Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Awwisu 2023 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-512/23)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla r-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri 1 fl-intier tiegħu;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Repubblika tal-Polonja tqajjem kontra r-Regolament 2023/956 ikkontestat il-motiv tal-ksur tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE minħabba li dan ir-regolament b’mod żbaljat huwa bbażat fuq l-Artikolu 192(1) TFUE minkejja li l-miżuri previsti mill-istess regolament li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (iktar ’il quddiem, is-“CBAM”) jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ta’ natura prinċipalment fiskali.

Fir-regolament ikkontestat ġew introdotti dispożizzjonijiet ta’ taxxa, jew, fi kwalunkwe każ, dispożizzjonijiet fiskali. Fil-fatt, kemm l-għan kif ukoll in-natura tad-dispożizzjonijiet li jintroduċu l-mekkaniżmu CBAM huma prinċipalment fiskali. Id-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat jistabbilixxu imposta pubblika ġdida u jiddeterminaw il-kundizzjonijiet kollha għall-ġbir tagħha. Il-funzjoni fiskali tas-CBAM tingħata preċedenza fuq il-funzjoni ambjentali ta’ din il-miżura. Barra minn hekk b’differenza mis-sistema EU ETS, is-CBAM ma huwiex miżura bbażata fuq is-suq, fejn għalhekk ma humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet identifikati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jipprekludu li miżura li hija element tas-sistema EU ETS titqies bħala miżura fiskali.

____________

1 ĠU 2023, L 130, p. 52.