Language of document : ECLI:EU:C:2014:254

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ April 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni —Direttiva 2001/29/KE— Artikolu 5(2)(b) u (5) — Dritt ta’ riproduzzjoni — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Riproduzzjoni għal użu privat — Natura legali tal-oriġini tal-kopja — Direttiva 2004/48/KE— Kamp ta’ applikazzjoni”

Fil-Kawża C‑435/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Settembru 2012, fil-proċedura

ACI Adam BV et

vs

Stichting de Thuiskopie,

Stichting Onderhandelingen Thuiskopie vergoeding,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, M. Safjan, J. Malenovský (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ACI Adam BV et, minn D. Visser, avukat,

–        għal Stichting de Thuiskopie u Stichting Onderhandelingen Thuiskopie vergoeding, minn T. Cohen Jehoram u V. Rörsch, avukati,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Schillemans u M. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, Avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u J. Nasutavičienė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) u (5) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), kif ukoll tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32, u rettifiki ĠU 2004, L 195, p. 16, u ĠU 2007, L 204, p. 27).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ACI Adam BV kif ukoll ċertu numru ta’ impriżi oħra (iktar ʼil quddiem “ACI Adam et”) u s-Stichting de Thuiskopie (iktar ʼil quddiem it-“Thuiskopie”) u s-Stichting Onderhandelingen Thuiskopie vergoeding (iktar ʼil quddiem is-“SONT”), żewġ fondazzjonijiet inkarigati, l-ewwel waħda, mill-ġbir u t-tqassim tal-ħlas li huma responsabbli għalih il-manifatturi jew l-importaturi ta’ mezzi intiż għar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet litterarji, xjentifiċi jew artistiċi għal użu privat (iktar ʼil quddiem il-“ħlas għal kopja privata”) u, it-tieni waħda, li tiffissa l-ammont ta’ dan il-ħlas, minħabba l-fatt li s-SONT tieħu inkunsiderazzjoni, għall-iffissar tal-ammont tal-imsemmi ħlas, id-dannu li jirriżulta minħabba kopji magħmula minn sors illegali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2001/29

3        Il-premessi 22, 31, 32, 35, 38 u 44 tad-Direttiva 2001/29 jistipulaw dan li ġej:

“(22) L-għan ta’ appoġġ xieraq biex tinfirex il-kultura m’għandux jintlaħaq billi jissagrifikaw il-protezzjoni stretta tad-drittijiet jew billi jittolleraw forom illegali ta’ distribuzzjoni ta’ xogħolijiet falsifikati jew ikkupjati jew imxandra illegalment.

[...]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. [...]

(32)      Din id-Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Xi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikaw biss għad-dritt ta’ riproduzzjoni, fejn hu xieraq. Dan l-elenku jikkunsidra kif inhu xieraq it-tradizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri, filwaqt li, fl-istess ħin, għandu bħala skop li jiżgura suq intern li jiffunzjona. L-Istati Membri għandhom jaslu għal applikazzjoni koerenti ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, li ssir stima tagħhom meta jirrevedu l-leġislazzjoni implimentattiva fil-futur.

[...]

(35)      F’ċerti każi ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust biex jikkumpensawhom b’mod adekwat għall-użu magħmul mix-xogħolijiet protetti tagħhom jew materjal ieħor. Meta jistabilixxu l-forma, l-arranġamenti dettaljati u livell possibbli ta’ dan il-kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Meta jevalwaw dawn iċ-ċirkustanzi, kriterju validu jista’ jkun il-ħsara li tista’ ssir lid-detenturi tad-drittijiet li tirriżulta mill-att fil-kwistjoni. Fil-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas. Il-livell ta’ kumpens ġust għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika msemmija f’din id-Direttiva. F’ċerti sitwazzjonijiet fejn il-preġudizzju għad-detentur tad-drittijiet ikun minimu, ma jista’ jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas.

[...]

(38)      L-Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċerti tipi ta’ riproduzzjoni ta’ materjal awdjo, viżiv jew awdjo-viżiv għal użu privat, akkumpanjat b’kumpens ġust. Dan jista’ jinkludi l-introduzzjoni jew kontinwazzjoni ta’ skemi ta’ rimunerazzjoni biex jikkumpensaw għal preġudizzju għal detenturi tad-drittijiet. Għalkemm differenzi bejn dawk l-iskemi ta’ rimunerazzjoni jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern, dawk id-differenzi, b’rigward ta’ riproduzzjoni privata analoga, m’għandhomx ikollhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni. Ikkupjar privat diġitali huwa aktar faċli li jkun mifrux u jkollu impatt ekonomiku akbar. Għandha għalhekk tittieħed kunsiderazzjoni xierqa dwar id-differenzi bejn ikkupjar diġitali u dak analogu privat u għandha ssir distinzjoni f’ċerti aspetti bejniethom.

[...]

(44)      Meta japplikaw l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom f’din id-Direttiva, huma għandhom ikunu eżerċitati skond l-obbligi internazzjonali. Dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati b’mod li jippreġudika l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet jew li jmorru kontra l-isfruttar normali tax-xogħol tiegħu jew ta’ suġġett ieħor. Id-disposizzjonijiet ta’ dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet mill-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jirriflettu kif inhu xieraq, l-impatt ekonomiku miżjud li dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu jkollhom fil-kuntest tal-ambjent elettroniku ġdid. Għalhekk, l-iskop ta’ ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet jista’ jkollu jkun aktar limitat meta jiġi għal ċertu użu ġdid ieħor ta’ xogħolijiet bid-drittijiet tal-awtur u suġġett ieħor.”

4        L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a) għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom.”

5        L-Artikolu 5(2) u (5) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[...]

b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ [mwettqa fuq] kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

[...]

5.      L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

6        Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali adekwata kontra t-tidwir ma’ kull miżura teknoloġika effettiva, li persuna relatata twettaq konsapevolment, jew b’raġunijiet li tkun taf, li qiegħda tilħaq dak il-għan.

[...]

3.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-frażi “miżuri teknoloġiċi” tfisser kull teknoloġija, tagħmir jew komponent li, matul il-kors normali tat-tħaddim tiegħu, ikun iddisinjat li jipprevjeni jew jirrestrinġi atti, rigward xogħolijiet jew suġġett ieħor, li mhumiex awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet ta’ kull dritt tal-awtur jew kull dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur li hemm provdut dwarhom bil-liġi jew id-dritt sui generis li hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu III tad-[Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459)]. Drittijiet teknoloġiċi għandhom jitqiesu “effettivi” fejn l-użu ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor huwa kontrollat mid-detenturi tad-drittijiet permezz ta’ applikazzjoni ta’ kontroll għal aċċess jew proċess ta’ protezzjoni, bħal qlib f’ċifrarju, taqlib jew trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew materjal ta’ xogħol ieħor jew mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ ikkupjar li jilħaq l-għan ta’ protezzjoni.

4.      Minkejja l-protezzjoni legali li hemm provdut dwarha fil-paragrafu 1, fl-assenza ta’ miżuri volontarji meħuda mid-detenturi tad-drittijiet, magħduda ftehim bejn id-detenturi tad-drittijiet u partijiet oħra relatati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li detenturi tad-drittijiet jagħmlu disponibbli għall-benefiċjarju ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni li hemm provdut dwarha fil-liġi nazzjonali skond l-Artikolu 5(2)(a), (2)(ċ), (2)(d), (2)(e), (3)(a), (3)(b) jew (3)(e) il-mezzi li jibbenefikaw minn dik l-eċċezzjoni jew limitazzjoni, sa fejn huwa meħtieġ biex jibbenefikaw minn dik l-eċċezzjoni jew limitazzjoni u fejn dak il-benfċjarju jkollu aċċess legali għax-xogħol protett jew materjal suġġett relatat.

[...]”

 Id-Direttiva 2004/48

7        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/48 jiddefinixxi l-għan tagħha kif ġej:

“Din id-Direttiva tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu [‘]drittijiet tal-proprjetà intellettwali[’] jinkludi id-drittijiet tal-proprjetà industrijali.”

8        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet tal-Istat Membru konċernat.”

 Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

9        L-Artikolu 1 tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur (Auteurswet, Stb. 2008, Nru°538, iktar ʼil quddiem l-“AW”) jirrikonoxxi lill-awtur ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku jew lis-suċċessur legali tiegħu, b’mod partikolari d-dritt esklużiv li jirriproduċi dak ix-xogħol, suġġett għal-limitazzjonijiet previsti mil-liġi.

10      L-Artikolu 16c(1) u (2) tal-AW jintroduċi l-prinċipju tal-ħlas għal kopji privati. Din id-dispożizzjoni hija fformulata fit-termini li ġejjin:

“1. Ir-riproduzzjoni sħiħa jew parzjali ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku fuq mezz intiż għar-riproduzzjoni, rappreżentazzjoni jew interpretazzjoni ta’ xogħol, ma għandhiex titqies bħala ksur tad-drittijiet tal-awtur, sakemm ir-riproduzzjoni ssir mingħajr skopijiet kummerċjali diretti jew indiretti u jekk din isservi esklużivament għall-prattika, studju jew użu mill-persuna fiżika li tagħmel ir-riproduzzjoni.

2. Ir-riproduzzjoni, fis-sens tal-ewwel paragrafu, tagħti lok għall-ħlas ta’ remunerazzjoni ġusta lill-awtur tax-xogħol jew lis-suċċessur legali tiegħu. Il-fabbrikant jew l-importatur tal-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu responsabbli għall-ħlas ta’ din ir-remunerazzjoni.”

11      L-Artikolu 1019h tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili (Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering), li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE, huwa redatt fit-termini li ġejjin:

“Sa fejn ikun meħtieġ, b’deroga mit-tieni paragrafu tat-tnax-il sezzjoni tat-tieni titolu tal-ewwel Ktieb, u mill-Artikolu 843a(1), il-parti li titlef hija kkundannata tħallas l-ispejjeż ġudizzjarji raġonevoli u proporzjonati u l-ispejjeż l-oħra sostnuti mill-parti li tirbaħ il-kawża, sakemm l-ekwità ma tippermettix dan.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      ACI Adam et huma importaturi u/jew manifatturi ta’ mezzi għall-ħażna tad-data verġni, bħal ma huma s-CDs u s-CD-R.

13      Bis-saħħa tal-Artikolu 16c tal-AW, ACI Adam et huma obbligati jħallsu l-ħlas għal kopji privati lit-Thuiskopie u l-ammont ta’ dan tal-aħħar huwa ffissat mis-SONT.

14      ACI Adam et jikkunsidraw li huwa żball li dan l-ammont jieħu inkunsiderazzjoni d-dannu mġarrab, jekk ikun il-każ, mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur minħabba kopji magħmula minn sors illegali.

15      Konsegwentement, ACI Adam et ressqu kawża kontra t-Thuiskopie u s-SONT quddiem ir-Rechtbank te ’s-Gravenhage (Qorti ta’ Den Haag) fejn argumentaw, essenzjalment, li l-ħlas għal kopji privati, previst fl-Artikolu 16c(2) tal-AW huwa intiż esklużivament sabiex jirremunera lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur għall-atti ta’ riproduzzjoni li jaqgħu taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, b’tali mod li l-ammont ta’ dan il-ħlas ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni kumpens għad-dannu mġarrab li jirriżulta minn kopji ta’ xogħlijiet magħmul minn sors illegali.

16      Ir-Rechtbank te ’s-Gravenhage ċaħdet it-talba ta’ ACI Adam et permezz tas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2008.

17      ACI Adam et ippreżentaw appell minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage (Qorti tal-Appell ta’ Den Haag). Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Novembru 2010, din il-qorti kkonfermat is-sentenza mogħtija mir-Rechtbank te ’s-Gravenhage.

18      Il-qorti tar-rinviju, li quddiemha tressaq appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn ACI Adam et kontra din is-sentenza, ikkunsidrat li d-Direttiva 2001/29 ma tispeċifikax jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riproduzzjonijiet magħmula minn sors illegali fil-kuntest tal-istabbiliment tal-kumpens ġust imsemmi fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      L-Artikolu 5(2)(b) tad-[Direttiva 2001/29], [jekk ikun il-każ] moqri flimkien mal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, għand[u] jiġu interpretati fis-sens li l-limitazzjoni tad-drittijiet tal-awtur prevista fih tapplika għar-riproduzzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija f’din id-dispożizzjoni, indipendentement mill-fatt li x-xogħlijiet li ġew riprodotti kienu għad-dispożizzjoni tal-persuna fiżika kkonċernata b’mod legali, jiġifieri mingħajr ksur tad-drittijiet tal-awtur tal-aventi kawża, jew inkella fis-sens li din il-limitazzjoni tapplika biss fir-rigward tar-riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet li l-persuna kkonċernata kellha għad-dispożizzjoni tagħha mingħajr ksur tad-drittijiet tal-awtur?

2)      a)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun tirrifletti t-tieni alternattiva proposta fiha, l-applikazzjoni tat-‘test fi tliet stadji’, previst fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva [2001/29], tista’ sservi sabiex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 5(2) [tagħha] jew l-applikazzjoni tat-test tista’ twassal biss sabiex tiċċekken il-portata ta’ din il-limitazzjoni?

b)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun tirrifletti t-tieni alternattiva proposta fiha, liġi nazzjonali intiża li timponi remunerazzjoni ġusta [kumpens ġust] għar-riproduzzjonijiet magħmula minn persuna fiżika għal użu privat u mingħajr l-iċken skop kummerċjali dirett jew indirett, indipendentement minn jekk it-twettiq tar-riproduzzjonijiet huwiex legali fid-dawl tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva [2001/29] — u mingħajr ma din il-liġi ma tikser la d-dritt tal-aventi kawża li jipprojbixxu r-riproduzzjoni u lanqas id-dritt tagħhom li jiksbu kumpens għad-dannu subit — tikser l-Artikolu 5 [ta’ din id-direttiva], jew xi liġi oħra tal-Unjoni?

Fil-kuntest tar-risposta għal din id-domanda huwa rilevanti, fid-dawl tat-‘test fi tliet stadji’ previst fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva [2001/29], il-fatt li ma jeżistux (jew għadhom ma jeżistux) miżuri tekniċi sabiex jiġi miġġieled it-twettiq ta’ kopji privati illegali?

3)      Id-Direttiva 2004/48 tapplika għal proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn — wara li Stat Membru impona, abbażi tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva [2001/29], l-obbligu tal-ġbir tal-kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni fuq il-manifatturi u l-importaturi ta’ meżżi xierqa intiżi għar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet, u stabbilixxa li dan il-kumpens ġust għandu jingħadda lill-organizzazjoni magħżula mill-Istat Membru, li hija inkarigata bil-ġbir u bit-tqassim tal-kumpens ġust - persuni suġġetti għall-ħlas ta’ dan il-kumpens qed jitolbu lill-qorti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kawża li huma rilevanti għad-determinazzjoni tal-kumpens ġust, tiddeċiedi kontra l-imsemmija organizzazzjoni, li qed tiddefendi ruħha kontra din it-talba?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

20      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, moqri flimkien mal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tagħmilx distinzjoni bejn sitwazzjoni fejn is-sors li minnu tiġi magħmula riproduzzjoni għal użu privat huwa legali u sitwazzjoni fejn is-sors huwa illegali.

21      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont it-termini tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri jagħtu lill-awturi d-dritt esklużiv sabiex jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti, tax-xogħlijiet tagħhom, u dan, filwaqt li jirriżervaw lil dawn l-Istati Membri l-għażla, bis-saħħa tal-Artikolu 5(2) tal-istess direttiva, li jipprovdu għall-eċċezzjonijiet u għal-limitazzjonijiet tal-imsemmi dritt.

22      Fir-rigward tal-portata ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jidderogaw minn prinċipju ġenerali stabbilit minn din l-istess direttiva għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta (sentenza Infopaq International, C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Minn dan jirriżulta li d-diversi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/29 għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta.

24      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva jirrikjedi li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet tad-dritt ta’ riproduzzjoni jkunu applikabbli biss f’ċerti każijiet speċjali li ma jippreġudikawx l-użu normali tax-xogħol jew ta’ materjal ieħor protett u ma jippreġudikawx inġustament l-interessi leġittimi tad-detentur ta’ dan id-dritt.

25      Issa, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/29 tillimita ruħha li tispeċifika l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet tad-dritt ta’ riproduzzjoni awtorizzati mill-Artikolu 5(2) tagħha, jiġifieri li l-imsemmija eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet japplikaw biss f’ċerti każijiet speċjali, li ma jippreġudikawx l-użu normali tax-xogħol jew ta’ materjal ieħor protett u li ma jippreġudikawx inġustament l-interessi leġittimi tad-detentur ta’ dan id-dritt. Għalhekk, l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva ma jiddefinixxix il-kontenut materjali tad-diversi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, iżda jsir rilevanti biss fil-mument tal-applikazzjoni tagħhom mill-Istati Membri.

26      Konsegwentement, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 la għandu l-għan li jaffettwa l-kontenut materjali tad-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva u lanqas, b’mod partikolari, li jwessa’ l-portata tad-diversi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet previsti fih.

27      Barra minn hekk, mill-premessa 44 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jipprevedi li, meta l-Istati Membri jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet imsemmija f’din id-direttiva, il-portata tagħhom tkun tista’ tiġi limitata iktar fir-rigward ta’ ċertu użi ġodda ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal ieħor protett. Min-naħa l-oħra, la din il-premessa u l-ebda dispożizzjoni oħra tal-imsemmija direttiva ma jipprevedu l-possibbiltà li l-Istati Membri jwessgħu l-portata ta’ tali eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet.

28      B’mod iktar partikolari, bis-saħħa tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jipprovdu eċċezzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tal-awtur fuq ix-xogħol tiegħu meta inkwistjoni jkun hemm riproduzzjonijiet mwettqa fuq kull mezz magħmula minn persuna fiżika għal użu privat u għal finijiet li ma humiex direttament jew indirettament kummerċjali (iktar ʼil quddiem l-“eċċezzjoni ta’ kopja privata”).

29      Issa, din id-dispożizzjoni ma tagħti l-ebda indikazzjoni espliċita dwar in-natura legali jew illegali tas-sors li minnu tista’ ssir ir-riproduzzjoni tax-xogħol.

30      Għaldaqstant il-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata billi jiġi applikat il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta, kif imfakkra fil-punt 23 ta’ din is-sentenza.

31      Tali interpretazzjoni teżiġi li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jinftiehem fis-sens li l-eċċezzjoni ta’ kopja privata tipprojbixxi ċertament, lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur milli jużaw id-dritt esklużiv tagħhom li jawtorizzaw jew jipprojbixxu riproduzzjonijiet fir-rigward ta’ persuni li jwettqu kopji privati tax-xogħlijiet tagħhom, madankollu din tipprekludi li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li timponi, lil hinn minn din il-limitazzjoni prevista espliċitament, fuq id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur li jittolleraw ksur tad-drittijiet tagħhom li jistgħu jakkompanjaw it-twettiq ta’ kopji privati.

32      Tali konklużjoni barra minn hekk hija kkorraborata mill-kuntest li minnu jifforma parti l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll mill-għanijiet sottostanti.

33      F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-premessa 32 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-elenku ta’ eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tagħha għandu jiżgura ekwilibriju bejn it-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

34      Minn dan isegwi li l-Istati Membri għandhom l-għażla li jistabbilixxu jew li ma jistabbilixxux id-diversi eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, u dan skont it-tradizzjonijiet legali tagħhom, iżda li, ġaladarba huma għażlu li jintroduċu ċerta eċċezzjoni, din tal-aħħar għandha tiġi applikata b’mod koerenti, b’tali mod li ma tkunx tista’ tippreġudika l-għanijiet tad-Direttiva 2001/29 intiżi li jiżguraw funzjonament tajjeb tas-suq intern.

35      Issa, li kieku l-Istati Membri kellhom l-għażla li jadottaw jew li ma jadottawx leġiżlazzjoni li tagħti l-possibbiltà li riproduzzjonijiet għal użu privat ikunu wkoll magħmula minn sors illegali, minn dan jirriżulta, b’mod ċar, preġudizzju għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

36      Min-naħa l-oħra, mill-premessa 22 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-għan ta’ appoġġ xieraq biex tinfirex il-kultura ma għandux jintlaħaq billi tiġi ssagrifikata l-protezzjoni stretta tad-drittijiet jew billi jiġu ttollerati forom illegali ta’ distribuzzjoni ta’ xogħlijiet falsifikati jew ikkupjati illegalment.

37      Issa, b’hekk ma tistax tiġi ttollerata leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħmel l-ebda differenza bejn il-kopji privati magħmula minn sorsi legali, u dawk magħmula minn sorsi falsifikati jew ikkupjati illegalment.

38      Barra minn hekk, fil-waqt tal-applikazzjoni tagħha, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tagħmilx distinzjoni skont jekk is-sors li minnu ssir riproduzzjoni għal użu privat huwiex legali jew illegali, tista’ tikser ċerti kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29.

39      Fil-fatt, minn naħa, jekk jiġi aċċettat li tali riproduzzjonijiet jistgħu jsiru minn sors illegali, dan jinkoraġġixxi d-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet falsifikati jew ikkupjati illegalment u għalhekk inaqqas neċessarjament il-volum ta’ bejgħ jew ta’ tranżazzjonijiet legali oħra relatati ma xogħlijiet protetti, b’tali mod li l-użu normali tagħhom jiġi ppreġudikat.

40      Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tinvolvi, fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, dannu inġustifikat lid-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur.

41      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix il-każ ta’ kopji privati magħmula minn sors illegali.

42      F’dan l-istess kuntest tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, il-qorti tar-rinviju tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar jekk, għall-evalwazzjoni tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li miżuri teknoloġiċi, fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, u li jirreferi għalihom l-Artikolu 5(2)(b) tal-imsemmija direttiva, ma jeżistux, jew għadhom ma jeżistux, fil-mument meta tiġi implementata din il-leġiżlazzjoni.

43      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-miżuri teknoloġiċi li jirreferi għalihom l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 huma intiżi li jillimitaw l-atti mhux awtorizzati mid-detenturi ta’ drittijiet, jiġifieri sabiex jiżguraw applikazzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni u sabiex b’hekk jiġu evitati l-atti li ma josservawx il-kundizzjonijiet stretti li l-imsemmija dispożizzjoni timponi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza VG Wort et, C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426, punt 51).

44      Barra minn hekk, sa fejn huma l-Istati Membri u mhux id-detenturi ta’ drittijiet li jistabbilixxu l-eċċezzjoni ta’ kopja privata u li jawtorizzaw, għall-finijiet tat-twettiq ta’ tali kopja, dan l-użu ta’ xogħlijiet jew ta’ materjal ieħor protett, konsegwentement, huwa l-Istat Membru li awtorizza, billi stabbilixxa din l-eċċezzjoni, it-twettiq ta’ kopji privati, li għandu l-obbligu li jiżgura l-applikazzjoni korretta tal-imsemmija eċċezzjoni u li jillimita b’hekk atti mhux awtorizzati mid-detenturi ta’ drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza VG Wort et, EU:C:2013:426, punti 52 u 53).

45      Issa, mill-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tagħmilx distinzjoni bejn is-sitwazzjoni fejn is-sors li minnu ssir riproduzzjoni għal użu privat huwa legali u dik fejn dan is-sors huwa illegali, ma tistax tiżgura applikazzjoni korretta tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata. Iċ-ċirkustanza li ma teżisti l-ebda miżura teknoloġika applikabbli sabiex tiġġieled kontra t-twettiq ta’ kopji privati illegali ma hijiex ta’ natura li tikkonfuta din il-konstatazzjoni.

46      Minn dan isegwi li għall-evalwazzjoni tal-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, mad-dritt tal-Unjoni, ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-miżuri teknoloġiċi, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29, u li jirreferi għalihom l-Artikolu 5(2)(b) tal-imsemmija direttiva, ma jeżistux, jew għadhom ma jeżistux.

47      Fl-aħħar nett, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 ta’ din is-sentenza ma hijiex ikkontestata fir-rigward tar-rekwiżit tal-“kumpens ġust” imsemmija fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

48      F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi nnotat li, skont it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri li jiddeċiedu li jistabbilixxu l-eċċezzjoni ta’ kopja privata fid-dritt intern tagħhom għandhom jipprovdu għall-ħlas ta’ “kumpens ġust” favur id-detenturi tad-drittijiet.

49      Huwa importanti wkoll li jitfakkar li interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li l-Istati Membri li introduċew l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, prevista mid-dritt tal-Unjoni u li tinkludi, skont il-premessi 35 u 38 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “kumpens ġust” bħala element essenzjali, huma liberi li jispeċifikaw il-parametri tiegħu b’mod inkoerenti u mhux armonizzat, li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, tmur kontra l-għan tal-imsemmija direttiva intiż għall-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati f’soċjetà tal-informazzjoni kif ukoll li jiġu pprojbiti d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern li jirriżultaw mid-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punti 35 u 36).

50      L-għan ta’ dan il-kumpens huwa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jikkumpensa lill-awturi għall-kopja privata magħmula, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, tax-xogħlijiet protetti tagħhom, b’tali mod li għandu jitqies bħala l-kontroparti tad-dannu mġarrab mill-awturi, li jirriżulta minn tali kopja mhux awtorizzata mwettqa minn dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Padawan, EU:C:2010:620, punti 30, 39 u 40).

51      Għaldaqstant, bħala prinċipju, hija l-persuna li kkawżat tali dannu, jiġifieri dik li kkuppjat ix-xogħol protett mingħajr ma talbet l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detentur tad-drittijiet, li tikkumpensa d-dannu mġarrab billi tiffinanzja l-kumpens li għandu jingħata lil dan id-detentur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Padawan, EU:C:2010:620, punt 45, u Stichting de Thuiskopie, C‑462/09, EU:C:2011:397, punt 26).

52      Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi marbuta ma’ tali sistema ta’ kumpens ġust, huwa possibbli għall-Istati Membri li jistabbilixxu, għall-finijiet tal-finanzjament tal-kumpens ġust, ħlas li ma jitħallasx direttament mill-persuni privati kkonċernati, iżda minn dawk li jistgħu jgħaddu l-ammont ta’ dan il-ħlas fil-prezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-attrezzaturi, tagħmir u mezzi intiżi għar-riproduzzjoni jew fil-prezz tas-servizz ta’ riproduzzjoni mogħti, għalhekk l-oneru tal-imsemmi ħlas jiġi definittivament sostnut mill-utent privat li jħallas dan il-prezz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Padawan, EU:C:2010:620, punti 46 u 48, kif ukoll Stichting de Thuiskopie, EU:C:2011:397, punti 27 u 28).

53      Fit-tieni lok, mill-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li s-sistema ta’ ħlas stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat għandha żżomm bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi tal-awturi, benefiċjarji tal-kumpens ġust, minn naħa, u dawk tal-utenti ta’ materjal protett, min-naħa l-oħra.

54      Issa, sistema ta’ ħlas għal kopji privati, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tagħmilx distinzjoni, fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens ġust dovut lill-benefiċjarji tagħha, bejn is-sitwazzjoni fejn is-sors li minnu ssir riproduzzjoni għal użu privat huwa legali u dik fejn dan is-sors huwa illegali, ma tosservax il-bilanċ ġust invokat fil-punt preċedenti.

55      Fil-fatt, f’tali sistema, id-dannu kkawżat, u għalhekk l-ammont tal-kumpens ġust dovut lill-benefiċjarji, huwa kkalkolat abbażi tal-kriterju ta’ dannu kkawżat lill-awturi kemm mir-riproduzzjonijiet għal użu privat, imwettqa minn sors legali, kif ukoll mir-riproduzzjonijiet imwettqa minn sors illegali. L-ammont hekk ikkalkolat huwa sussegwentement, definittivament, trażmess fil-prezz li l-utenti ta’ materjal protett iħallsu fil-mument tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom ta’ attrezzaturi, tagħmir u mezzi li jippermettu t-twettiq ta’ kopji privati.

56      F’dan is-sens, l-utenti kollha li jixtru tali attrezzaturi, tagħmir jew mezzi huma indirettament ippenalizzati peress li, billi jġorru l-oneru tal-ħlas iffissat indipendentement min-natura legali jew illegali tas-sors li minnu twettqu tali riproduzzjonijiet, huma neċessarjament jikkontribwixxu għall-kumpens għad-dannu kkawżat mir-riproduzzjonijiet għal użu privat minn sors illegali li ma humiex awtorizzati mid-Direttiva 2001/29 u b’dan il-mod huma obbligati li jassumu spiża supplimentari importanti sabiex ikunu jistgħu jagħmlu kopji privati koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tagħha.

57      Issa, tali sitwazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tissodisfa r-rekwiżit ta’ bilanċ ġust li għandu jinsab bejn, minn naħa, id-drittijiet u l-interessi tal-benefiċjarji tal-kumpens ġust u, min-naħa l-oħra, dawk tal-imsemmija utenti.

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, moqri flimkien mal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tagħmilx distinzjoni bejn is-sitwazzjoni fejn is-sors li minnu ssir riproduzzjoni għal użu privat huwa legali u dik fejn dan is-sors huwa illegali.

 Fuq it-tielet domanda

59      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2004/48 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tista’ tapplika għal proċedura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-persuni suġġetti għal ħlas tal-kumpens ġust jitolbu lill-imsemmija qorti tiddeċiedi kontra l-organizzazzjoni inkarigata mill-ġbir u bit-tqassim ta’ dan il-kumpens bejn id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, li qed tiddefendi ruħha kontra din it-talba.

60      Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2004/48 hija intiża, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, li tiżgura r-rispett tad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali permezz tal-istabbiliment, għal dan il-għan, ta’ diversi miżuri, proċeduri u rimedji fi ħdan l-Istati Membri.

61      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48 ma humiex intiżi li jirregolaw l-aspetti kollha marbuta mad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali, iżda biss dawk li huma inerenti minn naħa, għar-rispett ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, għal-ksur tal-imsemmija drittijiet, billi jimponu l-eżistenza ta’ rimedji effettivi intiżi li jipprevjenu, jitterminaw jew jirrimedjaw kwalunkwe ksur ta’ dritt għall-proprjetà intellettwali eżistenti. (ara s-sentenza Bericap Záródástechnikai, C‑180/11, EU:C:2012:717, punt 75).

62      Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/48 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tagħha jillimitaw ruħhom li jiżguraw ir-rispett tad-diversi drittijiet li jibbenefikaw minnhom il-persuni li jkunu kisbu drittijiet għall-proprjetà intellettwali, jiġifieri, id-detenturi ta’ tali drittijiet, u ma għandhomx jiġu interpretati bħala li huma intiżi li jirregolaw id-diversi miżuri u proċeduri disponibbli għal persuni li ma humiex personalment detenturi ta’ tali drittijiet, u li ma jirrigwardawx unikament ksur ta’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bericap Záródástechnikai, EU:C:2012:717, punt 77).

63      Issa, proċedura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-portata ta’ sistema tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata u l-impatt tagħha fuq il-ġbir u t-tqassim tal-kumpens ġust li għandu jitħallas mill-importaturi u/jew mill-manifatturi ta’ mezzi verġni, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, ma għandiex bħala oriġini azzjoni mressqa minn detenturi tad-dritt intiża li tipprevjeni, twaqqaf jew tirrimedja kull ksur tad-dritt għall-proprjetà intellettwali eżistenti, iżda azzjoni mressqa minn operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-kumpens ġust li huma obbligati jħallsu.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttiva 2004/48 ma hijiex applikabbli.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li d-Direttiva 2004/48 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax għal proċedura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-persuni suġġetti għal ħlas tal-kumpens ġust jitolbu lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi kontra l-organizzazzjoni inkarigata mill-ġbir u mit-tqassim ta’ dan il-kumpens bejn id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, li qed tiddefendi ruħha kontra din it-talba.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, moqri flimkien mal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tagħmilx distinzjoni bejn is-sitwazzjoni fejn is-sors li minnu ssir riproduzzjoni għal użu privat huwa legali u dik fejn dan is-sors huwa illegali.

2)      Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax għal proċedura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-persuni suġġetti għal ħlas tal-kumpens ġust jitolbu lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi kontra l-organizzazzjoni inkarigata mill-ġbir u mit-tqassim ta’ dan il-kumpens bejn id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, li qed tiddefendi ruħha kontra din it-talba.

3)      

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.