma jistgħux jiġu miċħuda.

72      Barra minn hekk, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, fil-punt 50 tas-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li att li jinkludi tipi ta’ regoli paragunabbli għal dawk tad-digriet u taċ-ċirkulari tal‑2006 fir-rigward tal-installazzjoni u tal-użu ta’ eoliċi kien ta’ importanza u portata suffiċjentement sinjifikattiva għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet applikabbli għal dan is-settur u li l-għażliet b’mod partikolari ta’ natura ambjentali magħmula permezz tal-imsemmija regoli huma mitluba jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom dawn il-proġetti konkreti ta’ installazzjoni u ta’użu ta’ siti eoliċi jistgħu jiġu permessi fil-futur.

73      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li d-digriet u, bla ħsara għall-verifiki li sar riferiment għalihom fil-punti 60 u 62 ta’ dan id-digriet, iċ-ċirkulari tal-2006, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” li għandhom, konformement mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/42, jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali.

74      Tali interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata min-natura ġuridika partikolari taċ-ċirkulari tal‑2006.

75      Fil-fatt, il-frażi “li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti”, li tinsab fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42, ma tagħmel ebda riferiment għad-drittijiet nazzjonali, u tikkostitwixxi, konsegwentement, kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar.

76      Issa, għalkemm ma huwiex ċert li att bħaċ-ċirkulari tal‑2006 huwa ta’ natura li jipproduċi effetti legali vinkolanti għal terzi, l-imsemmija ċirkulari ma tistax min-naħa l-oħra, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-portata ġuridika eżatta tagħha, tiġi assimilata ma’ dispożizzjonijiet ta’ valur purament indikattiv, li ma jissodisfawx il-kundizzjoni mfakkra fil-punt preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2019, Terre wallonne, C‑321/18, EU:C:2019:484, punt 44).

77      Fil-fatt, minbarra l-fatt li ċ-ċirkulari tal‑2006 hija intitolata “Qafas ta’ Evalwazzjoni u Kundizzjonijiet Meħtieġa Sabiex jiġu Installati Eoliċi”, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-permess tat‑30 ta’ Novembru 2016 jippreċiża li dan għandu jissodisfa f’kull mument il-kundizzjonijiet ta’ din iċ-ċirkulari, li jissuġġerixxi li din tal-aħħar hija mill-inqas ta’ natura obbligatorja għall-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-ħruġ ta’ tali permessi.

78      Barra minn hekk, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Gvern Belġjan jidher li jammetti huwa stess in-natura vinkolanti tad-digriet u taċ-ċirkulari tal‑2006 għal tali awtoritajiet fl-intier tagħhom meta dan il-gvern josserva li l-eventwali nuqqas ta’ konformità tal-kundizzjonijiet ambjentali li dawn l-atti jipprevedu mad-dritt tal-Unjoni jkollu l-konsegwenza li jinvalida l-liċenzji mogħtija preċedentement, b’tali mod li għandhom jiġu limitati l-effetti ratione temporis tas-sentenza li għandha tingħata quddiem il-qorti tar-rinviju.

79      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata, għall-punti (e) sa (g) tat-tieni domanda tagħha, hija li l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu pjanijiet u programmi li għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali skont din id-dispożizzjoni, digriet u ċirkulari, li t-tnejn li huma jinkludu dispożizzjonijiet differenti dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ eoliċi, fosthom miżuri dwar il-projezzjoni ta’ dell, is-sigurtà kif ukoll l-istandards dwar il-ħoss.

 Fuq il-possibbiltà għall-qorti tar-rinviju li żżomm l-effetti tad-digriet u taċ-ċirkulari tal2006 kif ukoll tal-permess tat30 ta’ Novembru 2016, li huwa s-suġġett tal-punti (h) u (i) tat-tieni domanda

80      Permezz tal-punti (h) u (i) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, meta jidher li evalwazzjoni ambjentali, fis-sens tad-Direttiva 2001/42, kellha titwettaq qabel l-adozzjoni tad-digriet u taċ-ċirkulari li fuqhom huwa bbażat permess dwar l-installazzjoni ta’ eoliċi kkontestat quddiemha, b’tali mod li dawn l-atti u dan il-permess ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, din il-qorti tista’ żżomm l-effetti tal-imsemmija atti u tal-imsemmi permess.

81      L-ewwel nett, konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/42, l-għan essenzjali ta’ din tal-aħħar huwa li tissuġġetta l-pjanijiet u l-programmi li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, waqt it-tfassil tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom, għal evalwazzjoni ambjentali.

82      Fl-assenza, f’din id-direttiva, ta’ dispożizzjonijiet dwar il-konsegwenzi li għandhom jitnisslu minn ksur tad-dispożizzjonijiet proċedurali li hija tistabbilixxi, huma l-Istati Membri li għandhom, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, ġenerali jew partikolari sabiex il-“pjanijiet” jew “programmi” kollha li jista’ jkollhom “effetti sinifikanti fuq l-ambjent” fis-sens tal-imsemmija direttiva, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali, konformement mal-modalitajiet proċedurali u mal-kriterji previsti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement, C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, previst fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri huma marbuta li jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ tali ksur tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inklużi l-qrati nazzjonali aditi b’rikors kontra att tad-dritt intern adottat bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, huma obbligati li jieħdu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jirrimedjaw l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni ambjentali. Dan jista’, pereżempju, jikkonsisti għal “pjan” jew għal “programm” adottat bi ksur tal-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali, fl-adozzjoni ta’ miżuri intiżi għas-sospensjoni jew għall-annullament ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-programm (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement, C‑379/15, EU:C:2016:603, punti 31 u 32), kif ukoll li tirtira jew tissospendi permess diġà mogħti, sabiex twettaq tali evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Park eoliku ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

84      Għandu jingħad ukoll li hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’, b’mod eċċezzjonali u għal kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, tagħti sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ esklużjoni eżerċitat minn regola tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt nazzjonali li jmur kontriha. Fil-fatt, li kieku l-qrati nazzjonali kellhom is-setgħa li jagħtu lid-dispożizzjonijiet nazzjonali s-supremazija fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jiksru, anki b’mod provviżorju, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni tiġi ppreġudikata (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmière Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 177 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85      B’risposta għall-argument żviluppat mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li ż-żamma, b’mod eċċezzjonali, tal-effetti ta’ miżuri nazzjonali kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni hija possibbli biss fil-kuntest ta’ rikors dirett kontra l-miżuri potenzjalment inadempjenti, u mhux permezz ta’ eċċezzjoni, meta r-rikors ippreżentat quddiem il-qorti nazzjonali jirrigwarda atti adottati b’eżekuzzjoni tal-imsemmija miżuri, għandu jiġi ppreċiżat, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 126 sa 128 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx għamlet din id-distinzjoni u li din iż-żamma, mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija possibbli biss fil-kuntest ta’ rimedju wieħed jew l-ieħor.

86      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li għalkemm id-Decreet betreffende de organisatie en de rechtspleging van sommige Vlaamse bestuursrechtscolleges (id-Digriet dwar l-Organizzazzjoni u l-Proċedura ta’ Ċerti Qrati Amministrattivi tal-Vlaanderen), tal‑4 ta’ April 2014 (Belgisch Staatsblad, tal‑1 ta’ Ottubru 2014, p. 77620), ma jippermettix lil din il-qorti tar-rinviju li żżomm temporanjament l-effetti tad-digriet u taċ-ċirkulari tal‑2006, il-Kostituzzjoni Belġjana, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, min-naħa l-oħra, tirrikonoxxi lill-imħallef id-dritt li ma japplikax tali regolamenti nazzjonali meta dawn ma humiex konformi man-normi ġerarkikament superjuri. Fir-rigward tal-effetti tal-permess tat‑30 ta’ Novembru 2016, l-Artikolu 36(1) u (2) tad-Digriet dwar l-Organizzazzjoni u l-Proċedura ta’ Ċerti Qrati Amministrattivi tal-Vlaanderen jawtorizza lill-qorti tar-rinviju żżommhom temporanjament, anki jekk dan ikun ġie adottat b’applikazzjoni ta’ atti nazzjonali li jiksru d-dritt tal-Unjoni.

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proġett ta’ park eoliku ma jidhirx li tlesta jew li t-twettiq tiegħu beda.

88      Issa, jekk fil-fatt jirriżulta li t-twettiq tal-proġett ta’ park eoliku ma bediex, iż-żamma tal-effetti tal-permess tat‑30 ta’ Novembru 2016, matul il-perijodu tal-evalwazzjoni ambjentali stabbiliti mid-digriet u miċ-ċirkulari tal‑2006, fi kwalunkwe każ ma jidhirx li huwa neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et, C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 43, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2018, Comune di Castelbellino, C‑117/17, EU:C:2018:129, punt 30). Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tannulla l-permess adottat abbażi tal-“pjan” jew “programm” li huwa stess ġie adottat bi ksur tal-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 46).

89      Tali annullament għandu jseħħ ukoll, konformement mal-prinċipji mfakkra fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, jekk jirriżulta li t-twettiq tal-proġett ta’ park eoliku beda, jew saħansitra ntemm.

90      Madankollu, ġie deċiż, fl-ewwel lok, li, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ kunsiderazzjoni imperattiva marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, qorti nazzjonali tista’ eċċezzjonalment tiġi awtorizzata tagħmel użu minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizzaha żżomm ċerti effetti ta’ att nazzjonali li l-proċedura ta’ adozzjoni tiegħu ma kinitx konformi mad-Direttiva 2001/42, bħal dik imsemmija fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, meta jeżisti riskju li l-annullament ta’ dan l-att joħloq lakuna ġuridika inkompatibbli mal-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jadotta miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ att ieħor tad-dritt tal-Unjoni intiż għall-protezzjoni tal-ambjent, bħad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat‑12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C‑41/11, EU:C:2012:103, punti 56 u 63).

91      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li d-digriet u ċ-ċirkulari tal‑2006 jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-għanijiet tad-Direttiva 2009/28 dwar il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Issa, anki jekk tali produzzjoni hija ggwidata minn kunsiderazzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ambjent u tikkostitwixxi għan primordjali tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, kull xkiel fl-iżvilupp tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru, bħal dak li jista’ jirriżulta mill-annullament ta’ permess ta’ żvilupp urban lil produttur u fornitur tal-elettriku għall-finijiet tal-kostruzzjoni ta’ numru limitat ta’ eoliċi, ma jistax ikun biżżejjed sabiex jikkomprometti globalment l-implimentazzjoni tal-imsemmija direttiva f’dan it-territorju.

92      Fit-tieni lok, fil-punt 179 tas-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat kienet tikkostitwixxi wkoll kunsiderazzjoni imperattiva. Madankollu hija ppreċiżat fl-istess ħin li kunsiderazzjonijiet dwar is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku ma jistgħux jiġġustifikaw iż-żamma tal-effetti ta’ miżuri nazzjonali adottati bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni biss jekk, fil-każ ta’ annullament jew ta’ sospensjoni tal-effetti ta’ dawn il-miżuri, kienet teżisti theddida reali u serja ta’ waqfien tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat, li ma tistax tiġi ffaċċjata b’mezzi u alternattivi oħra, b’mod partikolari fil-kuntest tas-suq intern.

93      Issa, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 132 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa inċert li l-waqfien tal-attività ta’ numru limitat ta’ eoliċi jista’ jkollu konsegwenzi sinjifikattivi fuq il-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat kollu.

94      Fi kwalunkwe każ, żamma eventwali ratione temporis tal-effetti ta’ dawn l-atti tista’ tkopri biss il-perijodu ta’ żmien strettament neċessarju sabiex tiġi rrimedjata l-illegalità kkonstatata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 62, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 181).

95      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata lill-punti (h) u (i) tat-tieni domanda tagħha, hija li meta jidher li evalwazzjoni ambjentali, fis-sens tad-Direttiva 2001/42, kellha titwettaq qabel l-adozzjoni tad-digriet u taċ-ċirkulari li fuqhom huwa bbażat permess dwar l-installazzjoni ta’ eoliċi kkontestat quddiem qorti nazzjonali, b’tali mod li dawn l-atti u dan il-permess ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, din il-qorti tista’ żżomm l-effetti tal-imsemmija atti u tal-imsemmi permess biss jekk id-dritt intern jippermettilha tagħmel dan fil-kuntest tal-kawża li hija tkun adita biha, u fil-każ li l-annullament tal-imsemmi permess x’aktarx ikollu riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq il-provvista tal-elettriku għall-Istat Membru kollu kkonċernat u dan biss matul iż-żmien strettament neċessarju sabiex din l-illegalità tiġi rrimedjata. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, jekk ikun il-każ, tagħmel din l-evalwazzjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

96      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” digriet u ċirkulari, adottati mill-gvern ta’ entità federali ta’ Stat Membru, li t-tnejn li huma jinkludu dispożizzjonijiet differenti dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ eoliċi.

2)      L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu pjanijiet u programmi li għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali skont din id-dispożizzjoni, digriet u ċirkulari, li t-tnejn li huma jinkludu dispożizzjonijiet differenti dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ eoliċi, fosthom miżuri dwar il-projezzjoni ta’ dell, is-sigurtà kif ukoll l-istandards dwar il-ħoss.

3)      Fil-każ li jidher li evalwazzjoni ambjentali, fis-sens tad-Direttiva 2001/42, kellha titwettaq qabel l-adozzjoni tad-digriet u taċ-ċirkulari li fuqhom huwa bbażat permess dwar l-installazzjoni ta’ eoliċi kkontestat quddiem qorti nazzjonali, b’tali mod li dawn l-atti u dan il-permess ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, din il-qorti tista’ żżomm l-effetti tal-imsemmija atti u tal-imsemmi permess biss jekk id-dritt intern jippermettilha tagħmel dan fil-kuntest tal-kawża li hija tkun adita biha, u fil-każ li l-annullament tal-imsemmi permess x’aktarx ikollu riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq il-provvista tal-elettriku għall-Istat Membru kollu kkonċernat u dan biss matul iż-żmien strettament neċessarju sabiex din l-illegalità tiġi rrimedjata. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, jekk ikun il-każ, tagħmel din l-evalwazzjoni fil-kawża prinċipali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.