Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Awwissu 2010 - Cosepuri vs EFSA

(Kawża T-339/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Cosepuri Soc. coop. p.a. (Bologna, l-Italja) (rappreżentant: F. Fiorenza, avukat)

Konvenuta: Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-proċedura ta' sejħa għall-offerti sa fejn din tipprevedi l-evalwazzjoni tal-offerti ekonomiċi b'mod riżervat.

tannulla d-deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lill-kumpannija ANME kif ukoll kull att konsegwenti.

tikkundanna lill-EFSA għall-ħlas tad-danni favur Cosepuri.

tikkundanna lill-EFSA għar-rimbors tal-ispejjeż legali.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tal-avviż ta' kuntratt tal-1 ta' Marzu 2010, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fit-13 ta' Marzu 2010, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) għamlet sejħa miftuħa għal offerti dwar il-provvista ta' servizz ta' trasport fl-Italja u fl-Ewropa għal perijodu ta' 48 xahar u għal valur stimat ta' EUR 4 000 000 fejn stabbilixxiet bħala kriterju għall-għoti, l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġjuża abbażi tal-kriterji indikati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (Doc. B). Il-kumpannija rikorrenti ppreżentat l-offerta tagħha, iżda l-kuntratt inkwistjoni ġie attribwit lil impriża oħra.

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti tikkontesta din id-deċiżjoni.

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tilmenta minn ksur tal-liġi abbażi tal-Artikolu 89 tar-Regolament (KE) Nru 1605/2002 1 u minn ksur tal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba, ta' trasparenza, ta' reklamar u tad-dritt ta' aċċess minħabba n-nuqqas ta' reklamar tal-operazzjonijiet ta' ftuħ tal-offerti tekniċi u ta' assenjar ta' punti għall-offerta ekonomika. F'dan ir-rigward, jiġi sostnut li l-prezz offrut ma jistax jitqies bħala informazzjoni riżervata.

Permezz tat-tieni motiv, jiġi lmentat ksur tal-liġi abbażi tal-Artikolu 100 tar-Regolament (KE) Nru 1605/2002, ksur tal-liġi abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 2, ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni, ta' trasparenza u tad-dritt ta' aċċess għall-atti għaliex ġie limitat l-aċċess għall-atti, wara l-għoti tal-kuntratt, minħabba l-kwalità ta' informazzjoni riżervata ta' data bħall-offerta ekonomika u ta' dokumenti pubbliċi bħall-awtorizzazzjonijiet tal-vetturi bil-mutur. F'dan ir-rigward jiġi sostnut li n-nuqqas ta' indikazzjoni tal-prezz offrut mill-offerent magħżul iwassal sabiex l-atti jkunu nieqsa mill-motivazzjoni.

Permezz tat-tielet motiv, jiġi lmentat ksur tal-liġi abbażi tal-Artikolu 100 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002, il-ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u żball manifest ta' motivazzjoni minħabba l-iżbalji mwettqa mill-kumitat tas-sejħa għal offerti fl-evalwazzjoni tal-offerta ekonomika.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25 [1605/2002], tal-25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74)

2 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)