Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Awwissu 2010 - Etimine u Etiproducts vs ECHA

(Kawża T-343/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Etimine SA (Bettembourg, il-Lussemburgu) u Ab Etiproducts Oy (Espoo, il-Finlandja), (rappreżentanti: K. Van Maldegem u C. Mereu, avukati)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet tar-rikorrenti

Tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat

Tannulla l-att ikkontestat sa fejn jirrigwarda l-aċidu boriku u t-tetraborat tad-disodju

Tiddikjara l-illegalità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 790/2009 1, tal-10 ta' Awwissu 2009, sa fejn jirrigwarda l-aċidu boriku u t-tetraborat tad-disodju; u

Tordna lill-ECHA tħallas l-ispejjeż kollha tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi li tinkludi l-aċidu boriku u t-tetraborat tad-disodju fil-lista preliminari tas-sustanzi stabbilita mill-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 2. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jitolbu, skont l-Artikolu 277 TFUE, dikjarazzjoni ta' illegalità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 790/2009, tal-10 ta' Awwissu 2009, sa fejn jirrigwarda l-aċidu boriku u t-tetraborat tad-disodju.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu l-motivi segwenti:

L-ewwel nett, l-att ikkontestat ġie adottat bi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u jikkostitwixxi żball ta' liġi għaliex naqqas milli jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 59 u tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

It-tieni nett, l-att ikkontestat huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni u jikser ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għaliex l-ECHA ma pproduċietx provi li jippermettu li jintwera li s-sustanzi boriċi "jissodisfaw il-kriterji" għall-klassifikazzjoni bħala tossiċi għar-riproduzzjoni, kategorija 2, skont id-Direttiva 67/548 3.

Barra minn hekk, permezz tal-adozzjoni tal-att ikkontestat, l-ECHA kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità previst fid-dritt tal-Unjoni.

Fl-aħħar nett, l-att ikkontestat huwa bbażat fuq ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 790/2009 li huwa, huwa stess, illegali.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 790/2009, tal-10 ta' Awwissu 2009, li jemenda, għall-finijiet tal-addattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU L 235, p. 1)

2 - Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1)

3 - Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta' Ġunju 1967, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 01, p. 37)