Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2013 minn Mamoli Robinetteria SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-376/10, Mamoli Robinetteria vs Il-Kummissjoni

Kawża C-619/13 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Mamoli Robinetteria SpA (rappreżentanti: F. Capelli u M. Valcada, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tilqa’ l-preżenti rikors u, billi tirriforma s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013 mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża Mamoli SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-376/10,

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, innotifikata fil-Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji għal kmamar tal-banju, sa fejn fl-imsemmija deċiżjoni ġie konkluż li Mamoli Robinetteria SpA kisret l-Artikolu 101 TFUE u, b’konsegwenza ta’ dan, tannulla l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn dan jimponi fuq Mamoli Robinetteria SpA multa ekwivalenti għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha għas-sena 2009, imnaqqsa sussegwentement għal EUR 1 041 531 abbażi tas-sitwazzjoni speċifika ta’ Mamoli;

fuq il-mertu, sussidjarjament:

tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, innotifikata fil-Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji għal kmamar tal-banju, billi tikkalkola mill-ġdid il-multa u billi tirrevediha għal ammont ekwivalenti għal 0.3 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Mamoli Robinetteria għas-sena 2003 jew, f’kull każ, għal ammont inferjuri għas-sanzjoni imposta, li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xieraq.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tinvoka seba’ aggravji.

1. L-ewwel aggravju. Ksur tal-prinċipji proċedurali li jirregolaw ir-redazzjoni tal-motivi ta’ rikors.

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball importanti meta ma għamlitx distinzjoni bejn il-motivi tar-rikors u l-argumenti invokati insostenn tal-motivi tar-rikors innifishom. Dan l-iżball ikkawża l-inammissibbiltà ta’ parti mill-motivi invokati mill-appellanti.

2. It-tieni aggravju. Ksur tad-drittijiet tad-difiża.

L-appellanti ssostni li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, il-partijiet l-oħra fil-proċedura tħallew josponu argumenti ta’ difiża dwar ċirkustanzi li ma kinux ġew indikati lil Mamoli. Il-Qorti Ġenerali ma evalwatx debitament dan l-aspett.

3. It-tielet aggravju. Ksur tal-prinċipju ta’ legalità, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 101 sa 105 TFUE ikkunsidrati flimkien, kif ukoll tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 1 .

Il-proċedura kollha oriġinat u hija bbażata fuq il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni li stabbilixxew dak li jissejjaħ il-programm intiż sabiex tiġi rrikompensata l-kooperazzjoni tal-impriżi. L-appellanti tqis li l-Kummissjoni, fl-assenza ta’ att tal-leġiżlatur Ewropew, ma għandha l-ebda setgħa sabiex tipprovdi għall-għoti ta’ immunitajiet parzjali jew totali lil impriżi u sabiex tistabbilixxi, billi tibbaża ruħa fuq tali komunikazzjoni, proċedura dwar akkordji li twassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kunsiderevoli. Il-Qorti Ġenerali ma rrispondietx b’mod xieraq għall-oġġezzjonijiet imqajma mill-appellanti, billi naqset milli tistħarreġ fil-fond id-diversi punti ta’ liġi mqajma.

4. Ir-raba’ aggravju. Ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003.

L-appellanti ssostni li matul l-investigazzjoni tagħha l-Kummissjoni wettqet żbalji kunsiderevoli. Hija injorat l-aspetti partikolari tas-suq Taljan (pereżempju: struttura, karatterisitiċi, rwol tal-bejjiegħa bl-ingrossa) u assimilat is-sitwazzjoni prevalenti fis-suq Taljan ma’ dik eżistenti fis-suq Ġermaniż. Tali żball invalida l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza, fis-suq Taljan, ta’ akkordju fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, minħabba l-iżbalji esposti, ma osservatx l-oneru tal-prova li hija kellha. L-importanza tar-rwol ta’ Ideal Standard fis-suq Taljan bl-ebda mod ma ttieħdet inkunsiderazzjoni. Il-Qorti Ġenerali injorat kompletament l-oġġezzjonijiet u l-argumenti tal-appellanti.

5. Il-ħames aggravju. Ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalità tal-pieni waqt l-impożizzjoni tal-multa fuq l-appellanti Mamoli u fid-determinazzjoni tal-ammont tagħha.

Billi imponiet il-piena massima fuq l-appellanti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq. L-aġir reali tal-appellanti ma ġiex evalwat korrettament mill-Kummissjoni li ddeċidiet dwar l-ammont tal-multa mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-aġir ta’ Mamoli u l-effett reali tagħha fil-kuntest tal-ksur allegat. Il-Kummissjoni wettqet ukoll żball meta ma rrikonoxxiet l-ebda ċirkustanza attenwanti lil Mamoli. Il-Qorti Ġenerali, filwaqt li laqgħet xi oġġezzjonijiet ta’ Mamoli fir-rigward tal-iżbalji li l-Kummissjoni wettqet fid-determinazzjoni tal-multa, madankollu ma ordnatx it-tnaqqis tal-multa.

6. Is-sitt aggravju. Ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 moqri flimkien mal-punt 35 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (2006/C210/02).

L-appellanti ssostni li, minkejja li l-Kummissjoni fehmet li Mamoli kienet verament tinsab f’sitwazzjoni ekonomika gravi, li kienet tfixkel il-kapaċità kontributtiva tal-impriża, hija adottat deċiżjoni li ma kinitx xierqa sabiex jintlaħaq l-għan previst fil-preambolu. Il-Qorti Ġenerali ma evalwatx l-argumenti ppreżentati minn Mamoli.

7. Is-seba’ aggravju. Ksur tar-regoli proċedurali.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet illegalment it-talbiet għal miżuri istruttorji ta’ Mamoli.

____________

1 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).