Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Ġunju 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Raad voor Vergunningsbetwistingen – il-Belġju) – A et vs Gewestelijke stedenbouwkundige ambtenaar van het departement Ruimte Vlaanderen, afdeling Oost-Vlaanderen

(Kawża C-24/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/42/KE – Stima tal-effetti fuq l-ambjent – Permess ta’ żvilupp urban għall-installazzjoni u għall-użu ta’ eoliċi – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” – Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ permess stabbiliti b’digriet u ċirkulari – Artikolu 3(2)(a) – Atti nazzjonali li jiddefinixxu qafas li fih l-implimentazzjoni ta’ proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur – Assenza ta’ evalwazzjoni ambjentali – Żamma tal-effetti tal-atti nazzjonali u tal-permessi maħruġa abbażi tagħhom wara li tkun ġiet ikkonstatata n-nuqqas ta’ konformità ta’ dawn l-atti mad-dritt tal-Unjoni – Kundizzjonijiet)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad voor Vergunningsbetwistingen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: A, B, C, D, E

Konvenut: Gewestelijke stedenbouwkundige ambtenaar van het departement Ruimte Vlaanderen, afdeling Oost-Vlaanderen

fil-prezenza ta’: Organisatie voor Duurzame Energie Vlaanderen VZW

Dispożittiv

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” digriet u ċirkulari, adottati mill-gvern ta’ entità federali ta’ Stat Membru, li t-tnejn li huma jinkludu dispożizzjonijiet differenti dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ eoliċi.

L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu pjanijiet u programmi li għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali skont din id-dispożizzjoni, digriet u ċirkulari, li t-tnejn li huma jinkludu dispożizzjonijiet differenti dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ eoliċi, fosthom miżuri dwar il-projezzjoni ta’ dell, is-sigurtà kif ukoll l-istandards dwar il-ħoss.

Fil-każ li jidher li evalwazzjoni ambjentali, fis-sens tad-Direttiva 2001/42, kellha titwettaq qabel l-adozzjoni tad-digriet u taċ-ċirkulari li fuqhom huwa bbażat permess dwar l-installazzjoni ta’ eoliċi kkontestat quddiem qorti nazzjonali, b’tali mod li dawn l-atti u dan il-permess ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, din il-qorti tista’ żżomm l-effetti tal-imsemmija atti u tal-imsemmi permess biss jekk id-dritt intern jippermettilha tagħmel dan fil-kuntest tal-kawża li hija tkun adita biha, u fil-każ li l-annullament tal-imsemmi permess x’aktarx ikollu riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq il-provvista tal-elettriku għall-Istat Membru kollu kkonċernat u dan biss matul iż-żmien strettament neċessarju sabiex din l-illegalità tiġi rrimedjata. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, jekk ikun il-każ, tagħmel din l-evalwazzjoni fil-kawża prinċipali.

____________

1     ĠU C 139, 15.4.2019.