Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2024 – UC vs Il-Kunsill

(Kawża T-72/24)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: UC (rappreżentant: S. Bekaert, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2768 tat-8 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2771 tat-8 ta’ Diċembru 2023 li jimplimenta l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati” sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw lir-rikorrent, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv: eċċess ta’ poter, ksur tal-Artikoli 75 u 215 TFUE, ksur tal-Artikolu 13(1) TUE, ksur tal-Artikolu 15(3) TFUE u ksur tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

Id-Deċiżjoni 2010/788/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 jiksru, rispettivament, l-Artikolu 31 TUE u l-Artikoli 75 u 215 TFUE.

Ksur ukoll tar-regoli dwar it-trasparenza, sa fejn ir-rapporti u r-riżultati tal-votazzjoni ta’ din id-deċiżjoni u ta’ dan ir-regolament, id-deċiżjonijiet u r-regolamenti li jemendaw sussegwenti u l-atti kkontestati ma humiex mogħtija pubblikament, kuntrarjament għar-regoli u għad-deċiżjonijiet l-oħra tal-Kunsill.

It-tieni motiv: it-tieni inċiż tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK u l-Artikolu 2b(1) tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ effettività.

It-tieni inċiż tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2022/2377 tal-5 ta’ Diċembru 2022, u l-Artikolu 2b(1) tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005, kif emendat bir-Regolament (KE) 2022/2373 tal-5 ta’ Diċembru 2022, joħolqu kull wieħed kategorija ta’ persuni tant wiesgħa, billi jadottaw kriterju stabbilit b’formulazzjoni li hija ta’ natura tant ġenerali, li tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ effettività.

It-tielet motiv: ksur tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 296 TFUE (obbligu ta’ motivazzjoni).

Ir-rikorrent jikkontesta kull waħda mir-raġunijiet mogħtija fl-atti kkontestati. Il-Kunsill jikser l-obbligu ta’ motivazzjoni, kif stabbilit, fost oħrajn, fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

Ir-raba’ motiv: ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

L-iffriżar ta’ fondi tar-rikorrent f’formulazzjoni mill-iktar ġenerali jikser id-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent u jirrestrinġi dan id-dritt b’mod sproporzjonat, b’kunsiderazzjoni wkoll tal-applikazzjoni ġenerali tiegħu u tat-tul indeterminat tiegħu.

Il-ħames motiv: ksur tal-libertà ta’ moviment, tad-dritt ta’ residenza u ta’ stabbiliment, stabbiliti fl-Artikolu 45(1) tal-Karta u fl-Artikoli 20 u 21 TFUE, u bi ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività.

Ir-rikorrent għandu n-nazzjonalita Belġjana. Sanzjoni li ma tippermettilux iktar li jidħol fl-Unjoni Ewropea, anki fi tranżitu, tipprekludih milli jidħol jew li jibqa’ fit-territorju Belġjan, tikser il-libertà ta’ moviment, id-dritt ta’ residenza u ta’ stabbiliment, u tikser il-prinċipju ta’ effettività.

____________