Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Awwissu 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-515/23)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Gattinara u E. Sanfrutos Cano, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet

tiddikjara li, billi naqset milli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2014:251), ir-Repubblika Taljana naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni penalità ta’ kuljum ta’ EUR 122 760, bit-tnaqqis possibbli ikkalkolat bil-formula ta’ tnaqqis proposta, għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ April 2014 fil-Kawża C 85/13, Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2014:251), mid-data tas-sentenza f’din il-kawża u sad-data li fiha s-sentenza tal-10 ta’ April 2014 fil-Kawża C 85/13 Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C: 2014:251) tiġi eżegwita;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa ta’ kuljum ta’ EUR 13 640, bit-tnaqqis possibbli ikkalkolat bil-formula ta’ tnaqqis proposta, f’ammont totali minimu ta’ EUR 9 548 000, mid-data tas-sentenza tal-10 ta’ April 2014; fil-Kawża C 85/13, Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2014:251) u sad-data tas-sentenza f’din il-kawża jew sad-data tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-10 ta’ April 2014 fil-Kawża C 85/13, Il-Kummissjoni vs L-Italja (EU:C:2014:251), fejn tali data ta’ eżekuzzjoni tkun qabel id-data tas-sentenza tal-kawża preżenti;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni beda proċeduri legali skont l-Artikolu 260(2) TFUE minħabba n-nuqqas persistenti ta’ konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C 85/13, EU:C:2014:251.

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Kawża C 85/13, il-Kummissjoni tfakkar fl-ewwel lok li, sal-lum, l-Italja ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li, fl-agglomerazzjonijiet kollha koperti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C 85/13 b’popolazzjoni ekwivalenti (‘e.p.’) ta’ iktar minn 10 000 abitant, l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir huwa suġġett għal, qabel ir-rimi, trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti, f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271/KEE. 1 B’mod partikolari, il-ksur tal-Artikolu 4 tad-direttiva jippersisti fl-agglomerazzjonijiet ta’ Castellammare del Golfo I, Cinisi, Terrasini (Reġjun Sicilia) u ta’ Courmayeur (Valle d'Aosta).

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Italja ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li, fl-agglomerazzjonijiet kollha koperti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C 85/13, b’popolazzjoni ta’ iktar minn 10 000 e.p. u li fiha l-ilma mormi urban jintrema f’ilmijiet riċeventi meqjusa bħala “żoni sensittivi” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-direttiva, jiġifieri, Castellammare del Golfo I, Cinisi, Terrasini u Trappeto, l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir hija suġġetta għal, qabel ir-rilaxx, trattament iktar strett minn trattament sekondarju jew ekwivalenti, f’konformità mal-Artikolu 5 tad-direttiva.

Fit-tielet u l-aħħar lok, skont il-Kummissjoni, l-Italja ma ħaditx il-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura li l-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi fl-agglomerazzjonijiet kollha koperti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C 85/13 u mibnija sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fid-direttiva, jiġu ddisinjati, mibnija, imħaddma u miżmuma b’mod li jiżguraw prestazzjoni suffiċjenti taħt il-kundizzjonijiet klimatiċi lokali normali kollha u li l-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi jiġu ddisinjati b’mod li jqis il-varjazzjonijiet staġjonali tat-tagħbija, u b’hekk jikser l-Artikolu 10 tad-direttiva.

Fir-rigward tal-penalitajiet finanzjarji skont l-Artikolu 260(2) TFUE, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex il-Kummissjoni tirċievi l-ħlas kemm ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 122 760, bi tnaqqis possibbli minħabba l-possibbiltà ta’ preżenza ta’ agglomerazzjonijiet li sadanittant jilħqu jikkonformaw, għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-10 ta’ April 2014 fil-Kawża C 85/13, mid-data tas-sentenza f’din il-kawża u sad-data li fiha s-sentenza fil-Kawża C 85/13 tkun; ġiet eżegwita, u ħlas ta’ somma f’daqqa fuq il-bażi ta’ ammont ta’ kuljum ta’ EUR 13 640, fl-ammont minimu totali ta’ EUR 9 548 000.

B’mod partikolari, għall-kalkolu finali tas-somma f’daqqa li għandha titħallas mir-Repubblika Taljana, l-ammont ta’ kuljum għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem ta’ ksur kontinwu, jiġifieri n-numru ta’ jiem li jgħaddu bejn is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ April 2014 fil-Kawża C 85/13 u d-data tas-sentenza mogħtija f’din il-kawża jew, jekk isseħħ qabel, id-data tal-eżekuzzjoni mir-Repubblika Taljana tas-sentenza fil-Kawża C 85/13, mingħajr tnaqqis possibbli minħabba il-possibiltà ta’ preżenza ta' agglomerazzjonijiet li sadattant jilħqu jikkonformaw.

____________

1     Direttiva tal-Kunsill ta’ l-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi (U Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26).